

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-liġijiet nazzjonali huma statutorji (jiġifieri liġijiet miktubin). Dawn huma aċċessibbli mingħajr ħlas fis-sit elettroniku tal-Liġijiet ta’ Malta. Wara li ssieħbet mal-Unjoni Ewropea fl-2004, is-sistema legali Maltija tinkorpora wkoll il-liġijiet u r-regolamenti tal-UE li huma direttament applikabbli jew trasposti fil-liġijiet Maltin u li x’aktarx jieħdu preċedenza fuq il-leġiżlazzjoni domestika.
Għalkemm il-prinċipju tal-preċedent ma għandux għeruq fil-liġi Maltija u ma jsibx applikazzjoni vinkolanti f’Malta, il-qrati Maltin ġeneralment għandhom tendenza jagħtu piż lis-sentenzi preċedenti, partikolarment deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Appell u l-Qorti Kostituzzjonali (it-tnejn Qrati Superjuri f’Malta).
Malta rratifikat ukoll numru ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti - l-istatus tar-ratifika jista’ jiġi vverifikat hawnhekk.
Ma nafux b’xi konvenzjonijiet bilaterali li fihom dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi li Malta hija firmatarja tagħhom.
Ir-regoli dwar il-kunflitti tal-liġijiet ma jistgħux jitqajmu ex officio mill-imħallef; dawn ir-regoli japplikaw biss jekk tal-inqas waħda mill-partijiet fil-kawża tkun sostniet illi hemm kunflitt ta’ liġijiet. Il-parti li tqajjem din l-eċċezzjoni trid tagħti prova suffiċjenti lill-qorti dwar il-kontenut tal-liġi barranija. Fin-nuqqas ta’ din l-eċċezzjoni, jew ta’ prova sodisfaċenti, il-qrati nazzjonali għandhom jiddeċiedu skont il-liġi Maltija.
Il-pożizzjoni Maltija mhix ċara rigward l-applikazzjoni tad-duttrina ta’ rinviju. Ir-regoli kodifikati dwar l-għażla tal-liġi huma limitati u għalhekk ta’ spiss iridu jiġu applikati regoli mhux kodifikati tal-Dritt Internazzjonali Privat mill-qrati biex jiġi determinat liema liġi għandha tapplika fil-każ partikolari. Fil-fatt, il-Qrati Maltin qalu illi fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tirregola d-dritt internazzjonali privat, il-Qrati Maltin għandhom jirrikorru għall-prinċipji tad-Dritt Komuni Ingliż. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qrati Maltin jadottaw l-applikazzjoni Ingliża tar-rinviju. Għalhekk, id-duttrina ta’ rinviju tiġi miċħuda f’każ ta’ delitti, assigurazzjoni u kuntratti. Madankollu hija tapplika f’każ tal-validità ta’ testmenti, talbiet dwar propjetà immobbli barranija u kwistjonijiet dwar il-liġi tal-familja.
Dan jiġi trattat billi jiġi speċifikat f’kull regola tal-għażla tal-liġi l-mument li fih jiġi identifikat il-fattur ta’ konnessjoni.
Il-Qrati Maltin jistgħu jirrifjutaw illi japplikaw liġi barranija li tmur kontra l-politika pubblika Maltija u jekk dik il-liġi barranija tista’ tiġi karatterizzata bħala dritt fiskali barrani jew liġi kriminali.
L-eċċezzjoni ta’ liġi barranija trid tiġi pruvata bħala kwistjoni ta’ fatt u mhux bħala punt ta’ dritt. Il-Qrati Maltin għandhom is-setgħa jinterpretaw il-leġiżlazzjoni domestika iżda mhux li jinterpretaw il-kontenut tal-liġi barranija huma stess. Sabiex tifhem il-liġi barranija, il-Qorti taħtar esperti dwar il-liġi barranija. Il-partijiet fil-kawża wkoll jistgħu jressqu rapporti mħejjija minn diversi esperti bħala parti mill-provi tagħhom.
L-oneru tal-provi jaqa’ fuq il-parti li tqajjem l-eċċezzjoni, jiġifieri l-konvenut fil-kawża.
F’każijiet li jikkonċernaw l-obbligi kuntrattwali f’pajjiżi mhux fl-UE, tapplika l-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980, b’riżultat tal-Att li Jirratifika l-Konvenzjoni ta’ Ruma fuq l-Obbligazzjonijiet Kuntrattwali, il-Kapitolu 482 tal-Liġijiet ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, l-obbligi kuntrattwali fi ħdan il-pajjiżi tal-UE huma regolati mir-Regolament Ruma I (ir-Regolament (KE) 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.
Ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet għall-obbligi mhux kuntrattwali huma regolati mir-Regolament (KE) 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II).
Iċ-ċittadinanza Maltija tinkiseb mat-twelid, jekk l-omm jew missier it-tarbija jkunu ċittadini Maltin.
Bil-kontra taċ-ċittadinanza, ir-residenza abitwali tista’ tintgħażel mill-individwu meta’ jilħaq l-età maġġuri. Ir-residenza abitwali tingħata skont il-post fejn jgħix l-individwu flimkien mal-ħsieb li wieħed jgħix f’dik il-ġuriżdizzjoni rilevanti b’mod indefinit jew permanenti.
Il-kapaċità li wieħed jidħol għal ċerti obbligi, bħal pereżempju ż-żwieġ, kuntratt, attività kummerċjali, testment, eċċ hija determinata minn regoli speċifiċi għal dak il-qasam.
Ir-responsabbiltajiet tal-ġenitur għat-tfal tiegħu huma determinati mill-Kodiċi Ċivili Malti, madankollu s-setgħa tal-ġenitur tieqaf ipso jure meta l-minuri jilħaq l-età ta’ tmintax-il sena. Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti Maltija hija determinata mir-Regolament (KE) 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (Brussell IIa). Din tiġi diskussa aktar fil-fond fis-sezzjoni rilevanti.
L-adozzjoni wkoll hija regolata mill-Kodiċi Ċivili Malti u jiġi applikat mill-Qrati Maltin kull meta jkollhom il-ġuriżdizzjoni. L-adozzjonijiet barranin huma rikonoxxuti mil-liġi Maltija skont it-termini tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor.
Il-validità formali ta’ żwieġ hija regolata mil-liġi tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ. F’Malta, il-formalitajiet għaż-żwieġ jinsabu fil-Kapitolu 255 tal-Liġijiet ta’ Malta (l-Att dwar iż-Żwieġ). Dan l-Att jirregola, fost oħrajn, ir-restrizzjonijiet fuq iż-żwieġ. Waħda mir-restrizzjonijiet li jsemmi l-Att hija illi "żwieġ bejn persuni li waħda minnhom tkun taħt l-età ta’ sittax-il sena jkun null.”
Il-liġi applikabbli f’Malta hija li jitqies id-domiċilju tal-konjuġi.
L-Unjonijiet Ċivili huma regolati mill-Kapitolu 530 tal-Liġijiet ta’ Malta (l-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili), li mbagħad jirreferi għall-Kapitolu 255. Għalhekk il-formalitajiet u r-rekwiżiti meħtieġa skont il-Kapitolu 255 jridu jiġu sodisfatti wkoll mill-unjonijiet ċivili.
Qorti Maltija jkollha ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta’ divorzju biss skont ir-Regolament (KE) 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri. Din tiġi diskussa aktar fil-fond fis-sezzjoni rilevanti.
Malta hija marbuta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment. Din tiġi diskussa aktar fil-fond fis-sezzjoni rilevanti.
Il-liġi applikabbli f’Malta hija l-liġi tal-post fejn tinsab id-dar matrimonjali (lex situs). Skont l-Artikolu 1316 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li kull żwieġ iċċelebrat Malta jagħti lok għar-reġim tal-komunjoni tal-akkwisti. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ żwieġ iċċelebrat barra minn Malta bejn konjuġi li mbagħad jistabbilixxu r-residenza tagħhom f’Malta, il-komunjoni tal-akkwisti ssir ir-reġim matrimonjali ta’ bejniethom hekk kif jistabbilixxu r-residenza tagħhom f’Malta, sakemm ma jkunux għamlu ftehim minn qabel li jeskludi l-komunjoni tal-akkwisti.
Fil-każ ta’ wirt u testmenti, il-Qrati Maltin dejjem adottaw id-dritt komuni. Għalhekk f’"każijiet ta’ suċċessjoni ab intestato" (jiġifieri meta ma jkunx sar testment) għas-suċċessjoni ta’ propjetà mobbli tapplika l-liġi tad-domiċilju tat-testatur fil-mument tal-mewt; għas-suċċessjoni tal-proprjetà immobbli tapplika l-liġi tal-qorti fejn tinsab il-propjetà. F’każijiet li jinvolvu testmenti, il-kapaċità tat-testatur biex jagħmel testment hija ddeterminata mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju tat-testatur fid-data tat-testment. Legatarju għandu l-kapaċità jirċievi propjetà mobbli jekk ikollu l-kapaċità jew taħt il-liġi tad-domiċilju tiegħu stess jew inkella skont il-liġi tad-domiċilju tat-testatur. Barra minn hekk, testment jitqies validu formalment jekk jikkonforma ma’ xi waħda minn dawn il-liġijiet li ġejjin: il-liġi tal-post fejn ġie eżegwit it-testment (jiġifieri normalment fejn jiġi ffirmat bix-xhieda) fiż-żmien li ġie eżegwit; il-liġi tad-domiċilju, tar-residenza abitwali jew tan-nazzjonalità tat-testatur fil-ħin li ġie eżegwit it-testment; il-liġi tad-domiċilju, tar-residenza abitwali jew tan-nazzjonalità tat-testatur fil-mument li ġie eżegwit it-testment. Testment huwa formalment validu wkoll b’mod illi jkun jista’ jittrasferixxi l-propjetà immobbli jekk ikun konformi mal-liġi tal-ġuriżdizzjoni fejn tinsab il-proprjetà.
Malta hija marbuta bir-Regolament (KE) 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, kif emendat. Ir-Regolament jipprevedi, fost l-oħrajn, ir-regoli rilevanti fi proċedimenti li jinvolvu l-iżvestiment totali jew parzjali tad-debitur u l-ħatra ta’ stralċjarju meta l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu fi Stat Membru tal-UE. F’każijiet li ma jaqgħux taħt ir-Regolament (KE) 1346/2000, il-liġi Maltija tiġi applikata fejn il-qorti Maltija jkollha ġuriżdizzjoni, jiġifieri meta l-kumpanija tkun reġistrata Malta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.