Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Kwistjonijiet tal-liġi applikabbli huma prinċipalment irregolati permezz tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (minn hawn ’il quddiem “l-ADIP”).

Il-Parti Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili kienet tirregola l-liġi applikabbli qabel ma daħal fis-seħħ l-ADIP fl-1 ta’ Lulju 2002; issa l-ADIP qed jiġi applikat minfloku fi kważi l-każijiet kollha taħt l-Artikolu 24 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi, il-Parti Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili u l-Att ta’ Implimentazzjoni tal-ADIP.

Barra minn hekk, il-prijorità tar-regoli li jirriżultaw mil-liġi applikabbli tal-UE fuq il-liġi nazzjonali trid titqies flimkien mal-prinċipju li joħroġ mill-Artikolu 123 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Estonja, li skontu, meta l-liġijiet jew leġiżlazzjoni oħra tal-Estonja jkunu f’kunflitt ma’ trattament internazzjonali ratifikat mill-Parlament tal-Estonja, japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat internazzjonali. L-Estonja ffirmat ukoll erba’ ftehimiet dwar l-assistenza legali mar-Russja, l-Ukrajna, il-Polonja, il-Latvja u l-Litwanja li wkoll jirregolaw il-kwistjonijiet tal-liġi applikabbli.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali, iffirmat f’Tallinn fil-11 ta’ Novembru 1992; aktar informazzjoni tinsab fir-Riigi Teataja.
  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u l-Federazzjoni Russa dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’materji ċivili, tal-familja u kriminali, iffirmat f’Moska fis-26 ta’ Jannar 1993; aktar informazzjoni tinsab fir-Riigi Teataja.
  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u l-Ukrajna dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’materji ċivili u kriminali, iffirmat fi Kiev fil-15 ta’ Frar 1995; aktar informazzjoni tinsab fir-Riigi Teataja.
  • Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’materji ċivili, tax-xogħol u kriminali, iffirmat f’Tallinn fis-27 ta’ Novembru 1998; aktar informazzjoni tinsab fir-Riigi Teataja.

Regolamenti tal-Unjoni Ewropea

  • Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40-49);
  • Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6-16);
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1–79);
  • Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107-134);
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10-16);
  • Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19-72).

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Jekk liġi, tranżazzjoni jew ftehim internazzjonali jkunu jirrikjedu l-applikazzjoni ta’ liġi barranija, il-qrati jagħmlu dan irrispettivament minn jekk tali applikazzjoni tintalabx jew le. Dan ifisser li, l-obbligu tal-qorti li tapplika l-liġi barranija ma jiddependix minn jekk parti tkunx talbitha jew le (l-Artikolu 2(1) tal-ADIP).

F’xi kawżi tal-qorti ċivili li fihom il-partijiet kienu intitolati li jaqblu dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, il-qrati tal-Estonja applikaw il-liġi tal-Estonja minflok il-liġi barranija billi l-partijiet impliċitament irrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jagħżlu l-liġi barranija.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Meta l-ADIP jkun jirrikjedi l-applikazzjoni tal-liġi barranija (trażmissjoni), japplikaw ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-pajjiż rilevanti. Meta tali regoli jkunu jirrikjedu l-applikazzjoni tal-liġi tal-Estonja (remissjoni), japplikaw ir-regoli tal-liġi sostantiva tal-Estonja (l-Artikolu 6(1) tal-ADIP).

Għaldaqstant, meta l-liġi barranija tkun tirreferi lura għal-liġi tal-Estonja, iridu japplikaw ir-regoli tal-liġi sostantiva tal-Estonja.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Il-ħolqien jew it-tmiem ta’ dritt in rem irid jiġi ddeterminat f’konformità mal-liġi tal-pajjiż li fih kienet tinsab il-proprjetà fil-waqt tal-ħolqien jew tat-tmiem tad-dritt in rem (l-Artikolu 18(1) tal-ADIP). Għaldaqstant, jekk il-post tal-proprjetà jinbidel wara l-ħolqien jew it-tmiem ta’ dritt in rem, il-liġi applikabbli tinbidel ukoll. Il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju ta’ persuna fiżika tapplika għall-kapaċità ġuridika passiva u attiva tagħha (l-Artikolu 12(1) tal-ADIP). Għaldaqstant, jekk il-pajjiż tad-domiċilju tal-persuna jinbidel, il-liġi applikabbli għall-kapaċità ġuridika passiva u attiva tagħha tinbidel ukoll. Madankollu, l-Att jipprevedi wkoll li bidla fid-domiċilju ma tirrestrinġix il-kapaċità ġuridika attiva li tkun inkisbet diġà (l-Artikolu 12(3) tal-ADIP).

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-liġi barranija ma tiġix applikata jekk din twassal għal kunflitt evidenti mal-prinċipji essenzjali tal-liġi tal-Estonja (l-ordni pubbliku). F’każijiet bħal dawn, trid tkun applikata l-liġi tal-Estonja (l-Artikolu 7 tal-ADIP).

Il-fatt ta’ jekk il-liġi tal-Estonja tipprevedix jew le regola legali li ma teżistix fil-liġi tal-Estonja mhuwiex deċiżiv f’każijiet bħal dawn; minflok, skont il-klawżola tal-ordni pubbliku, trid tiġi applikata l-liġi tal-Estonja flok il-liġi barranija, fil-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar twassal għal kunflitt evidenti mal-prinċipji essenzjali tal-liġi tal-Estonja.

Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-obbligi kuntrattwali tipprevedi wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu rilevanti tal-ADIP ma jippreġudikawx l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Estonja li huma applikabbli, irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratti (l-Artikolu 31 tal-ADIP). L-Artikolu 32(3) tal-Att jindika ulterjorment li l-fatt li l-partijiet ikunu għażlu l-liġi barranija biex tirregola kuntratt, irrispettivament minn jekk għażlux jew le l-ġuriżdizzjoni barranija wkoll, ma jippreġudikax, meta l-elementi kollha rilevanti għall-kuntratt fil-waqt tal-għażla jkunu marbuta biss ma’ pajjiż wieħed, l-applikazzjoni ta’ tali regoli tal-liġi ta’ dak il-pajjiż, u li ma jistax ikun hemm deroga minnhom permezz tal-kuntratt (ir-regoli mandatorji).

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Minkejja li bħala prinċipju ġenerali huwa previst li l-qrati jridu japplikaw l-liġi barranija f’sitwazzjonijiet li fihom dan ikun mitlub permezz ta’ liġi, tranżazzjoni jew ftehim internazzjonali irrispettivament minn jekk applikazzjoni bħal din tkunx mitluba jew le (l-Artikolu 2(1) tal-ADIP), l-awtoritajiet u l-qrati jistgħu jitolbu l-assistenza tal-partijiet jew tal-awtoritajiet tal-gvern biex jiddeterminaw il-liġi barranija li għandha tiġi applikata.

Filwaqt li l-partijiet jistgħu jissottomettu dokumenti lill-qrati sabiex jiddeterminaw il-kontenut tal-liġi barranija, il-qrati mhumiex obbligati li jżommu ma’ dawn id-dokumenti (l-Artikolu 4(2) tal-ADIP). Il-qrati għandhom ukoll id-dritt li jitolbu assistenza mill-Ministeru għall-Ġustizzja jew mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Estonja u li jinvolvu lill-esperti (l-Artikolu 4(3) tal-ADIP).

Il-partijiet fil-proċedura ċivili huma mistennija biss li jippruvaw id-dritt fis-seħħ lil hinn mir-Repubblika tal-Estonja, id-dritt internazzjonali jew id-dritt konswetudinarju sa fejn il-qorti ma tkunx familjari ma’ tali dritt f’konformità mal-Artikolu 234 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (minn hawn ’il quddiem “il-KPĊ”). Il-qorti tista’ tuża wkoll sorsi oħra ta’ informazzjoni u twettaq atti oħra biex tiddetermina l-kontenut tal-liġi, kif deskritt fil-paragrafu preċedenti b’referenza għall-Artikolu 4 tal-ADIP.

Id-dritt tal-qorti li titlob l-informazzjoni biex tiddetermina l-kontenut tal-liġi li trid tiġi applikata huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-kontradittorju tal-proċedura ċivili. Dan il-prinċipju huwa espress primarjament permezz tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jipprevedu li l-proċedimenti f’azzjoni jitwettqu abbażi tal-fatti u t-talbiet sottomessi mill-partijiet abbażi tal-pretensjoni, u li l-partijiet ikollhom drittijiet u opportunitajiet ugwali biex jissostanzjaw il-pretensjonijiet tagħhom u jiċħdu jew jikkontestaw is-sottomissjonijiet tal-parti opposta. Meta tagħmel dan, parti tista’ tagħżel il-fatti li tissottometti sabiex tissostanzja l-pretensjoni tagħha kif ukoll l-evidenza biex tipprova dawn il-fatti.

Il-liġi tippermetti wkoll l-eċċezzjonijiet li permezz tagħhom il-liġi tal-Estonja tkun applikabbli meta, minkejja l-isforzi kollha, il-kontenut tal-liġi barranija ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat f’perjodu ta’ żmien raġonevoli (l-Artikolu 4(4) tal-ADIP).

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Bħal fi kwistjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali privat, fl-Estonja, il-liġi li tirregola l-kuntratti hija rregolata mill-ADIP, sakemm ma jkunx preskritt mod ieħor skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali. Il-liġi li tirregola kuntratt tista’ tiġi ddeterminata wkoll abbażi ta’ ftehim bejn il-partijiet jew, fil-każijiet li fihom l-ADIP ma tintitolax lill-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli, abbażi tal-liġi applikabbli ddeterminata permezz tal-kriterji stabbiliti. Peress li, skont l-Artikolu 3(2) tal-Att dwar il-Falliment, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili japplikaw għal proċedimenti ta’ falliment sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Att dwar il-Falliment u, skont l-Artikolu 8(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-proċedimenti ta’ kawża fil-qorti jitmexxew abbażi tad-dritt proċedurali ċivili Estonjan, il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ falliment imwettqa fl-Estonja hija l-liġi Estonjana jew il-liġi applikabbli abbażi ta’ ftehim bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-liġi applikabbli stabbilita abbażi tal-kriterji previsti fl-ADIP.

L-ADIP jistipula li l-kuntratti jridu jkunu rregolati mil-liġi tal-pajjiż miftiehem mill-partijiet. Il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi li tirregola l-kuntratt kollu jew parti minnu jekk il-kuntratt ikun jinqasam b’tali mod (l-Artikolu 32(1) u (2) tal-Att). Madankollu, l-għażla tal-liġi regolatorja bi ftehim mhijiex assoluta. Fl-Artikolu 32(3) tal-Att hemm stipulat li l-fatt li l-partijiet ikunu għażlu l-liġi barranija biex tirregola kuntratt, irrispettivament minn jekk għażlux jew le l-ġuriżdizzjoni barranija wkoll, ma jippreġudikax, meta l-elementi kollha rilevanti għall-kuntratt fil-waqt tal-għażla jkunu marbuta biss ma’ pajjiż wieħed, l-applikazzjoni ta’ tali regoli tal-liġi tal-pajjiż li ma jistax ikun hemm deroga minnhom permezz tal-kuntratt (ir-regoli mandatorji).

Fil-każijiet li fihom il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi li tirregola kuntratt, il-kuntratt ikun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li l-kuntratt huwa marbut l-aktar miegħu. Jekk il-kuntratt ikun jinqasam u parti mill-kuntratt tkun indipendentement marbuta aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor, tali parti tista’ tkun irregolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor (l-Artikolu 33(1) tal-ADIP).

Kuntratt ikun preżunt li huwa marbut l-aktar mill-qrib mal-pajjiż fejn il-parti li jkollha twettaq l-obbligu li fuqu jissejjes il-kuntratt, ikollha, fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt, id-domiċilju tagħha jew, fil-każ tal-korp maniġerjali ta’ dik il-parti, is-sede tagħha. Jekk il-kuntratt jiġi konkluż fil-qafas ta’ attività ekonomika jew professjonali tal-parti li jkollha twettaq l-obbligu li fuqu jissejjes il-kuntratt, ikun preżunt li l-kuntratt għandu l-eqreb rabtiet mal-pajjiż li fih tinsab is-sede prinċipali ta’ dik il-parti. Jekk il-kuntratt jirrikjedi li l-obbligu li fuqu jissejjes il-kuntratt jitwettaq f’sede li ma tkunx is-sede prinċipali, ikun preżunt li l-kuntratt għandu l-eqreb rabtiet mal-pajjiż li fih tkun tinsab din is-sede l-oħra (l-Artikolu 33(2) tal-ADIP).

Għall-proprjetà immobbli u għall-kuntratti ta’ trasport, huma previsti derogi mir-regola ġenerali dwar il-post tal-prestazzjoni ta’ kuntratt. Jekk l-oġġett ta’ kuntratt ikun dritt fi proprjetà immobbli jew dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli, ikun preżunt li l-kuntratt għandu l-eqreb rabtiet mal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli (l-Artikolu 33(4) tal-ADIP). Għal kuntratt ta’ trasport, il-kuntratt ikun preżunt li jkun marbut l-aktar mill-qrib mal-pajjiż fejn ikun jinsab il-post prinċipali tan-negozju tat-trasportatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jekk il-post tat-tluq jew tad-destinazzjoni jew, fil-każ ta’ kuntratt għall-ġarr tal-merkanzija, il-post prinċipali tan-negozju tal-konsenjatur jew il-post tat-tagħbija jew tal-ħatt ikun jinsab ukoll fl-istess pajjiż (l-Artikolu 33(5) tal-ADIP).

Għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi (l-Artikolu 34 tal-ADIP), kuntratti ta’ impjieg (l-Artikolu 35 tal-ADIP) u kuntratti tal-assigurazzjoni (l-Artikoli 40-47 tal-ADIP) japplikaw ukoll regoli speċjali. L-għan ta’ dawn ir-regoli speċjali huwa li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur, l-impjegat u d-detentur tal-polza bħala parti aktar dgħajfa fil-kuntratt.

Fil-każ ta’ kuntratti tal-konsumatur, huwa possibbli wkoll li tiġi ddeterminata l-liġi li tirregola l-kuntratt bi ftehim, iżda tali ftehim ma jistax jirriżulta fiċ-ċaħda tal-protezzjoni lill-konsumatur mogħtija lilu mir-regoli mandatorji tal-pajjiż tad-domiċilju tiegħu jekk: 1) fil-pajjiż tad-domiċilju tal-konsumatur, id-dħul fil-kuntratt kien preċedut minn offerta speċifika indirizzata lill-konsumatur jew minn reklamar, u l-konsumatur wettaq f’dak il-pajjiż l-atti kollha meħtieġa għad-dħul fil-kuntratt; 2) il-parti kuntrattwali tal-konsumatur jew rappreżentant tagħha jkun għalhekk irċieva l-ordni tal-konsumatur fil-pajjiż tad-domiċilju tal-konsumatur; 3) il-kuntratt ikun għall-bejgħ ta’ oġġetti u l-konsumatur ivvjaġġa mill-pajjiż tad-domiċilju tiegħu lejn pajjiż ieħor u għamel l-ordni tiegħu hemmhekk, sakemm il-vjaġġ tal-konsumatur kien organizzat mill-bejjiegħ bl-iskop li jħeġġeġ lill-konsumatur jidħol fil-kuntratt. Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-liġi regolatorja, il-kuntratti tal-konsumatur huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-konsumatur.

Fil-każ ta’ kuntratt ta’ impjieg, l-għażla tal-liġi ma tistax twassal biex l-impjegat jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli mandatorji tal-liġi tal-pajjiż li tkun applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli. Fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli, kuntratt ta’ impjieg ikun irregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn: 1) l-impjegat jagħmel xogħlu abitwalment għall-prestazzjoni tal-kuntratt, anke jekk ikun impjegat temporanjament f’pajjiż ieħor; 2) ikun jinsab il-post tan-negozju minn fejn ġie rreklutat l-impjegat, jekk l-impjegat ma jagħmilx xogħlu abitwalment f’pajjiż wieħed partikolari.

Il-kuntratti tal-assigurazzjoni huma soġġetti għal regoli kemxejn aktar speċifiċi. L-Artikoli 42-44 jippreskrivu t-termini u l-kundizzjonijiet li l-ftehimiet dwar il-liġi regolatorja jistgħu jkunu bbażati fuqhom. Jekk il-partijiet f’kuntratt tal-assigurazzjoni ma jkunux qablu dwar il-liġi li tirregola dak il-kuntratt u d-domiċilju jew il-korp maniġerjali tad-detentur tal-polza u r-riskju assigurat ikunu jinsabu fit-territorju tal-istess pajjiż, tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż (l-Artikolu 45(1) tal-ADIP). Jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-kuntratt ikun marbut l-aktar mill-qrib miegħu. Huwa preżunt li l-kuntratt ikun marbut l-aktar mill-qrib mal-pajjiż fejn jinsab ir-riskju assigurat (l-Artikolu 45(2) tal-ADIP).

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Il-liġi tal-Estonja tipprevedi raġunijiet differenti għall-għażla tal-liġi skont in-natura tal-obbligu mhux kuntrattwali inkwistjoni.

Il-pretensjonijiet kontra l-arrikkiment indebitu li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligu huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż li tirregola r-relazzjoni legali effettiva jew preżunta li abbażi tagħha twettaq l-obbligu; il-pretensjonijiet kontra l-arrikkiment indebitu li jirriżultaw mill-ksur ta’ dritt ta’ persuna oħra huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih iseħħ il-ksur. F’każijiet oħra, il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn arrikkiment indebitu huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ l-arrikkiment indebitu (l-Artikolu 48¹ (1)-(3) tal-ADIP).

Il-pretensjonijiet li jirriżultaw minn negotiorum gestio huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż li fih in-negotiorum gestor wettaq l-att, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ persuna oħra huma rregolati mil-liġi li tirregola tali obbligi (l-Artikolu 49(1)-(2) tal-ADIP).

Bħala regola ġenerali, il-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-ikkaġunar illeċitu ta’ dannu huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn twettaq jew seħħ l-att jew l-avveniment li huwa l-bażi għall-ikkawżar tad-dannu. Jekk il-konsegwenzi ma jimmanifestawx ruħhom fil-pajjiż li fih ikun twettaq jew seħħ l-att jew tal-avveniment li fuqu tibbaża l-pretensjoni, għandha tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż li fih ikunu feġġew il-konsegwenzi tal-att jew tal-avveniment, fuq talba tal-parti offiża (l-Artikolu 50(1)-(2) tal-ADIP). Madankollu, għall-kumpens dovut għall-ikkaġunar illeċitu ta’ dannu tapplika restrizzjoni. Jekk pretensjoni li tirriżulta mill-ikkaġunar illeċitu ta’ dannu tkun irregolata minn liġi barranija, tali kumpens ordnat fl-Estonja ma għandux ikun sostanzjalment akbar mill-kumpens preskritt mil-liġi tal-Estonja għal dannu simili (l-Artikolu 52 tal-ADIP).

L-Att jippermetti wkoll lill-partijiet li jaqblu li japplikaw il-liġi tal-Estonja wara li jseħħ avveniment jew li jitwettaq att li minnu jirriżulta obbligu mhux kuntrattwali. L-għażla tal-liġi ma taffettwax id-drittijiet tal-partijiet terzi (l-Artikolu 54 tal-ADIP).

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Ma tapplika l-ebda regola separata dwar il-liġi applikabbli għall-ismijiet tal-persuni skont il-liġi tal-Estonja.

Il-liġi tal-Estonja tapplika għall-iddeterminar tad-domiċilju ta’ persuna fiżika (l-Artikolu 10 tal-ADIP). Iċ-ċittadinanza ta’ persuna fiżika hija ddeterminata skont il-liġi tal-pajjiż li ċ-ċittadinanza tiegħu tkun inkwistjoni; jekk persuna fiżika jkollha bosta ċittadinanzi, tapplika ċ-ċittadinanza tal-pajjiż li miegħu jkollha l-eqreb rabtiet; u għal persuna mingħajr Stat, persuna li ċ-ċittadinanza tagħha ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata jew refuġjat, japplika d-domiċilju tal-persuna minflok iċ-ċittadinanza tagħhom (l-Artikolu 11(1)-(3) tal-ADIP).

Il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju ta’ persuna fiżika tapplika għall-kapaċità ġuridika passiva u attiva tagħha, iżda bidla fid-domiċilju ma tirrestrinġix il-kapaċità ġuridika attiva li tkun inkisbet diġà (l-Artikolu 12(1)-(2) tal-ADIP).

Regola speċjali tispeċifika meta persuna tista’ titlob għall-inabilità ġuridika; madankollu, it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-familja jew mid-dritt tas-suċċessjoni u t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-beni immobbli li jkunu jinsabu f’pajjiż ieħor huma eżenti mir-regola (l-Artikolu 12(4) tal-ADIP). Madankollu, ir-regola ġenerali tipprevedi li jekk persuna twettaq tranżazzjoni meta ma jkollhiex il-kapaċità ġuridika attiva jew meta l-kapaċità ġuridika attiva tagħha tkun ristretta skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tagħha, din il-persuna ma jkollhiex permess li titlob għall-inabilità ġuridika jekk ikollha kapaċità ġuridika attiva skont il-liġi tal-pajjiż li fih tkun wettqet din it-tranżazzjoni. Ir-regola ġenerali ma tapplikax jekk il-parti l-oħra tkun jew missha kienet konxja min-nuqqas ta’ kapaċità ġuridika attiva tal-persuna (l-Artikolu 12(3) tal-ADIP).

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Ir-relazzjonijiet familjali bejn ġenitur u wild huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-wild (l-Artikolu 65 tal-ADIP). Il-jeddijiet u d-dmirijiet reċiproċi tal-ġenituri u tal-ulied jirriżultaw mill-parentela tal-ulied, li hija ddeterminata f’konformità mal-proċedura stipulata mil-liġi; il-parentela mhijiex soġġetta għal regoli separati dwar il-liġi applikabbli.

Il-parentela trid tiġi ddeterminata jew ikkontestata skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-wild fil-waqt tat-twelid; madankollu, f’każijiet speċjali, il-parentela tista’ wkoll tiġi ddeterminata jew ikkontestata skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-ġenitur jew il-pajjiż tad-domiċilju tal-wild fil-waqt tal-kontestazzjoni (l-Artikolu 62 tal-ADIP).

3.4.2 L-adozzjoni

L-adozzjoni hija rregolata mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-ġenitur adottiv. L-adozzjoni mill-konjuġi hija rregolata mil-liġi li tirregola l-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ fil-waqt tal-adozzjoni (l-Artikolu 63(1) tal-ADIP). Dan ifisser li l-adozzjoni mill-konjuġi hija prinċipalment irregolata mil-liġi tal-pajjiż komuni tad-domiċilju tal-konjuġi (l-Artikolu 57(1) tal-ADIP), iżda l-Att jelenka wkoll lista fl-ordni dixxendenti ta’ raġunijiet alternattivi għall-għażla tal-liġi għall-każijiet li fihom il-konjuġi ma jkollhomx pajjiż komuni tad-domiċilju (l-Artikoli 57(2)-(4) tal-ADIP).

Jekk l-adozzjoni ta’ wild skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-wild tirrikjedi l-kunsens tal-wild jew ta’ persuna oħra f’relazzjoni, koperta mid-dritt tal-familja, mal-wild, għall-kunsens tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż (l-Artikolu 63(2) tal-ADIP).

Jekk adozzjoni tkun irregolata minn liġi barranija jew jekk wild ikun adottat abbażi ta’ sentenza ta’ qorti barranija, l-Att jispeċifika separatament li adozzjoni bħal din għandha l-istess effett fl-Estonja bħal dak skont il-liġi li l-wild ikun ġie adottat skontha (l-Artikolu 64 tal-ADIP). Għandu jkun misħuq ukoll li meta jkun adottat wild li d-domiċilju tiegħu jkun fl-Estonja, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-adozzjoni li jirriżultaw mil-liġi tal-Estonja, ukoll iridu jkunu ssodisfati, kif mitlub mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-wild jew tal-konjuġi (l-Artikolu 63(3) tal-ADIP).

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Il-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ huma prinċipalment iddeterminati mil-liġi tal-pajjiż komuni tad-domiċilju tal-konjuġi (l-Artikolu 57(1) tal-ADIP), iżda l-Att jelenka wkoll serje ta’ raġunijiet alternattivi għall-għażla tal-liġi applikabbli għall-każijiet li fihom il-konjuġi ma jkollhomx pajjiż komuni tad-domiċilju: l-istess ċittadinanza, l-aktar pajjiż komuni reċenti tad-domiċilju jekk wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi fl-istess pajjiż jew, fin-nuqqas ta’ dan, tkun applikata l-liġi tal-pajjiż li l-konjuġi jkollhom l-eqreb rabtiet alternattivi miegħu (l-Artikolu 57(2)-(4) tal-ADIP).

Il-liġi tal-Estonja tapplika għall-proċedura għaż-żwieġ fl-Estonja. Żwieġ li jkun ġie ċċelebrat f’pajjiż barrani jitqies validu fl-Estonja jekk ikun ġie konkluż skont il-proċedura adegwata stipulata mil-liġi tal-pajjiż li fih ikun ġie ċċelebrat iż-żwieġ u jkun issodisfa l-prerekwiżiti materjali għaż-żwieġ speċifikati mil-liġijiet tal-pajjiżi tad-domiċilju taż-żewġ konjuġi (l-Artikolu 55(1)-(2) tal-ADIP).

Bħala regola ġenerali, il-prerekwiżiti għaż-żwieġ u x-xkiel għalih u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-konjuġi prospettiv (l-Artikolu 56(1) tal-ADIP). Żwieġ preċedenti ta’ konjuġi prospettiv mhuwiex ta’ xkiel għall-konklużjoni ta’ żwieġ ġdid jekk iż-żwieġ preċedenti jkun inġieb fi tmiemu permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret jew li tkun rikonoxxuta fl-Estonja, anki jekk din id-deċiżjoni ma tkunx konformi mal-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tal-konjuġi prospettiv (l-Artikolu 56(3) tal-ADIP).

Fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-prerekwiżiti għaż-żwieġ, tapplika regola speċjali għaċ-ċittadini tal-Estonja; din tistipula li jekk ċittadin tal-Estonja ma jkunx jissodisfa prerekwiżit għaż-żwieġ skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tiegħu, tapplika l-liġi tal-Estonja jekk il-persuna tissodisfa l-prerekwiżiti għaż-żwieġ skont il-liġi tal-Estonja (l-Artikolu 56(2) tal-ADIP).

3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Il-liġi tal-Estonja ma tipprovdi l-ebda regola dwar il-liġi applikabbli għall-koabitazzjoni jew għas-sħubija. Ir-regoli stipulati fl-ADIP għall-aktar relazzjonijiet legali simili għandhom ikunu applikati biex tkun iddeterminata l-liġi applikabbli. Skont in-natura tal-koabitazzjoni jew tas-sħubija, jistgħu jkunu adattati r-regoli applikabbli għall-obbligi kuntrattwali jew għar-relazzjonijiet koperti mid-dritt tal-familja.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Id-divorzji jingħataw skont il-liġi li tirregola l-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ li jkunu applikabbli hekk kif jinbdew il-proċedimenti għad-divorzju (l-Artikoli 60(1) u 57 tal-ADIP). Dan ifisser li d-divorzji huma primarjament irregolati mil-liġi tal-pajjiż komuni tad-domiċilju tal-konjuġi (l-Artikolu 57(1) tal-ADIP), iżda l-Att jelenka wkoll serje ta’ raġunijiet alternattivi għall-għażla tal-liġi applikabbli għall-każijiet li fihom il-konjuġi ma jkollhomx pajjiż komuni tad-domiċilju: l-istess ċittadinanza, l-aktar pajjiż komuni reċenti tad-domiċilju jekk wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi fl-istess pajjiż jew, fin-nuqqas ta’ dan, tkun applikata l-liġi tal-pajjiż li l-konjuġi jkollhom l-eqreb rabtiet alternattivi miegħu (l-Artikolu 57(2)-(4) tal-ADIP).

B’eċċezzjoni, il-liġi tal-Estonja tista’ tkun applikata minflok il-liġi barranija jekk divorzju ma jkunx permess skont il-liġi li tirregola l-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ (l-Artikolu 57 tal-ADIP) jew ikun permess biss taħt kundizzjonijiet stretti ferm. Din l-eċċezzjoni tapplika, bil-kundizzjoni li wieħed mill-konjuġi jkun jirrisjedi fl-Estonja jew ikollu ċittadinanza tal-Estonja jew kien jirrisjedi fl-Estonja jew kellu ċittadinanza tal-Estonja fil-waqt taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (l-Artikolu 60(1)-(2) tal-ADIP).

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Ma hemm l-ebda regola nazzjonali dwar id-dritt internazzjonali privat applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjali u jingħataw referenzi għal-leġiżlazzjoni internazzjonali rilevanti.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Il-konjuġi għandhom il-permess li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom fir-rigward tal-proprjetà matrimonjali. Għaldaqstant, jekk il-konjuġi jkunu għażlu l-liġi applikabbli, tiġi applikata l-liġi magħżula minnhom. Madankollu, il-konjuġi ma għandhomx il-permess li jagħżlu l-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż li jixtiequ. Jistgħu jagħżlu bejn il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konjuġi jew dik tal-pajjiż taċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-konjuġi. Jekk wieħed mill-konjuġi jkollu għadd ta’ ċittadinanzi, tista’ tintgħażel il-liġi ta’ kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi taċ-ċittadinanza (l-Artikolu 58(1) tal-ADIP).

Fl-Estonja, l-għażla tal-liġi applikabbli hija soġġetta għal rekwiżiti formali mandatorji. L-għażla tal-liġi applikabbli għad-drittijiet tal-proprjetà tal-konjuġi trid tkun stabbilita permezz ta’ att notarili. Jekk il-liġi applikabbli ma tintgħażilx fl-Estonja, l-għażla tal-liġi tkun valida formalment jekk tinżamm il-konformità mar-rekwiżiti formali għall-kuntratti tal-proprjetà matrimonjali preskritti mil-liġi magħżula (l-Artikolu 58(2) tal-ADIP).

Jekk il-konjuġi ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, id-drittijiet tal-proprjetà tal-konjuġi jkunu rregolati mil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ fil-waqt li fih ikunu kkonkludew il-kuntratt taż-żwieġ tagħhom (l-Artikoli 58(3) u 57 tal-ADIP). Il-konsegwenzi legali ġenerali taż-żwieġ huma primarjament irregolati mil-liġi tal-pajjiż komuni tad-domiċilju tal-konjuġi (l-Artikolu 57(1) tal-ADIP), u fin-nuqqas tagħha mil-liġi tal-pajjiż komuni taċ-ċittadinanza tal-konjuġi, mil-liġi tal-aktar pajjiż komuni reċenti tad-domiċilju tagħhom jekk wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi fl-istess pajjiż jew, fin-nuqqas tat-tlieta li huma, tkun applikata l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-konjuġi jkollhom l-eqreb rabtiet alternattivi (l-Artikolu 57(2)-(4) tal-ADIP).

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Is-suċċessjoni hija rregolata mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju l-aktar reċenti tat-testatur. Persuna tista’ tistipula fit-testment jew kuntratt ta’ suċċessjoni tagħha li l-liġi tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha tapplika għall-patrimonju tagħha. Tali stipulazzjoni hija invalida jekk il-persuna ma tibqax ċittadin tal-pajjiż korrispondenti fil-mument ta’ mewtha.

Il-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiddetermina, b’mod partikolari, dan li ġej: 1) it-tipi u l-effetti tad-dispożizzjonijiet testamentarji; 2) il-kapaċità ta’ persuna li tiret u l-iskwalifika mis-suċċessjoni; 3) l-iskala tas-suċċessjoni; 4) is-suċċessuri u r-relazzjoni ta’ bejniethom; u 5) ir-responsabbiltà għad-djun tat-testatur.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-kunflitti tal-liġijiet relatati mal-forma tad-dispożizzjonijiet testamentarji tapplika għall-forma ta’ testmenti u kuntratti ta’ suċċessjoni.

Persuna tista’ tagħmel, temenda jew tirrevoka t-testment tagħha jekk ikollha l-kapaċità rilevanti skont il-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tagħha fil-mument li tagħmel, temenda jew tirrevoka t-testment. Jekk, skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż, il-persuna ma jkollhiex il-kapaċità ġuridika li tagħmel testment, hija tista’ tagħmel, temenda jew tirrevoka t-testment tagħha jekk tkun intitolata tagħmel hekk skont il-liġi tal-pajjiż li kienet ċittadin tiegħu fil-mument meta għamlet, emendat jew irrevokat it-testment. Bidla fid-domiċilju jew fiċ-ċittadinanza ma tirrestrinġi l-ebda kapaċità ġuridika diġà miksuba biex isir testment. Dan japplika għall-kapaċità ta’ persuna li tikkonkludi, temenda jew ittemm kuntratt ta’ suċċessjoni, rispettivament.

Il-kuntratti ta’ suċċessjoni huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tat-testatur fil-mument tad-dħul fil-kuntratt jew mil-liġi tal-pajjiż taċ-ċittadinanza jekk ikun determinat hekk minn dik il-persuna. Il-liġi regolatorja tiddetermina l-ammissibbiltà, il-validità, il-kontenut u s-saħħa vinkolanti ta’ kuntratt ta’ suċċessjoni, u l-konsegwenzi tal-kuntratt skont il-liġi tas-suċċessjoni.

Meta jsir testment reċiproku, dan irid jikkonforma mal-liġijiet tal-pajjiżi tad-domiċilju taż-żewġ testaturi jew mal-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju ta’ wieħed mill-konjuġi, magħżula b’mod konġunt mit-testaturi.

3.8 Proprjetà reali

Il-ħolqien jew it-tmiem ta’ dritt in rem huwa ddeterminat abbażi tal-liġi tal-pajjiż li fih kienet tinsab il-proprjetà fil-waqt tal-ħolqien jew tat-tmiem tad-dritt. Bħala restrizzjoni, dritt in rem ma jridx ikun eżerċitat f’kunflitt mal-prinċipji essenzjali tal-lex situs tal-proprjetà (l-Artikolu 12(2) tal-ADIP).

3.9 Insolvenza

Peress li, skont l-Artikolu 3(2) tal-Att dwar il-Falliment, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili japplikaw għall-proċedimenti ta’ falliment sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Att dwar il-Falliment u, skont l-Artikolu 8(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-proċedimenti ta’ kawża fil-qorti jitwettqu abbażi tad-dritt proċedurali ċivili Estonjan, il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ falliment imwettqa fl-Estonja hija l-liġi Estonjana.

L-aħħar aġġornament: 26/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.