Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Illum il-ġurnata, ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet fl-Ingilterra u f’Wales li jittrattaw il-liġi applikabbli ġejjin prinċipalment minn Regolamenti tal-UE li japplikaw direttament. Fir-rigward ta’ materjali ċivili u kummerċjali, dawn huma: Ir-Regolament 593/2008 (Ruma I) dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali u r-Regolament 864/2007 (Ruma II) dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. L-Att tal-1990 dwar il-Kuntratti (Liġi Applikabbli) (The Contracts (Applicable Law) Act 1990) (li implimenta l-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980) jibqa’ rilevanti fir-rigward ta’ kuntratti applikabbli qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 (ir-Regolament Ruma I japplika għal kuntratti applikabbli f’dik id-data jew wara). L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) huwa rilevanti biss b’rabta ma’ sitwazzjonijiet mhux koperti mir-Regolament Ruma II (ir-Regolament japplika għal każijiet li fihom id-dannu seħħ wara l-11 ta’ Jannar 2009). Ir-regoli tradizzjonali dwar id-dritt komuni jibqgħu applikabbli għad-delitt ta’ malafama u fir-rigward tal-liġi tas-suċċessjoni u tal-proprjetà.

F’materji tal-familja, huwa ġeneralment id-dritt komuni li hu s-sors tar-regoli dwar il-liġi applikabbli, b’xi eċċezzjonijiet. F’materji tal-familja, ġeneralment tiġi applikata l-liġi Ingliża, soġġetta għal eċċezzjonijiet limitati fid-dritt komuni (eż. fir-rigward tan-nullità taż-żwieġ) jew fl-istatut (eż. fir-rigward tal-manteniment skont l-Att tal-1920 dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment (Faċilitajiet għall-Eżekuzzjoni) (Maintenance Orders (Facilities for Enforcement) Act 1920) u l-Att tal-1972 dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment (Eżekuzzjoni Reċiproka) (Maintenance Orders (Reciprocal Enforcement) Act 1972)). F’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ protezzjoni tat-tfal koperti bir-Regolament tal-UE 2201/2003 u bil-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996, huma r-Regolamenti (tal-Ingilterra u Wales u tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-2012 dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (Obbligi Internazzjonali) (Parental Responsibility and Measures for the Protection of Children (International Obligations (England and Wales and Northern Ireland)) Regulations 2012), u l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-1996 li fihom ir-regoli dwar il-liġi applikabbli rispettivament, jiġifieri li l-liġi Ingliża tapplika soġġetta għal eċċezzjonijiet limitati.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji (Hague Convention on the Conflicts of Laws Relating to the Form of Testamentary Dispositions 1961).

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (Rome Convention 1980 on the Law Applicable to Contractual Obligations) (issostitwita bir-Regolament Ruma I fir-rigward ta’ kuntratti applikabbli fis-17 ta’ Diċembru 2009 jew wara).

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Lulju 1985 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Fondi Fiduċjarji u dwar ir-Rikonoxximent tagħhom (Hague Convention of 1 July 1985 on the Law Applicable to Trusts and on their Recognition).

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Ma nafux b’xi konvenzjoni bilaterali li fiha dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi li r-Renju Unit huwa parti fiha.

Madankollu, ta’ min jinnota li, għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 u l-Konvenzjonijiet tal-Aja jippermettu li Stat japplika xi sistema oħra ta’ għażla tal-liġi għall-konflitti “interni” – bħal konflitti bejn il-liġijiet tal-Ingilterra u Wales u tal-Iskozja – ir-Renju Unit għażel li ma jagħmilx użu minn din il-faċilità. Għalhekk, il-Konvenzjoni ta’ Ruma (fir-rigward tal-kuntratti applikabbli qabel is-17 ta’ Diċembru 2009) u r-regoli tal-Konvenzjoni tal-Aja japplikaw għal konflitti bejn il-ġuriżdizzjonijiet differenti tar-Renju Unit kif ukoll f’konflitti internazzjonali.

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-pożizzjoni ġenerali hija li r-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet jiġu applikati biss jekk tal-anqas waħda mill-partijiet tkun argumentat li dawn għandhom jiġu applikati. Jekk dan ma jkunx ġie argumentat, jew jekk ma jkunx hemm evidenza sodisfaċenti tal-kontenut tal-liġi barranija, l-imħallef normalment japplika l-liġi Ingliża għall-kwistjoni. Din ir-regola hija waħda relatata mal-evidenza u mal-proċedura, u għalhekk mhijiex affettwata mir-Regolamenti tal-UE.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Ir-Regolamenti tal-UE jeskludu l-applikazzjoni tad-duttrina ta’ rinviju f’każijiet irregolati bir-regoli tal-UE dwar l-għażla tal-liġi u din kienet ukoll il-fehma prevalenti skont l-Att tal-1995 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) u l-Att tal-1990 dwar il-Liġi Applikabbli dwar il-Kuntratti (Contracts Applicable Law Act 1990). Għalhekk, jekk ir-regola Ingliża dwar l-għażla tal-liġi għal delitt ta’ negliġenza tindika l-liġi Franċiża, tiġi applikata l-liġi domestika Franċiża, anke jekk qorti Franċiża kienet tapplika l-liġi ta’ xi pajjiż ieħor. Ġustifikazzjoni minnhom imressqa għaċ-ċaħda tar-rinviju f’dawn l-isferi tidher li hija li jekk jiġi applikat ir-rinviju, tinħoloq problema fir-regoli kumplessi stabbiliti mill-istatuti.

Ir-rwol tar-rinviju fl-oqsma tal-liġi li jifdal issa huwa kemxejn limitat, u f’xi każijiet mhuwiex ċar għalkollox. Jista’ jingħad li r-rinviju japplika fil-każ ta’ art li tinsab barra l-pajjiż, li għaliha l-lex situs jiġi applikat bil-liġi Ingliża. F’każijiet bħal dawn, hemm xewqa prammatika li tiġi applikata l-istess liġi tal-qorti li l-proprjetà tinsab fil-ġuriżdizzjoni tagħha, sabiex tiżdied il-possibbiltà li kwalunkwe deċiżjoni Ingliża dwar il-proprjetà tkun effettiva. Il-bilanċ tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ proprjetà mobbli tanġibbli li tinsab barra mill-pajjiż huwa li referenza għal-lex situs ma tinkludix ir-rinviju.

F’materji tal-familja, hemm xi ġurisprudenza limitata li d-duttrina tar-rinviju tista’ tapplika f’ċerti ċirkostanzi, iżda l-kwistjoni rari ħafna tinqala’ minħabba li f’materji tal-familja ġeneralment tiġi applikata l-liġi Ingliża.

Madankollu, ta’ min jinnota li f’ħafna każijiet il-prova tal-kontenut tar-regoli dwar l-għażla tal-liġi barranija tkun għalja u l-partijiet ta’ spiss jagħżlu li ma jargumentawx għall-applikazzjoni tagħhom (ara 2.1 aktar ’il fuq).

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Din il-problema hija indirizzata billi f’kull regola dwar l-għażla tal-liġi jiġi speċifikat iż-żmien rilevanti li fih jiġi identifikat il-fattur ta’ konnessjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ trasferimenti ta’ beni mobbli, il-liġi applikabbli rilevanti hija dik applikabbli fil-post fejn ikunu jinsabu l-beni mobbli inkwistjoni fiż-żmien tat-trasferiment.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Skont ir-regoli tradizzjonali, il-qrati Ingliżi jistgħu jiċħdu li japplikaw liġi barranija li tmur kontra l-ordni pubbliku Ingliż. Madankollu, il-limitu huwa għoli ħafna: pereżempju, fejn tkun twassal għal riżultat “li jkun totalment aljen għar-rekwiżiti fundamentali tal-ġustizzja kif amministrata minn qorti Ingliża”. Il-kontenut tal-ordni pubbliku Ingliż huwa influwenzat mill-obbligi internazzjonali tar-Renju Unit, b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa eżempju wieħed magħruf sew tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku, eżempju ieħor huwa fejn il-liġi tkun “ksur flagranti tar-regoli tad-dritt internazzjonali ta’ importanza fundamentali” (eż. l-invażjoni tal-Kuwajt mill-Iraq fl-1990).

Barra minn hekk, issa r-Regolamenti Ruma I u Ruma II it-tnejn li huma jipprovdu għall-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji prevalenti tal-forum, irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli għall-kuntratt. Dawk ir-regoli li jeżistu ġeneralment jinstabu fl-isferi tal-konsumatur u tal-impjieg jew fil-leġiżlazzjoni li tissupplimenta konvenzjoni internazzjonali.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-kontenut tal-liġi barranija jiġi pprovat daqslikieku kien fatt. Għalhekk, huma l-partijiet li jridu jipprovaw il-kontenut tal-liġi barranija; l-imħallfin ma jistgħux jinvestigaw il-kontenut tal-liġi barranija huma stess. Fil-każ ta’ konflitt bejn l-evidenza ppreżentata mill-partijiet, l-imħallef jista’ jivvaluta l-kredibbiltà tal-esperti u jista’ jikkunsidra l-evidenza primarja (eż. statuti u kawżi barranin), speċjalment fejn ikunu miktuba bl-Ingliż u japplikaw kunċetti li mħallef Ingliż ikun midħla tagħhom.

Il-kontenut tal-liġi barranija normalment jiġi pprovat minn evidenza ta’ perit. Mhuwiex biżżejjed li jiġi ppreżentat it-test ta’ statut, ta’ kawża jew ta’ awtorità barranin quddiem il-qorti. Evidenza ta’ perit dwar il-liġi barranija tista’ tingħata minn kwalunkwe persuna “kkwalifikata b’mod xieraq sabiex tagħmel hekk bis-saħħa tal-għarfien jew tal-esperjenza tagħha,” irrispettivament minn jekk din tkunx intitolata li taġixxi bħala prattikant legali fil-ġuriżdizzjoni rilevanti. Madankollu, normalment l-esperti jkunu akkademiċi jew prattikanti fil-ġuriżdizzjoni inkwistjoni. Jekk il-kontenut tal-liġi barranija jkun ġie ddeterminat f’kawża Ingliża preċedenti, din il-kawża tista’ tiġi ċċitata bħala evidenza tal-kontenut tal-liġi barranija, u l-kontenut tal-liġi barranija jiġi preżunt li jkun l-istess kif iddeterminat f’dik il-kawża sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor.

L-oneru tal-provi jaqa’ fuq il-parti li tibbaża fuq il-liġi barranija. Jekk il-liġi barranija ma tiġix ipprovata b’mod sodisfaċenti, ir-regola ġenerali hija li tiġi applikata l-liġi Ingliża. Madankollu, f’kawżi fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jaħseb li l-liġi barranija b’xi mod tixbah il-liġi Ingliża (eż. statut tat-taxxa minn ġuriżdizzjoni Ewropea oħra), il-kawża tista’ tiġi miċħuda.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Fil-kawżi kollha li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali u li jinvolvu għażla tal-liġi, ir-Regolament Ruma I japplika direttament. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fir-Regolament Ruma jistgħu japplikaw ukoll għal kawżi li l-liġi domestika Ingliża ma tirrikonoxxix bħala kuntrattwali (eż. meta l-ftehim ma jkunx sostnut minn korrispettiv eż. kuntratti ta’ rigal).

Il-materji tal-proċedura huma ddeterminati mil-lex fori. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-livell tad-danni (iżda mhux il-kategoriji tad-danni) u l-mezzi ta’ prova huma rregolati bil-liġi tal-forum. Il-perjodi ta’ preskrizzjoni huma sostantivi u, għalhekk, fil-każ ta’ obbligi kuntrattwali, dawn jiġu ddeterminati mil-liġi applikabbli skont ir-Regolament. Ir-regoli sostantivi primarji huma kif ġej.

F’każijiet li fihom il-partijiet ikunu għamlu għażla espliċita tal-liġi, jew waħda li tista’ tintwera b’ċertezza raġonevoli, tapplika din il-liġi. X’aktarx li għażla tintwera b’ċertezza raġonevoli meta l-kuntratt ikun f’forma standard li tkun magħrufa li tkun irregolata b’liġi partikolari (eż. polza tal-assigurazzjoni marittima ta’ Lloyd’s), jew fid-dawl ta’ negozjati preċedenti bejn il-partijiet. Meta jkun hemm ftehim dwar l-għażla tal-qorti, dan ta’ spiss ikun biżżejjed sabiex jiġi inferit li l-intenzjoni kienet li tintgħażel il-liġi ta’ dik il-qorti, iżda dan mhux dejjem ikun il-każ. Fil-każ ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, jekk il-kriterji tal-għażla għall-arbitri jkunu speċifikati, dan jippermetti li ssir inferenza b’mod aktar faċli ta’ għażla tal-liġi, iżda jekk l-arbitri jiġu identifikati b’riferiment għal xi korp internazzjonali, ikun ferm anqas probabbli li l-għażla tkun intweriet b’ċertezza raġonevoli.

Il-libertà tal-għażla hija ċirkoskritta f’diversi aspetti. L-ewwel nett, fil-kuntratti konklużi minn konsumaturi u fil-kuntratti tal-impjieg, l-għażla tal-liġi ma tistax iċċaħħad lill-konsumatur jew lill-impjegat mill-protezzjoni tar-regoli obbligatorji li jeżistu skont il-liġi li, kieku ma kienx hemm għażla espliċita tal-liġi, kienet tkun tapplika għall-każ. It-tieni, meta l-elementi kollha tas-sitwazzjoni jkunu marbuta ma’ pajjiż wieħed, għażla ta’ liġi differenti ma tistax iċċaħħad ir-regoli obbligatorji ta’ dak il-pajjiż mill-effett. Hemm ukoll regoli protettivi għall-konsumaturi fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Jista’ jiġi nnotat ukoll li meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-effettività tal-għażla – pereżempju, allegazzjoni ta’ sfurzar – il-kwistjoni dwar jekk din l-għażla kinitx effettiva tiġi ddeterminata mil-liġi applikabbli putattiva (jiġifieri l-liġi li tkun tirregola l-kuntratt li kieku l-għażla tkun valida), sakemm dan ma jkunx “irraġonevoli” (f’liema każ tista’ tiġi applikata l-liġi tar-residenza abitwali tal-parti li tiddikjara li ma tkunx tat il-kunsens tagħha).

F’każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda għażla espressa tal-liġi, jew waħda li tista’ tintwera b’ċertezza raġonevoli, ir-Regolament Ruma I jipprevedi regoli speċifiċi skont it-tip ta’ kuntratt, iżda meta dawn ir-regoli ma jkunux konklussivi, il-liġi ġeneralment tkun il-liġi tar-residenza abitwali tal-eżekutur karatteristiku. L-eżekutur karatteristiku mhux dejjem ikun identifikabbli faċilment, iżda normalment ikun il-parti li ma tkunx qed tipprovdi ħlas għall-oġġett jew għas-servizz (eż. l-eżekutur karatteristiku jkun il-bejjiegħ ta’ prodott, is-sellief fi tranżazzjoni bankarja, il-garanti f’kuntratt ta’ garanzija). Din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfutata favur pajjiż li l-kuntratt ikollu rabta aktar mill-qrib miegħu.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Fir-rigward ta’ obbligi mhux kuntrattwali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet japplika r-Regolament Ruma II. L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) japplika biss għal kwistjonijiet relatati ma’ delitti li ma jaqgħux taħt ir-Regolament, u l-malafama tibqa’ rregolata bid-dritt komuni (ara aktar ’l isfel). Il-perjodi ta’ preskrizzjoni huma ddeterminati mil-liġi applikabbli wkoll.

Skont ir-Regolament Ruma II, ir-regola ġenerali hija li tiġi applikata l-liġi tal-post fejn iseħħ id-dannu. Regoli speċjali jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal ċerti tipi ta’ obbligi mhux kuntrattwali, inklużi r-responsabbiltà għall-prodotti, il-kompetizzjoni inġusta, delitti ambjentali u delitti relatati mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Ir-Regolament jippermetti wkoll li l-partijiet jagħżlu l-liġi applikabbli f’ċerti ċirkostanzi, iżda din id-dispożizzjoni ma tistax tintuża sabiex jiġu evitati regoli obbligatorji tad-dritt tal-UE jew tad-dritt domestiku. Għandu jiġi nnotat li l-valutazzjoni tad-danni hija materja għal-liġi applikabbli.

Kif ġie nnotat aktar ’il fuq, il-malafama (li tinkludi inġurja tat-titolu, inġurja tal-oġġetti, falsità malizzjuża u kwalunkwe dikjarazzjoni tal-liġi barranija “li tikkorrispondi għal talba [bħal din] jew fin-natura tagħha”) tibqa’ rregolata bid-dritt komuni. F’każijiet bħal dawn, tapplika r-“regola dwar it-teħid ta’ azzjoni doppja”: tista’ tittieħed azzjoni kontra delitt fl-Ingilterra u f’Wales biss jekk tkun tista’ tittieħed azzjoni ċivili skont il-liġi barranija tal-ġuriżdizzjoni li l-att seħħ fiha (normalment il-pubblikazzjoni) u jekk, li kieku l-att seħħ fl-Ingilterra u f’Wales, tkun tista’ tittieħed azzjoni ċivili kontrih skont il-liġi Ingliża. Din ir-regola nżammet wara pressjoni minn organizzazzjonijiet tal-midja li beżgħu mill-applikazzjoni ta’ liġijiet barranin oppressivi. Madankollu, din ir-regola hija soġġetta għal eċċezzjoni: meta pajjiż ieħor ikollu relazzjoni aktar sinifikanti mal-okkorrenza u mal-partijiet, minflok tkun tapplika l-liġi ta’ dik il-ġuriżdizzjoni. Ta’ min jinnota li dan il-qasam huwa partikolarment inċert.

Fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-fondi fiduċjarji, il-liġi applikabbli hija rregolata bl-Att tal-1987 dwar ir-Rikonoxximent tal-Fondi Fiduċjarji (Recognition of Trusts Act 1987) li jimplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-liġi applikabbli għall-fondi fiduċjarji (Hague Convention on the law applicable to trusts). Dan jipprevedi li l-liġi applikabbli tkun dik magħżula mis-settlor, jew, fin-nuqqas ta’ tali għażla, mil-liġi li l-fond fiduċjarju jkun marbut l-aktar mill-qrib magħha. Din il-liġi tiddetermina l-validità tal-fond fiduċjarju, il-kostruzzjoni tiegħu, l-effetti u l-amministrazzjoni tal-fond fiduċjarju.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Fit-twelid, id-domiċilju ta’ persuna (id-domiċilju ta’ oriġini) ikun l-istess bħal dak tal-missier tat-tfal fil-mument tat-twelid tat-tfal, jekk it-tfal ikunu leġittimi. Jekk it-tfal ikunu illeġittimi, jew il-missier ikun mejjet fil-mument tat-twelid, id-domiċilju tat-tfal ikun l-istess bħal dak ta’ omm it-tfal. Din ir-regola tibqa’ tapplika sakemm it-tfal jagħlqu 16-il sena (jiġifieri d-domiċilju tat-tfal jinbidel ma’ dak tal-missier jew tal-omm rispettivament).

Għall-persuni li għandhom aktar minn 16-il sena, id-domiċilju ta’ oriġini jibqa’ japplika sakemm ma jadottawx domiċilju tal-għażla. Sabiex jadottaw domiċilju tal-għażla, huma jridu fil-fatt jirrisjedu fil-ġuriżdizzjoni rilevanti u jkollhom l-intenzjoni li jirrisjedu hemmhekk b’mod indefinit jew permanenti. Jekk xi wieħed minn dawn l-elementi ma jibqax jeżisti, id-domiċilju tal-għażla ma jibqax japplika u jkun japplika d-domiċilju ta’ oriġini.

Id-domiċilju ta’ mara miżżewġa ma għadux iddeterminat b’referenza għal dak ta’ żewġha: huwa jiġi vvalutat b’mod indipendenti.

Il-kapaċità li jitwettqu obbligi partikolari (eż. li persuna tidħol f’kuntratt, li tagħmel testment, li tiżżewweġ) tiġi ddeterminata minn regoli speċifiċi għal dak il-qasam, u dawn jiġu diskussi fit-taqsimiet rilevanti.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tat-tfal ġeneralment jiġu ddeterminati mil-liġi Ingliża, soġġetti għal eċċezzjonijiet limitati bħal dawk (diskussi aktar ’il fuq) applikabbli għall-materji tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 u għal dawk il-materji li jaqgħu taħt ir-Regolament Brussell IIa. Ġeneralment, anki l-materji ta’ leġittimità u ta’ adozzjoni jiġu ddeterminati bil-liġi Ingliża, soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

Il-validità formali ta’ żwieġ ġeneralment tkun irregolata bil-liġi tal-post fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ, soġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet.

Il-kapaċità tal-persuni li jiżżewġu ġeneralment tiġi ddeterminata mid-domiċilju tal-persuna rilevanti fiż-żmien li jippreċedi immedjatament iż-żwieġ. Din il-liġi tirregola kwistjonijiet bħal jekk il-partijiet tawx il-kunsens, ir-rekwiżiti tal-età u liema persuni fil-familja estiża ta’ persuna ma tkunx tista’ tiżżewweġ. Fil-każ speċjali tal-età, l-ebda żwieġ ma jkun validu jekk xi wieħed mill-parteċipanti ikollu anqas minn 16-il sena f’dak iż-żmien, jekk ikun domiċiljat fl-Ingilterra u f’Wales.

F’materji ta’ divorzju jew ta’ separazzjoni, ġeneralment tiġi applikata l-liġi Ingliża, soġġetta għal eċċezzjonijiet limitati.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment, ġeneralment tkun tapplika l-liġi Ingliża, soġġetta għal ċerti eċċezzjonijiet.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Is-“sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin” mhijiex kunċett ġeneralment magħruf fid-dritt komuni. F’materji ta’ pensjoni tal-manteniment dwar divorzju, separazzjoni jew nullità jew f’materji ta’ manteniment, il-qrati Ingliżi ġeneralment japplikaw il-liġi Ingliża, soġġetti għal eċċezzjonijiet limitati.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

F’każijiet ta’ suċċessjoni ab intestato (jiġifieri fejn ma jkunx hemm testment), il-liġi tad-domiċilju tat-testatur fiż-żmien tal-mewt tapplika għas-suċċessjoni għall-proprjetà mobbli; il-liġi tal-ġuriżdizzjoni ta’ fejn tinsab il-proprjetà (lex situs) tapplika għas-suċċessjoni għall-proprjetà immobbli.

F’kawżi li jinvolvu testmenti (suċċessjoni testamentarja), il-kapaċità tat-testatur li jagħmel testment ta’ proprjetà mobbli tiġi ddeterminata mil-liġi tad-domiċilju tat-testaturi fid-data tat-testment. Legatarju jkollu l-kapaċità li jirċievi beni mobbli jekk ikollu l-kapaċità skont il-liġi tad-domiċilju tiegħu jew skont il-liġi tad-domiċilju tat-testatur. Ma hemm l-ebda awtorità speċifika dwar il-pożizzjoni rigward il-proprjetà immobbli, iżda l-lex situs ikun l-aktar eżitu probabbli, u probabbilment jiddetermina wkoll il-kapaċità ta’ legatarju li jieħu legat ta’ proprjetà immobbli.

Skont l-Att tal-1963 dwar it-Testmenti (Wills Act 1963), u meta t-testatur ikun miet fl-1 ta’ Jannar 1964 jew wara, testment ikun validu b’mod formali (eż. numru korrett ta’ xhieda) jekk ikun konformi ma’ xi waħda mil-liġijiet li ġejjin: il-liġi tal-post fejn ġie eżegwit it-testment (jiġifieri normalment fejn jiġi ffirmat u attestat) fil-mument li fih ġie eżegwit; il-liġi tad-domiċilju, ir-residenza abitwali jew in-nazzjonalità tat-testatur fil-mument meta ġie eżegwit it-testment; il-liġi tad-domiċilju, ir-residenza abitwali jew in-nazzjonalità tat-testatur fil-mument tal-mewt. Testment ikun validu formalment ukoll sabiex jgħaddi proprjetà immobbli jekk ikun konformi mal-liġi interna tal-ġuriżdizzjoni ta’ fejn tkun tinsab il-proprjetà (b’hekk tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-rinviju minkejja li dan jikkonċerna beni immobbli).

Testment tal-proprjetà mobbli jkun materjalment validu (eż. limitazzjonijiet fuq l-ammont li wieħed jista’ jħalli b’testment) jekk ikun konformi mal-liġi tad-domiċilju tat-testatur fil-ħin tal-mewt; testment ta’ proprjetà immobbli jkun materjalment validu jekk jikkonforma mal-liġi tal-ġuriżdizzjoni ta’ fejn tinsab il-proprjetà, jiġifieri tkun xi tkun is-sistema tal-liġi domestika tapplika l-lex situs.

Testment jiġi interpretat skont il-liġi maħsuba mit-testatur, li hija preżunta bħala l-liġi tad-domiċilju tiegħu fid-data tat-testment. Din il-preżunzjoni hija regola prima facie li tista’ tiġi spostata minn evidenza li t-testatur ikkontempla b’mod ċar u kellu l-ħsieb li t-testment tiegħu għandu jkun mifhum skont sistema oħra tal-liġi. Fir-rigward tal-proprjetà immobbli, jista’ jkun hemm limitazzjoni addizzjonali, li skont din jekk l-interess li jirriżulta minn din il-kostruzzjoni ma jkunx permess jew ma jkunx rikonoxxut mil-lex situs, tipprevali l-liġi msemmija l-aħħar.

Il-validità ta’ allegata revoka ta’ testment tiġi ddeterminata skont il-liġi tad-domiċilju tat-testatur fiż-żmien tal-allegata revoka (ta’ min jinnota li skont il-liġi domestika Ingliża, jekk din tkun tapplika, żwieġ jirrevoka testment sakemm ma jintweriex li t-testment ikun sar espliċitament fil-kontemplazzjoni taż-żwieġ). Madankollu, meta jkun allegat li r-revoka nkisbet b’testment sussegwenti (bil-kuntrarju ta’, pereżempju, it-tħassir tat-testment), jekk dan it-tieni testment jirrevokax dak preċedenti jiġi ddeterminat mil-liġijiet applikabbli għall-validità formali tat-tieni testment. Jekk ma jkunx ċar jekk it-tieni testment jirrevokax dak preċedenti, il-kwistjoni tal-kostruzzjoni tiġi ddeterminata mil-liġi intiża mit-testatur, li tkun preżunta li hija l-liġi tad-domiċilju tiegħu fid-data tat-tieni testment.

3.8 Proprjetà reali

Il-każijiet tal-proprjetà jinqasmu fi proprjetà mobbli u immobbli; il-kwistjoni ta’ jekk proprjetà tkunx mobbli jew immobbli taqa’ taħt il-liġi tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà.

Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-post li l-proprjetà tinsab fih, u jkun japplika r-rinviju. Dan japplika għall-mistoqsijiet kollha dwar it-tranżazzjoni, inklużi l-kapaċità, il-formalitajiet u l-validità materjali. Ta’ min jinnota li ovvjament hemm distinzjoni bejn it-trasferiment ta’ art jew ta’ beni immobbli oħra, u l-kuntratt li jirregola d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet għal dak it-trasferiment – dan tal-aħħar huwa rregolat b’regoli distinti dwar il-liġi applikabbli (b’mod partikolari, skont ir-Regolament Ruma I).

Fil-każ ta’ kwistjonijiet proprjetarji (ta’ min jinnota, għall-kuntrarju ta’ dawk kuntrattwali) dwar it-trasferiment ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, b’mod ġenerali l-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-post li il-proprjetà kienet tinsab fih fiż-żmien li seħħ l-avveniment li allegatament affettwa t-titolu għaliha. Mhuwiex ċar jekk ir-rinviju japplikax f’din is-sitwazzjoni u l-effett globali tad-deċiżjonijiet tal-Prim’Istanza tal-qrati Ingliżi jissuġġerixxi li mhuwiex il-każ. Titolu għall-proprjetà tanġibbli miksuba skont din ir-regola ġenerali jkun rikonoxxut bħala validu fl-Ingilterra jekk il-proprjetà mobbli mbagħad titneħħa mill-pajjiż fejn kienet tinstab fil-mument tal-akkwist tat-titolu, sakemm dak it-titolu ma jiġix spostat minn titolu ġdid miksub f’konformità mal-liġi tal-pajjiż fejn tkun ittieħdet il-proprjetà. Eċċezzjoni partikolari għar-regola ġenerali dwar proprjetà mobbli tanġibbli hija relatata ma’ meta l-proprjetà tanġibbli tkun fi tranżitu u s-situs tagħha ma jkunx magħruf mill-partijiet, jew ikun temporanju; trasferiment li jkun validu skont il-liġi applikabbli tat-trasferiment ikun effettiv fl-Ingilterra.

Fil-każ taċ-ċessjoni ta’ proprjetà mobbli intanġibbli, meta r-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tkun kuntrattwali (bħal fil-każ tal-biċċa l-kbira tad-djun) u l-kwistjoni tkun relatata biss mal-validità u mal-effett taċ-ċessjoni nnifisha, japplika r-Regolament Ruma I.

Ta’ min jinnota li diffiċli jinġabru fil-qosor ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fuq iċ-ċessjoni u t-trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli u l-ebda regola unika dwar l-għażla tal-liġi ma tkoprihom, l-aktar minħabba li l-kategorija ta’ intanġibbli tkopri firxa wiesgħa ħafna ta’ drittijiet, li mhux ilkoll huma kuntrattwali fl-oriġini tagħhom. Huwa ssuġġerit li għandu jintalab parir ta’ speċjalist fil-każ ta’ proprjetà mobbli intanġibbli.

3.9 Insolvenza

Ir-Renju Unit huwa parti fir-Regolament tal-Kunsill 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, li jistabbilixxi r-regoli rilevanti fil-proċedimenti li jinvolvu l-iżvestiment sħiħ jew parzjali tad-debitur u l-ħatra ta’ likwidatur meta l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu fi Stat Membru tal-UE (minbarra d-Danimarka). Jekk il-qrati Ingliżi jkollhom ġuriżdizzjoni (li jkun il-każ jekk l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu jinsabu fl-Ingilterra u f’Wales, preżunta bħala l-post tal-uffiċċju reġistrat), tiġi applikata l-liġi tal-Ingilterra.

Fil-każijiet li jaqgħu barra mir-Regolament 1346/2000, il-liġi Ingliża tiġi applikata meta l-qrati Ingliżi jkollhom ġuriżdizzjoni (li jkun il-każ jekk il-kumpanija tkun irreġistrata fl-Ingilterra u f’Wales, jew jekk ikun hemm persuni fl-Ingilterra u f’Wales li jibbenefikaw mill-istralċ u ma jkun hemm l-ebda raġuni tajba sabiex jiċħdu l-ġuriżdizzjoni). Ħelsien mid-djun Ingliż huwa validu, irrispettivament mil-liġi li tirregola d-dejn.

L-aħħar aġġornament: 04/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.