Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ
1.1 Regoli nazzjonali
Is-sorsi vinkolanti tal-liġi domestika Belġjana huma l-leġiżlazzjoni, il-prinċipji ġenerali tal-liġi, u d-dritt konswetudinarju. Il-leġiżlazzjoni tiġi promulgata minn awtorità pubblika: il-prinċipji ġenerali tal-liġi huma legalment vinkolanti għaliex is-soċjetà hija konvinta mill-valur legali tagħhom; id-dritt konswetudinarju jinkludi l-użanza mhux miktuba u l-prattika ġeneralment aċċettata.
Fil-Belġju, il-qrati mhux meħtieġa jsegwu preċedent: il-ġurisprudenza, bħal l-opinjoni akkademika, għandha awtorità iżda ma torbothomx. Is-sentenzi tal-qorti huma validi biss bejn il-partijiet li kienu fil-kawża u għalhekk mhux fuq imħallfin oħra b’kawżi simili quddiemhom. Bl-eċċezzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle/Grondwettelijk Hof), l-ebda qorti ma tista titlob li qrati oħra jsegwu preċedent tagħha. Anke sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/Hof van Cassatie), li tista tħassar sentenza ta’ qorti inferjuri u tirreferiha għal ritrattazzjoni, ma tagħtix struzzjonijiet li jorbtu lill-qorti li terġa tisma l-każ mill-ġdid. Huwa biss meta l-Qorti tal-Kassazzjoni tagħti sentenza għat-tieni darba fl-istess każ illi l-kontenut ta’ dik is-sentenza jorbot fuq il-qorti msejjħa biex tagħti s-sentenza finali.
1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali
Jekk jogħġbok qis li s-Servizz Federali Pubbliku għall-Affarijiet Barranin għandu bażi tad-data li jagħti ħarsa ġenerali tal-konvenzjonijiet bilaterali u multilaterali ffirmati mill-1987:
https://diplomatie.belgium.be/fr/traites
https://diplomatie.belgium.be/fr/traites
https://diplomatie.belgium.be/fr/traites
https://diplomatie.belgium.be/fr/traites
Il-kontenut ta’ bosta konvenzjonijiet fis-seħħ fil-Belġju huwa ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Belġju (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad), disponibbli elettronikament mill-1997:
Barra minn hekk, it-test ta’ ħafna konvenzjonijiet, anke dawk li ġew konklużi qabel l-1987, jinsab fl-istess sit elettroniku taħt l-intestatura ‘Législation consolidée’/‘Geconsolideerde Wetgeving’(li kien fiha 2,8000 oġġett mill-1 ta’ Awwissu 2004).
Fil-prinċipju l-Belġju huwa Stat sovran li għandu l-awtorità suprema fuq dawk soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati tiegħu. Madankollu, minħabba l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tas-soċjetà, il-Belġju qiegħed isir dejjem aktar marbut mir-regoli stabbiliti minn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet supranazzjonali u internazzjonali. B’mod partikolari l-Unjoni Ewropea (UE), in-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-Kunsill tal-Ewropa għamlu impatt fuq il-liġi Belġjana bil-promulgazzjoni ta’ trattati u regolamenti (li jistgħu ikunu direttament applikabbli jew le) u bl-impożizzjoni ta’ direttivi u proċessi ta’ armonizzazzjoni legali sabiex iġiegħlu lill-Istati Membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jallinjaw is-sistemi legali interni tagħhom.
Il-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem direttament applikabbli fil-Belġju huma l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea, it-tnejn ippromulgati mill-Kunsill tal-Ewropa. It-testi korrispondenti fuq livell tan-Nazzjonijiet Uniti huma l-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali rispettivament.
Bħala organizzazzjoni supranazzjonali, l-Unjoni Ewropea (UE) għandha influwenza sinifikanti fuq l-Istati Membri tagħha, inkluż il-Belġju. L-istrumenti legali ewlenin tal-UE huma r-regolamenti, li huma direttament applikabbli, u d-direttivi, li jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri nfushom.
Numru bla għadd ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet huma attivi fl-iżvilupp ta’ diversi oqsma tal-liġi, bħad-dritt internazzjonali privat, id-dritt kriminali internazzjonali, il-kummerċ internazzjonali u d-dritt ekonomiku. Biex insemmu biss ftit: in-Nazzjonijiet Uniti, l-UNCITRAL, il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-UNIDROIT, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), il-IATA (it-Trasport bl-Ajru), l-Unjoni tal-Benelux, eċċ.
1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali
Kemm l-awtoritajiet federali kif ukoll l-awtoritajiet tal-istati federati tal-Belġju jistgħu, skont il-kompetenzi materjali tagħhom, jikkonkludu konvenzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi oħra jew reġjuni oħra tad-dinja. Bosta minn dawn il-konklużjonijiet jiġu konklużi ma’ pajjiżi ġirien jew pajjiżi li l-Belġju għandu relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib jew importanti magħhom.
2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Il-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 li tistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat (Code de doit international privé, minn issa l-quddiem ‘il-Kodiċi’) ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali fis-27 ta’ Lulju 2004 (https://justice.belgium.be). Tista’ tiġi kkonsultata minn dan is-sit elettroniku: ‘Leġiżlazzjonileġiżlazzjoni konsolidata’.
Din l-iskeda informattiva tispjega s-sitwazzjoni skont il-Kodiċi. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rigward kemm il-ġuriżdizzjoni internazzjonali kif ukoll l-effetti tal-istrumenti awtentiċi u s-sentenzi tal-qrati barranin huma applikabbli għall-kawżi li jitressqu wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi, kif ukoll għal sentenzi tal-qorti u strumenti awtentiċi mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi. Każijiet li jippreċedu dan il-perjodu li jaqgħu barra l-arranġamenti tranżizzjonali fil-Kodiċi huma rregolati minn varjetà wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni u korp sostanzjali ta’ ġurisprudenza u ta’ duttrina. Is-siti web segwenti jistgħu jkunu ta’ siwi:
- https://www.law.kuleuven.be/ipr/en
Il-Kodiċi japplika biss sa fejn il-każ ma jkunx irregolat minn konvenzjonijiet internazzjonali, mil-liġi tal-Unjoni Ewropea jew minn leġiżlazzjoni speċifika.
2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
L-imħallfin Belġjani ma japplikawx biss il-liġi Belġjana. Ta’ sikwit ikollhom jagħtu sentenza abbażi ta’ liġi barranija.
Fid-dritt internazzjonali privat tal-Belġju hemm stipulat li d-dritt barrani għandu jiġi applikat abbażi tal-interpretazzjoni li hija aċċettata fil-pajjiż barrani; jekk il-qorti nfisha ma tkunx tista’ tiddetermina l-kontenut tal-liġi barranija, tista’ titlob għall-kooperazzjoni tal-partijiet. Meta jkun jidher biċ-ċar li huwa impossibbli li l-qorti tiddetermina l-kontenut tal-liġi barranija fi żmien raġonevoli, din trid tapplika l-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 15 tal-Kodiċi).
2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet
Minn mindu ġie adottat il-Kodiċi, ir-renvoi ma għadux, b’mod ġenerali, aċċettat (l-Artikolu 16 tal-Kodiċi). Madankollu, il-Kodiċi jinkludi eċċezzjoni għal-liġi applikabbli għall-persuni ġuridiċi (l-Artikolu 110 tal-Kodiċi) u l-possibiltà ta’ renvoi lejn il-liġi tal-Belġju dwar il-kapaċità tal-persuni fiżiċi (ara aktar ’l isfel).
2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni
Fattur ta’ konnessjoni jista’ jvarja tul iż-żmien (pereż. in-nazzjonalità) jew fl-ispazju (pereż. ir-residenza abitwali).
Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jagħmel tentattiv biex jispeċifika r-regola li għandha tkun applikata fl-aktar sitwazzjonijiet komuni li fihom ikun hemm tibdil fil-fattur ta’ konnessjoni.
Fir-rigward tal-effetti taż-żwieġ, pereżempju, l-ewwel fattur ta’ konnessjoni skont il-Kodiċi huwa r-residenza abitwali tal-konjuġi fil-waqt li fih jiġu invokati l-effetti tiegħu (l-Artikolu 48).
Fil-każ ta’ filjazzjoni, il-Kodiċi jispeċifika li l-liġi applikabbli hija l-liġi taċ-ċittadinanza tal-persuna, fi żmien it-twelid tat-tarbija, li qiegħda tikkontesta l-filjazzjoni (l-Artikolu 62 tal-Kodiċi).
Id-drittijiet in rem fuq il-propjetà huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-waqt tal-invokazzjoni tad-dritt. Madankollu, il-Kodiċi jispeċifika li l-akkwiżizzjoni u t-telf ta’ tali drittijiet huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-waqt li seħħew l-atti jew il-fatti invokati bħala bażi għall-akkwiżizzjoni jew it-telf tad-dritt (l-Artikolu 87 tal-Kodiċi).
2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Ir-regoli normali dwar il-konflitt ta’ liġijiet ma japplikawx f’għadd ta’ każijiet definiti fil-Kodiċi.
1. Il-liġi deżinjata mill-Kodiċi, b’eċċezzjoni, mhijiex applikabbli fil-każijiet li fihom ikun jidher biċ-ċar li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, is-sitwazzjoni għandha biss rabta dgħajfa mal-Belġju, u hija marbuta mill-qrib ferm ma’ Stat ieħor. F’dan il-każ, tapplika l-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor (l-Artikolu 19 tal-Kodiċi).
2. Ir-regoli supremi jew ir-regoli tal-liġi pubblika tal-liġi tal-Belġju li jirregolaw sitwazzjoni internazzjonali irrispettivament mil-liġi deżinjata mir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet jibqgħu applikabbli (l-Artikolu 20 tal-Kodiċi).
3. Teżisti eċċezzjoni għall-politika pubblika internazzjonali li tippermetti li ċerti aspetti ta’ liġi barranija ma jkunux applikati jekk l-effett tagħhom ikun intollerabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Belġju (l-Artikolu 21 tal-Kodiċi).
2.5 Prova ta’ liġi barranija
Il-qorti tal-Belġju tista’ tirrikjedi lill-partijiet biex jistabbilixxu l-kontenut u l-ambitu tal-liġi barranija. Il-qorti tista’ tapplika wkoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-informazzjoni dwar id-dritt barrani, iffirmata f’Londra fis-7 ta’ Ġunju 1968. Meta tkun rikjesta evidenza awtentika, il-parti tintalab tipproduċi dikjarazzjoni magħrufa bħala certificat de coutume, li fiha l-awtorità barranija xierqa tagħti evidenza awtentika tar-regoli li huma jew li kienu applikabbli f’pajjiżha.
3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Meta l-qorti tal-Belġju jkollha ġuriżdizzjoni skont ir-regoli msemmija aktar ’il fuq, xorta trid tikkunsidra liema liġi għandha tiġi applikata minnha fir-rigward tat-tilwima. Hija tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali privat tal-Belġju. Skont ir-ratione materiae tat-tilwima, hemm diversi fatturi li jistgħu jikkollegaw il-każ ma’ ordinament ġuridiku partikolari. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat huwa strutturat skont is-suġġett, u jindika l-fattur ta’ konnessjoni rilevanti għall-materja. Uħud minn dawn l-oqsma huma diskussi aktar ’l isfel.
3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali
Din il-materja hija regolata mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, magħruf bħala r-Regolament “Ruma I”. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jestendi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma l-antika tal-1980 għal kwistjonijiet kontrattwali li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-Kodiċi dalwaqt għandu jiġi adattat biex iqis is-sitwazzjoni li tirriżulta mis-sostituzzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma l-antika bir-Regolament Ruma I.
Madankollu, ċerti materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma rregolati minn regoli speċifiċi, jew:
– skont konvenzjonijiet internazzjonali (b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-7 ta’ Ġunju 1930 għar-riżolviment ta’ ċerti konflitti tal-liġijiet f’rabta mal-kambjali u maċ-ċedoli, u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Marzu 1931 għar-riżolviment ta’ ċertu konflitt tal-liġijiet f’rabta maċ-ċekkijiet), jew inkella
– skont dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kodiċi (b’mod partikolari l-Artikolu 124 dwar it-trusts u l-Artikolu 111 dwar il-ftehimiet ta’ sħubija).
Fl-aħħar nett, ta’ min jieħu nota tal-fatt li, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament, ċerti konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu japplikaw, jiġifieri:
– il-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-21 ta’ Ġunju 2001 dwar il-kuntratt għat-trasport tal-merkanzija permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern,
– il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Londra tat-28 ta’ April 1989 dwar l-assistenza,
– il-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli fir-rigward tal-kolliżjonijiet u s-salvataġġ fuq il-baħar, iffirmati fi Brussell fit-23 ta’ Settembru 1910, u l-Protokoll tal-Firma mehmuż miegħu.
3.2 Obbligi mhux kuntrattwali
Din il-materja hija regolata mir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, magħruf bħala r-”Regolament Ruma II”. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat japplika wkoll għal kwistjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
Madankollu, ċerti materji li mhumiex koperti mir-Regolament huma rregolati minn regoli speċifiċi. Għaldaqstant, l-obbligu li jirriżulta minn att malafamanti jew minn ksur tad-drittijiet tal-privatezza jew tal-personalità huwa rregolat mil-liġi tal-Istat fejn ikun seħħ l-att jew id-dannu jew fejn ikun hemm it-theddida li jseħħ, fuq għażla tal-attur, sakemm il-persuna responsabbli ma tistabbilixxix li ma setgħetx tipprevedi li d-dannu kien se jseħħ f’dak l-Istat (ara l-Artikolu 99 tal-Kodiċi).
Ta’ min jinnota, li skont l-Artikolu 28 tar-Regolament, ċerti konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu japplikaw, jiġifieri:
– Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku,
– il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli dwar il-ġuriżdizzjoni ċivili f’materji ta’ kolliżjoni, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mal-ġuriżdizzjoni penali fi kwistjonijiet ta’ kolliżjoni jew inċidenti oħra ta’ navigazzjoni, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mas-sekwestru tal-bastimenti tal-baħar, kollha kemm huma ffirmati fi Brussell fl-10 ta’ Mejju 1952,
– il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-assistenza, Londra, it-28 ta’ Mejju 1989,
– il-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, Munich, il-5 ta’ Ottubru 1973,
– il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-29 ta’ Mejju 1933 għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mas-sekwestru kawtelatorju tal-inġenji tal-ajru,
– il-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli fir-rigward tal-kolliżjonijiet u s-salvataġġ fuq il-baħar, iffirmati fi Brussell fit-23 ta’ Settembru 1910, u l-Protokoll tal-Firma mehmuż miegħu.
3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Kodiċi, il-liġi applikabbli f’tilwimiet relatati mal-kapaċità u l-istatus personali hija l-liġi tal-istess Stat tan-nazzjonalità tal-persuna. L-istess regola tapplika għal bidliet fil-ġeneru (l-Artikolu 35 ter tal-Kodiċi).
Fir-rigward tal-kapaċità tal-persuni fiżiċi, il-Kodiċi jinkludi dispożizzjoni għal renvoiparzjali: il-kwistjoni tkun koperta mil-liġi tal-Belġju jekk id-dritt barrani jkun jitlob l-applikazzjoni tal-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 34 tal-Kodiċi).
Skont il-prinċipju ġenerali, il-liġi applikabbli għall-iddeterminar tal-kunjomijiet u tal-ismijiet hija l-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tal-persuna (l-Artikolu 37 (1) tal-Kodiċi) jew, jekk ikollhom iktar minn passaport wieħed, il-liġi ta’ wieħed minn dawk l-Istati li tagħhom hija ċittadin (l-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi).
3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni
3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal
Bħala regola ġenerali biex tiġi determinata l-liġi applikabbli, l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu tal-Kodiċi jistipula li d-determinazzjoni u l-kontestazzjoni tal-paternità jew tal-maternità ta’ persuna hija rregolata mil-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tal-persuna fil-waqt tat-twelid tat-tarbija jew, jekk id-determinazzjoni tal-paternità jew tal-maternità tirriżulta minn att volontarju, fil-waqt ta’ dak l-att.
Meta l-liġi deżinjata ma teħtieġx il-kunsens tal-wild f’każ ta’ determinazzjoni volontarja tal-filjazzjoni, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet ta’ dan il-kunsens u l-forma tal-esprezzjoni huma determinati mil-liġi tal-Istat fejn huwa abitwalment residenti l-wild fil-mument tal-kunsens (l-Artikolu 62(1), it-tieni subparagrafu tal-Kodiċi).
3.4.2 L-adozzjoni
Il-kundizzjonijiet biex tkun stabbilita adozzjoni huma rregolati mil-liġi nazzjonali tal-ġenitur adottiv jew id-dritt nazzjonali komuni konġunt tal-ġenituri adottivi. Jekk il-ġenituri adottivi ma jkollhomx l-istess nazzjonalità, il-kundizzjonijiet huma rregolati mil-liġi tar-residenza abitwali tagħhom jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mil-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 67 tal-Kodiċi).
Il-liġi applikabbli għad-diversi kunsensi meħtieġa hija dik tal-Istat li fih il-persuna adottata jkollha r-residenza abitwali tagħha. Madankollu, jekk din il-liġi ma tirrikjedix il-kunsens tal-persuna adottata jew tal-awturi jew rappreżentanti legali, jew ma tipprevedix l-adozzjoni, il-kunsens jiġi regolat mil-liġi tal-Belġju (l-Artikoli 67 u 68 tal-Kodiċi).
3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment
3.5.1 Żwieġ
Fir-rigward tal-liġi applikabbli għaż-żwieġ, il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jagħmel distinzjoni bejn:
1. il-wegħda ta’ żwieġ: il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi futuri jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi futuri jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 45 tal-Kodiċi);
2. il-konklużjoni ta’ żwieġ: il-liġi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-konjuġi, bil-possibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess fis-sens li d-dispożizzjoni ta’ liġi barranija li tipprojbixxi tali żwieġ tkun eskluża jekk wieħed mill-konjuġi jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat li l-liġi tiegħu tkun tippermetti tali żwieġ jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu fih (l-Artikolu 46 tal-Kodiċi);
3. formalitajiet: il-liġi tal-Istat fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 47 tal-Kodiċi);
4. l-effetti ta’ żwieġ: il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 48 tal-Kodiċi).
3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet
Fir-rigward tas-sħubijiet jew kull għamla ta’ koabitazzjoni soġġetta għar-reġistrazzjoni, il-liġi tal-Belġju tiddistingwi bejn ir-relazzjonijiet bejn il-koabitanti li joħolqu rabta ekwivalenti għaż-żwieġ u relazzjonijiet li ma joħolqux rabta ekwivalenti għaż-żwieġ.
Il-liġi applikabbli għal dawk tal-ewwel hija l-liġi li tapplika għaż-żwieġ (ara aktar ’il fuq), filwaqt li l-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ koabitazzjoni li ma joħolqux rabta ekwivalenti għaż-żwieġ hija l-liġi tal-Istat fejn tkun ġiet irreġistrata r-relazzjoni ta’ koabitazzjoni għall-ewwel darba.
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola r-relazzjonijiet ta’ koabitazzjoni mhux irreġistrati.
3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja
F’dak li jikkonċerna d-divorju u s-separazzjoni de facto, ir-regoli fir-Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, magħruf bħala “Ruma III”, saru ġeneralment applikabbli. L-għażla tal-liġi applikabbli għall-konjuġi trid tiġi speċifikata mhux iktar tard mill-ewwel dehra tagħhom quddiem il-qorti li quddiemha tressaq ir-rikors għad-divorzju jew separazzjoni legali.
3.5.4 L-obbligi ta' manteniment
L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment jirreferi għall-istatus ta’ manteniment għall-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment. Normalment, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Istat li fih il-kreditur tal-manteniment ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew tagħha. Madanakollu, jeżistu regoli speċjali bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom, fil-konfront ta’ persuni taħt il-21 sena fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ persuni li mhumiex il-ġenituri tagħhom, bejn konjuġi u eks konjuġi, u bejn persuni li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie annullat. Il-Protokoll għandu wkoll dispożizzjoni li tippermetti lill-partijiet li jindikaw il-liġi applikabbli.
Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment fil-konfront tat-tfal tapplika għar-relazzjonijiet bejn il-Belġju u Stat li jkun parti minnha mingħajr ma jkun għadu rratifika l-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 indikat aktar ’il fuq.
3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà
Is-sħab jistgħu jagħżlu għalihom infushom il-liġi li tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom. Din l-għażla hija limitata bejn il-liġi tal-Istat tal-ewwel residenza abitwali tas-sħab wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom, u l-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-konjuġi (l-Artikolu 49 tal-Kodiċi).
Fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jkun irregolat mil-liġi tal-Istat tal-ewwel residenza abitwali tas-sħab wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. Fil-każ li dawn ir-residenzi abitwali ma jkunux fl-istess Stat, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat li ż-żewġ sħab kellhom in-nazzjonalità tiegħu fil-waqt taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. F’każijiet oħra, il-liġi li tapplika hija l-liġi tal-Istat fejn kien iċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 51 tal-Kodiċi).
3.7 Testmenti u s-suċċessjoni
Dan il-qasam huwa rregolat mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
3.8 Proprjetà reali
Għall-iddeterminar tal-liġi applikabbli, jintuża wkoll il-kriterju tal-lok li fih tinsab il-proprjetà (l-Artikolu 87 tal-Kodiċi).
3.9 Insolvenza
L-insolvenza hija rregolata mir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment. Il-prinċipju bażiku fir-Regolament huwa li hemm proċedura universali ewlenija waħda ta’ insolvenza, li eventwalment tkun segwita minn proċedura territorjali sekondarji
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.