Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Meta relazzjoni legali bejn individwi jkollha elementi li jgħaqqduha ma' iktar minn stat wieħed (element internazzjonali) u tinqala' tilwima, il-qrati Griegi ma japplikawx bilfors il-liġi Griega u jinvestigaw liem hi l-liġi li trid tiġi applikata (il-liġi applikabbli) fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali privat. Id-dritt internazzjonali privat huwa mekkaniżmu li jopera abbażi tar-regoli ta' fattur ta' konnessjoni biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli (jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' pajjiż wieħed), li tista' tkun il-liġi tal-qorti kkonċernata jew ta' pajjiż ieħor. Jintuża fattur ta' konnessjoni jew għadd ta' fatturi ta' konnessjoni biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli abbażi tar-regoli tal-fattur ta' konnessjoni. Il-fattur ta' konnessjoni huwa l-fattur ta' tilwima b'element internazzjonali li jattiva r-regola speċifika tad-dritt internazzjonali privat sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fil-kawża kkonċernata, jiġifieri il-liġi tal-Greċja jew il-liġi ta' stat barrani (kunflitt tal-liġijiet).

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

Il-liġijiet Griegi huma s-sors bażiku għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Il-kunċett tal-liġi jinkludi wkoll konvenzjonijiet bilaterali u multilaterali rratifikati mill-Greċja li, ladarba jkunu ġew irratifikati, japplikaw bl-istess mod fil-liġi nazzjonali tal-Greċja. Il-kunċett ta' liġi jinkludi wkoll il-liġi tal-Unjoni Ewropea, partikorment ir-regolamenti. Fid-dawl taż-żieda preżenti fit-tranżazzjonijiet privati effettwati fil-livell internazzjonali, f’termini kemm ta' għadd u kemm ta' tip, il-ġurisprudenza Griega u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għalkemm mhix sors formali, għandhom rwol essenzjali biex jimlew il-lakuni fid-dritt internazzjonali privat, li jintuża biex jiddetermina l-liġi applikabbli.

1.1 Regoli nazzjonali

Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma stabbiliti fl-Artikoli 4-33 tal-Kodiċi Ċivili kif ukoll f'leġiżlazzjonijiet oħrajn, eż l-Artikoli 90-96 tal-Liġi 5325/1932 dwar il-kambjali u ċ-ċedoli u l-Artikoli 70-76 tal-Liġi 5960/1933 dwar iċ-ċekkijiet.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali:

Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tad-19 ta' Mejju 1956 dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 559/1977.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 1325/1983.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 1334/1983.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 4020/2011.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-konvenzjonijiet internazzjonali bilaterali:

Il-Konvenzjoni tas-17 ta' Mejju 1993 dwar l-Assistenza Ġudizzjarja f'Materji Ċivili u Kriminali bejn ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Albanija, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 2311/1995.

It-Trattat-Konvenzjoni tat-3 ta' Awwissu 1951 dwar il-Ħbiberija, il-Kummerċ u t-Trasport Marittimu bejn il-Greċja u l-Istati Uniti, irratifikat mill-Greċja bil-Liġi 2893/1954.

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Meta, skont ir-regoli tal-fattur ta' konnessjoni fid-dritt internazzjonali privat Grieg, il-liġi applikabbli tkun il-liġi ta' pajjiż ieħor, l-imħallef Grieg iqisha ex officio, jiġifieri mingħajr il-bżonn li jqajmu l-kwistjonijiet il-litiganti, u jkollu jinvestiga liema dispożizzjonijiet tal-liġi barranija japplikaw (l-Artikolu 337 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Meta r-regoli tad-dritt internazzjonali privat Grieg jistipulaw li tapplika l-liġi ta' pajjiż ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, jiġifieri ssir referenza għalihom biss minflok għad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat ta' dak il-pajjiż (l-Artikolu 32 tal-Kodiċi Ċivili), li min-naħa tiegħu jaf jistipula li tapplika l-liġi Griega jew ta' xi stat terz.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Il-fattur ta' konnessjoni ta' relazzjoni legali spiss jinbidel tul ir-relazzjoni, eż. id-domiċilju ta' kumpanija jiġi ttrasferit minn pajjiż għal ieħor, u f'dak il-każ il-liġi applikabbli tinbidel ukoll. Hemm regoli li jistipulaw espliċitament soluzzjoni għal liema liġi tapplika finalment; inkella l-qorti tapplika l-liġi applikabbli li kienet tapplika inizjalment, qabel il-bidla fil-fattur ta' konnessjoni, jew sussegwentement, jew kumbinazzjoni tat-tnejn, skont iċ-ċirkustanzi effettivi tal-kawża.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Jekk id-dritt internazzjonali privat Grieg (ir-regoli ta' fattur ta' konnessjoni) jistipula li tapplika l-liġi barranija imma l-applikazzjoni tagħha tmur kontra l-perċezzjonijiet morali jew legali fundamentali li jinfurmaw il-politika pubblika Griega (l-Artikolu 33 tal-Kodiċi Ċivili), meta tinstema' l-kawża kkonċernata, il-qorti Griega ma tapplikax id-dispożizzjoni rilevanti tal-liġi barranija imma tapplika d-dispożizzjonijiet barranin l-oħrajn (funzjoni negattiva). Jekk, madankollu, ladarba l-applikazzjoni tagħha tiġi prekluża, ikun hemm lakuna legali fil-liġi barranija, din timtela bl-applikazzjoni tal-liġi Griega (funzjoni pożittiva).

Mod kif jitħarsu l-interessi fl-ordinament ġuridiku Grieg huwa li jiġu promulgati regoli li japplikaw direttament. Dawn ir-regoli jirregolaw kwistjonijiet partikolarment importanti fir-relazzjonijiet legali interni tal-istat u huma applikati direttament ukoll mill-qrati Griegi f'kawżi b'element internazzjonali li ma jkunux solvuti bl-operazzjoni tad-dritt internazzjonali privat Grieg.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

L-imħallef Grieg jista' juża kull mezz li jqis xieraq biex isib kull liġi barranija li tapplika. Dan l-għarfien jista' jkun ibbażat fuq informazzjoni legali li jkollhom personalment, jew l-imħallef jista' jirriċerkaha f'konvenzjonijiet internazzjonali (multilaterali u bilaterali) — li bihom, l-istati membri jkunu ntrabtu bl-obbligu reċiproku li jipprovdu l-informazzjoni — jew minn organizzazzjonijiet xjentifiċi domestiċi jew barranin. Meta d-determinazzjoni tal-liġi barranija applikabbli tkun diffiċli jew jidher li tkun impossibbli, l-imħallef Grieg jista' anke jistaqsi għall-għajnuna lil-litiganti mingħajr, madankollu, ma jkun ristrett mill-evidenza li jipprovdu (l-Artikolu 337 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Bħala eċċezzjoni, imħallef Grieg jista' japplika l-liġi Griega minflok liġi barranija applikabbli jekk, minkejja li jagħmel kull sforz possibbli biex isib id-dispożizzjonijiet tal-liġi barranija, dan jirriżulta li jkun impossibbli.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

L-imħallef Grieg jiddetermina l-liġi applikabbli fil-parti l-kbira tal-kuntratti u l-atti legali li jkunu ġew iffirmati fis-17 ta' Diċembru 2009 jew wara fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 magħruf bħala Ruma I. Bħala regola ġenerali, tapplika l-liġi magħżula mill-partijiet.

Fir-rigward tal-kuntratti u l-atti legali ffirmati mill-1 ta' April 1991 u sas-16 ta' Diċembru 2009, il-liġi applikabbli tiġi identifikata fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta' Ruma tal-Komunità tad-19 ta' Ġunju 1980, li tistabbilixxi l-istess regola ġenerali bħal dik imsemmija fuq.

Fir-rigward tal-kategoriji kollha tal-obbligi kuntrattwali u l-atti legali li huma espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament u l-Konvenzjoni msemmijin fuq, kif ukoll dawk iffirmati qabel l-1 ta' April 1991, il-liġi applikabbli tiġi identifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi l-istess regola ġenerali stipulata fir-Regolament.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

L-imħallef Grieg jiddetermina l-liġi li tapplika għall-obbligi li jiġu minn delitti u għall-obbligi li jiġu minn arrikkiment indebitu, negotiorum gestio u culpa in contrahendo, fil-11 ta' Jannar 2009 jew wara, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, magħruf bħala Ruma II. Bħala regola ġenerali, tapplika l-liġi tal-istat fejn ikun sar il-ħażin.

Fir-rigward tad-delitti li mhumiex koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament imsemmi fuq li jkunu saru qabel il-11 ta' Jannar 2009, il-liġi applikabbli tiġi iddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 26 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi l-istess regola ġenerali stipulata fir-Regolament.

Skont il-ġurisprudenza Griega, il-liġi li tapplika għall-kolpevolezza li tiġi minn arrikkiment indebitu qabel il-11 ta' Jannar 2009 hija l-liġi tal-istat li jkun l-iktar xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi kumplessivi.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

- Persuni fiżiċi

Isem, domiċilju

Peress li isem u domiċilju jintużaw għall-identifikazzjoni ta' persuna fiżika b'mod individwali, il-liġi li tapplika għalihom tiġi ddeterminata kull darba fil-kuntest tar-relazzjoni legali speċifika li jeħtieġ li tiġi rregolata. Għalhekk, l-isem u d-domiċilju tal-miżżewġin huma rregolati mil-liġi li tirregola r-relazzjonijiet personali skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi Ċivili; fir-rigward ta' minuri, dawn huma rregolati mil-liġi dwar ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal skont l-Artikoli 18–21 tal-Kodiċi Ċivili.

Kapaċità

Fir-rigward ta' materji li jirrigwardaw il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna, Griega jew barranija, biex tkun suġġetta għad-drittijiet u l-obbligi, biex tidħol f'atti legali u tkun parti f'kawża ġudizzjarja u tieħu sehem f'kawża personalment, tapplika l-liġi tal-istat li l-persuna tkun ċittadin tagħha (l-Artikolu 5 u 7 tal-Kodiċi Ċivili; L-Artikoli 62(a) u 63(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Meta barrani ma jkollux il-kapaċità li jidħol f'atti legali jew jieħu sehem f'kawża personalment skont il-liġi tal-istat li hu ċittadin tiegħu, imma l-liġi tal-Greċja tistipula li jkollu l-kapaċitajiet imsemmija hawn fuq (ħlief għal atti legali koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-familja, il-liġi tas-suċċessjoni, u l-liġi dwar il-proprjetà għal proprjetajiet barra mill-Greċja), tapplika l-liġi tal-Greċja (l-Artikolu 9 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 66 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

- Persuni ġuridiċi

Fir-rigward ta' materji relatati mal-kapaċità ġuridika ta' persuni ġuridiċi, skont l-Artikolu 10 tal-Kodiċi Ċivili, tapplika l-liġi tal-post fejn il-persuna ġuridika jkollha d-domiċilju tagħha. Skont il-ġurisprudenza Ġriega, it-terminu "domiċilju" jfisser id-domiċilju effettiv u mhux dak statutorju.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Kwistjonijiet ta' filjazzjoni huma relatati ma' r-rabtiet familjari bejn il-ġenituri u t-tfal u d-drittijiet u l-obbligi assoċjati li jirriżultaw minnhom.

Meta jkun qed jiġi deċiż jekk tfal jikkwalifikawx bħala mwielda fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ (l-Artikolu 17 tal-Kodiċi Ċivili), il-liġi applikabbli tkun:

  • il-liġi tal-istat li rregolat ir-relazzjoni personali bejn omm it-tifel u l-konjuġi tagħha meta twieled il-wild, kif definit fl-Artikolu 14 tal-Kodiċi Ċivili;
  • meta ż-żwieġ ikun xolt qabel it-twelid tal-wild, il-liġi tal-istat li rregolat ir-relazzjoni personali bejn omm il-wild u l-konjuġi tagħha meta ż-żwieġ ġie xolt, kif definit fl-Artikolu 14 tal-Kodiċi Ċivili.

Il-liġi applikabbli għall-filjazzjoni għal tfal imwielda fiż-żwieġ, anke jekk iż-żwieġ ikun xolt:

l-imħallef Grieg jiddetermina l-liġi applikabbli skont il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 4020/2011, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri tal-protezzjoni tat-tfal, fil-każ li l-liġi ta' stat li jkun membru tal-Konvenzjoni msemmija hawn fuq.

Il-liġi applikabbli għal stat li ma jkunx firmatarju tal-Konvenzjoni msemmija fuq jew fir-rigward ta' kwistjonijiet li mhumiex regolati mill-Konvenzjoni msemmija hawn fuq, b'konformità mal-Artikolu 18 tal-Kodiċi Ċivili:

  • meta jkunu ċittadini tal-istess stat — il-liġi ta' dak l-istat;
  • meta jkunu akkwistaw nazzjonalità komuni ġdida wara t-twelid — il-liġi tal-istat tal-iktar nazzjonalità komuni reċenti;
  • meta jkunu ċittadini ta' stati differenti qabel it-twelid u n-nazzjonalità tagħhom ma tinbidilx wara t-twelid jew meta jkunu ċittadini tal-istess stat qabel it-twelid imma n-nazzjonalità tal-ġenituri jew tal-wild tinbidel wara t-twelid — il-liġi tal-istat ta' fejn ikollhom l-iktar residenza abitwali komuni reċenti tagħhom fil-mument tat-twelid;
  • meta ma jkollhom l-ebda residenza abitwali komuni — il-liġi tal-istat li l-wild ikun ċittadin tiegħu.

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-omm u l-missier u wildhom li jkun twieled barra miż-żwieġ (l-Artikoli 19 u 20 tal-Kodiċi Ċivili):

  • meta jkunu ċittadini tal-istess stat — il-liġi ta' dak l-istat;
  • meta jkunu akkwistaw nazzjonalità komuni ġdida wara t-twelid — il-liġi tal-istat tal-iktar nazzjonalità komuni reċenti;
  • meta jkunu ċittadini ta' stati differenti qabel it-twelid u n-nazzjonalità tagħhom ma tinbidilx wara t-twelid jew meta jkunu ċittadini tal-istess stat qabel it-twelid imma n-nazzjonalità tal-ġenituri jew tal-wild tinbidel wara t-twelid — il-liġi tal-istat ta' fejn ikollhom l-iktar residenza abitwali komuni reċenti tagħhom fil-mument tat-twelid;
  • meta ma jkollhom l-ebda residenza abitwali komuni — il-liġi tal-istat li l-missier jew l-omm ikunu ċittadini tiegħu.

Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta' manteniment tal-ġenituri lejn wildhom:

L-imħallef Grieg jiddetermina l-liġi applikabbli, fit-18 ta' Ġunju 2011 u wara, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 4/2009, kif speċifikat mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta' Novembru 2007. Bħala regola ġenerali, tapplika l-liġi tal-istat fejn il-parti obbligata jkollha r-residenza abitwali tagħha.

3.4.2 L-adozzjoni

Il-liġi applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni u t-terminazzjoni ta’ adozzjoni b'element internazzjonali hija l-liġi tal-istat li kull persuna involuta fl-adozzjoni tkun ċittadin tagħha (l-Artikolu 23 tal-Kodiċi Ċivili). Il-liġi applikabbli għall-forma ta' adozzjoni hija l-liġi stipulata fl-Artikolu 11 tal-Kodiċi Ċivili, jiġifieri jew il-liġi li tirregola l-kontenut tagħha, jew il-liġi tal-post ta' fejn saret, jew il-liġi tal-istat li l-partijiet kollha huma ċittadini tiegħu. Meta l-persuni involuti fl-adozzjoni jkunu ċittadini ta’ stati differenti, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-liġijiet kollha tal-istati korrispondenti u ma jrid ikun hemm l-ebda impediment skont dawk il-liġijiet biex l-adozzjoni tkun valida.

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri adottivi u t-tfal li jkunu se jiġu adottati:

  • meta jkunu kollha ċittadini tal-istess stat wara l-adozzjoni — il-liġi ta' dak l-istat;
  • meta jkunu akkwistaw nazzjonalità komuni ġdida wara l-adozzjoni — il-liġi tal-istat tal-iktar nazzjonalità komuni reċenti;
  • meta jkunu ċittadini ta' stati differenti qabel l-adozzjoni u n-nazzjonalità tagħhom ma tinbidilx wara l-adozzjoni jew meta jkunu ċittadini tal-istess stat qabel l-adozzjoni imma n-nazzjonalità ta' waħda mill-persuni involuti fl-adozzjoni tinbidel wara t-tlestija tal-adozzjoni — il-liġi tal-istat tal-iktar residenza abitwali komuni reċenti tagħhom fil-mument ta-adozzjoni;
  • meta ma jkollhom l-ebda residenza abitwali komuni — il-liġi tal-istat li l-ġenitur adottiv ikun ċittadin tiegħu jew, jekk ikunu miżżewġin li jkunu qed jadottaw, il-liġi li tirregola r-relazzjoni personali tagħhom.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Kundizzjonijiet sustantivi

Il-liġi applikabbli għall-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati mill-persuni li jixtiequ jiżżewġu u l-impedimenti li jistgħu jwaqqfuhom hija l-liġi tal-istat li huma ċittadini tiegħu jekk ikunu ċittadini tal-istess stat jew, jekk ikunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġi ta' kwalunkwe wieħed mill-istati (l-Artikolu 13(1)(a) tal-Kodiċi Ċivili).

Kundizzjonijiet proċedurali

Biex iż-żwieġ ikun formalment validu, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-istat li l-persuni li jkunu se jiżżewġu huma ċittadini tiegħu, meta jkunu ċittadini tal-istat stat jew, jekk ikunu ċittadini ta' stati differenti, il-liġi ta' kwalunkwe wieħed mill-istati li jkunu ċittadini tiegħu jew il-liġi tal-istat fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 13(1)(b) tal-Kodiċi Ċivili). L-ordinament ġuridiku Grieg jirrikjedi li jiġu rispettati ċerti formalitajiet biex jiġi ċċelebrat żwieġ; l-unjonijiet tal-koppji li jikkoabitaw imma li ma żżewġux formalment huma rikonoxxuti bħala validi fil-Greċja sakemm ikunu rikonoxxuti bħala validi skont il-liġi barranija u l-persuni li jkunu qed jikkoabitaw ma jkunux Griegi.

Relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin

Ir-relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin huma dawk ibbażati fuq iż-żwieġ tagħhom, li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ proprjetà, bħall-koabitazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi, inkluż il-manteniment.

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin (l-Artikolu 14 tal-Kodiċi Ċivili), ħlief il-manteniment:

  • meta l-miżżewġin ikunu kollha ċittadini tal-istess stat wara ż-żwieġ — il-liġi ta' dak l-istat;
  • meta l-miżżewġin ikunu akkwistaw nazzjonalità komuni ġdida waqt iż-żwieġ — il-liġi tal-istat tal-iktar nazzjonalità komuni reċenti;
  • meta l-miżżewġin ikunu ċittadini tal-istess stat waqt iż-żwieġ u iktar tard wieħed minnhom isir ċittadin ta' stat ieħor — il-liġi tal-istat tal-iktar nazzjonalità komuni reċenti, sakemm il-konjuġi l-ieħor ma jkunx għadu ċittadin ta' dak l-istat;
  • meta l-miżżewġin ikunu ċittadini ta' stati differenti qabel iż-żwieġ u n-nazzjonalità tagħhom ma tinbidilx wara ż-żwieġ jew meta jkunu ċittadini tal-istess stat qabel iż-żwieġ imma n-nazzjonalità ta' xi ħadd minnhom tinbidel maż-żwieġ — il-liġi tal-istat tal-iktar residenza abitwali komuni reċenti tagħhom;
  • meta ma jkollhomx residenza abitwali komuni waqt iż-żwieġ — il-liġi tal-istat li l-miżżewġin ikunu l-iktar konnessi miegħu.

Obbligi ta' manteniment

Il-liġi applikabbli tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta' Ottubru 1973, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 3137/2003, jiġifieri l-liġi tal-istat fejn il-benefiċjarju jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

Reġimi tal-proprjetà matrimonjali

Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali japplika għad-drittijiet ta' proprjetà u l-obbligi korrispondenti li jinħolqu minħabba ż-żwieġ.

Il-liġi applikabbli hija l-liġi li tirregola r-relazzjoni personali bejn il-miżżewġin malli jiġi ċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 15 tal-Kodiċi Ċivili).

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

L-ordinament ġuridiku Grieg jirrikonoxxi wkoll forma ta' koabitazzjoni li mhix iż-żwieġ, kif stipulat fil-Liġi 3719/2008. Fuq il-bażi ta' dispożizzjoni espliċita stipulata fil-liġi msemmija fuq, din il-liġi tapplika għas-sħubijiet ċivili kollha stabbiliti fil-Greċja jew quddiem l-awtoritajiet konsulari Griegi, irrispettivament minn jekk il-partijiet ikunux Griegi jew barranin, f'termini kemm ta' forma u kemm ta' relazzjonijiet kumplessivi tal-partijiet. Meta tiġi stabbilita sħubija ċivili f'pajjiż barrani, il-liġi applikabbli fir-rigward tal-forma tagħha hija l-liġi speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Kodiċi Ċivili, jiġifieri jew il-liġi li tirregola l-kontenut tagħha, jew il-liġi tal-istat fejn tkun ġiet stabbilita, jew il-liġi tal-istat li l-partijiet kollha huma ċittadini tiegħu; il-liġi applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-partijiet hija l-liġi tal-istat fejn tkun ġiet stabbilita s-sħubija.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Il-liġi applikabbli għal materji li jikkonċernaw id-divorzju jew kwalunkwe forma oħra ta' separazzjoni ġudizzjarja tiġi ddeterminata fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, magħruf bħala Ruma III. Bħala regola ġenerali, il-miżżewġin jistgħu jaqblu li jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja li tkun waħda mil-liġijiet li ġejjin: (a) il-liġi tal-istat fejn il-miżżewġin ikunu residenza abitwali fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew (b) il-liġi tal-istat fejn il-miżżewġin ikollhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom, sakemm wieħed minnhom ikun għadu residenti hemmhekk fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew (c) il-liġi tal-istat tan-nazzjonalità ta' kwalunkwe wieħed mill-miżżewġin fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew (d) il-liġi tal-qorti li tkun qed tippresjedi.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Ir-Regolament imsemmi hawn fuq jistipula espliċitament li ma japplikax għall-obbligi tal-manteniment għal eks miżżewġin, peress li din il-kwistjoni hija rregolata mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta' Ottubru 1973, irratifikata mill-Greċja bil-Liġi 3137/2003, li tispeċifika li l-liġi applikabbli hija l-liġi tal-istat fejn ikun sar id-divorzju jew is-separazzjoni.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Ara l-aħħar paragrafu tat-taqsima 3.5.1 hawn fuq.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Fir-rigward tal-materji kollha relatati mal-wirt, ħlief għall-forma użata għat-tfassil u r-revoka ta' testment, il-liġi applikabbli hija ddeterminata fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

Meta jkun hemm testment, jitqies li jkun validu jekk ikun sar fil-forma stipulata skont kwalunkwe waħda mil-liġijiet li ġejjin (l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961 dwar il-Kunflitti ta' Liġijiet relatati mal-Forma ta' Dispożizzjonijiet Testamentarji):

  • il-liġi tal-istat fejn id-deċedut ikun għamel it-testment tiegħu;
  • il-liġi tal-istat li d-deċedut kien ċittadin tiegħu meta għamel it-testment jew meta miet;
  • il-liġi tal-istat li d-deċedut kien residenti jew domiċiljat fih meta għamel it-testment jew meta miet;
  • meta t-testment ikun jittratta proprjetà: il-liġi tal-istat ta' fejn tkun il-proprjetà.

3.8 Proprjetà reali

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet in rem relatati ma' proprjetà immobbli tiġi ddeterminata mill-Artikolu 27 tal-Kodiċi Ċivili, jiġifieri hija l-liġi tal-istat fejn tkun tinstab.

Il-liġi applikabbli għal relazzjonijiet bi ħtija skont il-liġi tal-obbligi li tirrigwarda proprjetà immobbli tiġi ddeterminata abbażi tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 magħruf bħala Ruma I, bir-regola ġenerali tkun li tapplika l-liġi magħżula mill-partijiet.

Il-liġi applikabbli għall-forma tat-tranżazzjonijiet ta' hawn fuq hija l-liġi tal-istat fejn tkun tinstab il-proprjetà immobbli (l-Artikolu 12 tal-Kodiċi Ċivili).

3.9 Insolvenza

Il-liġi applikabbli għall-insolvenza u r-riżultati tagħha jiġu ddeterminati fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment, jiġifieri l-liġi tal-istat fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti rilevanti.

L-aħħar aġġornament: 07/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.