1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ
1.1 Regoli nazzjonali
L-Iskozja għandha ordinament ġuridiku “mħallat” separat u distint. Dan il-qasam tal-“liġi applikabbli” ġie influwenzat b’mod partikolari mill-ordinamenti Kontinentali, kif ukoll mid-dritt komuni. L-Iskozja tifforma ġuriżdizzjoni separata fi ħdan ir-Renju Unit, u sabiex jiġu ddeterminati kawżi fi ħdan ir-Renju Unit kif ukoll kawżi verament internazzjonali hemm bżonn ta’ regoli dwar il-konflitti. Ġeneralment, meta r-Renju Unit isir parti fi strument internazzjonali li jkun fih regoli dwar il-liġi applikabbli, tkun ittieħdet deċiżjoni biex jiġu applikati l-istess regoli għall-konflitti fi ħdan ir-Renju Unit, għalkemm normalment ma jkun hemm l-ebda obbligu li jsir hekk. Id-dritt Skoċċiż jirrikonoxxi dan il-qasam bħala d-dritt internazzjonali privat, id-dritt privat internazzjonali, jew il-konflitt tal-liġijiet.
Bħal fl-Ingilterra u Wales, illum il-ġurnata ħafna regoli ġejjin minn Regolamenti tal-UE li japplikaw direttament. Fir-rigward ta’ materjali ċivili u kummerċjali, dawn huma: Ir-Regolament 593/2008 (Ruma I) dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali u r-Regolament 864/2007 (Ruma II) dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali. L-Att tal-1990 dwar il-Kuntratti (Liġi Applikabbli) (The Contracts (Applicable Law) Act 1990) (li implimenta l-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980) jibqa’ rilevanti fir-rigward ta’ kuntratti applikabbli qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 (ir-Regolament Ruma I japplika għal kuntratti applikabbli f’dik id-data jew wara). L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) huwa rilevanti biss għal sitwazzjonijiet mhux koperti mir-Regolament Ruma II (ir-Regolament japplika għal każijiet li fihom id-dannu jkun seħħ wara l-11 ta’ Jannar 2009).
F’oqsma oħra, b’mod ġenerali japplika d-dritt komuni. Is-sorsi fil-liġi tal-familja fl-Iskozja huma d-dritt komuni; l-istatut (ħafna drabi wara rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni tal-Liġi Skoċċiża (Scottish Law Commission)); u l-obbligi tal-UE u internazzjonali.
1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji (Hague Convention on the Conflicts of Laws Relating to the Form of Testamentary Dispositions 1961).
Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (Rome Convention 1980 on the Law Applicable to Contractual Obligations) (issostitwita bir-Regolament Ruma I fir-rigward ta’ kuntratti applikabbli fis-17 ta’ Diċembru 2009 jew wara)
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Lulju 1985 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Fondi Fidjuċarji u dwar ir-Rikonoxximent tagħhom (Hague Convention of 1 July 1985 on the Law Applicable to Trusts and on their Recognition).
1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali
Ma nafux b’xi Konvenzjoni bilaterali li fiha dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi li r-Renju Unit huwa parti fih.
Madankollu, ta’ min jinnota li, għalkemm il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 u l-Konvenzjonijiet tal-Aja jippermettu li Stat japplika xi sistema oħra ta’ għażla tal-liġi għal konflitti “interni” – bħal konflitti bejn il-liġijiet tal-Ingilterra u Wales u tal-Iskozja – ir-Renju Unit għażel li ma jagħmilx użu minn din il-faċilità. Għalhekk, il-Konvenzjoni ta’ Ruma (fir-rigward ta’ kuntratti applikabbli qabel is-17 ta’ Diċembru 2009) u r-regoli tal-Konvenzjoni tal-Aja japplikaw għal konflitti bejn il-ġuriżdizzjonijiet differenti tar-Renju Unit kif ukoll f’konflitti internazzjonali.
2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Liġi barranija (jiġifieri mhux tal-Iskozja) tiġi applikata fil-qrati Skoċċiżi biss jekk tkun applikabbli skont ir-regoli nazzjonali dwar il-konflitti u biss jekk tintalab u tiġi pprovata mill-parti li tixtieq tibbaża fuqha. Din ir-regola tirrigwarda l-evidenza u l-proċedura, u mhijiex affettwata minn strumenti tal-UE.
2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet
Ir-rinviju huwa l-proċess li bih qorti tal-forum tadotta liġi barranija f’sitwazzjoni ta’ konflitt tal-liġijiet. Dan jista’ jkun rilevanti f’diversi oqsma tal-liġi, bħal-liġi tas-suċċessjoni u l-liġi tal-familja, għalkemm ma hemmx wisq ġurisprudenza Skoċċiża dwar ir-rinviju. Ir-Regolamenti rilevanti tal-UE (bħal Ruma I u Ruma II) jeskludu l-applikazzjoni tar-rinviju, u ttieħed l-istess approċċ fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxelanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) fir-rigward ta’ delitti.
2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni
Dan normalment jiġi ttrattat billi jiġi speċifikat il-mument li fih jiġi applikat il-fattur ta’ konnessjoni. Fil-każ ta’ trasferiment ta’ titolu għal beni mobbli, il-liġi tkun dik tal-post fejn kienu jinsabu l-beni mobbli fil-mument tal-avveniment li allegatament ittrasferixxa t-titolu.
2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Il-qrati Skoċċiżi jistgħu jirrifjutaw li japplikaw liġi barranija illi kieku tkun applikabbli, fuq il-bażi li din tkun tmur kontra l-ordni pubbliku Skoċċiż. Għalkemm it-terminu “ordni pubbliku internazzjonali” ma jintużax f’dan il-kuntest, “kontra l-ordni pubbliku Skoċċiż” ifisser li l-liġi inkwistjoni titqies bħala inaċċettabbli anke jekk il-każ ikun wieħed internazzjonali li għalih ma tistax tkun mistennija li tapplika l-liġi tal-Iskozja. L-ordni pubbliku Skoċċiż kultant ikun derivat minn strumenti jew minn normi internazzjonali, bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Barra minn hekk, ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II it-tnejn li huma jipprovdu għall-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji prevalenti tal-forum, irrispettivament mil-liġi illi kieku tkun applikabbli għall-kuntratt. Ma hemmx ħafna regoli bħal dawn fil-liġi tal-Iskozja, u dawk li jeżistu jinsabu l-aktar fl-istatuti li japplikaw madwar ir-Renju Unit kollu kemm hu. Eżempji jinkludu n-nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ ftehimiet ta’ investiment magħmula minn persuni mhux awtorizzati jew permezz ta’ dawn, jew wara komunikazzjoni illegali lill-klijent, skont l-Artikoli 26 u 30 tal-Att dwar is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji tal-2000 (Financial Services and Markets Act 2000).
2.5 Prova ta’ liġi barranija
Il-kontenut tal-liġi barranija huwa kwistjoni ta’ fatt, u għalhekk l-evidenza trid titmexxa mill-partijiet u l-imħallef irid jasal għal konklużjonijiet ibbażati fuq analiżi ta’ din l-evidenza. L-imħallef ma jistax jinvestiga u japplika liġi barranija b’mod indipendenti. Meta l-evidenza tkun konfliġġenti, l-imħallef irid jiddeċiedi dwar liema parti għandha fehma li tidher aktar plawżibbli, u jista’ jeżamina statuti u kawżi barranin li jkunu ġew riferiti fl-evidenza sabiex dan jagħmlu.
L-unika eċċezzjoni għar-regola li l-liġi barranija hija kwistjoni ta’ fatt hija li, meta l-Qorti Suprema tar-Renju Unit (UK Supreme Court) tisma’ appell minn parti waħda tar-Renju Unit, hija tista’ tapplika l-liġi ta’ kwalunkwe ġuriżdizzjoni oħra tar-Renju Unit anki jekk il-kontenut ta’ dik il-liġi ma jkunx ġie pprovat b’evidenza. Dan għaliex il-Qorti Suprema (Supreme Court) fiha mħallfin mill-ġuriżdizzjonijiet kollha tar-Renju Unit, u tqis lilha nnifisha bħala kkwalifikata sabiex tapplika l-liġi ta’ kwalunkwe waħda minnhom.
Meta l-liġi barranija teħtieġ li tiġi pprovata, dan normalment isir permezz tal-evidenza ta’ xhieda esperti. Mhuwiex biżżejjed li sempliċement jiġi ppreżentat test, bħal statut barrani, quddiem il-qorti li ma tqisx lilha nnifisha bħala kkwalifikata sabiex tinterpreta jew tapplika materjal legali barrani mingħajr il-gwida ta’ xi ħadd li jkollu għarfien xieraq ta’ dak l-ordinament. Tista’ tingħata evidenza esperta minn kull persuna b’għarfien jew b’esperjenza xierqa, anke jekk ma tkunx avukat li jipprattika fil-pajjiż l-ieħor. Pereżempju ntużaw akkademiċi.
Ġeneralment meta l-partijiet ma jaqblux dwar il-kontenut tal-liġi barranija, dan ikun meħtieġ li jiġi pprovat permezz ta’ xhieda orali mill-esperti, li matulha jistgħu jirreferu għal materjal dokumentarju li jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti. Meta ma jkunx hemm tilwima, il-partijiet jistgħu sempliċiment jiftiehmu, jew jippreżentaw evidenza b’affidavit.
Hemm preżunzjoni li l-liġi barranija hija l-istess bħal dik tal-liġi tal-Iskozja. Ovvjament dan huwa konfutabbli b’evidenza li tagħti prova sodisfaċenti tal-kontenut (differenti) tal-liġi barranija.
3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali
F’kawżi li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet, ir-Regolament Ruma I (ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali) japplika direttament. Il-prinċipju tal-universalità jfisser li kwalunkwe liġi speċifikata minn Ruma I għandha tiġi applikata irrispettivament minn jekk tkunx liġi ta’ Stat Membru tal-UE.
Ruma I ma japplikax għal kwistjonijiet ta’ evidenza jew ta’ proċedura, li jkomplu jiġu rregolati bil-liġi tal-forum. Ir-regoli li jiddeterminaw l-oneru tal-provi, li Ruma I jispeċifika li għandhom jiġu rregolati bil-liġi li tirregola obbligu kuntrattwali skont ir-Regolament huma eċċezzjoni. L-interpretazzjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni, l-eżekuzzjoni u l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ obbligu, fost l-oħrajn, huma rregolati bil-liġi applikabbli skont ir-Regolament.
Ir-regoli primarji ta’ Ruma I huma kif ġej. Meta l-partijiet ikunu għamlu għażla espliċita tal-liġi, jew l-għażla tista’ tintwera b’mod ċar bit-termini tal-kuntratt jew biċ-ċirkostanzi tal-kawża, tapplika dik il-liġi.
Hemm limiti fuq il-libertà tal-għażla. L-Artikolu 3 ta’ Ruma I jipprevedi li meta ssir għażla tal-liġi, iżda l-“elementi rilevanti għas-sitwazzjoni” l-oħra kollha jkunu jinsabu f’pajjiż ieħor, l-għażla tal-liġi ma ċċaħħadx l-effett ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż li ma tistax issir deroga minnhom bi ftehim. L-Artikolu 9 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti ta’ pajjiż għandhom japplikaw, anki meta l-partijiet ma jkunux eżerċitaw il-libertà tal-għażla tal-liġi. Barra minn hekk, f’kuntratti konklużi minn konsumaturi u f’kuntratti ta’ impjieg, il-liġi magħżula ġeneralment ma tistax iċċaħħad lill-konsumatur jew lill-impjegat mill-protezzjoni tar-regoli obbligatorji tas-sistema li kienu jkunu japplikaw fin-nuqqas ta’ għażla.
F’każijiet li fihom ma hemm l-ebda għażla espressa tal-liġi, u lanqas waħda li tista’ tintwera b’mod ċar, l-Artikolu 4 ta’ Ruma I jistabbilixxi regoli ulterjuri għad-determinazzjoni tal-liġi li tirregola, li spiss tkun marbuta mar-residenza abitwali tal-parti li ma tkunx qed tħallas għall-prodott jew għas-servizz, pereżempju l-bejjiegħ f’kuntratt għall-bejgħ ta’ oġġetti, is-sellief ta’ self bankarju jew il-garanti f’kuntratt ta’ garanzija. Din is-suppożizzjoni tista’ tiġi kkonfutata favur pajjiż li l-kuntratt ikollu rabta manifestament aktar mill-qrib miegħu. Il-ġurisprudenza relatata mal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li tista’ tibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ Ruma I, tikkonferma li sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, irid ikun hemm tal-anqas preponderanza ċara ta’ fatturi favur il-pajjiż l-ieħor. Il-maġġoranza tal-imħallfin fil-kawża Skoċċiża importanti ta’ Caledonia Subsea vs Microperi SA marret lil hinn minn hekk, u qalet li l-preżunzjoni għandha tiġi kkonfutata biss jekk fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-kawża r-residenza abitwali tal-eżekutur karatteristiku ma kellha l-ebda sinifikat reali.
3.2 Obbligi mhux kuntrattwali
Ir-Regolament Ruma II (ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali) japplika għal obbligi mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt tal-liġijiet. Sabiex ikunu japplikaw ir-regoli speċifikati fir-Regolament, irid ikun seħħ jew x’aktarx li jkun se jseħħ dannu. Id-dannu huwa speċifikat li jkopri kull “konsegwenza” li tirriżulta minn delitt, minn arrikkiment inġust, minn negotiorum gestio (obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn att imwettaq mingħajr l-awtorità dovuta b’rabta mal-affarijiet ta’ persuna oħra), jew minn culpa in contrahendo (obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn negozjati qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt). Ir-Regolament Ruma II ma japplikax, fost l-oħrajn, għal kawżi ta’ malafama, jew għal pretensjoni ekwivalenti magħmula skont il-liġi barranija.
Skont Ruma II, ir-regola ġenerali li tapplika għal delitti hija li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu. Regoli speċjali jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal ċerti tipi ta’ obbligi mhux kuntrattwali, inklużi r-responsabbiltà għall-prodotti, il-kompetizzjoni inġusta, il-ħsara ambjentali u l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar l-arrikkiment inġust, negotiorum gestio u culpa in contrahendo. Ir-Regolament jippermetti lill-partijiet jagħżlu l-liġi applikabbli f’ċerti ċirkostanzi. Madankollu, ir-Regolament jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-evitar, permezz tal-operat tar-regoli tar-Regolament, tar-regoli tal-liġi domestika tal-forum, u dwar l-evitar ta’ regoli ta’ pajjiż li ma jkunx il-pajjiż magħżul fejn l-elementi kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fiż-żmien tal-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu f’dak il-pajjiż.
Fl-Iskozja, hemm xi kawżi li Ruma II ma japplikax għalihom, meta japplika wieħed minn fost l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1995 (Private International Law (Miscellaneous Provisions) Act 1995) jew id-dritt komuni.
3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)
Id-domiċilju
Fl-Iskozja, l-istatus ta’ illeġittimità tneħħa bl-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Liġi tal-Familja (tal-Iskozja) tal-2006 (Family Law (Scotland) Act 2006). B’konsegwenza ta’ hekk, l-Artikolu 22(2) tal-Att tal-2006 jipprevedi li meta (a) il-ġenituri ta’ tfal taħt is-16-il sena jkunu domiċiljati fl-istess pajjiż bħal xulxin; u (b) it-tfal jkunu joqogħdu f’dar ma’ ġenitur jew f’dar (jew fi djar) flimkien mat-tnejn li huma, it-tfal għandhom ikunu domiċiljati fl-istess pajjiż bħall-ġenituri tagħhom. F’każijiet oħra, l-Artikolu 22(3) jipprevedi li t-tfal għandhom ikunu domiċiljati fil-pajjiż li t-tfal ikollhom l-eqreb rabta miegħu f’dak iż-żmien.
Għal persuni ta’ aktar minn 16-il sena, id-domiċilju preċedenti tagħhom ikompli japplika sakemm ma jiħdux domiċilju tal-għażla. Sabiex jiġi adottat domiċilju tal-għażla, l-individwu jrid ikun fil-fatt mar jgħix fil-pajjiż il-ġdid fejn jixtieq jirrisjedi, u jrid juri intenzjoni li ma jżommx id-domiċilju preċedenti tiegħu kif ukoll intenzjoni li jgħix b’mod permanenti fil-pajjiż il-ġdid. Jekk domiċilju tal-għażla jiġi abbandunat, jerġa’ jintuża d-domiċilju ta’ oriġini biex jimtela kwalunkwe vojt sakemm jinkiseb domiċilju tal-għażla ġdid.
Id-domiċilju ta’ persuni miżżewġa issa jiġi vvalutat b’mod indipendenti minn dak tal-konjuġi l-ieħor.
L-Artikolu 1 tal-Att tal-1973 dwar id-Domiċilju u l-Proċedimenti Matrimonjali (Domicile and Matrimonial Proceedings Act 1973) jistipula li mara miżżewġa għandha l-istess drittijiet fir-rigward tad-domiċilju bħal kwalunkwe persuna oħra. Madankollu, jekk il-mara żżewġet qabel l-Att tal-1973 (u b’hekk kisbet id-domiċilju ta’ żewġha skont il-liġi l-antika) hija għandha tkompli żżomm dak id-domiċilju sakemm ma tabbandunahx jew ma tiksibx domiċilju tal-għażla ġdid.
Isem
Il-dritt ta’ għoti ta’ isem lill-ulied huwa parti mir-responsabbiltajiet u mid-drittijiet tal-ġenituri (PRRs). Fi kwalunkwe tilwima dwar il-PRRs, l-Artikolu 11 tal-Att (tal-Iskozja) tal-1995 dwar it-Tfal (Children (Scotland) Act 1995) tirrikjedi li l-qorti tittratta l-interessi tat-tfal bħala l-konsiderazzjoni prijoritarja tagħha.
L-adulti ġeneralment ikunu intitolati li jsejħu lilhom infushom bi kwalunkwe isem li jixtiequ fl-Iskozja, sakemm ma jkunx hemm intenzjoni frodulenti. Kull persuna li jkollha aktar minn 16-il sena, li t-twelid tagħha jkun irreġistrat l-Iskozja jew li tkun ġiet adottata legalment fl-Iskozja, tista’ tapplika mar-Rekords Nazzjonali tal-Iskozja (National Records of Scotland) għal bidla rreġistrata fl-isem. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu li jintuża dan is-servizz. Aktar informazzjoni dwar it-tibdil tal-isem tista’ tinkiseb mis-sit tar-Rekords Nazzjonali tal-Iskozja (National Records of Scotland).
Kapaċità ta’ Kuntratt
Il-kapaċità ta’ dħul f’kuntratti, ta’ tfassil ta’ testmenti eċċ. hija rregolata b’liġijiet differenti skont il-materja li l-kwistjoni tal-kapaċità tqum dwarha. L-Att (tal-Iskozja) tal-1991 dwar l-Età tal-Kapaċità Legali (Age of Legal Capacity (Scotland) Act 1991) huwa rilevanti f’ċerti ċirkostanzi. Skont l-Att (tal-Iskozja) tal-1991 dwar l-Età tal-Kapaċità Legali, persuna ta’ 16-il sena jew aktar għandha l-kapaċità legali li tidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni. Persuna iżgħar ikollha kapaċità f’ċerti ċirkostanzi stabbiliti fl-Att.
3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni
Il-liġi tal-Iskozja tagħti lill-ġenituri (u lil ċerti individwi oħra li għandhom kapaċità legali li jindukraw it-tfal) il-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ġenituri. Fl-Att (tal-Iskozja) tal-1995 dwar it-Tfal hemm dispożizzjoni fir-rigward tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri. Il-liġi tal-Iskozja tkun applikabbli kull meta l-qrati Skoċċiżi jkollhom ġuriżdizzjoni soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 u ta’ Brussell IIa. Fil-liġi tal-Iskozja, il-materji relatati mal-adozzjoni huma ddeterminati mill-Att (tal-Iskozja) tal-2007 dwar l-Adozzjoni u t-Tfal (Adoption and Children (Scotland) Act 2007).
3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment
Fl-Iskozja, żwieġ ikun validu biss jekk jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti. Iż-żewġ partijiet iridu jkunu liberi li jiżżewġu, ikollhom kapaċità legali sħiħa u jkunu taw il-kunsens sħiħ tagħhom għaż-żwieġ.
L-Artikolu 38(1) tal-Att (tal-Iskozja) tal-2006 dwar il-Liġi tal-Familja (Family Law (Scotland) Act 2006) jeħtieġ ukoll li ż-żwieġ irid jikkonforma mal-formalitajiet meħtieġa mil-liġi tal-post fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ. Dan ikopri l-validità taċ-ċerimonja u tal-elementi tagħha, eż. jekk iridx jintuża xi kliem partikolari, jekk iż-żwieġ iridx isir f’post partikolari, jekk żwieġ jistax isir permezz ta’ prokura.
Il-kwistjoni dwar jekk persuna li tidħol fi żwieġ kellhiex il-kapaċità li tagħmel hekk u tatx il-kunsens sħiħ tagħha għaż-żwieġ tiġi ddeterminata mil-liġi tal-post fejn kienet domiċiljata dik il-persuna immedjatament qabel iż-żwieġ (l-Artikolu 38(2) tal-Att tal-2006). Fl-Iskozja, l-età tal-kapaċità legali għaż-żwieġ hija ta’ 16-il sena. F’termini ta’ kunsens, irid ikun hemm skambju ġenwin u serju ta’ kunsens bejn iż-żewġ partijiet għaż-żwieġ.
L-Iskozja issa tirrikonoxxi wkoll iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess wara l-introduzzjoni tal-Att (tal-Iskozja) tal-2004 dwar iż-Żwieġ u s-Sħubija Ċivili (Marriage and Civil Partnership (Scotland) Act 2014). Dan jinkludi żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess li jsiru kemm fl-Iskozja kif ukoll barra l-pajjiż.
Sakemm ma jkunx hemm impediment legali għaż-żwieġ, kulħadd jista’ jiżżewweġ fl-Iskozja. M’hemm l-ebda rekwiżit ta’ residenza fl-Iskozja għal koppji li jfittxu li jiżżewġu hawnhekk, għalkemm persuni minn barra l-UE jista’ jkollhom bżonn awtorizzazzjoni ta’ immigrazzjoni.
Sħubija Ċivili u Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess
Il-liġi tal-Iskozja tirrikonoxxi wkoll is-sħubijiet ċivili skont l-Att tal-2004 dwar is-Sħubijiet Ċivili (Civil Partnership Act 2004). L-Artikolu 85 tal-Att tal-2004 jipprevedi li sħubija ċivili tiġi fformata meta żewġ persuni tal-istess sess jiffirmaw l-iskeda kompluta tas-sħubija ċivili quddiem żewġ xhieda li jkollhom 16-il sena jew aktar u reġistratur awtorizzat (ilkoll preżenti).
L-Att tal-2004 fih ukoll dispożizzjoni speċifika għal sħubijiet ċivili fformati barra mir-Renju Unit. Unjoni ċivili barranija bejn persuni tal-istess sess li tkun saret barra mir-Renju Unit tiġi ttrattata bħala sħubija ċivili fl-Iskozja sakemm tissodisfa ċerti kriterji stabbiliti fl-Att tal-2004.
Il-koabitazzjoni
Bħala regola ġenerali fl-Iskozja, jekk koppja tgħix flimkien daqslikieku kienet miżżewġa, il-koabitazzjoni tagħha tiġġenera ċerti drittijiet u dmirijiet. L-Att (tal-Iskozja) tal-2006 dwar il-Liġi tal-Familja (Family Law (Scotland) Act 2006) jipprevedi d-drittijiet tal-koppji koabitanti (li japplikaw bl-istess mod kemm għall-koppji tal-istess sess kif ukoll għall-koppji tas-sess oppost). Pereżempju, l-Artikolu 26 jipprevedi drittijiet f’ċerti oġġetti tad-dar; l-Artikolu 27 jagħmel referenza għal drittijiet għal ċerti flus u proprjetà; l-Artikolu 28 jipprevedi l-provvediment finanzjarju mas-separazzjoni; l-Artikolu 29 jipprevedi l-provvediment finanzjarju meta wieħed mill-koabitanti jmut mingħajr ma jħalli testment; u l-Artikolu 30 jipprevedi l-ordnijiet ta’ protezzjoni ċivili għall-protezzjoni kontra l-abbuż.
Id-Divorzju u s-Separazzjoni
F’materji ta’ divorzju u ta’ separazzjoni hemm dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (jiġifieri l-Att tal-1973 dwar id-Domiċilju u l-Proċedimenti Matrimonjali (Domicile and Matrimonial Proceedings Act 1973) u l-Att tal-2004 dwar is-Sħubijiet Ċivili (Civil Partnership Act 2004)) dwar meta l-qrati Skoċċiżi jkollhom ġuriżdizzjoni f’każijiet ta’ divorzju u ta’ xoljiment. Aktar dettalji jinsabu fis-sit tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi.
Il-manteniment
Fir-rigward tal-manteniment, id-Dipartiment għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet (Department for Work and Pensions) imexxi servizz statutorju għall-manteniment tat-tfal madwar il-Gran Brittanja.
Fl-Iskozja, hemm ukoll dispożizzjoni stabbilita fl-Att (tal-Iskozja) tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (Family Law (Scotland) Act 1985) dwar l-obbligi ta’ manteniment għall-membri tal-familja, bħall-konjuġi u t-tfal. Obbligu ta’ manteniment huwa obbligu li jipprovdi appoġġ li jkun raġonevoli fiċ-ċirkostanzi.
3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà
L-Iskozja għandha sistema fil-liġi għall-provvediment finanzjarju mad-divorzju jew ix-xoljiment ta’ sħubija ċivili. Il-liġi Skoċċiża tistabbilixxi ċerti prinċipji li jridu jiġu kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni dwar il-provvediment finanzjarju u d-diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin u dawn il-prinċipji jinsabu fl-Att (tal-Iskozja) tal-1985 dwar il-Liġi tal-Familja (Family Law (Scotland) Act 1985).
Ir-regola ġenerali tal-liġi tal-Iskozja hija li l-valur nett tal-beni tal-miżżewġin għandu jinqasam b’mod ġust bejn il-partijiet sakemm ma jkunx hemm raġuni kontra l-kondiviżjoni ġusta u ugwali. Il-beni tal-miżżewġin huma ddefiniti bħala l-beni kollha tal-partijiet għaż-żwieġ jew għas-sħubija ċivili li jkunu nkisbu qabel jew matul iż-żwieġ jew matul is-sħubija ċivili. L-Artikolu 9 tal-Att tal-1985 tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jitqiesu meta ssir kwalunkwe ordni ta’ provvediment finanzjarju dwar id-divorzju jew ix-xoljiment ta’ sħubija ċivili, li għandha tgħin sabiex jiġi deċiż jekk il-beni tal-miżżewġin għandhomx jinqasmu b’mod ugwali bejn il-partijiet, jew jekk wieħed mill-konjuġi jew mis-sħab ċivili għandux jirċievi sehem akbar mill-ieħor.
3.7 Testmenti u s-suċċessjoni
F’każijiet ta’ suċċessjoni ab intestato (jiġifieri meta ma jkunx hemm testment), il-liġi tad-domiċilju tat-testatur fid-data tal-mewt tapplika għas-suċċessjoni għall-proprjetà mobbli u l-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà fid-data tal-mewt tapplika għas-suċċessjoni għall-proprjetà immobbli. L-istess regoli japplikaw f’dak li għandu x’jaqsam mas-“sehem riżervat” (jiġifieri d-drittijiet ta’ ċerti membri tal-familja sabiex jaqsmu l-patrimonju tad-deċedut li ma jistgħux jinkisru minn testment). Is-sehem riżervat irid jitqies kemm fis-suċċessjoni ab intestato kif ukoll f’dik b’testment. Ta’ min jinnota li fil-preżent, skont il-liġi tal-Iskozja, is-sehem riżervat huwa disponibbli biss mill-proprjetà mobbli, u għalhekk ikun disponibbli biss meta l-persuna deċeduta tkun mietet fid-domiċilju fl-Iskozja. F’każijiet li jinvolvu testmenti, il-kapaċità tat-testatur li jagħmel testment hija rregolata bil-liġi tad-domiċilju tiegħu fid-data tat-testment fir-rigward ta’ proprjetà mobbli, u l-liġi tal-pajjiż li fih tinsab il-proprjetà fir-rigward tal-proprjetà immobbli.
Skont l-Att tal-1963 dwar it-Testmenti (Wills Act 1963), testment jitqies li jkun eżegwit b’mod validu (“validu formalment”) (eż. fil-forma korretta, numru tajjeb ta’ xhieda) jekk ikun konformi ma’ kwalunkwe waħda mil-liġijiet interni li ġejjin: il-liġi tal-post fejn ġie eżegwit it-testment (iffirmat u attestat); il-liġi tad-domiċilju, ir-residenza abitwali jew in-nazzjonalità tat-testatur fid-data tal-eżekuzzjoni; il-liġi tad-domiċilju, ir-residenza abitwali jew in-nazzjonalità tat-testatur fid-data tal-mewt. Dan ikun validu formalment ukoll fir-rigward ta’ proprjetà immobbli jekk ikun konformi mal-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà.
Id-dispożizzjonijiet ta’ testment li għandhom x’jaqsmu ma’ proprjetà mobbli huma validi u eżegwibbli (“validi essenzjalment”) (eż. limiti fuq is-sehem ta’ proprjetà li jista’ jgħaddi b’mod validu skont it-testment) jekk jikkonformaw mal-liġi tad-domiċilju tat-testatur fid-data tal-mewt. Testment relatat ma’ proprjetà immobbli jkun materjalment validu jekk jikkonforma mal-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà fid-data tal-mewt.
Testment jiġi interpretat skont il-liġi maħsuba mit-testatur, li l-intenzjoni tiegħu tista’ tkun espliċita jew dedotta mil-lingwa tat-testment. Inkella huwa preżunt li hija l-liġi tad-domiċilju tat-testatur fid-data tat-testment fir-rigward tal-proprjetà mobbli. Din ir-regola probabbilment tapplika wkoll għall-proprjetà immobbli. F’każijiet eċċezzjonali, fejn it-testment ma jindikax liġi b’mod ċar, tkun ġiet applikata l-liġi tad-domiċilju fid-data tal-mewt.
Ta’ min jinnota li l-Artikolu 4 tal-Att tal-1963 tiddikjara li:
“Is-sawra ta’ testment ma għandhiex tinbidel minħabba xi bidla fid-domiċilju tat-testatur wara l-eżekuzzjoni tat-testment.”
Il-validità essenzjali ta’ revoka allegata ta’ testment hija ddeterminata mil-liġi tad-domiċilju tat-testatur fid-data tal-allegata revoka fir-rigward tal-proprjetà mobbli u mil-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli meta r-revoka tkun taffettwa dik il-proprjetà. Testment li jfittex li jirrevoka testment validu preċedenti jew dispożizzjoni ta’ testment validu preċedenti titqies formalment valida jekk it-testment li jirrevoka t-testment preċedenti jikkonforma mal-liġi ta’ kwalunkwe pajjiż li skont din ir-revoka jew id-dispożizzjoni kienet tiġi ttrattata bħala eżegwita kif suppost.
3.8 Proprjetà reali
Jekk proprjetà għandhiex tiġi kklassifikata bħala mobbli jew immobbli hija kwistjoni li taqa’ taħt il-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà.
Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà. Dan japplika għall-mistoqsijiet kollha dwar it-tranżazzjoni, inklużi l-kapaċità, il-formalitajiet u l-validità materjali. Hemm distinzjoni bejn it-trasferiment ta’ art jew ta’ beni immobbli oħra, u l-kuntratt li jirregola d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet għal dak it-trasferiment – dan tal-aħħar huwa rregolat b’regoli distinti dwar il-liġi applikabbli (b’mod partikolari, skont ir-Regolament Ruma I).
Fil-każ ta’ proprjetà mobbli korporali, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-mument tal-avveniment li allegatament ikun affettwa t-titolu għaliha. Titolu għal proprjetà mobbli korporali miksub skont din ir-regola ġenerali ġeneralment ikun rikonoxxut bħala validu fl-Iskozja. Ovvjament, kwistjonijiet kuntrattwali huma rregolati bir-Regolament Ruma I.
3.9 Insolvenza
Ir-Renju Unit huwa parti għar-Regolament tal-Kunsill 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, li jistabbilixxi r-regoli rilevanti fil-proċedimenti li jinvolvu l-iżvestiment sħiħ jew parzjali tad-debitur u l-ħatra ta’ likwidatur meta l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu fi Stat Membru tal-UE (minbarra d-Danimarka). Jekk il-qrati Skoċċiżi jkollhom ġuriżdizzjoni (li jkun il-każ jekk l-interessi ewlenin tad-debitur ikunu jinsabu l-Iskozja, preżunta bħala l-post tal-uffiċċju reġistrat), tiġi applikata l-liġi tal-Iskozja.
F’każijiet li jaqgħu barra mir-Regolament 1346/2000, il-liġi tal-Iskozja tiġi applikata meta l-qrati Skoċċiżi jkollhom u jkunu qed jeżerċitaw ġuriżdizzjoni.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.