Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Id-dritt internazzjonali privat Awstrijak ġie kkodifikat, primarjament fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Gesetz über das internationale Privatrecht – IPR-Gesetz) tal-15 ta’ Ġunju 1978, BGBl. Nru 304/1978. Id-dispożizzjonijiet dwar il-konflitt tal-liġijiet jinsabu f’liġijiet oħrajn apparti mill-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (taħt, IPRG):

  • L-Artikolu 13a tal-Att Federali tat-8 ta’ Marzu1979 li jadotta dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur (l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur– KSchG) (Bundesgesetz vom 8. März 1979, mit dem Bestimmungen zum Schutz der Verbraucher getroffen werden (Konsumentenschutzgesetz - KSchG)), BGBl. Nru 140/1979
  • L-Artikolu 11 tal-Att Federali dwar ix-xiri tad-dritt li beni immobbli jintużaw fuq bażi timeshare (l-Att Timeshare – TNG) (Bundesgesetz über den Erwerb von Teilzeitnutzungsrechten an unbeweglichen Sachen (Teilzeitnutzungsgesetz – TNG)), BGBl. I Nru 32/1997
  • L-Artikolu 20 tal-Att Federali li jimplimenta d-Direttiva 93/7/KEE fuq ir-ritorn ta’ oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea (Bundesgesetz zur Umsetzung der Richtlinie 93/7/EWG über die Rückgabe von unrechtmäßig aus dem Hoheitsgebiet eines Mitgliedstaates der Europäischen Gemeinschaft verbrachten Kulturgütern), BGBl. I Nru 67/1998
  • L-Artikolu 23 tal-Att Federali dwar l-imputabilità ċivili għal ħsara kkawżata mir-radjoattività (Att dwar l-Imputabilità Nukleari 1999 – AtomHG 1999) (Bundesgesetz über die zivilrechtliche Haftung für Schäden durch Radioaktivität (Atomhaftungsgesetz 1999 – AtomHG 1999)), BGBl. I Nru 170/1998
  • L-Artikoli 16 u 18 tal-Att Federali dwar il-finalità tas-saldu fis-sistemi ta’ pagamenti u saldu tat-titoli (Att dwar il-Finalità tas-Saldu) (Bundesgesetz über die Wirksamkeit von Abrechnungen in Zahlungs- sowie Wertpapierliefer und -abrechnungssystemen (Finalitätsgesetz)), BGBl. I Nru 98/2001
  • L-Artikoli 221 sa 235 tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza (Insolvenzordnung)

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

L-Artikolu 53 IPRG jiddikjara li ma jaffettwax ftehimiet internazzjonali, li mhux biss jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, iżda wkoll fuq regoli nazzjonali dwar il-konflitt tal-liġijiet. Il-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li ġejjin, li l-Awstrija hija parti minnhom, fihom regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet:

  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment lejn it-tfal
  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar is-Setgħat tal-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fil-qasam tal-Protezzjoni tal-Minorenni
  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji
  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku
  • Il-Konvenzjoni CIEC tal-20 ta’ Settembru 1970 dwar il-leġittimazzjoni permezz taż-żwieġ sussegwenti
  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri tal-protezzjoni tat-tfal
  • Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-13 ta’ Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti
  • Il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

It-trattati bilaterali li ġejjin fihom regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet:

  • It-Trattat ta’ Ħbiberija u Residenza tad-9 ta’ Settembru 1959 bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Imperu tal-Iran
  • It-Trattat tas-16 ta’ Diċembru 1954 bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Popolari Federali tal-Jugoslavja dwar relazzjonijiet legali reċiproċi
  • It-Trattat tal-11 ta’ Diċembru 1963 bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Popolari tal-Polonja dwar ir-relazzjonijiet reċiproċi fi kwistjonijiet u dokumentazzjoni tad-dritt ċivili

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Id-dritt barrani huwa applikabbli uffiċjalment u fil-qasam oriġinali tal-applikazzjoni tiegħu (l-Artikolu 3 IPRG).

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Skont l-Artikolu 5 IPRG, għandu jkun hemm konformità mar-rinviju sakemm ma ssirx referenza partikolari għal-dritt sostantiv tal-Istat l-ieħor. Jekk il-liġi barranija tirreferi lura għad-dritt Awstrijak, allura d-dritt Awstrijak ikun deċiżiv. Jekk il-liġi barranija tirreferi għal liġi li għaliha diġà tkun saret referenza, il-dritt applikabbli jkun dak li għalih tkun saret referenza l-ewwel.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Il-bidliet sussegwenti fil-kundizzjonijiet li huma deċiżivi għall-konnessjoni ma’ ordinament ġuridiku speċifiku normalment ma jaffettwawx l-elementi ta’ kawża li diġà jkunu ġew solvuti (l-Artikolu 7 IPRG), għalkemm ċerti regoli speċifiċi dwar il-konflitt tal-liġijiet jinkludu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Fil-prinċipju, id-dritt deċiżiv għal kwistjonijiet li diġà jkunu ġew konklużi jkun id-dritt applikabbli fil-ħin li dawk il-kwistjonijiet inqalgħu, u d-dritt deċiżiv għal kwistjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx riżolti huwa d-dritt applikabbli fil-ħin li tkun qed tinqata’ s-sentenza.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Id-dritt li ssir riferenza għalih ma jkunx applikabbli jekk l-applikazzjoni tiegħu jkollha tipproduċi riżultat li jkun inkompatibbli mal-valuri fundamentali tal-ordinament ġuridiku Awstrijak (l-Artikolu 6 IPRG).

Skont id-dritt Awstrijak, hemm dispożizzjonijiet li huma applikabbli irrispettivament mir-regoli tad-dritt internazzjonali privat (regoli obbligatorji). Għal xi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-karattru tagħhom ta’ regoli obbligatorji jinbet mill-għażla tal-kliem tagħhom, f’oħrajn sempliċiment mill-iskop tal-liġi.

Regoli obbligatorji qegħdin stipulati, pereżempju, fl-Artikoli 7, 7a u 7b tal-Att li jemenda l-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol (Arbeitsvertragsrechts-AnpassungsgesetzAVRAG) u jipprevedu li, irrispettivament mid-dritt applikabbli, il-ħaddiema Awstrijaċi huma intitolati għal tal-anqas il-pagi negozjati minn ftehim kollettiv u l-btala minima. Regola obbligatorja ulterjuri hija prevista fl-Artikolu 13a(2) KSchG, skont liema l-Artikolu 6 KSchG (dwar klawżoli tal-kuntratt inammissibbli), l-Artikolu 864a tal-Kodiċi Ċivili (ABGB) (dwar il-validità ta’ provvedimenti insoliti f’termini ġenerali tan-negozju u forom ta’ kuntratti) u l-Artikolu 879(3) ABGB (dwar in-nullità ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali f’termini ġenerali tan-negozju u forom tal-kuntratti li jippreġudikaw il-protezzjoni tal-konsumatur b’mod gross) huma deċiżivi, irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratt, jekk il-kuntratt ġie konkluż b’rabta ma’ attività li saret mill-operatur tas-suq fl-Awstrija bl-għan li jikkonkludi tali kuntratti.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Id-dritt barrani huwa soġġett li jiġi stabbilit b’mod uffiċjali. Għal dan il-għan, il-qorti tista’ tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-partijiet, fuq informazzjoni mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jew fuq rapporti esperti. Jekk, minkejja sforzi konsiderevoli, ma tkunx kapaċi tipprova d-dritt barrani fi żmien raġonevoli, japplika d-dritt Awstrijakk (l-Artikolu 4 IPRG).

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Obbligi kuntrattwali li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177 tal-4 ta’ Lulju 2008, p. 6, għandhom jiġu ġġudikati skont l-għażla tal-liġi applikabbli espressament jew konklużivament speċifikata mill-partijiet. Jekk ma tkun saret l-ebda għażla tal-liġi applikabbli, id-dritt deċiżiv ikun dak tal-Istat tar-residenza abitwali (stabbiliment) tal-parti li twettaq is-servizz li jkun karatteristika tal-kuntratt (l-Artikolu 35 IPRG).

Regoli speċjali dwar il-konflitt ta’ liġijiet japplikaw għal kuntratti konklużi minn konsumaturi. Ir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet previsti f’għadd ta’ direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur huma trasposti fl-Artikolu 13a(1) tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrestrinġi l-libertà tal-għażla tad-dritt biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Drittijiet mhux kuntrattwali biex jiġu mitluba d-danni li mhumiex koperti mir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar id-dritt applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II – ĠU L 199 tal-31 ta’ Lulju 2007, p. 40) għandhom jiġu ġġudikati skont l-għażla tad-dritt murija espressament jew konklużivament mill-partijiet. Jekk ma tkun saret l-ebda għażla ta' dritt applikabbli, id-dritt deċiżiv huwa dak tal-Istat li fih tkun saret l-imġiba li tkun wasslet għad-danni. Madankollu, jekk għall-partijiet ikkonċernati jkun hemm rabta ikbar mad-dritt ta’ Stat differenti uniku, allura d-dritt ta’ dak l-Istat ikun deċiżiv (l-Artikolu 48 IPRG).

Din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet tiddetermina d-dritt applikabbli għall-kwistjoni ta’ jekk obbligazzjoni għad-danni tfaċċatx, min hu responsabbli għad-danni u l-ammonti pagabbli. Tinkludi wkoll kwistjonijiet ta’ negliġenza kontributorja u l-pretensjoni diretta tal-parti li tkun saritilha d-dannu kontra l-assiguratur, kif ukoll il-perijodu ta’ preskrizzjoni għall-pretensjonijiet għad-danni.

Id-drittijiet li jintalab kumpens li jirriżulta minn inċidenti tat-traffiku, li jaqgħu taħt l-ambitu tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku, għandhom jiġu konnessi skont din il-Konvenzjoni.

Drittijiet mhux kuntrattwali li jintalbu d-danni li jkunu nibtu fl-Awstrija b’riżultat ta’ radjazzjoni jonizzanti għandhom, fuq talba tal-parti li saritilha l-ħsara, jiġu ġġudikati skont id-dritt Awstrijakk (l-Artikolu 23(1) AtomHG 1999). Jekk il-ħsara kkawżata mir-radjazzjoni jonizzanti sseħħ barra u għandha tiġi ġġudikata skont id-dritt Awstrijakk, il-kumpens għad-danni għandu jingħata biss u sal-punt li l-istatus personali tal-parti offiża jiddisponi (l-Artikolu 23(2) AtomHG 1999).

Liema liġi tapplika għal negotiorum gestio jew għal pretensjonijiet li joriġinaw minn arrikkiment indebitu huwa rregolat mir-Regolament Ruma II.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

L-istatus personali ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tagħha. Jekk persuna jkollha iktar minn nazzjonalità waħda, id-dritt deċiżiv ikun dak tal-Istat li miegħu dik il-persuna jkollha l-eqreb rabta; madankollu, iċ-ċittadinanza Awstrijaka dejjem tieħu preċedenza. Għar-refuġjati u l-persuni mingħajr Stat, l-istatus personali huwa rregolat mid-dritt tal-Istat tar-residenza abitwali tagħhom (l-Artikolu 9 IPRG).

Id-dritt ta’ persuna li jkollha isem għandu jiġi ġġudikat skont l-istatus personali tagħha, tkun xi tkun ir-raġuni li abbażi tagħha t-teħid ta’ isem ikun se jsir (l-Artikolu 13 IPRG).

L-isem wara ż-żwieġ, pereżempju, għaldaqstant m’għandux jiġi ġġudikat skont l-istat ċivili iżda skont l-istatus tal-isem. L-istatus formali ġenerali ta’ l-Artikolu 8 IPRG japplika għall-forma ta’ dikjarazzjonijiet ta' deżinjazzjoni tal-isem. (Skont dan, il-forma ta’ att legali għandha tiġi ġġudikata mill-istess liġi tal-att legali nnifsu; madankollu, il-konformità mar-rekwiżiti formali tal-Istat li fih jitwettaq l-att legali hija biżżejjed.) Skont il-każistika, isem li jkun ittieħed taħt status personali preċedenti ma jinbidilx sempliċiment bil-bidla tal-istatus personali (nazzjonalità).

Il-kapaċità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi ta’ persuna wkoll għandhom jiġu ġġudikati abbażi tal-istatus personali ta’ dik il-persuna (l-Artikolu 12 IPRG). Din ir-referenza tinkludi kull restrizzjoni tal-kapaċità li taġixxi, pereżempju b’riżultat ta’ marda mentali, iżda mhux il-kapaċità li persuna tiżżewweġ. Jekk persuna tkun saret adulta, din tibqa’ hekk, saħansitra kieku dan ma jkunx il-każ skont status personali ġdid akkwiżit.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Ir-rekwiżiti ta’ leġittimità ta’ wild u biex din tiġi kkontestata għandhom jiġu ġġudikati skont l-istatus ċivili personali li l-konjugi kellhom fil-waqt tat-twelid tal-wild jew, jekk iż-żwieġ ġie xolt qabel, fil-waqt tax-xoljiment. Jekk il-konjugi jkollhom stati ċivili differenti, l-istatus personali tal-wild fil-waqt tat-twelid huwa deċiżiv. L-ambitu tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet jinkludi wkoll il-preżunzjoni ta’ paternità tar-raġel, ir-raġunijiet li għalihom il-leġittimità qed tiġi kkontestata u wkoll il-kwistjoni ta’ min huwa intitolat jikkontesta l-leġittimità u liema termini preskrittivi japplikaw biex jagħmlu dan.

Ir-rekwiżiti għal-leġittimazzjoni ta’ wild illeġittimu permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ leġittimità (jiġifieri permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika, mhux ta’ żwieġ sussegwenti) għandhom jiġu ġġudikati skont l-istatus personali tal-missier (l-Artikolu 23 IPRG).

Skont il-ftehim ta’ leġittimazzjoni, il-leġittimazzjoni permezz taż-żwieġ sussegwenti tal-ġenituri tkun effettiva jekk dan ikun il-każ skont id-dritt tal-Istat ta’ nazzjonalità tal-missier jew l-omm.

Ir-rekwiżiti biex il-paternità tiġi stabbilita u rikonoxxuta b’rabta ma’ wild illeġittimu għandhom jiġu vvalutati skont l-istatus personali tal-wild fil-waqt tat-twelid. Status personali sussegwenti tal-wild ikun deċiżiv jekk l-istabbiliment jew ir-rikonoxximent ikun permissibbli skont dan l-istatus, iżda mhux skont l-istatus personali fil-waqt tat-twelid. Il-liġi skont liema l-paternità tkun ġiet stabbilita jew rikonoxxuta hija deċiżiva wkoll biex din tiġi kkontestata (l-Artikolu 25 IPRG).

Relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied: L-effetti tal-leġittimità u l-leġittimazzjoni ta’ wild u tal-illeġittimità għandhom jiġu ġġudikati skont l-istatus personali tal-wild. L-Artikoli 24 u 25 IPRG ikopru kwistjonijiet tal-kura u t-trobbija tal-wild, l-amministrazzjoni u l-użu tal-assi tal-wild, ir-rappreżentanza legali minn ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma, inkluż il-bżonn għall-approvazzjoni uffiċjali ta’ ċerti atti ta’ rappreżentanza, kif ukoll, għal ulied leġittimi, ir-riżolviment tal-kustodja wara d-divorzju tal-ġenituri u t-talbiet reċiproċi għal manteniment. Dawn id-dispożizzjonijiet huma fil-biċċa l-kbira tagħhom koperti wkoll mill-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tal-Minorenni tal-1961 f’każijiet fejn din tkun (għadha) fis-seħħ (b’rabta mat-Turkija u l-Macao). Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw id-dritt domestiku tagħhom għal miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni tal-minorenni; l-awtoritajiet fl-Istat ta’ residenza huma ġeneralment kompetenti.

Fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ filjazzjoni, din tiddependi fuq l-istatus personali f’ħin partikolari. Dan mhuwiex il-każ għal kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-wild; li jimporta huwa l-istatus personali rispettiv tal-wild. Jekk l-istatus personali jinbidel, ir-relazzjoni bejn il-ġenitur u l-wild għandha tiġi vvalutata skont l-istatus personali ġdid miż-żmien tal-bidla fl-istatus (il-bidla tal-fatturi ta’ konnessjoni rilevanti, nazzjonalità).

Il-każistika ripetutament ma applikatx regolamenti ta’ kustodja skont ordinamenti ġuridiċi barranin bir-raġuni li dawn kienu jmorru kontra l-ordni pubbliku jekk ma kinux jikkunsidraw l-aħjar interessi tal-minuri.

3.4.2 L-adozzjoni

Taħt l-Artikolu 26 IPRG, il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ wild u għat-terminazzjoni tal-adozzjoni huma bbażati fuq l-istatus personali ta’ kull wieħed mill-ġenituri adottivi. Barra minn hekk, l-istatus personali tal-wild ikun deċiżiv, minkejja li fil-każ tal-ulied li jkunu minorenni, ikun deċiżiv biss sa fejn ikun jipprevedi l-kunsens tal-wild jew ta’ parti terza li jkollha relazzjoni mal-wild skont id-dritt tal-familja. Il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ wild jinkludu pereżempju l-età tal-ġenitur adottiv, id-differenza fl-età bejn il-ġenituri adottivi u l-wild għall-adozzjoni u l-kwistjoni ta’ għaliex u taħt liema kundizzjonijiet l-eżistenza tal-ulied tal-ġenitur adottiv stess tipprojbixxi l-adozzjoni ta’ wild, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit ta’ kunsens, inkluża l-possibbiltà ta’ deċiżjoni uffiċjali xort’oħra dwar il-kunsens miċħud.

L-effetti tal-adozzjoni ta’ wild għandhom ikunu ġġudikati skont l-istatus personali tal-ġenitur adottiv u fil-każ tal-adozzjoni minn konjuġi, skont il-liġi deċiżiva f’termini ta’ regolamentazzjoni tal-effetti legali personali taż-żwieġ. Wara l-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, l-istatus personali tal-konjuġi l-ieħor ikun deċiżiv għal dawn l-effetti.

L-effetti tal-adozzjoni ta’ wild f’termini ta dritt tas-suċċessjoni għandhom ikunu ġġudikati mhux skont l-istatus tal-adozzjoni, iżda skont l-istatus tas-suċċessjoni.

L-adozzjoni ta’ wild bħala tali hija ċirkostanza fattwali konkluża, għaldaqstant il-ġudizzju ma jinbidilx jekk l-istatus personali jew il-fattur ta’ konnessjoni sussegwentement jinbidel. L-istatus ta’ persuna adottata min-natura tiegħu huwa relazzjoni legali permanenti. L-istatus li jkun deċiżiv għall-effetti tal-adozzjoni ta’ wild jista’ għaldaqstant jinbidel: jiddependi mill-istatus personali rispettiv tal-ġenitur adottiv.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

L-għamla ta’ żwieġ fl-Awstrija għandu jkun iġġudikat skont il-liġi tal-Awstrija u l-għamla ta’ żwieġ barra l-pajjiż għandu jkun iġġudikat skont l-istatus personali ta’ kull wieħed mill-għarajjes; madankollu, il-konformità mar-rekwiżiti formali tal-post taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ hija biżżejjed (l-Artikolu 16 IPRG). Ir-referenza limitata għar-rekwiżiti formali tal-post taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tal-liġi msemmija, b’hekk kull rinviju skont il-liġi lokali jkun għaldaqstant irrilevanti (eċċezzjoni mill-Artikolu 5 IPRG).

Ir-rekwiżiti għaż-żwieġ u n-nullità ta’ żwieġ u r-rekwiżiti għall-annullament taż-żwieġ (f’kuntrast mad-divorzju) għandhom ikunu ġġudikati għal kull wieħed mill-għarajjes skont l-istatus personali tagħhom (l-Artikolu 17 IPRG). Madankollu, jekk il-liġi applikabbli għall-istatus personali ta’ wieħed mill-għarajjes jew tat-tnejn li huma ma jkun fiha l-ebda dispożizzjoni dwar iż-żwieġ abbażi tal-ġeneru ta’ wieħed mill-għarajjes jew tat-tnejn li huma, ir-rekwiżiti għaż-żwieġ għandhom jiġu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih iż-żwieġ ikun stabbilit.

Din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet tirrigwarda r-rekwiżiti materjali għaż-żwieġ, bħall-età li tinħtieġ, in-nuqqas ta’ impedimenti għaż-żwieġ, kwalunkwe rekwiżit ta’ kunsens u s-sostitwibbiltà tagħhom.

Skont l-Artikolu 18 IPRG, l-effetti legali personali taż-żwieġ għandhom ikunu ġġudikati skont l-istatus personali komuni tal-konjuġi jew, fin-nuqqas ta’ status personali komuni, skont l-aktar status personali reċenti, jekk wieħed minnhom ikun żammu. Inkella, għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih iż-żewġ konjuġi jirrisjedu abitwalment jew, fin-nuqqas ta’ tali residenza, skont il-liġi tal-Istat li fih iż-żewġ konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom, jekk wieħed minnhom ikun żammha.

L-ambitu ta’ din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet ikopri wkoll l-obbligu tal-komunjoni konjugali, il-konsegwenzi għar-residenza, l-obbligu li tingħata assistenza, kif ukoll id-dritt tal-manteniment ta’ kull konjuġi, iżda mhux il-liġi marbuta mal-użu tal-kunjom taż-żwieġ jew ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Ir-referenza tista’ tinbidel; jekk il-fatturi ta’ konnessjoni jinbidlu, liġi differenti tista’ ssir deċiżiva.

3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

L-Att dwar is-Sħubija Rreġistrata (Gesetz über die eingetragene Partnerschaft) daħħal mill-Artikoli 27a sa 27d fl-IPRG.

Ir-rekwiżiti (kif ukoll l-għamla) tas-sħubija rreġistrata, in-nullità tagħha u x-xoljiment dovut għal ħtija għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih tkun ġiet stabbilita (l-Artikolu 27a IPRG).

Skont l-Artikolu 27b IPRG, l-effetti personali tas-sħubija rreġistrata għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih is-sħab reġistrati jkollhom ir-residenza abitwali komuni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ residenza abitwali komuni, skont il-liġi tal-Istat li fih it-tnejn li huma kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom, jekk wieħed minnhom ikun żammha. Jekk, skont dan, il-liġi tal-Istat ta’ residenza ma tkunx jista’ tiġi applikata jew jekk din il-liġi ma tirregolax l-effett legali personali, l-istatus personali komuni tas-sħab irreġistrati jkun deċiżiv jew, fin-nuqqas ta’ status personali komuni, l-aktar status personali komuni reċenti, jekk ikun inżamm minn wieħed minnhom. Inkella, tkun applikabbli l-liġi tal-Awstrija, u dan ikun il-każ ukoll jekk l-istatus personali ma jirregolax l-effetti legali personali tas-sħubija rreġistrata.

Ir-reġim tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata għandu jiġi ġġudikat skont il-liġi applikabbli sa mid-29 ta’ Jannar 2019 skont ir-Regolament (UE) 2016/1104 dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet irreġistrati.

Ix-xoljiment tas-sħubija rreġistrata li ma jkunx dovut għal ħtija huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li fih is-sħab irreġistrati jkollhom ir-residenza abitwali komuni tagħhom fil-mument tax-xoljiment, jew fin-nuqqas ta’ tali residenza abitwali komuni, skont il-liġi tal-Istat li fih kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom, jekk wieħed minnhom ikun żammha. Jekk, skont dan, il-liġi tal-Istat ta’ residenza ma tkunx jista’ tiġi applikata jew jekk, skont il-każ, is-sħubija rreġistrata ma tkunx tista’ tiġi xolta abbażi tal-fatti miġjuba, l-istatus personali komuni tas-sħab irreġistrati jkun deċiżiv jew, fin-nuqqas ta’ status personali komuni, l-aktar status personali komuni reċenti, jekk ikun inżamm minn wieħed minnhom. Inkella, tkun applikabbli l-liġi tal-Awstrija, u dan ikun il-każ ukoll jekk l-istatus personali ma jippermettix ix-xoljiment tas-sħubija rreġistrata abbażi tal-fatti miġjuba.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Skont l-Artikolu 20 IPRG, l-aspetti tad-divorzju li mhumiex irregolati mir-Regolament Ruma III (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, ĠU L 343 tad-29 ta’ Diċembru 2010, p. 10) (il-konsegwenzi tad-divorzju fuq il-proprjetà) għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi li tkun deċiżiva għall-effetti legali personali taż-żwieġ. Hawnhekk huwa sinifikanti l-waqt tad-divorzju; għaldaqstant ir-referenza ma tistax tinbidel.

Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandu jiġi ġġudikat skont il-liġi applikabbli sa mid-29 ta’ Jannar 2019 skont ir-Regolament (UE) 2016/1103 fi kwistjonijiet ta’ reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

Ix-xoljiment taż-żwieġ mhuwiex rikonoxxut skont il-liġi tal-Awstrija. Sa fejn dan ma jkunx regolat mir-Regolament Ruma III, ikun jenħtieġ li ssir konnessjoni skont l-eqreb relazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1 IPRG. L-eqreb relazzjoni tista’ faċilment tinstab fil-ġurisprudenza b’analoġija mal-Artikolu 20 IPRG.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, ĠU L 7, p. 1 (UE, ir-Regolament dwar il-Manteniment), jirreferi għall-istatus ta’ manteniment għall-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment. Skont dan, il-liġi tal-Istat li fih il-persuna li tkun dovuta l-manteniment ikollha l-post ta’ residenza abitwali tagħha tkun primarjament applikabbli (issupplimentata b’xejriet lejn lex fori, fatturi ta’ konnessjoni speċjali, klawżola difensiva kontra pretensjonijiet “mhux mistennija” u possibbiltà — ferm restrittiva — li tintgħażel il-liġi applikabbli).

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandu jiġi ġġudikat skont il-liġi applikabbli sa mid-29 ta’ Jannar 2019 skont ir-Regolament (UE) 2016/1103 fi kwistjonijiet ta’ reġimi tal-proprjetà matrimonjali (ara aktar ’il fuq).

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Is-suċċessjonijiet huma rregolati fir-Regolament dwar is-Suċċessjoni tal-UE (ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, ĠU L 201 tas-27 ta’ Lulju 2012, p. 107). Għal kawżi antiki, japplika l-Artikolu 28 IPRG, li fih hemm stipulat li l-liġi deċiżiva tiddependi fuq l-istatus personali tad-deċedut fil-waqt tal-mewt. Din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet, fil-prinċipju kopriet ukoll ir-responsabbiltà għad-dejn tal-patrimonju u l-akkwiżizzjoni tas-suċċessjoni. Madankollu, fil-każ li fl-Awstrija kellhom iseħħu proċedimenti dwar wirt, l-akkwiżizzjoni tas-suċċessjoni u r-responsabbiltà għad-dejn tal-patrimonju jiġu ġġudikati skont il-liġi tal-Awstrija (l-Artikolu 28(2) IPRG).

3.8 Proprjetà reali

L-akkwiżizzjoni u t-telf tal-jeddijiet in rem fir-rigward tal-beni tanġibbli, inkluż il-pussess, għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih ikunu jinsabu l-beni malli jitwettqu ċ-ċirkostanzi fattwali sottostanti għall-akkwiżizzjoni jew it-telf. Il-kategorija ġuridika tal-beni u l-kontenut tal-jeddijiet għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat li fih ikunu jinsabu l-beni (l-Artikolu 31 IPRG).

L-ambitu tar-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet ikopri b’mod partikolari s-sjieda, is-servitujiet (ipoteki fuq l-art), il-preferenza, il-jedd għall-bini, is-sjieda tad-dar, iżda wkoll il-jeddijiet ta’ żamma effettivi kontra partijiet terzi u r-riżerva tat-titlu. Il-konsegwenzi tat-trasferiment tas-sjieda huma koperti wkoll minn din il-liġi.

Bidla sussegwenti fil-post ma taffettwax il-liġi applikabbli għaliex l-akkwiżizzjoni tal-jedd tirrappreżenta ċirkostanza fattwali mwettqa.

L-effetti ta’ akkwiżizzjoni ta’ jedd huma bbażati fuq il-liġi tal-post rispettiv; dan il-fattur ta’ konnessjoni jista’ għaldaqstant jinbidel. Kwistjonijiet li jirrigwardaw sa fejn tasal il-protezzjoni tas-sid, jekk u sa fejn il-persuna intitolata għall-jedd in rem għandhiex il-jedd li tiddisponi, pereżempju jekk pleġġ ta’ beni mobbli jistax jinbiegħ mingħajr intervent ġudizzjarju, kif ukoll kwistjonijiet oħra, għandhom ukoll ikunu ġġudikati skont din il-liġi.

Fil-każ ta’ mezzi tat-trasport japplika regolament speċjali (l-Artikolu 33 IPRG). Il-jeddijiet in rem fir-rigward tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru li ddaħħlu f’reġistru għandhom ikunu ġġudikati skont il-liġi tal-Istat tar-reġistru; fil-każ ta’ vetturi ferrovjarji, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat li fih il-kumpanija ferrovjarja li fis-servizz tagħha jintużaw il-vetturi jkollha l-amministrazzjoni ċentrali effettiva tagħha. Fil-każ ta’ pleġġijiet ġuridiċi u ġġustifikati b’mod obbligatorju jew jeddijiet ġuridiċi ta’ żamma għal garanzija ta’ talbiet għal kumpens għad-dannu kkaġunat mill-vettura jew l-infiq fuq dan, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat li fih ikun jinsab il-beni malli jitwettqu ċ-ċirkostanzi fattwali sottostanti.

Fil-każ ta’ beni tanġibbli immobbli hemm ukoll regolament speċjali: jekk il-jeddijiet in rem għal beni immobbli jkunu koperti wkoll mill-ambitu ta’ regola oħra dwar il-konflitt ta’ liġijiet (pereżempju dik għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali), ir-referenza għal-liġi dwar il-beni, jiġifieri l-konnessjoni mal-liġi tal-Istat li fih ikun jinsab il-beni, tieħu preċedenza.

Ma hemm l-ebda regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet għall-beni intanġibbli. Skont l-Artikolu 1 IPRG, il-liġi applikabbli skont il-liġi dwar il-beni hija dik li magħha hemm l-eqreb konnessjoni. Il-jeddijiet titolizzati huma ġġudikati skont lex cartae. L-Artikolu 33a IPRG, li jittrasponi l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali b’kamp ta’ applikazzjoni usa’, jinkludi regola speċjali għat-titoli mniżżla fil-kotba. Għat-titoli f’sistemi ta’ saldu, japplikaw ir-regolamenti speċjali fl-Artikoli 16 u 18 tal-Att dwar il-Finalità tas-Saldu (Finalitätsgesetz), li jittrasponu d-Direttiva dwar Finalità ta' Settlement 98/26/KE.

3.9 Insolvenza

Id-dritt dwar l-insolvenza internazzjonali huwa rregolat fil-Parti Sebgħa tal-Kodiċi għall-Insolvenza (IO). Skont l-Artikolu 217 IO, id-dispożizzjonijiet huma applikabbli biss sa fejn ma jkunx previst xort’oħra mid-dritt internazzjonali jew f’atti ġuridiċi partikolari tal-Komunitajiet Ewropej, primarjament ir-Regolament (KE) Nru 848/2015 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza (ir-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza). F’termini ta’ kontenut, id-dispożizzjonijiet isegwu prinċipalment id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament dwar l-Insolvenza tal-UE.

Fil-prinċipju, il-prerekwiżiti għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma rregolati mil-liġi tal-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti. B’mod partikolari, mill-Artikolu 221 sa 235 IO hemm stipulati r-regoli dwar il-jeddijiet in rem ta’ partijiet terzi, it-tpaċija, ir-riżerva tat-titlu, kuntratti relatati mal-beni immobbli, is-swieq irregolati, il-kuntratti ta’ impjieg, l-effetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza fuq il-jeddijiet soġġetti għal reġistrazzjoni, kif ukoll il-liġi applikabbli għal atti detrimentali u l-protezzjoni tax-xerrejja terzi, l-effetti ta’ kawżi pendenti, il-liġi ta’ lex rei sitae fir-rigward tal-eżerċitar tal-jeddijiet fuq il-beni jew jeddijiet oħra, ftehimiet ta’ novazzjoni u tpaċija, ftehimiet ta’ riakkwist u pagamenti wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Meta jkun hemm sovrapożizzjoni tar-regolamenti ma’ dawk tal-IPRG jew dispożizzjonijiet oħra dwar konflitt ta’ liġijiet, l-aktar dispożizzjonijiet speċjalizzati tal-Kodiċi għall-Insolvenza jieħdu preċedenza.

L-aħħar aġġornament: 04/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.