Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ
1.1 Regoli nazzjonali
Ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet fl-Irlanda ta’ Fuq rigward il-liġi applikabbli huma prinċipalment derivati minn Regolamenti direttament applikabbli tal-UE. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ċivili u kummerċjali dawn huma:
• Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I); u
• Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II).
L-Att tal-1990 dwar il-Kuntratti (il-Liġi Applikabbli) (Contracts (Applicable Law) Act 1990) (li implimenta l-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980) jibqa’ rilevanti fil-każ ta’ kuntratti li saru qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 (ir-Regolament Ruma I japplika għal kuntratti li saru f'dik id-data jew warajha).
L-Att tal-1995 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) huwa rilevanti biss fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li mhumiex koperti mir-Regolament Ruma II (ir-Regolament japplika għal każijiet fejn id-dannu jkun seħħ wara l-11 ta’ Jannar 2009).
Ir-regoli tradizzjonali tal-common law jibqgħu applikabbli għad-delitt ta’ malafama u fir-rigward tal-liġi tas-suċċessjoni u tal-proprjetà.
F’materji tal-familja, hija ġeneralment il-common law li hija s-sors tar-regoli dwar il-liġi applikabbli, b’xi eċċezzjonijiet. F’materji tal-familja, ġeneralment tiġi applikata l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq, soġġetta għal eċċezzjonijiet limitati fil-common law (eż. fir-rigward tan-nullità taż-żwieġ) jew fl-istatut (eż. fir-rigward tal-manteniment skont l-Att tal-1920 dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment (Faċilitajiet għall-Eżekuzzjoni) (Maintenance Orders (Facilities for Enforcement) Act 1920) u l-Att tal-1972 dwar l-Ordnijiet ta’ Manteniment (Eżekuzzjoni Reċiproka) (Maintenance Orders (Reciprocal Enforcement) Act 1972)). F’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ protezzjoni tat-tfal koperti bir-Regolament tal-UE 2201/2003 u bil-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996, huma r-Regolamenti (tal-Ingilterra u Wales u tal-Irlanda ta’ Fuq) tal-2010 dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (Obbligi Internazzjonali) (Parental Responsibility and Measures for the Protection of Children (International Obligations (England and Wales and Northern Ireland)) Regulations 2012), u l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-1996 li fihom ir-regoli dwar il-liġi applikabbli rispettivament, jiġifieri li l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tapplika soġġetta għal eċċezzjonijiet limitati.
1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji (Hague Convention on the Conflicts of Laws Relating to the Form of Testamentary Dispositions 1961).
• Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali (Rome Convention 1980 on the Law Applicable to Contractual Obligations) (kif imsemmi hawn fuq, ir-Regolament Ruma I japplika għal kuntratti ffirmati fis-17 ta’ Diċembru 2009 jew wara)
• Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1985 dwar il-Liġi Applikabbli għat-Trusts u dwar ir-Rikonoxximent tagħhom (Hague Convention of 1 July 1985 on the Law Applicable to Trusts and on their Recognition)
1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali
Ma nafu b’ebda Konvenzjoni bilaterali li fiha dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli li għaliha r-Renju Unit huwa parti.
Ta’ min jinnota li, għalkemm il-Konvenzjonijiet elenkati fil-punt 1.2 hawn fuq jippermettu li Stat japplika xi reġim ieħor dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għall-“unitajiet territorjali” tiegħu, ir-Renju Unit għażel li ma jagħmilx dan. Għaldaqstant, il-Konvenzjonijiet elenkati fil-punt 1.2 japplikaw għal konflitti bejn il-ġurisdizzjonijiet kostitwenti tar-Renju Unit, kif ukoll għal konflitti internazzjonali u l-Irlanda ta’ Fuq hija meqjusa bħala ġurisdizzjoni barranija mill-Ingilterra, minn Wales u mill-Iskozja.
2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Normalment ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet jiġu applikati biss jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun argumentat favur l-applikazzjoni tagħhom. Jekk dan ma jkunx ġie argumentat, jew jekk ma jkunx hemm evidenza sodisfaċenti tal-kontenut tal-liġi barranija, normalment l-imħallef japplika l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq għall-kwistjoni. Din ir-regola hija waħda relatata mal-evidenza u mal-proċedura, u għalhekk mhijiex affettwata mir-Regolamenti tal-UE.
2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet
Ir-Regolamenti tal-UE jeskludu l-applikazzjoni tad-duttrina ta’ renvoi f’każijiet irregolati bir-regoli tal-UE dwar l-għażla tal-liġi u din kienet ukoll il-fehma prevalenti skont l-Att tal-1995 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxelanji) (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) u l-Att tal-1990 dwar il-Liġi Applikabbli dwar il-Kuntratti (Contracts Applicable Law Act 1990). Għalhekk, jekk ir-regola dwar l-għażla tal-liġi fl-Irlanda ta’ Fuq tindika, pereżempju, il-liġi Franċiża, tiġi applikata l-liġi domestika Franċiża, anke jekk qorti Franċiża kienet tapplika l-liġi ta’ xi pajjiż ieħor. Ġustifikazzjoni minnhom imressqa għaċ-ċaħda tar-renvoi f’dawn l-isferi tidher li hija li jekk jiġi applikat ir-renvoi, tinħoloq problema fir-regoli kumplessi stabbiliti mill-istatuti.
Ir-rwol tar-renvoi fl-oqsma tal-liġi li jifdal issa huwa kemxejn limitat, u f’xi każijiet mhuwiex ċar għalkollox. Jista’ jingħad li r-renvoi japplika fil-każ ta’ art li tinsab barra mill-pajjiż, li għaliha l-lex situs jiġi applikat bil-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq. F’każijiet bħal dawn, hemm xewqa pragmatika li tiġi applikata l-istess liġi tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab il-proprjetà, sabiex tiżdied il-possibbiltà li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-proprjetà tkun effettiva. Il-bilanċ tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ proprjetà mobbli tanġibbli li tinsab barra mill-pajjiż huwa li referenza għal-lex situs ma tinkludix ir-renvoi. Madankollu, ta’ min jinnota li f’ħafna każijiet il-prova tal-kontenut tar-regoli dwar l-għażla tal-liġi barranija tkun għalja u l-partijiet ta’ spiss jagħżlu li ma jargumentawx għall-applikazzjoni tagħhom (ara 2.1 aktar ’il fuq).
2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni
Din il-problema hija indirizzata billi f’kull regola dwar l-għażla tal-liġi jiġi speċifikat iż-żmien rilevanti li fih jiġi identifikat il-fattur ta’ konnessjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ trasferimenti ta’ beni mobbli, il-liġi applikabbli rilevanti hija dik applikabbli fil-post fejn ikun il-ben mobbli inkwistjoni fil-ħin tat-trasferiment.
2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Skont ir-regoli tradizzjonali, il-qrati fl-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jirrifjutaw li japplikaw il-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż jew territorju li tmur kontra l-ordni pubbliku. L-ordni pubbliku huwa influwenzat mill-obbligi internazzjonali tar-Renju Unit, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Barra minn hekk, kemm ir-Regolament Ruma 1 kif ukoll Ruma II issa jipprevedu l-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji prevalenti tal-forum irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli għall-kuntratt. Ġeneralment wieħed isib tali regoli fl-isferi tal-konsumatur u tal-impjiegi jew f’leġiżlazzjoni li tissupplimenta Konvenzjoni internazzjonali.
2.5 Prova ta’ liġi barranija
Il-kontenut tal-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż jew territorju barra mill-Irlanda ta’ Fuq jiġi ppruvat mill-partijiet daqslikieku kien fatt. Madankollu, huwa l-imħallef li jiddetermina l-effett tal-evidenza li tingħata fir-rigward ta’ dik il-liġi.
Fi proċedimenti quddiem qorti fl-Irlanda ta’ Fuq persuna li hija kkwalifikata biżżejjed abbażi tal-għarfien jew tal-esperjenza tagħha hija kompetenti biex tagħti xhieda esperta dwar il-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż jew territorju barra mill-Irlanda ta’ Fuq, irrispettivament minn jekk tkunx aġixxiet, jew hijiex intitolata taġixxi, bħala prattikant legali f’dak il-pajjiż jew territorju.
F’ċerti ċirkostanzi qorti fl-Irlanda ta’ Fuq tista’ tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni jew konstatazzjoni preċedenti ta’ qorti Ingliża fir-rigward tal-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż jew territorju barra mill-Irlanda ta’ Fuq. Il-partijiet l-oħra kollha jew l-avukati (solicitors) tagħhom iridu jiġu nnotifikati permezz ta’ avviż bil-miktub li parti minnhom biħsieba tinvoka deċiżjoni preċedenti.
3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali
Fil-kawżi kollha li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali u li jinvolvu għażla tal-liġi, ir-Regolament Ruma I huwa direttament applikabbli. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fir-Regolament Ruma jistgħu japplikaw ukoll għal kawżi li l-liġi fl-Irlanda ta’ Fuq ma tirrikonoxxix bħala kuntrattwali (eż. fejn il-ftehim ma jkunx sostnut minn korrispettiv eż. kuntratti ta’ rigal).
Kwistjonijiet ta' proċedura jiġu ddeterminati mil-lex fori. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-livell tad-danni (iżda mhux il-kategoriji tad-danni) u l-mezzi ta’ prova huma rregolati bil-liġi tal-forum. Il-perjodi ta’ preskrizzjoni huma sostantivi u, għalhekk, fil-każ ta’ obbligi kuntrattwali, dawn huma ddeterminati mil-liġi applikabbli skont ir-Regolament.
F’każijiet li fihom il-partijiet ikunu għamlu għażla espliċita tal-liġi, jew waħda li tista’ tintwera b’ċertezza raġonevoli, tapplika din il-liġi. X’aktarx li għażla tintwera b’ċertezza raġonevoli fejn il-kuntratt ikun f’forma standard li tkun magħrufa li tkun irregolata b’liġi partikolari jew fid-dawl ta’ negozjati preċedenti bejn il-partijiet. Fejn ikun hemm ftehim dwar l-għażla tal-qorti, dan ta’ spiss ikun biżżejjed sabiex jiġi inferit li l-intenzjoni kienet li tingħażel il-liġi ta’ dik il-qorti, iżda dan mhux dejjem ikun il-każ. Fil-każ ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, jekk il-kriterji tal-għażla għall-arbitri jkunu speċifikati, dan jippermetti li ssir inferenza b’mod aktar faċli ta’ għażla tal-liġi, iżda jekk l-arbitri jiġu identifikati b’riferiment għal xi korp internazzjonali, ikun ferm anqas probabbli li l-għażla tinstab li ntweriet b’ċertezza raġonevoli.
Il-libertà tal-għażla hija ċirkoskritta f’diversi aspetti. L-ewwel nett, f’kuntratti ma’ konsumaturi u f’kuntratti ta’ xogħol, l-għażla tal-liġi ma tistax iċċaħħad lill-konsumatur jew lill-impjegat mill-protezzjoni tar-regoli mandatorji li jeżistu skont il-liġi li kienet tapplika għall-kawża kieku ma kienx hemm għażla espressa tal-liġi. It-tieni, fejn l-elementi kollha tas-sitwazzjoni jkunu marbuta ma’ pajjiż wieħed, għażla ta’ liġi differenti ma tistax iċċaħħad ir-regoli obbligatorji ta’ dak il-pajjiż mill-effett. Hemm ukoll regoli protettivi għall-konsumaturi fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Jista’ jiġi nnotat ukoll li fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-effettività tal-għażla – pereżempju, allegazzjoni ta’ sfurzar – il-kwistjoni dwar jekk din l-għażla kinitx effettiva tiġi ddeterminata mil-liġi applikabbli putattiva (jiġifieri l-liġi li tkun tirregola l-kuntratt li kieku l-għażla tkun valida), sakemm dan ma jkunx “mhux raġonevoli” (f’liema każ tista’ tiġi applikata l-liġi tar-residenza abitwali tal-parti li tiddikjara li ma tkunx tat il-kunsens tagħha).
F’kawżi fejn ma jkunx hemm għażla espressa ta' liġi, jew meta din ma tkunx tista’ tintwera b’ċertezza raġonevoli, ir-Regolament Ruma 1 jipprovdi regoli speċifiċi, skont it-tip ta’ kuntratt. Madankollu, fejn dawn ir-regoli ma jkunux konklużivi, il-liġi ġeneralment tkun dik tar-residenza abitwali tal-eżekutur karatteristiku. L-eżekutur karatteristiku mhux dejjem ikun faċilment identifikabbli, iżda normalment ikun il-parti li ma tkunx qed tipprovdi ħlas għall-oġġetti jew għas-servizz (eż. l-eżekutur karatteristiku jkun il-bejjiegħ ta’ prodott, is-sellief fi tranżazzjoni bankarja, il-garanti f’kuntratt ta’ garanzija). Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata favur pajjiż li miegħu l-kuntratt ikollu rabta aktar mill-qrib.
3.2 Obbligi mhux kuntrattwali
Ir-Regolament Ruma II japplika fil-biċċa l-kbira tal-kawżi relatati mal-obbligi mhux kuntrattwali. L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxelanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) japplika biss għal kwistjonijiet relatati ma’ delitti li ma jaqgħux taħt ir-Regolament, u allura l-malafama tibqa’ rregolata bil-common law (ara aktar ’il quddiem).
Il-perjodi ta’ preskrizzjoni huma ddeterminati mil-liġi applikabbli wkoll.
Skont ir-Regolament Ruma II, ir-regola ġenerali hija li tiġi applikata l-liġi tal-post fejn iseħħ id-dannu. Regoli speċjali jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal ċerti tipi ta’ obbligi mhux kuntrattwali, inklużi r-responsabbiltà għall-prodotti, il-kompetizzjoni inġusta, delitti ambjentali u delitti relatati mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Ir-Regolament jippermetti wkoll li l-partijiet jagħżlu l-liġi applikabbli f’ċerti ċirkostanzi, iżda din id-dispożizzjoni ma tistax tintuża sabiex jiġu evitati regoli obbligatorji tad-dritt tal-UE jew tad-dritt domestiku. Għandu jiġi nnotat li l-valutazzjoni tad-danni hija materja għal-liġi applikabbli.
Kif intqal aktar ’il fuq, il-malafama (li tinkludi inġurja tat-titolu, inġurja tal-oġġetti, falsità malizzjuża u kwalunkwe dikjarazzjoni tal-liġi barranija “li tikkorrispondi għal talba [bħal din] jew fin-natura tagħha”) tibqa’ rregolata bil-common law. F’każijiet bħal dawn, tapplika r-“regola tal-azzjonabbiltà doppja”: tista' tittieħed azzjoni biss kontra delitt fl-Irlanda ta’ Fuq jekk tkun tista’ tittieħed azzjoni ċivili skont il-liġi barranija tal-ġurisdizzjoni fejn seħħ l-att (normalment pubblikazzjoni) u tkun tista’ tittieħed azzjoni ċivili skont il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq jekk l-att seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq. Madankollu, din ir-regola hija soġġetta għal eċċezzjoni: meta pajjiż ieħor ikollu relazzjoni aktar sinifikanti mal-okkorrenza u mal-partijiet, minflok tkun tapplika l-liġi ta’ dik il-ġuriżdizzjoni. Ta’ min jinnota li dan il-qasam huwa partikolarment inċert.
Fir-rigward tal-amministrazzjoni tat-trusts, il-liġi applikabbli hija rregolata bl-Att tal-1987 dwar ir-Rikonoxximent tat-Trusts (Recognition of Trusts Act 1987) li jimplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-liġi applikabbli għat-trusts (Hague Convention on the law applicable to trusts). Dan jipprovdi li l-liġi applikabbli tkun dik magħżula mis-settlor, jew, fin-nuqqas ta’ tali għażla, mil-liġi li magħha t-trust tkun marbuta l-aktar mill-qrib. Din il-liġi tiddetermina l-validità tat-trust, l-interpretazzjoni tagħha, l-effetti u l-amministrazzjoni tat-trust.
3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)
Mat-twelid, id-domiċilju ta' persuna (id-domiċilju tal-oriġini) ikun l-istess bħal dak ta’ missier il-wild minuri fiż-żmien tat-twelid tiegħu, jekk il-wild minuri jkun leġittimu. Jekk il-wild minuri jkun illeġittimu, jew il-missier ikun mejjet meta jitwieled, id-domiċilju tal-wild minuri jkun l-istess bħal dak tal-omm. Din ir-regola tkompli tapplika sakemm il-wild minuri jagħlaq 16-il sena (jiġifieri d-domiċilju tal-minuri jinbidel skont dak tal-missier jew tal-omm rispettivament).
Għal persuni li għandhom aktar minn 16-il sena, id-domiċilju ta’ oriġini jibqa’ japplika sakemm ma jadottawx domiċilju tal-għażla tagħhom. Sabiex jadottaw domiċilju tal-għażla tagħhom, huma jridu jkunu effettivament jirrisjedu fil-ġurisdizzjoni rilevanti u jkollhom l-intenzjoni li jirrisjedu hemmhekk b’mod indefinit jew permanenti. Jekk xi wieħed minn dawn l-elementi ma jibqax jeżisti, id-domiċilju tal-għażla tagħhom ma jibqax japplika u japplika d-domiċilju tal-oriġini.
Id-domiċilju ta’ mara miżżewġa ma għadux iktar iddeterminat b’riferiment għal dak tar-raġel tagħha: dan jiġi vvalutat b’mod indipendenti.
Il-kapaċità li jitwettqu obbligi partikolari (eż. li persuna tidħol f’kuntratt, li tagħmel testment, li tiżżewweġ) hija ddeterminata minn regoli speċifiċi għal dak il-qasam, u dawn huma diskussi fit-taqsimiet rilevanti.
3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni
Ir-responsabbiltajiet ta’ ġenitur lejn minuri (ta’ inqas minn 18-il sena) huma ddeterminati mil-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq f’kawżi fejn il-qrati fl-Irlanda ta’ Fuq għandhom ġurisdizzjoni, anki jekk il-minuri jkun jirrisjedi barra mill-pajjiż u jkun ċittadin barrani. Madankollu, skont ir-Regolament tal-UE Nru 2201/2003, il-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha ġurisdizzjoni biss meta l-wild minuri jkun residenti fl-Irlanda ta’ Fuq jew jekk il-wild minuri jkun fi Stat Membru ieħor u jekk mill-inqas wieħed mill-konjuġi jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-konjuġi jkun aċċetta l-ġurisdizzjoni.
Wild minuri jkun leġittimu jekk ikun twieled fi żwieġ legali irrispettivament mill-post tat-twelid, jew jekk il-wild minuri jkun leġittimu skont il-liġi tad-domiċilju ta’ kull wieħed mill-ġenituri fil-mument tat-twelid tal-wild minuri.
Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq tapplika l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq biex tistabbilixxi individwu bħala tutur ta’ wild minuri, jekk ikollha ġurisdizzjoni (li hija jkollha kull meta r-rikorrent ikun ċittadin tar-Renju Unit jew ikun abitwalment residenti jew preżenti fl-Irlanda ta’ Fuq).
Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq tapplika l-liġi fl-Irlanda ta’ Fuq f’kawżi ta’ adozzjoni kull fejn ikollha ġurisdizzjoni (li hija jkollha meta r-rikorrent ikun domiċiljat fl-Irlanda ta’ Fuq fiż-żmien tar-rikors, iżda l-qorti tqis ukoll il-probabbiltà tar-rikonoxximent ta’ xi digriet barra mill-pajjiż fejn dan ikun rilevanti għall-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni tagħha). L-effett ta’ tali digriet huwa li r-responsabbiltajiet kollha jiġu ttrasferiti mingħand il-ġenituri eżistenti għal għand il-ġenituri adottivi.
3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment
Il-validità formali ta’ żwieġ hija rregolata mil-liġi tal-post fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ. Din il-liġi tirregola l-validità taċ-ċeremonja u l-komponenti tagħha, eż. jekk iridx jintuża xi kliem partikolari, jekk iridx jintuża xi bini partikolari, jekk hux meħtieġ il-kunsens tal-ġenituri u jekk iż-żwieġ jistax isir bi prokura. Hemm xi eċċezzjonijiet limitati għal din ir-regola: b’mod partikolari, jekk ikun impossibbli li tintuża l-forma lokali taż-żwieġ. Barra minn hekk, hemm regoli partikolari li japplikaw għall-membri tal-forzi armati li jkunu qed iservu f’pajjiż barrani li mhuwiex fil-Commonwealth.
Il-kapaċità tal-persuni li jiżżewġu tiġi ddeterminata mid-domiċilju tal-persuna rilevanti fiż-żmien li jippreċedi immedjatament iż-żwieġ. Din il-liġi tirregola kwistjonijiet bħal jekk il-partijiet tawx il-kunsens, ir-rekwiżiti tal-età u liema persuni fi ħdan il-familja estiża ta’ persuna din ma tistax tiżżewweġ. Fil-każ speċjali tal-età, l-ebda żwieġ ma jkun validu jekk f’dak il-mument wieħed mill-parteċipanti ma kienx għadu għalaq is-16-il sena, jekk ikunu domiċiljati fl-Irlanda ta’ Fuq.
Il-liġi fl-Irlanda ta’ Fuq ma tipprevedix żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Madankollu, skont il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq, f’ċerti ċirkostanzi unjonijiet minn pajjiżi oħra bejn persuni tal-istess sess jistgħu jiġu trattati bħala sħubiji ċivili.
Fir-rigward ta’ divorzju, qorti fl-Irlanda ta’ Fuq għandha l-ġurisdizzjoni tisma’ proċedimenti ta’ divorzju biss skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003. Jekk wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jkun issodisfat: il-konjuġi huma abitwalment residenti jew domiċiljati fl-Irlanda ta’ Fuq, il-konjuġi kienu abitwalment residenti fl-Irlanda ta’ Fuq u wieħed minnhom għadu residenti hemmhekk, il-konvenut huwa abitwalment residenti fl-Irlanda ta’ Fuq, ir-rikorrent kien residenti fl-Irlanda ta’ Fuq għal mill-inqas sena qabel id-data tar-rikors (jew sitt xhur jekk ir-rikorrent huwa ċittadin ta’ Stat Membru). Jekk l-ebda wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jkun issodisfat u l-ebda Stat Membru ieħor ma jkollu ġurisdizzjoni, il-liġi domestika tikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati tal-Irlanda ta’ Fuq jekk mill-inqas waħda mill-partijiet kienet domiċiljata fl-Irlanda ta’ Fuq fiż-żmien li nbdew il-proċedimenti tad-divorzju. Jekk qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha l-ġurisdizzjoni hija tapplika l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq għall-proċedimenti tad-divorzju. Fi proċedimenti għal digriet ta’ annullament, japplikaw il-liġijiet imsemmija hawn fuq (il-liġi tal-post taċ-ċelebrazzjoni jew il-liġi tad-domiċilju tal-parti) skont ir-raġuni għall-annullament. Divorzju barrani jiġi rikonoxxut jekk waħda mill-partijiet kienet abitwalment residenti, domiċiljata jew ċittadina ta’ dak il-pajjiż fil-mument tal-proċedimenti barranin.
Fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment, ir-Renju Unit huwa marbut bir-Regolament (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha ġurisdizzjoni jekk ikollha ġurisdizzjoni fuq id-divorzju jew, jekk id-divorzju jkun inkiseb fi proċedimenti barranin, fejn waħda mill-partijiet tkun domiċiljata fl-Irlanda ta’ Fuq fiż-żmien tad-divorzju barrani jew kienet abitwalment residenti fl-Irlanda ta’ Fuq fis-sena ta' qabel dik id-data, jew jekk waħda mill-partijiet ikollha interess benefiċjarju f’dar matrimonjali preċedenti li tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tiġi applikata f'kawżi bħal dawn.
3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà
Fin-nuqqas ta’ kuntratt jew ftehim ta' żwieġ, id-drittijiet tar-raġel u tal-mara fuq il-proprjetà mobbli ta’ xulxin (kemm jekk din tkun inxtrat qabel jew fiż-żwieġ) jiġu ddeterminati mil-liġi tad-domiċilju matrimonjali fil-mument taż-żwieġ. Fejn id-domiċilji tar-raġel u tal-mara jikkoinċidu, dan ikun id-domiċilju matrimonjali. Fejn ma jikkoinċidux, din tkun il-liġi li magħha l-partijiet u ż-żwieġ għandhom l-eqreb rabta. L-intenzjonijiet tal-partijiet fil-ħin taż-żwieġ huma rilevanti biss jekk jindikaw għażla impliċita ta’ liġi. L-istess regola x’aktarx tapplika fir-rigward ta’ proprjetà immobbli.
Jekk ikun hemm kuntratt jew ftehim ta’ żwieġ, tapplika l-liġi tal-kuntratt: din hija l-liġi tad-domiċilju matrimonjali jekk ma jkunx hemm indikazzjonijiet oħra dwar il-liġi applikabbli.
3.7 Testmenti u s-suċċessjoni
F’kawżi ta’ suċċessjoni ab intestato (jiġifieri fejn ma jkunx hemm testment), il-liġi tad-domiċilju tat-testatur fil-mument tal-mewt tapplika għas-suċċessjoni għal proprjetà mobbli; il-liġi tal-ġurisdizzjoni fejn tinsab il-proprjetà (lex situs) tapplika għas-suċċessjoni għal proprjetà immobbli.
F’kawżi li jinvolvu testmenti (suċċessjoni testamentarja), il-kapaċità tat-testatur li jagħmel testment ta’ proprjetà mobbli tiġi ddeterminata mil-liġi tad-domiċilju tat-testaturi fid-data tat-testment. Legatarju jkollu l-kapaċità li jirċievi beni mobbli jekk ikollu l-kapaċità skont il-liġi tad-domiċilju tiegħu jew skont il-liġi tad-domiċilju tat-testatur. Ma hemm l-ebda awtorità speċifika dwar il-pożizzjoni rigward il-proprjetà immobbli, iżda l-lex situs ikun l-aktar eżitu probabbli, u probabbilment jiddetermina wkoll il-kapaċità ta’ legatarju li jieħu legat ta’ proprjetà immobbli.
Skont l-Att tal-1963 dwar it-Testmenti (Wills Act 1963), u meta t-testatur ikun miet fl-1 ta’ Jannar 1964 jew wara, testment ikun formalment validu (eż. għadd korrett ta’ xhieda) jekk jikkonforma ma’ xi waħda mil-liġijiet li ġejjin: il-liġi tal-post fejn ġie eżegwit it-testment (jiġifieri normalment fejn jiġi ffirmat fil-preżenza tax-xhieda) fiż-żmien li ġie eżegwit; il-liġi tad-domiċilju, tar-residenza abitwali jew tan-nazzjonalità tat-testatur fil-ħin li ġie eżegwit it-testment; il-liġi tad-domiċilju, tar-residenza abitwali jew tan-nazzjonalità tat-testatur fil-mument tal-mewt tiegħu. Testment ikun validu formalment ukoll sabiex jgħaddi proprjetà immobbli jekk ikun konformi mal-liġi interna tal-ġurisdizzjoni li fiha tkun tinsab il-proprjetà (b’hekk tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-renvoi minkejja li dan jikkonċerna beni immobbli).
Testment ta’ proprjetà mobbli jkun materjalment validu (eż. limiti fuq l-ammont li wieħed jista’ jħalli f’testment) jekk jikkonforma mal-liġi tad-domiċilju tat-testatur fil-mument tal-mewt; testment ta’ proprjetà immobbli jkun materjalment validu jekk ikun konformi mal-liġi tal-ġurisdizzjoni li fiha tinsab il-proprjetà, jiġifieri tkun xi tkun is-sistema ta' liġi domestika hija l-lex situs li tapplika.
Testment jiġi interpretat skont il-liġi intiża mit-testatur, li hija preżunta bħala l-liġi tad-domiċilju tiegħu fid-data tat-testment. Din il-preżunzjoni hija regola prima facie li tista’ tiġi miċħuda permezz ta’ evidenza li turi li t-testatur manifestament ikkontempla u xtaq li t-testment tiegħu jiġi interpretat skont sistema ta’ liġi oħra. B’rabta ma’ proprjetà immobbli, jista’ jkun hemm limitazzjoni addizzjonali, li permezz tagħha, jekk l-interess li jirriżulta minn tali interpretazzjoni ma jkunx permess jew ma jkunx rikonoxxut mil-lex situs, tipprevali din l-aħħar liġi.
Il-validità ta’ allegata revoka ta’ testment tiġi ddeterminata skont il-liġi tad-domiċilju tat-testatur fiż-żmien tal-allegata revoka (ta’ min jinnota li skont il-liġi domestika Ingliża, jekk din tkun tapplika, żwieġ jirrevoka testment sakemm ma jintweriex li t-testment ikun sar espliċitament fil-kontemplazzjoni taż-żwieġ). Madankollu, meta jkun allegat li r-revoka nkisbet b’testment sussegwenti (bil-kuntrarju ta’, pereżempju, it-tħassir tat-testment), jekk dan it-tieni testment jirrevokax dak preċedenti jiġi ddeterminat mil-liġijiet applikabbli għall-validità formali tat-tieni testment. Jekk ma jkunx ċar jekk it-tieni testment jirrevokax dak preċedenti, il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tiġi ddeterminata mil-liġi intiża mit-testatur, li tkun preżunta li hija l-liġi tad-domiċilju tiegħu fid-data tat-tieni testment.
3.8 Proprjetà reali
Il-kawżi li jirrigwardaw il-proprjetà jinqasmu bejn proprjetà mobbli u immobbli; hija l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà li tiddetermina jekk proprjetà hijiex mobbli jew immobbli.
Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà, u jkun japplika r-renvoi. Dan japplika għall-mistoqsijiet kollha dwar it-tranżazzjoni, inklużi l-kapaċità, il-formalitajiet u l-validità materjali. Ta’ min jinnota li ovvjament hemm distinzjoni bejn it-trasferiment ta’ art jew ta’ beni immobbli oħra, u l-kuntratt li jirregola d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet għal dak it-trasferiment – dan tal-aħħar huwa rregolat b’regoli distinti dwar il-liġi applikabbli (b’mod partikolari, skont ir-Regolament Ruma I).
Fil-każ ta’ kwistjonijiet proprjetarji (ta’ min jinnota, għall-kuntrarju ta’ dawk kuntrattwali) dwar it-trasferiment ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, b’mod ġenerali l-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-post fejn kienet tinsab il-proprjetà fiż-żmien li seħħ l-avveniment li allegatament affettwa t-titolu għaliha. Mhuwiex ċar jekk ir-renvoi japplikax f’din is-sitwazzjoni u l-effett globali tad-deċiżjonijiet tal-Prim’Istanza tal-qrati Ingliżi jissuġġerixxi li mhuwiex il-każ. Titolu għall-proprjetà tanġibbli miksuba skont din ir-regola ġenerali jkun rikonoxxut bħala validu fl-Ingilterra jekk il-proprjetà mobbli mbagħad titneħħa mill-pajjiż fejn kienet tinstab fil-mument tal-akkwist tat-titolu, sakemm dak it-titolu ma jiġix spostat minn titolu ġdid miksub f’konformità mal-liġi tal-pajjiż li fih tkun ittieħdet il-proprjetà. Eċċezzjoni partikolari għar-regola ġenerali dwar proprjetà mobbli tanġibbli hija relatata ma’ meta l-proprjetà tanġibbli tkun fi tranżitu u s-situs tagħha ma jkunx magħruf mill-partijiet, jew ikun temporanju; trasferiment li jkun validu skont il-liġi applikabbli tat-trasferiment ikun effettiv fl-Ingilterra.
Fil-każ taċ-ċessjoni ta’ proprjetà mobbli intanġibbli, fejn ir-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju tkun kuntrattwali (bħal fil-każ tal-biċċa l-kbira tad-djun) u l-kwistjoni tkun relatata biss mal-validità u mal-effett taċ-ċessjoni nnifisha, japplika r-Regolament Ruma I.
Ta’ min jinnota li huwa diffiċli li jinġabru fil-qosor ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fuq iċ-ċessjoni u t-trasferiment ta’ proprjetà intanġibbli u l-ebda regola unika dwar l-għażla tal-liġi ma tkoprihom, l-aktar minħabba li l-kategorija ta’ intanġibbli tkopri firxa wiesgħa ħafna ta’ drittijiet, li mhux ilkoll huma kuntrattwali fl-oriġini tagħhom. Huwa ssuġġerit li għandu jintalab parir ta’ speċjalist fil-każ ta’ proprjetà mobbli intanġibbli.
3.9 Insolvenza
Ir-Renju Unit huwa parti għar-Regolament tal-Kunsill 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, li jistabbilixxi r-regoli rilevanti fil-proċedimenti li jinvolvu l-iżvestiment sħiħ jew parzjali tad-debitur u l-ħatra ta’ likwidatur fejn l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu fi Stat Membru tal-UE (minbarra d-Danimarka). Jekk il-Qorti Għolja tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland High Court) ikollha ġurisdizzjoni (li huwa l-każ jekk l-interessi prinċipali tad-debitur jkunu ċċentrati fl-Irlanda ta’ Fuq, li huwa preżunt li tkun il-post tal-uffiċċju rreġistrat), tiġi applikata l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq.
F’kawżi li jaqgħu barra mir-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tiġi applikata jekk il-Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha ġurisdizzjoni (li huwa l-każ jekk il-kumpanija tkun irreġistrata fl-Irlanda ta’ Fuq jew jekk ikun hemm persuni fl-Irlanda ta’ Fuq li jibbenefikaw mill-istralċ u jekk ma jkunx hemm raġunijiet validi biex tiġi rrifjutata l-ġurisdizzjoni).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.