

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ma jeżistix kodiċi ta’ dritt internazzjonali privat Lussemburgiż. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti tal-liġijiet fid-dritt intern huma mferrxin f’diversi kodiċijiet u liġijiet speċjali. Is-suġġett huwa rregolat l-aktar minn konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali kif ukoll minn strumenti Ewropej ta’ liġijiet sekondarji.
Numru importanti ta’ regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet ġejjin minn konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li l-Lussemburgu huwa parti fihom. Il-maġġoranza tal-konvenzjonijiet huma dawk li ġew imfassla fi ħdan il-konferenza tal-Aja tad-dritt internazzjonali privat.
Rendikont ta’ dawn il-konvenzjonijiet jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-Konferenza tal-Aja.
Ċerti konvenzjonijiet bilaterali fihom regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet. Għal aktar dettalji kkonsulta s-sit web Legilux.
Fir-rigward tal-istat tal-persuni, l-imħallef iqajjem il-kunflitt tal-liġijiet ex officio. Dan mhuwiex il-każ jekk il-partijiet għandhom l-għażla tal-liġi applikabbli, bħal pereżempju f’materji kuntrattwali, minħabba l-prinċipju tal-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli mill-partijiet. F’dan il-każ, l-imħallef iqajjem ir-regola tal-kunflitt tal-liġijiet ex officio biss jekk tkun tirrigwarda sitwazzjoni ta’ frodi kkaratterizzata mil-liġi.
L-imħallef li il-kwistjoni tkun tressqet quddiemu japplika b’mod awtomatiku l-liġi nazzjonali tiegħu jekk il-partijiet ma jkunux talbu l-applikazzjoni ta’ liġi barranija.
Fil-Lussemburgu, fl-oqsma mhux koperti minn konvenzjoni internazzjonali jew minn regolament Ewropew, li jeskludu speċjalment ir-rinvijju, il-ġurisprudenza taċċetta r-rinvijju b’mod limitat. Jekk ir-rinvijju fil-mument tal-applikazzjoni tar-regola tal-kunflitt jindika l-liġi tal-imħallef li l-kwistjoni tinsab quddiemu, ir-rinvijju jiġi ammess, iżda jieqaf hemm. Huwa kkunsidrat li jindika l-liġi sostantiva tal-imħallef li l-kwistjoni tinsab quddiemu.
Ir-rinviju huwa eskluż fil-materji fejn il-partijiet għandhom il-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli.
Il-bidla fiċ-ċirkostanzi tal-każ hija l-ipoteżi fejn, b’tibdil fl-element tal-fattur ta’ konnessjoni li jindika l-liġi applikabbli, kwistjoni tiġi mressqa suċċessivament quddiem żewġ sistemi legali differenti. Huwa deskritt bħala kunflitt tal-liġijiet matul iż-żmien minħabba tibdil fil-fattur ta' konnessjoni.
Għalhekk fil-Lussemburgu tiġi applikata l-liġi l-ġdida b’effetti futuri ta’ kwistjoni li seħħet fil-passat b’kunsiderazzjoni tal-effetti li jippersistu. Madankollu l-liġi l-ġdida li tindika r-regola tal-kunflitt tiġi applikata meta jkun hemm tibdil f’sitwazzjoni li seħħet taħt il-liġi antika li dak iż-żmien kienet applikabbli.
Jeżistu ipoteżi fejn l-imħallef li quddiemu tinsab il-kwistjoni jrid japplika l-liġi nazzjonali tiegħu anke jekk ir-regola tal-kunflitt tal-liġijiet tagħti l-kompetenza lil liġi oħra:
Meta minħabba dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni immedjata l-imħallef japplika xorta waħda l-liġi tal-post:
Peress li fil-Lussemburgu l-liġi barranija tikkostitwixxi, għall-imħallef Lussemburgiż, fatt, fil-prinċipju min jallega fatt irid iġib prova tiegħu. Għalhekk hija r-responsabbiltà tal-partijiet u aktar preċiżament għal dik li għandha talba soġġetta għal liġi barranija li għandha ġġib il-provi.
Fil-prinċipju l-obbligi kuntrattwali huma regolati mill-volontà espressa mill-partijiet, flimkien mal-ħarsien tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-ordni pubblika u kontra l-frodi skont il-liġi.
Fin-nuqqas ta’ għażla espressa mill-partijiet, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 u tar-Regolament Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008. F’din it-tieni ipoteżi, l-imħallef japplika l-aktar liġi xierqa oġġettivament.
Fil-prinċipju l-obbligi kuntrattwali huma regolati mil-liġi tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża l-ħsara jew li ta lok għall-obbligu, sakemm ma jkunx hemm liġi oħra li għandha rabta aktar mill-qrib mal-fatti jew tapplika xi konvenzjoni internazzjonali.
Fil-prinċipju, l-istatut personali huwa soġġett għal-liġi nazzjonali tal-persuna fiżika, bl-eċċezzjoni ta' kriterji emerġenti bħar-residenza abitwali tal-partijiet konċernati u l-aktar dik tal-minuri konċernati. Dan jgħodd ukoll għal kif jintgħażel l-isem, kif jinkiteb u l-kundizzjonijiet tal-bidla tal-isem għaliex dan huwa parti mill-istat tal-persuna.
Il-kapaċità ġenerali biex jingħadda att ġuridiku kif ukoll il-kapaċità li wieħed jibda proċedimenti legali huma regolati mil-liġi nazzjonali tal-persuna konċernata. Madankollu, il-locus standi huwa regolat mil-liġi applikabbli għal dan id-dritt, minħabba li huwa bbażat fil-fond fuq il-liġi. Fi kwistjonijiet kuntrattwali din ir-regola hija kemxejn differenti, għaliex il-kontroparti in bona fide tkun ġiet sorpriża minn kawża ta’ inkapaċità mhux magħrufa fil-pajjiż fejn seħħ l-obbligu. Għalhekk huwa ammess illi l-liġi nazzjonali ċċedi quddiem il-liġi tal-post ta’ eżekuzzjoni.
Fil-Lussemburgu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-filjazzjoni leġittima, hija l-liġi illi tirregola ż-żwieġ li tapplika, jiġifieri l-liġi nazzjonali komuni tal-ġenituri, jew inkella l-liġi tad-domiċilju komuni, jew il-liġi tal-lex fori.
Dak kollu li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment tar-rabta tal-filjazzjoni naturali huwa regolat mil-liġi nazzjonali tal-minuri.
Dwar in-natura tal-provi biex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent, il-preskrizzjoni u d-dekadenza għall-kontestazzjoni tal-filjazzjoni u l-mezzi ta’ difiża kontra t-talba, tapplika l-liġi nazzjonali tal-minuri.
- Kundizzjonijiet tal-adozzjoni
Fil-prinċipju, skont l-Artikolu 370 tal-Kodiċi Ċivili, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni huma regolati mil-liġi nazzjonali ta’ wieħed jew taż-żewġ persuni li jkunu se jadottaw. Jekk iż-żewġ konjuġi li jkunu se jadottaw ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali komuni tagħhom meta’ jkunu ressqu t-talba. Il-kundizzjonijiet meħtieġa biex persuna tiġi adottata jibqgħu, fil-prinċipju, regolati mil-liġi nazzjonali tal-persuna adottata. Hemm eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, jiġifieri meta l-adozzjoni tagħti ċ-ċittadinanza tal-adottant lill-persuna adottata. F'dan il-każ il-kundizzjonijiet huma regolati mil-liġi nazzjonali tal-adottant.
- L-effetti tal-adozzjoni
Hija l-liġi nazzjonali ta’ wieħed jew taż-żewġ adottanti li tirregola l-effetti tal-adozzjoni. Jekk l-adozzjoni ssir minn żewġ konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti jew apolidi, jew jekk wieħed mill-konjuġi biss ikun persuna apolida, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali komuni tagħhom fil-mument meta sseħħ l-adozzjoni.
F’każ ta’ adozzjonijiet barranin jista’ jkun hemm kunflitt bejn ir-regoli ta’ kompetenza promulgati mil-liġi nazzjonali tal-adottant u tal-persuna adottata rispettivament. F'dan il-każ l-adozzjoni tiġi konkluża u tkun valida jekk jiġu mħarsa l-forom previsti mil-liġi tal-pajjiż fejn seħħet l-adozzjoni u saret quddiem l-awtoritajiet kompetenti indikati minn din l-istess liġi.
- Il-kundizzjonijiet għall-validità ta’ żwieġ
Il-kundizzjonijiet formali huma fil-prinċipju regolati mil-liġi tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ.
Biex żwieġ ikun validu, skont il-konvenzjoni tal-Aja tal-14 ta’ Marzu 1978 dwar id-dikjarazzjoni u r-rikonoxximent tal-validità taż-żwiġijiet, iridu jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet sostantivi previsti mil-liġijiet interni ta’ kull wieħed mill-konjuġi. Il-liġijiet interni huma dawk indikati mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet tal-Istat fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Imbagħad jeħtieġ ukoll illi, bil-kundizzjoni illi konjuġi minnhom ikollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk, jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet sostantivi mitluba mil-liġi tal-Istat fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Il-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet għall-validità taż-żwieġ tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet sostantivi għall-kawża ta’ annullament taż-żwieġ.
Għaż-żwiġijiet barranin, hemm il-preżunzjoni ta’ validità jekk iċ-ċertifikat taż-żwieġ ikun redatt skont ir-rekwiżiti tal-forma stabbilita mil-liġi tal-post fejn ġie ċċelebrat. Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rifjutat jekk iż-żwieġ iċċelebrat barra l-pajjiż ikun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubblika nazzjonali tal-Lussemburgu.
- L-effetti taż-żwieġ
Fin-nuqqas ta’ nazzjonalità komuni, l-effetti fil-Lussemburgu jiġu regolati fil-prinċipju mil-liġi tad-domiċilju komuni tal-konjuġi, jiġifieri l-post fejn il-koppja tkun effettivament stabbilita.
M’hemmx regoli speċifiċi dwar il-konflitt ta’ liġijiet għall-unjoni tal-liġi komuni jew il-koabitazzjoni sa fejn, skont il-liġi Lussemburgiża, ir-relazzjonijiet bejn il-koppji mhux miżżewġin li jgħixu flimkien jikkostitwixxu sitwazzjoni de facto.
Il-liġi applikabbli għas-sħubiji ċivili konklużi fil-Lussemburgu hija l-”lex fori”.
Tista’ ssir iskrizzjoni fir-reġistru ċivili, għas-sħab li rreġistraw is-sħubija tagħhom barra l-pajjiż, jekk iż-żewġ partijiet kienu jissodisfaw, fid-data tal-konklużjoni tas-sħubija barra l-pajjiż, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4. Ladarba s-sħubija barranija tiġi rikonoxxuta l-Lussemburgu hija tgawdi mill-istess vantaġġi mogħtija lis-sħubiji Lussemburgiżi.
Jekk il-konjuġi jkunu tal-istess nazzjonalità, id-divorzju u s-separazzjoni personali jkunu regolati mil-liġi nazzjonali tagħhom it-tnejn. Fil-każ kuntrarju, hija l-liġi tad-domiċilju komuni tagħhom illi tapplika. Jekk l-anqas dawn iż-żewġ kriterji ma jgħoddu f’dan il-każ, tapplika l-”lex fori”.
Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-ammissibiltà tad-divorzju b'mod ġenerali, għall-kawżi, għall-effetti u għall-miżuri kumplimentari tiegħu.
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar l-obbligi ta’ manteniment, il-liġi applikabbli hija ddeterminata skont il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-irkupru internazzjonali ta’ appoġġ tat-tfal u forom oħra ta’ manteniment familjari. Il-prinċipju huwa dak tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment, iżda l-partijiet jistgħu jagħżlu, bi ftehim reċiproku, li, għal proċedimenti li diġà qegħdin fis-seħħ, jinnominaw il-liġi tal-forum jew waħda mil-liġijiet li ġejjin:
a) il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li xi waħda mill-partijiet tkun ċittadina tiegħu meta ssir in-nomina;
b) il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe parti fiż-żmien tan-nomina;
c) il-liġi magħżula mill-partijiet kif applikabbli, jew il-liġi fil-fatt applikata, għar-reġim tal-proprjetà tagħhom;
d) il-liġi magħżula mill-partijiet kif applikabbli, jew il-liġi fil-fatt applikata, għad-divorzju jew is-separazzjoni legali tagħhom.
Ir-reġim matrimonjali huwa sottomess għal-liġi interna magħżula mill-konjuġi qabel iż-żwieġ.
Jekk, fil-mument tal-konklużjoni taż-żwieġ, il-konjuġi ma jkunux għamlu għażla, il-liġi applikabbli tiġi determinata skont il-konvenzjoni tal-Aja tal-14 ta’ Marzu 1978 dwar id-dikjarazzjoni u r-rikonoxximent tal-validità taż-żwieġ.
Skont il-konvenzjoni tal-Aja tal-14 ta’ Marzu 1978 il-konjuġi jistgħu jagħżlu waħda biss minn dawn il-liġijiet li ġejjin:
1. il-liġi tal-Istat li wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin tiegħu fil-mument tal-għażla;
2. il-liġi tal-Istat li wieħed mill-konjuġi jkollu r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu fil-mument tal-għażla;
3. Il-liġi tal-ewwel Stat li wieħed mill-konjuġi jkun se jistabbilixxi residenza abitwali ġdida fit-territorju tiegħu wara ż-żwieġ.
Il-liġi magħżula mbagħad tapplika għall-beni kollha tagħhom.
Madankollu, sew jekk il-konjuġi jkunu għażlu l-liġi skont il-punti preċedenti u sew jekk le, huma jkunu jistgħu jagħżlu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-propjetà immobbli jew xi ftit minnhom, il-liġi tal-post fejn tinsab il-propjetà immobbli. Huma jistgħu jiddeċiedu wkoll illi l-propjetà immobbli li jkunu se jixtru wara tiġi regolata mil-liġi tal-post fejn tkun tinsab.
F’każ ta’ nuqqas ta’ għażla mill-partijiet l-imħallef ikollu jara liema kienet l-għażla taċita tagħhom. Hemm preżunzjoni għal-liġi interna tal-Istat li fuq it-territorju tiegħu jistabbilixxu l-ewwel residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ.
Madankollu, fil-każijiet li ġejjin, ir-reġim matrimonjali huwa sottomess, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-14 ta’ Marzu 1978, għal-liġi interna tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi:
1. jekk id-dikjarazzjoni prevista mill-Artikolu 5 tkun saret minn dan l-Istat u l-effett tagħha ma jkunx eskluż mis-subparagrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
2. jekk dan l-Istat ma jkunx Parti mill-Konvenzjoni, il-liġi interna tiegħu hija applikabbli skont id-dritt internazzjonali privat tiegħu u jekk il-konjuġi jkunu stabbilew l-ewwel residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ;
a) fi Stat li għamel id-dikjarazzjoni prevista skont l-Artikolu 5,
jew
b) fi Stat li mhux Parti mill-Konvenzjoni u fejn id-dritt internazzjonali privat jindika wkoll l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu;
3. jekk il-konjuġi ma jistabbilux fuq it-territorju tal-istess Stat Membru l-ewwel residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ.
Fin-nuqqas ta’ residenza abitwali tal-konjuġi fuq it-territorju tal-istess Stat u fin-nuqqas ta’ nazzjonalità komuni, ir-reġim matrimonjali tagħhom jiġi regolat mil-liġi interna tal-Istat li miegħu, ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha, għandhom l-aktar rabtiet mill-qrib.
Il-liġi applikabbli tista’ tinbidel b’mod volontarju bil-mod previst mil-liġi l-ġdida magħżula.
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 japplikaw għas-suċċessjonijiet miftuħa mis-17 ta’ Awwissu 2015. L-Artikolu 21 tar-Regolament jistabbilixxi l-liġi tal-Istat li kellu r-residenza abitwali tiegħu fih id-deċedut fil-mument tal-mewt bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fl-intier tagħha.
Is-suċċessjonijiet miftuħa qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 jibqgħu regolati mir-regoli Lussemburgiżi dwar il-konflitt tal-liġijiet.
- Is-suċċessjoni ġudizzjarja
Fil-Lussemburgu s-suċċessjoni hija maqsuma f’diversi lottijiet: Lott ta’ propjetà mobbli u lott jew aktar ta’ propjetajiet immobbli. Biex wieħed ikun jaf jekk beni humiex mobbli jew immobbli trid tiġi applikata l-”lex fori”.
Is-suċċessjoni tal-beni mobbli hija regolata prinċipalment mil-liġi tal-aħħar domiċilju tad-decujus dakinhar ta’ mewtu. Id-domiċilju jiġi determinat skont ir-regoli tal-Kodiċi Ċivili.
Is-suċċessjoni tal-propjetà immobbli hija soġġetta għal-liġi tal-Istat tal-post ta’ kull propjetà immobbli.
- Is-suċċessjoni testamentarja
Fil-prinċipju, huwa l-istatus personali li jirregola l-kapaċità ġenerali biex wieħed jiddisponi mill-propjetà “causa mortis”. Madankollu l-inkapaċitajiet speċifiċi jaqgħu taħt il-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni. Il-kapaċità ġenerali biex wieħed jiret bis-saħħa tax-xewqa ta’ ħaddieħor taqa’ taħt il-liġi personali.
Il-propjetà immobbli tiġi determinata b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili, mil-liġi tal-Istat fejn tinsab il-propjetà. Dan jgħodd ukoll għall-kontenut tad-drittijiet reali fejn jistgħu jiġu affettwati, mill-ħolqien u t-trażmissjoni tagħhom u mir-reġim tal-usucapio.
Dak li ma jaqax fil-kamp t’applikazzjoni tar-Regolamenti tal-UE 1346/2000 u 2015/848 fil-qasam ta’ falliment jiġi regolat mil-liġi tal-post fejn infetħu l-proċeduri ta’ falliment.
Din il-liġi tapplika wkoll għall-effetti tal-proċeduri kollettivi miftuħa fil-Lussemburgu u għal dawk iddikjarati barra l-pajjiż. Madankollu, għall-effetti partikolari tal-falliment ta’ waħda mill-partijiet fuq id-drittijiet li jistgħu jiġu invokati mill-kontroparti tagħha, hija l-liġi tal-Istat fejn ġie ddikjarat il-falliment illi tapplika.
Il-kompetenza ta’ din l-imsemmija liġi hija limitata għall-effetti speċifiċi u ma tkoprix l-aspetti kollha tal-operazzjoni affettwata mill-falliment.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.