Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Bejn l-2007 u l-2016, l-UE kkodifikat ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet ta’ oqsma importanti tad-dritt privat fl-għamla ta’ Regolament (b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 (ir-“Regolament Ruma I”), ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 (ir-“Regolament Ruma II”) u r-Regolament (UE) Nru 650/2012 (ir-“Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni”). Għal ħarsa ġenerali, irreferi għall-gwida “Il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fl-Unjoni Ewropea”. B’konsegwenza ta’ dan, l-ambitu tar-regoli awtonomi tal-Ġermanja dwar il-konflitt tal-liġijiet kompla jidjieq.

Is-sors ewlieni tar-regoli domestiċi Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet (jew għad-Dritt Internazzjonali Privat) huwa l-Att Introduttorju għall-Kodiċi Ċivili (Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche – EGBGB), b’mod partikolari l-Artikoli minn 3 sa 48. Skont l-Artikolu 3 EGBGB, ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-konvenzjonijiet internazzjonali għandhom jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

Il-liġi Ġermaniża tinkludi wkoll regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet imxerrdin fi bnadi oħra li mhumiex l-EGBGB, pereżempju fil-Kodiċi tal-Insolvenza (Insolvenzordnung – InsO).

F’oqsma li mhumiex irregolati mil-leġiżlazzjoni, pereżempju fid-Dritt Internazzjonali tal-Kumpaniji, il-liġi applikabbli hija ddeterminata mill-qrati.

L-osservazzjonijiet fil-punt 2 huma limitati fis-sustanza tagħhom għar-regoli domestiċi Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Lista tal-konvenzjonijiet multilaterali kollha ffirmati u rratifikati mill-Ġermanja tinsab fid-Direttorju B tal-Gazzetta tad-Dritt Federali (Bundesgesetzblatt). Il-konvenzjonijiet multilaterali internazzjonali elenkati jinkludu konvenzjonijiet li jinkludi regoli unifikati dwar il-konflitt tal-liġijiet.

Konvenzjonijiet multilaterali ta’ din ix-xorta ta’ sikwit jinbdew minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Ma tistax ma tissemmiex il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li l-Ġermanja ilha sew membru tagħha.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Dispożizzjonijiet individwali dwar il-konflitt tal-liġijiet jistgħu jkunu inklużi wkoll fil-konvenzjonijiet bilaterali. Fid-Direttorju B tal-Gazzetta tad-Dritt Federali hemm lista ta’ konvenzjonijiet ta’ din ix-xorta bejn il-Ġermanja u stati oħra (ara l-punt 1.2 aktar ’il fuq).

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-kwistjonijiet ta’ konflitt tal-liġijiet ma jfeġġux biss f’tilwimiet fil-qrati. Sħab fin-negozju fi stati differenti jeħtiġilhom li jkunu jafu liema liġi tirregola l-kuntratt ta’ bejniethom, irrispettivament minn kull tilwima legali fil-futur. Dik il-liġi tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Is-sewwieqa tal-karozzi li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fuq btala fi stati oħra jridu jkunu konxji mil-liġi li jridu jwieġbu għaliha f’każ li jikkaġunaw inċident tat-traffiku hemmhekk. Dik il-liġi tiddetermina n-natura u l-iskala ta’ kull kumpens.

Fil-każijiet li fihom il-fatti ta’ tilwima jindikaw xi rabta mal-liġi ta’ stat ieħor, qorti Ġermaniża li tiddeċiedi dwar il-każ tiddetermina liema liġi trid tiġi applikata billi tirreferi għar-regoli Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet. L-imħallfin Ġermaniżi jridu jkunu midħla tar-regoli Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet. Iridu japplikawhom irrispettivament minn jekk il-parti tressaqx talba għalihom jew le.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Jekk skont ir-regoli Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet, tkun applikabbli l-liġi ta’ stat ieħor iżda l-liġi ta’ dak l-istat min-naħa tagħha tirreferi ulterjorment għal-liġi ta’ stat ieħor, il-liġi Ġermaniża ġeneralment taċċetta r-riferiment ulterjuri, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) EGBGB, soġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi fl-atti ġuridiċi tal-UE jew fil-konvenzjonijiet internazzjonali. Jekk il-liġi barranija terġa’ tirreferi għal-liġi Ġermaniża, japplikaw id-dispożizzjonijiet sostantivi Ġermaniżi (it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) EGBGB).

Fil-każijiet li fihom, id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar il-konflitt tal-liġijiet jippermettu lill-partijiet li jagħżlu s-sistema legali applikabbli, fl-Artikolu 4(2) EGBGB hemm stipulat li l-għażla tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet sostantivi.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

It-tibdil fil-liġi applikabbli f’sitwazzjoni li fiha l-fatti tal-kwistjoni jkunu għadhom suxxettibbli li jinbidlu huwa fenomenu familjari fil-liġi Ġermaniża. Pereżempju, id-drittijiet in rem huma fil-prinċipju vvalutati skont il-liġi tal-post li fih tkun tinsab il-proprjetà, li jfisser li jekk il-post ta’ oġġett jinbidel jaf isir irregolat minn sistema legali differenti.

Bidla fil-fattur ta’ konnessjoni bħal pereżempju bidla fin-nazzjonalità, hija aċċettata wkoll f’oqsma oħra tal-liġi.

Madankollu, l-ebda bidla fil-liġi applikabbli ma hija possibbli jekk ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet jistabbilixxu ħin speċifiku ta’ konnessjoni. Pereżempju, sabiex tkun iddeterminata l-liġi li tirregola suċċessjoni, il-fattur ta’ konnessjoni fil-każ ta’ persuni deċeduti fis-17 ta’ Awwissu 2015 jew wara, ikun il-post tar-residenza abitwali tat-testatur fil-mument tal-mewt (ara l-punt 3.7 aktar ’l isfel).

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

L-Artikolu 6 EGBGB jesprimi r-riżerva tal-Ġermanja rigward l-ordni pubbliku, li permezz tagħha liġi barranija ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni tagħha tkun inkompatibbli biċ-ċar mal-prinċipji fundamentali tal-liġi Ġermaniża. “Prinċipji fundamentali” hawnhekk tfisser il-prinċipji bażiċi tal-ġustizzja. Ġeneralment, din tirreferi għal ksur serju tad-drittijiet fundamentali garantiti fil-Kostituzzjoni Ġermaniża. Għall-applikabbiltà tar-riżerva tal-ordni pubbliku huwa importanti wkoll li l-fatti tal-każ ikunu jippreżentaw konnessjoni domestika; inkella s-sistema legali Ġermaniża ma tistax tkun involuta. Anki hawnhekk, il-preċedenza għandha tingħata lil kull regola speċjali, b’mod partikolari dawk stipulati fl-istrumenti ġuridiċi tal-UE li jieħdu preċedenza (ara, pereżempju, l-Artikolu 21 tar-Regolament Ruma I, l-Artikolu 26 tar-Regolament Ruma II u l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni). Hemm eċċezzjoni oħra għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet li tapplika fil-każ ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. Fl-ambitu ta’ dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, ir-regoli nazzjonali jiġu applikati b’mod mandatorju, billi r-rispett ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jitqies bħala kruċjali minn pajjiż biex jissalvagwardja l-interessi pubbliċi tiegħu, b’mod partikolari l-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji jiksbu l-aqwa importanza tagħhom fi kwistjonijiet ta’ obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali. Fl-istrumenti ġuridiċi tal-UE li jieħdu preċedenza (ara b’mod partikolari l-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, li fih definizzjoni ġuridika, u l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II”) u fil-konvenzjonijiet internazzjoni hemm stipulati regoli speċjali dwar is-suġġett.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-qrati Ġermaniżi, mhux biss iridu japplikaw ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet fuq deċiżjoni tagħhom stess, iżda skont l-Artikolu 293 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO), huma obbligati wkoll li, wara kunsiderazzjoni dovuta, jiddeterminaw is-sustanza tal-liġi barranija applikabbli. Biex jagħmlu dan, ma jistgħux jillimitaw ruħhom għall-qari tal-leġiżlazzjoni barranija: il-qorti trid tikkunsidra t-trattament tal-leġiżlazzjoni fid-duttrina u fil-ġurisprudenza. Il-qorti trid tqiegħed lilha nnifisha f’pożizzjoni li tkun tista’ tapplika l-liġi barranija bl-istess mod ta’ qorti fil-pajjiż ikkonċernat.

Biex jiddeterminaw is-sustanza ta’ liġi barranija, il-qrati jistgħu jużaw kull sors ta’ referenza għad-disponibbiltà tagħhom.

  • Il-Konvenzjoni Ewropea dwar Informazzjoni rigward il-Liġi Barranija, iffirmata f’Londra fis-7 ta’ Ġunju 1968 tipprovdi sors ta’ informazzjoni għall-istati kontraenti. Ir-rikjesta trid tintbagħat lill-aġenzija kompetenti tal-istat barrani kkonċernat permezz tal-aġenzija riċeventi/trasmittenti kompetenti.
  • Minflok rikjesta għal informazzjoni ġuridika skont il-Konvenzjoni Ewropea ta’ Londra, il-qorti tista’ tikseb ukoll opinjoni legali mingħand espert, dment li l-espert ikollu wkoll għarfien rigward l-applikazzjoni prattika tal-liġi barranija.
  • Għal kwistjonijiet aktar sempliċi, f’ċerti ċirkostanzi, l-informazzjoni miksuba mill-punt ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali jew mir-riċerka tal-qorti stess dwar il-liġi barranija, jaf tkun biżżejjed biex tiġi stabbilita s-sustanza tal-liġi barranija.

Il-qrati jistgħu wkoll jappellaw għall-kooperazzjoni tal-partijiet għall-prova ta’ liġi barranija, iżda mhumiex marbuta bl-interpretazzjoni tagħhom. Għaldaqstant jistgħu jagħmlu użu minn kull sors ta’ referenza, fuq deċiżjoni tagħhom stess, mingħajr ma jkunu marbuta bl-evidenza ppreżentata mill-partijiet.

F’każijiet ta’ eċċezzjoni, li fihom minkejja d-diliġenza kollha dovuta, il-kontenut tal-liġi barranija ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, trid tiġi minflok applikata l-liġi Ġermaniża.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Il-kuntratti ta’ bejgħ internazzjonali huma soġġetti l-ewwel u qabel kollox għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija, li tapplika awtomatikament bejn in-negozji ta’ kwalunkwe stat kontraenti minn fost l-għadd kbir ta’ stati kontraenti sakemm il-partijiet ma jkunux eskludewha b’mod ċar biżżejjed, pereżempju billi “jirrinunzjaw għall-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bejgħ”.

Għall-kuntratti ta’ wegħda ta’ bejgħ l-oħra kollha li ġew konklużi mis-17 ta’ Diċembru 2009 ’l quddiem, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli hija ddeterminata, fil-prinċipju, skont ir-Regolament Ruma I, sakemm il-kuntratt ma jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, bħall-kuntratti tal-liġi dwar il-proprjetà. Barra minn hekk, japplikaw ukoll l-Artikoli 46b sa 46d EGBGB.

Sas-17 ta’ Diċembru 2009, kienet tapplika l-verżjoni l-qadima tal-Artikolu 27 et seq. EGBGB. Din kienet ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980. Hija tħassret b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009, iżda għadha tapplika għall-kuntratti konklużi qabel dik id-data.

Għal ċerti kuntratti tal-assigurazzjoni konklużi qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli minn 7 sa 14 tal-Att Introduttorju tal-Att dwar l-Assigurazzjoni (Einführungsgesetz zum Versicherungsvertragsgesetz – EGVVG), fil-verżjoni b’validità sas-16 ta’ Diċembru 2009, jinkludu regoli speċjali dwar il-konflitt tal-liġijiet.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Mill-11 ta’ Jannar 2009, l-għażla tas-sistema legali applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali, ġeneralment kienet iddeterminata mir-Regolament Ruma II, issupplimentat mill-Artikolu 46a EGBGB.

F’każijiet mhux koperti mir-Regolament, bħal, pereżempju, ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-personalità ta’ dak li jkun (Persönlichkeitsrecht), il-liġi Ġermaniża tipprevedi regoli speċifiċi dwar il-konflitt tal-liġijiet għall-iddeterminar ta’ liema liġi tal-pajjiż tkun tapplika; dawn ir-regoli huma stipulati fl-Artikoli 38a sa 42 EGBGB.

L-Artikolu 38 EGBGB jistipula regoli dwar il-liġi li trid tiġi applikata fir-rigward tat-tipi differenti ta’ pretensjonijiet abbażi ta’ arrikkiment indebitu.

Skont l-Artikolu 39 EGBGB, pretensjonijiet legali li jirriżultaw minn atti mwettqa mingħajr awtorità dovuta f’rabta ma’ affari ħaddieħor huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-istat li fih twettaq l-att. Għas-saldu ta’ dejn dovut minn persuna oħra tapplika regola speċjali.

Skont l-Artikolu 40 EGBGB, il-pretensjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn att illeċitu huma fil-prinċipju rregolati mil-liġi tal-post li fih tkun aġixxiet il-parti responsabbli (Recht des Handlungsorts); minflok dik il-liġi, il-parti inġurjata tista’ tagħżel li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż fejn tkun saret l-offiża (Recht des Schadenseintritts).

L-Artikolu 42 EGBGB jipprevedi li l-partijiet jistgħu, f’kull każ, jagħżlu l-liġi applikabbli għal relazzjoni mhux kuntrattwali wara l-avveniment li wassal għaliha.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41 EGBGB, is-sistema legali applikabbli tista’ tkun sostitwita b’sistema legali li, minħabba ċirkostanzi partikolari, għandha konnessjoni sostanzjalment eqreb mal-fatti tal-każ.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Skont ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet tal-Ġermanja, kwistjonijiet legali li jfeġġu minħabba l-istatus legali personali ta’ persuna fiżika huma rregolati mis-sistema legali tal-pajjiż li l-persuna kkonċernata jkollha n-nazzjonalità tiegħu (Heimatrecht). Dan japplika fil-prinċipju għall-ismijiet (għad-dettalji, ara l-Artikolu 10 EGBGB) u għall-kwistjoni dwar jekk persuna fiżika tgawdix mill-kapaċità ġuridika u mill-kapaċità li tikkonkludi kuntratt (l-Artikolu 7 EGBGB).

Fil-każijiet li fihom persuna jkollha aktar minn nazzjonalità waħda (Mehrstaater), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) EGBGB tistipula li trid issir referenza għan-“nazzjonalità effettiva”, jiġifieri n-nazzjonalità tal-istat li miegħu l-persuna b’aktar minn nazzjonalità waħda jkollha l-eqreb konnessjoni. Madanakollu, jekk, persuna b’aktar minn nazzjonalità waħda jkollha wkoll nazzjonalità Ġermaniża, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) EGBGB huwa previst li tkun tapplika biss in-nazzjonalità Ġermaniża.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Skont l-Artikolu 19 EGBGB, il-parentela ta’ wild hija soġġetta l-ewwel nett għal-liġi tal-istat li fih il-wild ikun resident abitwalment. Fir-relazzjoni ma’ kull ġenitur, il-parentela tista’ tkun iddeterminata wkoll mil-liġi tal-istat tan-nazzjonalità ta’ dak il-ġenitur. Fl-aħħar nett, jekk l-omm tkun miżżewġa, il-liġi li tirregola l-effetti taż-żwieġ (Ehewirkungsstatut) (l-Artikolu 14 EGBGB) li tapplika fil-waqt tat-twelid tista’ wkoll takkwiżixxi sinifikat fil-kwistjoni tal-iddeterminar tal-parentela. Għall-ulied imwielda qabel l-1 ta’ Lulju 1998, japplikaw regoli differenti.

Skont l-Artikolu 20 EGBGB, il-kontestazzjonijiet tal-parentela huma ġeneralment irregolati mis-sistema legali li tiddetermina l-parentela, u, meta tkun ikkontestata mill-wild, tkun iddeterminata mil-liġi applikabbli fil-post li fih il-wild ikun resident abitwalment.

3.4.2 L-adozzjoni

Mill-31 ta’ Marzu 2020, l-adozzjoni ta’ wild fil-Ġermanja kienet soġġetta għal-liġi Ġermaniża. Inkella hija rregolata mil-liġi tal-istat fejn il-persuna adottata jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-waqt tal-adozzjoni (il-verżjoni ġdida tal-Artikolu 22(1) EGBGB). Il-proċeduri ta’ adozzjoni li saru qabel il-31 ta’ Marzu 2020 huma soġġetti għad-dritt internazzjonali privat li kien japplika qabel, jiġifieri l-adozzjoni hija rregolata mil-liġi tal-istat tan-nazzjonalità tal-persuna li tadotta, fil-mument tal-adozzjoni (il-verżjoni l-qadima tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(1) EGBGB). L-adozzjoni minn konjuġi wieħed jew mit-tnejn hija rregolata mil-liġi li tirregola l-effetti ġenerali taż-żwieġ (il-verżjoni l-qadima tat-tieni sentenza tal-Artikolu 22(1) EGBGB).

Ir-rikonoxximent u l-istabbiliment tal-effettività tal-adozzjonijiet barranin huma rregolati fl-Att dwar l-effetti tal-adozzjoni ta’ wild skont il-liġi barranija (Gesetz über Wirkungen der Annahme als Kind nach ausländischem Recht) (L-Att dwar l-Effettività tal-Adozzjoni (Adoptionswirkungsgesetz – AdWirkG)).

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Il-kummenti li ġejjin huma applikabbli biss għaż-żwiġijiet bejn persuni ta’ sess oppost. Għaż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess, irreferi għal 3.5.2.

Skont l-Artikolu 13 EGBGB, il-kundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ kuntratt taż-żwieġ normalment ikunu rregolati mil-liġi tal-istat tan-nazzjonalità ta’ kull wieħed mill-għarajjes li jkunu se jiżżewġu. Tista’ minflok tapplika l-liġi Ġermaniża f’każijiet ta’ eċċezzjoni u f’ċirkostanzi partikolari.

Fil-Ġermanja, kuntratt ta’ żwieġ jista’ jkun konkluż biss fil-preżenza ta’ reġistratur, jew f’każijiet ta’ eċċezzjoni fil-preżenza ta’ persuna inkarigata apposta minn stat barrani (it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(4) EGBGB).

Jekk l-effetti ġenerali taż-żwieġ ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ir-Regolament tal-UE dwar il-Proprjetà Matrimonjali), dawn ikunu soġġetti għal-liġi magħżula mill-konjuġi (l-Artikolu 14(1) EGBGB).

3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u s-sħubijiet ċivili rreġistrati (eingetragene Lebenspartnerschaften) huma rregolati mill-Artikolu 17b EGBGB. Skont dak l-Artikolu, il-ħolqien u x-xoljiment ta’ sħubija ċivili rreġistrata, kif ukoll kwalunkwe effett ġenerali li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r- rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati (ir-Regolament tal-UE dwar il-Patrimonju tas-Sħubijiet Irreġistrati), huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż fejn tkun irreġistrata s-sħubija permanenti (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17b(1) EGBGB). L-istess japplika, mutatis mutandis, jekk il-konjuġi jkunu tal-istess sess jew tal-anqas konjuġi wieħed la jkun ta’ sess femminili u lanqas ta’ sess maskili (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17b(4) EGBGB). Mill-1 ta’ Ottubru 2017 ma baqax aktar possibbli fil-Ġermanja jinħolqu s-sħubijiet irreġistrati (l-Artikolu 3(3) tal-Att li jintroduċi d-dritt għaż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess (Eheöffnungsgesetz)) u dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17b(1) EGBGB huwa għalhekk, b’rabta mal-ħolqien ta’ sħubija permanenti, każ rari ferm ta’ regola Ġermaniża dwar il-konflitt tal-liġijiet li tkopri relazzjoni legali li tista’ timmaterjalizza biss barra mill-pajjiż.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Il-liġi applikabbli għad-divorzju ilha ddeterminata mill-21 ta’ Ġunju 2012 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ir-“Regolament Ruma III”). Ir-Regolament japplika anki meta skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, il-liġi applikabbli tkun il-liġi ta’ stat li ma jipparteċipax fil-kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 4 tar-Regolament). Id-divorzju u s-separazzjoni legali huma wkoll irregolati mir-Regolament Ruma III fil-każ ta’ żwiġijiet bejn persuni ta’ sess oppost (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17b(4) EGBGB).

L-Artikoli 17 u 17a EGBGB japplikaw b’mod komplimentarju.

Fil-Ġermanja, divorzju jista’ jkun dekretat biss minn qorti (l-Artikolu 17(3) EGBGB).

Skont l-Artikolu 17(4) EGBGB, il-liġi applikabbli għall-kondiviżjoni tal-intitolamenti tal-pensjoni hija ddeterminata mil-liġi applikabbli għad-divorzju (il-liġi dwar id-divorzju). F’ċerti ċirkostanzi li fihom il-kondiviżjoni tal-intitolamenti tal-pensjoni ma tkunx rikonoxxuta mil-liġi barranija, din tkun minflok implimentata f’konformità mal-liġi Ġermaniża, jekk dan jintalab mill-partijiet.

L-użufrutt ta’ dar matrimonjali u tal-oġġetti domestiċi li jkunu jinsabu fil-Ġermanja huwa rregolat mil-liġi sostantiva Ġermaniża (l-Artikolu 17a EGBGB).

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Il-kwistjoni dwar liema liġi hija applikabbli għat-talbiet għal manteniment bejn il-qraba jew bejn il-konjuġi ilha ddeterminata mit-18 ta’ Ġunju 2011 mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment. Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll, il-Protokoll għandu applikazzjoni universali, jiġifieri anki jekk il-liġi li trid tiġi applikata skont id-dispożizzjonijiet tiegħu tkun dik ta’ stat mhux kontraenti. Għaldaqstant ir-regoli Ġermaniżi fl-EGBGB li kienu applikabbli sa dak iż-żmien f’dak ir-rigward, tħassru.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Il-konsegwenzi patrimonjali ta’ żwieġ huma rregolati mir-Regolament tal-UE dwar il-Proprjetà Matrimonjali. Dan japplika wkoll fil-każ ta’ żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess (it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(4) EGBGB). Ir-Regolament tal-UE dwar il-Proprjetà Matrimonjali jagħti prijorità lill-awtonomija tal-partijiet: il-konjuġi futuri jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom (l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-UE dwar il-Proprjetà Matrimonjali). Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, il-fattur ta’ konnessjoni jkun il-post tar-residenza tal-konjuġi jew inkella, in-nazzjonalità tagħhom jew l-istat li miegħu, konġuntament, għandhom l-eqreb konnessjoni (ara l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-UE dwar il-Proprjetà Matrimonjali).

B’konsegwenza tad-data ta’ applikazzjoni tiegħu (it-30 ta’ Jannar 2019), ir-Regolament tal-UE dwar il-Patrimonju tas-Sħubijiet Irreġistrati ma jkoprix is-sħubijiet permanenti maħluqa fil-Ġermanja, billi mill-1 ta’ Ottubru 2017 mhuwiex possibbli li tinħoloq sħubija permanenti skont il-liġi tal-Ġermanja (ara l-punt 3.5.2 aktar ’il fuq). Skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Patrimonju tas-Sħubijiet Irreġistrati, l-għażla tal-partijiet hija wkoll il-fattur ta’ konnessjoni prinċipali (l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-UE dwar il-Patrimonju tas-Sħubijiet Irreġistrati). Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet irreġistrati hija l-liġi tal-istat li fil-qafas legali tiegħu tkun inħolqot is-sħubija rreġistrata (l-Artikolu 26(1) tar-Regolament tal-UE dwar il-Patrimonju tas-Sħubijiet Irreġistrati).

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

F’każijiet ta’ mwiet li jseħħu mis-17 ta’ Awwissu 2015 ’il quddiem, ir-regoli applikabbli bi prijorità huma dawk stipulati fir-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni. Skont dak ir-Regolament, l-aħħar post tar-residenza abitwali tat-testatur huwa l-fattur ta’ konnessjoni fundamentali għal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Is-suċċessjonijiet datati qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 huma rregolati mil-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tat-testatur fil-waqt ta’ mewtu, skont il-verżjoni l-qadima tal-Artikolu 25 EGBGB (il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 25 EGBGB tiddikjara r-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni applikabbli mutatis mutandis). Kien hemm il-possibbiltà li tintgħażel il-liġi Ġermaniża fir-rigward tal-proprjetà immobbli li tkun tinsab fil-Ġermanja.

Għas-suċċessjonijiet datati wara s-17 ta’ Awwissu 2015, ir-rekwiżiti formali għat-trasferimenti causa mortis huma rregolati mill-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 26 EGBGB, li, għad-dispożizzjonijiet testamentarji, f’termini essenzjali jipprevedi l-applikazzjoni diretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961, li l-Ġermanja, bħala stat kontraenti, ilha soġġetta għaliha sa mill-1965 (il-paragrafu 1) u, fir-rigward tal-forma ta’ trasferimenti causa mortis oħra, jirreferi għall-Artikolu 27 tar-Regolament tal-UE dwar is-Suċċessjoni (il-paragrafu 2). Is-suċċessjonijiet datati qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 huma soġġetti għall-verżjoni l-qadima tal-Artikolu 26 EGBGB, li kien jinkorpora d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-konflitt tal-liġijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji. Dispożizzjoni tkun valida fir-rigward tal-forma tagħha jekk il-forma tagħha tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sistema legali li jkollha konnessjoni magħha, pereżempju permezz tan-nazzjonalità, tar-residenza abitwali tat-testatur, jew tal-post li fih ikun sar it-testment.

3.8 Proprjetà reali

Skont l-Artikolu 43 EGBGB, id-drittijiet in rem huma rregolati mil-liġi tal-istat li fih tkun tinsab il-proprjetà. Dik il-liġi tirregola, pereżempju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tas-sjieda u l-mod li bih il-proprjetà tista’ tiġi trasferita jew issir suġġetta għal garanzija.

Fl-Artikolu 45 EGBGB huwa previst fattur ta’ konnessjoni speċjali għall-mezzi tat-trasport.

L-Artikolu 43(2) EGBGB jistipula regola speċjali għat-trasferiment tal-proprjetà minn stat għall-ieħor.

Fl-aħħar nett, l-emissjonijiet mill-proprjetà immobbli huma trattati separatament fl-Artikolu 44 EGBGB.

Fil-veru sens tal-kelma, ma teżisti l-ebda għażla tal-liġi applikabbli fir-rigward tad-drittijiet in rem. Madankollu, skont l-Artikolu 46 EGBGB, teżisti l-possibbiltà li wieħed ma jżommx mal-liġi ddeterminata skont il-fatturi ta’ konnessjoni msemmija aktar ’il fuq jekk iċ-ċirkostanzi jindikaw konnessjoni sostanzjalment eqreb mal-liġi ta’ stat ieħor.

3.9 Insolvenza

Apparti r-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, li fih hemm regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 335 tal-Kodiċi tal-Insolvenza jipprevedi, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, li, fil-prinċipju, il-proċedimenti tal-insolvenza u l-effetti tagħhom huma soġġetti għal-liġi tal-istat li fih jinfetħu l-proċedimenti. L-Artikolu 336 et seq. tal-Kodiċi tal-Insolvenza jiddefinixxi fatturi ta’ konnessjoni speċjali għal aspetti speċifiċi tad-dritt dwar l-insolvenza internazzjonali li jistgħu ma jżommux ma’ dak il-prinċipju (pereż. l-impjiegi, it-tpaċija u l-kontestazzjoni tat-tranżazzjonijiet fi proċedimenti ta’ insolvenza).

L-aħħar aġġornament: 17/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.