- 1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
- 2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
- 3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
- 4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
- 5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
- 6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
- 7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
- 8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
- 9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
- 10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
- 11 Nista' nitlob għajnuna legali?
- 12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
- 13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?
Għal tweġiba għal din il-mistoqsija, ara wkoll it-taqsima: “Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim – Is-Slovakkja”
Mhux it-tilwimiet kollha neċessarjament iridu jiġu indirizzati fil-qorti. Il-partijiet għandhom l-ewwel jipprovaw jilħqu ftehim bonarju u jsibu kompromess aċċettabbli għaż-żewġ partijiet. Alternattiva oħra hija li tilwima tissolva permezz ta’ medjazzjoni. Medjazzjoni hija attività barra l-qorti fejn il-persuni involuti fil-medjazzjoni jsolvu t-tilwima tagħhom, li tirriżulta mir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom jew minn relazzjoni legali oħra, bl-assistenza ta’ medjatur. Huwa rrakkomandat li l-partijiet jirrikorru għal qorti biss ladarba jkunu eżawrew il-metodi alternattivi kollha ta’ soluzzjoni tat-tilwim, jew fil-każijiet meta l-objettiv ikun li tinkiseb definizzjoni preċiża tal-pożizzjoni tal-partijiet, tad-drittijiet tagħhom u tar-responsabbiltà reċiproka.
F’ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-Att dwar l-Arbitraġġ (zákon o rozhodcovskom konaní), kif emendat, tribunal tal-arbitraġġ jista’ jiddeċiedi f’kawżi li jappartjenu għal:
a) soluzzjoni ta’ tilwimiet fuq proprjetà li jirriżultaw minn relazzjonijiet ċivili u kummerċjali domestiċi u internazzjonali, jekk il-post tal-arbitraġġ ikun fir-Repubblika Slovakka;
b) rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ domestiċi u barranin fir-Repubblika Slovakka.
Jekk it-tip ta’ tilwima soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji jkun wieħed li l-Att dwar l-Arbitraġġ ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jaqblu, fil-qorti jew barra l-qorti, li jipproċedu b’arbitraġġ. Dan il-ftehim irid jinkludi ftehim ta’ arbitraġġ. Ftehim ta’ dik ix-xorta mogħti lil qorti għandu l-effett ta’ rtirar tal-pretensjoni u tal-kunsens tal-konvenut għal dak l-irtirar, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili (Civilný sporový poriadok, KPKĊ).
2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili, dritt jiġi preskritt jekk ma jkunx ġie eżerċitat fil-perjodu stabbilit mil-liġi. It-termini għall-preżentata ta’ pretensjoni jvarjaw skont il-każ.
Il-perjodi ta’ limitazzjoni statutorji huma stabbiliti mil-liġi. Il-perjodu ta’ limitazzjoni ġenerali huwa ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri mill-mument meta jkun jista’ jiġi eżerċitat għall-ewwel darba d-dritt.
Il-qorti tagħti attenzjoni biss lil dak id-dritt li jkun ġie preskritt skont il-liġi fuq suġġeriment tad-debitur. Jekk id-debitur joġġezzjona li d-dritt jiġi preskritt skont il-liġi, id-dritt preskritt skont il-liġi ma jkunx jista’ jingħata lill-kreditur.
3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?
Ara t-taqsima: “F’liema qorti nista’ nressaq pretensjoni? - Is-Slovakkja”
L-awtorità tal-qrati li jiddeliberaw fuq materja partikolari hija stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea – regolamenti, konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali internazzjonali u, fin-nuqqas tagħhom, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-konflitt tal-liġijiet.
Ir-regoli li jirregolaw l-awtorità tal-qrati Slovakki huma stabbiliti, fil-livell nazzjonali, mill-Att Nru 97/1963, dwar id-dritt proċedurali u privat internazzjonali (Zákon č. 97/1963 Zb. o medzinárodnom práve súkromnom a procesnom). Ir-regola fundamentali tgħid li l-qrati Slovakki jkollhom ġuriżdizzjoni jekk il-persuna li sottomissjoni (pretensjoni) tiġi indirizzata kontriha jkollha r-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Repubblika Slovakka, jew, fil-każ tad-drittijiet ta’ proprjetà, jekk hija jkollha proprjetà fil-pajjiż. Dispożizzjonijiet oħrajn jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li il-qrati Slovakki għandhom ġuriżdizzjoni soġġetti għalihom. Fir-relazzjonijiet kuntrattwali, il-partijiet jistgħu jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni permezz ta’ ftehim. F’ċerti każijiet, il-qrati Slovakki jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva, pereżempju, fi proċedimenti relatati ma’ drittijiet in rem fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fir-Repubblika Slovakka, jew fi proċedimenti relatati mar-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ privattivi, trademarks, disinji u drittijiet oħrajn.
4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?
Ara t-taqsima: “F’liema qorti nista’ nressaq pretensjoni? - Is-Slovakkja”
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili, hija l-qorti ordinarja tal-parti li l-pretensjoni hija indirizzata kontriha (il-konvenut) li għandha l-ġuriżdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor. Il-qorti ordinarja għal individwu (ċittadin) hija l-qorti li dak iċ-ċittadin ikollu r-residenza tiegħu fid-distrett tagħha u, jekk huwa ma jkollux residenza, tkun tad-distrett fejn jgħix; il-qorti ordinarja għal entità ġuridika hija l-qorti li l-entità ġuridika jkollha s-sede rreġistrata tagħha fid-distrett tagħha u, fil-każ ta’ entità ġuridika barranija, il-qorti li l-unità organizzattiva tal-entità tinsab fid-distrett tagħha. Il-qorti ordinarja għall-Istat hija l-qorti li iċ-ċirkostanza li wasslet sabiex jintalab id-dritt seħħet fid-distrett tagħha. Il-qorti ordinarja f’materji kummerċjali hija l-qorti li l-konvenut ikollu s-sede rreġistrata tiegħu fid-distrett tagħha u, jekk huwa ma jkollu ebda sede rreġistrata, il-qorti li huwa jkun involut f’attivitajiet ta’ negozju fid-distrett tagħha. Jekk il-konvenut ma jkollu ebda post tan-negozju, il-qorti ordinarja tiegħu tkun il-qorti li l-konvenut ikollu r-residenza tiegħu fid-distrett tagħha.
5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?
Ara t-taqsima: “F’liema qorti nista’ nressaq pretensjoni? - Is-Slovakkja”
Ir-regola fundamentali għad-determinazzjoni tal-ġuriżdizzjoni sostantiva hija stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili. Bħala regola, fil-prim’istanza, hija qorti distrettwali (okresný súd) li għandha l-ġuriżdizzjoni. Qorti reġjonali (krajský súd) tiddeċiedi biss bħala qorti tal-prim’istanza f’kawżi speċifiċi, pereżempju, f’tilwimiet li jappartjenu lil pajjiż terz jew lil persuni li jgawdu immunità diplomatika u prerogattivi, jekk it-tilwimiet jaqgħu taħt l-awtorità tal-qrati tar-Repubblika Slovakka. L-Att Nru 371/2004, dwar is-sede u d-distretti tal-qrati fir-Repubblika Slovakka (Zákon č. 371/2004 Z. z. o sídlach a obvodoch súdov Slovenskej republiky) jirregola l-ġuriżdizzjoni tal-qrati tar-reġistru, tal-qrati tal-falliment u tal-qrati tal-kompożizzjoni, tal-qrati tal-kambjala u taċ-ċekkijiet, tal-qrati li jiddeċiedu dwar kawżi relatati mal-protezzjoni ta’ oġġetti ta’ protezzjoni industrijali u l-protezzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta, tal-qorti li tisma’ proċedimenti relatati ma’ tranżazzjonijiet fil-borża, tal-qorti responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-kura għall-minuri u tal-qorti responsabbli għall-għajnuna legali f’każijiet ta’ ħtieġa finanzjarja.
L-ammont inkwistjoni ma għandu ebda effett fuq liema qorti fir-Repubblika Slovakka jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi fuq materja partikolari.
6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?
Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex obbligatorja fil-proċeduri ċivili fir-Repubblika Slovakka.
Il-liġi tippermetti r-rappreżentanza minn avukat f’tipi ta’ proċedura magħżula, pereżempju, f’materji ta’ falliment, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, imġiba kompetittiva inġusta, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u fi proċedimenti ta’ appell straordinarji (l-Artikolu 420 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili).
7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 125 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili, sottomissjoni tista’ ssir biss bil-miktub, fuq karta jew f’forma elettronika. Sottomissjoni magħmula f’forma elettronika sussegwentement trid tintbagħat f’forma stampata fi żmien 10 ijiem, inkella s-sottomissjoni tiġi injorata. Sottomissjoni magħmula fuq karta trid tiġi ppreżentata fin-numru meħtieġ ta’ kontropartijiet.
8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?
Minħabba li l-partijiet igawdu pożizzjoni ugwali fil-proċedura ġudizzjarja ċivili, mhuwiex meħtieġ li pretensjoni tiġi ppreżentata bil-lingwa Slovakka. Il-partijiet huma intitolati li jaġixxu quddiem qorti bil-lingwa materna tagħhom jew b’lingwa oħra li huma jifhmu. Il-qorti hija obbligata li tiżgura li huma jkollhom opportunitajiet indaqs biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jiġifieri li jkollhom ukoll traduzzjoni u interpretazzjoni. Sottomissjoni tista’ ssir bil-miktub, fuq karta jew f’forma elettronika.
9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?
Ma hemm ebda formola preskritta għall-preżentata ta’ azzjoni (rikors għall-bidu tal-proċedimenti).
Ir-rekwiżiti ġenerali huma stabbiliti fl-Artikolu 127 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili. It-talba trid tkun iffirmata u tindika b’mod ċar lil liema qorti hija indirizzata, min qiegħed jippreżentaha, għal liema materja tappartjeni u x’qiegħda tfittex. Sottomissjoni trid tiġi ppreżentata bin-numru meħtieġ ta’ kontropartijiet u appendiċi, b’tali mod li kontroparti waħda tibqa’ fil-qorti u kull parti tirċievi kontroparti waħda u appendiċi, kif meħtieġ. Jekk parti tonqos milli tippreżenta n-numru meħtieġ ta’ kontropartijiet u appendiċi, il-qorti tagħmel kopji tagħhom aspejjeż tal-parti. Jekk tkun involuta kawża li għadha għaddejja, id-dettalji meħtieġa jinkludu n-numru tal-fajl tal-kawża.
Minbarra r-rekwiżiti ġenerali, it-talba għandha tiddikjara l-ismijiet u l-kunjomijiet u, jekk possibbli, anki d-data tat-twelid, in-numru tat-telefon u l-indirizz tar-residenza tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom; informazzjoni dwar il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom; deskrizzjoni ġenwina tal-fatti deċiżivi u indikazzjoni tal-prova li l-attur qed jibbaża fuqha; u tagħmilha ċara x’qiegħed ifittex l-attur. Jekk parti tkun entità ġuridika, it-talba trid tiddikjara l-isem jew l-isem tal-kumpanija, l-uffiċċju rreġistrat u n-numru ta’ identifikazzjoni, jekk ikun ġie assenjat wieħed. Jekk parti tkun entità barranija, trid tiġi mehmuża silta minn reġistru jew xi reġistru ieħor li fih tkun irreġistrata l-entità barranija mal-pretensjoni. Jekk individwu involut f’attivitajiet ta’ negozju jkun parti, it-talba trid tiddikjara l-isem tal-kumpanija, is-sede rreġistrata u n-numru ta’ identifikazzjoni, jekk ikun ġie assenjat wieħed. Jekk l-Istat ikun parti, it-talba trid tiddikjara indikazzjoni tal-Istat u tal-awtorità tal-Istat rilevanti li se tirrappreżenta lill-Istat.
Sabiex il-proċeduri tal-qorti jsiru aktar flessibbli u sabiex tingħata assistenza lill-partijiet fil-proċedimenti, is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky) jagħti eżempji (formoli) ta’ talbiet partikolari għall-bidu tal-proċedimenti. Huwa possibbli li tniżżel eżempju u timlieh. Formola tidderieġi b’mod preċiż lill-attur għall-entrati li jridu jimtlew. Formola mimlija tista’ tintbagħat mhux iffirmata jew iffirmata b’firma elettronika ċċertifikata bl-użu ta’ ċertifikat iċċertifikat. Jekk l-attur jibgħat sottomissjoni mingħajr firma elettronika ċċertifikata, huwa obbligat li jissupplimenta din is-sottomissjoni b’sottomissjoni fuq karta.
10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?
Il-preżentata ta’ talba hija soġġetta għall-ħlas ta’ tariffa tal-qorti. Tariffa tal-qorti trid titħallas mill-parti li tippreżenta t-talba (l-attur/ir-rikorrent), sakemm l-obbligu tiegħu li jħallas it-tariffa tal-qorti ma jkunx ġie rrinunzjat fuq talba tiegħu jew jekk huwa jkun eżentat mill-ħlas tagħhom bil-liġi. L-ammont tat-tariffa huwa stabbilit mill-iskeda tat-tariffi tal-qorti, li tikkostitwixxi anness għall-Att Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti u tariffa għal silta mir-reġistru kriminali (Zákon č. 71/1992 Zb. o súdnych poplatkoch a poplatku za výpis z registra trestov). L-ammont tat-tariffa jiġi ddikjarat fl-iskeda tat-tariffi, bħala perċentwal minn bażi ta’ tariffi, jew bħala somma fissa. Għandha titħallas tariffa tal-qorti mal-preżentata ta’ pretensjoni. Jekk tariffa pagabbli ma tkunx tħallset mal-preżentazzjoni ta’ rikors għall-bidu tal-proċedimenti, il-qorti titlob lil min għandu jħallas sabiex iħallas it-tariffa sa data ta’ skadenza stabbilita mill-qorti, ġeneralment għaxart ijiem min-notifika tat-talba; jekk, minkejja t-talba, it-tariffa tibqa’ ma titħallasx fit-terminu stabbilit, il-qorti tissospendi l-proċedimenti. Min iħallas irid jiġi infurmat fit-talba dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas tat-tariffa.
Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex obbligatorja fil-proċeduri ċivili fir-Repubblika Slovakka.
11 Nista' nitlob għajnuna legali?
Ara t-taqsima: “Għajnuna Legali – Is-Slovakkja”.
12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?
Azzjoni titqies bħala li tressqet dakinhar li tiġi ppreżentata fil-qorti. Il-qorti tipprovdi konferma lill-attur li l-azzjoni tiegħu tressqet u ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-qorti.
13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?
Qorti titlob lill-parti sabiex tissupplimenta jew tikkoreġi sottomissjoni skorretta, inkompleta jew inkomprensibbli f’terminu li jiġi stabbilit mill-qorti, iżda li ma jridx ikun iqsar minn għaxart ijiem. Sottomissjonijiet oħrajn li l-kontenut tagħhom ma jipprovdix id-dettalji meħtieġa għal azzjoni għall-bidu tal-proċedimenti, jekk ma jiġux ikkoreġuti jew supplimentati kif xieraq, jiġu injorati mill-qorti.
Il-partijiet u r-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jikkonsultaw fajl ta’ kawża fil-qorti u jagħmlu siltiet, kopji u fotokopji tiegħu, jew inkella jistgħu jitolbu lill-qorti tagħmel fotokopji għalihom, a spejjeż tagħhom.
Fit-tħejjija għal seduta ta’ smigħ, il-qorti tinnotifika rikors għall-bidu tal-proċedimenti (azzjoni) lill-intimat (konvenut), flimkien ma’ kontroparti tal-pretensjoni u l-appendiċi tagħha. Din in-notifika ssir personalment u l-partijiet iridu jingħataw struzzjonijiet xierqa. Il-qorti tibgħat id-dikjarazzjoni tal-intimat lill-pretendent mingħajr dewmien. Jekk tkun meħtieġa min-natura tal-materja jew miċ-ċirkostanzi tal-każ, qorti tista’ tobbliga lill-intimat, permezz ta’ riżoluzzjoni, sabiex jipprovdi d-dikjarazzjoni bil-miktub tiegħu dwar il-materja u, f’każ li ma jaqbilx kompletament mal-pretensjoni, jiddikjara fid-dikjarazzjoni tal-fatti tiegħu dawk il-fatti li huma deċiżivi għad-difiża tiegħu, jehmeż id-dokumenti li qed jappella kontrihom u jidentifika l-prova sabiex jiddokumenta l-pretensjonijiet tiegħu. Il-qorti tistabbilixxi terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni.
Sakemm il-Kodiċi tal-Proċedura Kontenzjuża Ċivili jew regolament speċifiku ieħor ma jistabbilix mod ieħor, qorti tordna seduta ta’ smigħ dwar il-materja inkwistjoni, sabiex tiddelibera dwar il-materja, li hija tħarrek lill-partijiet u lil parteċipanti oħrajn li l-preżenza tagħhom hija meħtieġa għaliha.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.