Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ
1.1 Regoli nazzjonali
Id-dritt internazzjonali privat issa huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu rregolat mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Ir-regoli nazzjonali Żvediżi għal dan il-qasam huma stabbiliti mil-liġi u mill-ġurisprudenza. Il-leġiżlazzjoni prinċipalment tagħti effett lill-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Iżvezja hija firmatarja tagħhom. Il-leġiżlazzjoni prinċipali f’dan il-qasam hija kif ġej:
Żwieġ u tfal
• L-Artikoli 4 u 6 tal-Kapitolu 3 tal-Att (1904:26, p. 1) dwar Ċerti Relazzjonijiet Ġuridiċi Internazzjonali fir-Rigward taż-Żwieġ u t-Tutela (lagen om vissa internationella rättsförhållanden rörande äktenskap och förmynderskap) (minn hawn ’il quddiem IÄL);
• L-Artikoli 9, 12 u 13 tal-Ordinanza (1931:429) dwar ċerti Relazzjonijiet Ġuridiċi Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela (förordningen om vissa internationella rättsförhållanden rörande äktenskap, adoption och förmynderskap) (minn hawn ’il quddiem NÄF);
• L-Artikolu 3 tal-Att (2018:1289) dwar l-Adozzjoni f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali (lagen om adoption i internationella situationer);
• L-Artikoli 2, 3, 3a, 5, 5a, 6 u 6a tal-Att (1985:367) dwar il-Kwistjonijiet ta' Paternità Internazzjonali (lagen om internationella faderskapsfrågor) (minn hawn ’il quddiem IFL);
• Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali;
• Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati;
• L-Att (2019:234) dwar ir-Relazzjonijiet tal-Proprjetà bejn il-Miżżewġin jew il-Koabitanti f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali (lagen om makars och sambors förmögenhetsförhållanden i internationella situationer);
• L-Artikolu 1 tal-Att (2012:318) dwar il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 (lagen om 1996 års Haagkonvention), u l-Artikoli 15-22 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward ta' Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal konkluża fl-Aja fid-19 ta’ Ottubru 1996 (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996);
• L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament dwar il-Manteniment), u l-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment.
Wirt
• L-Artikoli 20-38 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Kuntratti u akkwisti
• Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament Ruma I);
• L-Artikoli 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali (växellagen) (1932:130);
• L-Artikoli 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet (checklagen) (1932:131);
• L-Att (1964:528) dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ ta' Oġġetti (lagen om tillämplig lag beträffande köp av lösa saker) (minn hawn ’il quddiem IKL);
• L-Artikoli 25a, 31a u 42a tal-Att (1976:580) dwar il-Kodeterminazzjoni fuq il-Post tax-Xogħol (Lagen om medbestämmande i arbetslivet) (minn hawn ’il quddiem MBL);
• L-Att (1993:645) dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċerti Kuntratti tal-Assigurazzjoni (lagen om tillämplig lag för vissa försäkringsavtal);
• L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 13 u l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 14 tal-Kodiċi tat-Trasport Marittimu (sjölagen) (1994:1009);
• L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Konsumaturi (1994:1512) (lagen om avtalsvillkor i konsumentförhållanden);
• L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-Att (2011:914) dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fi Ftehimiet li jikkonċernaw Timeshares Residenzjali jew Prodotti tal-Btajjel fit-Tul (lagen om konsumentskydd vid avtal om tidsdelat boende eller långfristig semesterprodukt);
• L-Artikolu 14 tal-Kapitolu 3 tal-Att (2005:59) dwar il-Kuntratti mill-Bogħod u l-Ftehimiet dwar il-Bejgħ Remoti (lagen om distansavtal och avtal utanför affärslokaler);
• L-Artikolu 48 tal-Att dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur (konsumentköplagen) (1990:932).
Kumpens għal korriment
Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament Ruma II);
• L-Artikoli 8, 14 u 38 tal-Att dwar il-Korrimenti tat-Traffiku tat-Triq (trafikskadelagen )(1975:1410);
• L-Artikolu 1 tal-Att (1972:114) dwar il-Konvenzjoni tad-9 ta' Frar 1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar ir-Ragħa tar-Renniet (lagen med anledning av konventionen den 9 februari 1972 mellan Sverige och Norge om renbetning);
• L-Artikolu 1 tal-Att (1974:268) dwar il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tad-19 ta' Frar 1974 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja (lagen med anledning av miljöskyddskonventionen den 19 februari 1974 mellan Danmark, Finland, Norge och Sverige).
Liġi tal-insolvenza
Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar proċedimenti ta' insolvenza (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament tal-2015 dwar l-Insolvenza);
• L-Artikoli 1, 3 u 5-8 tal-Att (1934:67) li jistabbilixxi r-Regoli li jirregolaw l-Insolvenzi li jinvolvu l-Proprjetà fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda jew in-Norveġja (lag med bestämmelser om konkurs, som omfattar egendom i Danmark, Finland, Island eller Norge);
• L-Artikoli 1, 4-9 u 13 tal-Att (1934:68) dwar l-Effetti tal-Insolvenzi li jiġru fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda jew in-Norveġja (lag om verkan av konkurs, som inträffat i Danmark, Finland, Island eller Norge);
• L-Artikoli 1, 3-8 u 12 tal-Att (1981:6) dwar l-Insolvenzi li jinvolvu l-Proprjetà f'Pajjiż Nordiku Ieħor (lag om konkurs som omfattar egendom i annat nordiskt land);
• L-Artikoli 1, 4-9, 13 u 14 tal-Att (1981:7) dwar l-Effetti tal-Insolvenzi li jiġru f'Pajjiż Nordiku Ieħor (lag om verkan av konkurs som inträffat i annat nordiskt land).
1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali
L-Iżvezja hija parti mill-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li ġejjin li jistabbilixxu regoli li jiddeterminaw id-dritt applikabbli. Peress li l-Iżvezja adottat approċċ duwalistiku għat-trattati internazzjonali, dawn il-konvenzjonijiet multilaterali ġew trasposti wkoll fil-liġi nazzjonali Żvediża. Jekk jogħġbok ara hawn fuq.
Il-Lega tan-Nazzjonijiet
• Il-Konvenzjoni tal-1930 għas-Soluzzjoni ta' ċerti Konflitti tal-Liġijiet b'konnessjoni mal-Kambjali u ċ-Ċedoli;
• Il-Konvenzjoni tal-1931 għas-Soluzzjoni ta' ċerti Konflitti tal-Liġijiet b'konnessjoni maċ-Ċekkijiet.
Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat
• Il-Konvenzjoni tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali ta' Merkanzija;
• Il-Konvenzjoni tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet li jirrigwardaw il-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji;
• Il-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal;
• Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali.
L-Unjoni Ewropea
• Il-Konvenzjoni tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (ir-Regolament Ruma I ħadet post il-Konvenzjoni għal kuntratti li jkunu ġew stipulati fis-17 ta' Diċembru 2009 jew wara).
Konvenzjonijiet Nordiċi
• Il-Konvenzjoni tal-1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li tistabbilixxi r-Regoli tad-Dritt Internazzjonali Privat dwar iż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela (emendata l-aħħar b'konvenzjoni ta' emenda tal-2006);
• Il-Konvenzjoni tal-1933 bejn l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-Insolvenza (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza);
• Il-Konvenzjoni tal-1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar is-Suċċessjoni, it-Testmenti u l-Amministrazzjoni tal-Wirt (emendata l-aħħar bil-konvenzjoni ta' emenda tal-2012);
• Il-Konvenzjoni tal-1974 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja.
1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali
- Il-Konvenzjoni tal-1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar ir-Ragħa tar-Renniet (1972 års konvention mellan Sverige och Norge om renbetning).
2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
F’termini ġenerali, meta tilwima jkollha konnessjonijiet internazzjonali, ikun jenħtieġ li qorti tindirizza ex officio l-kwistjoni ta’ liema liġi tkun applikabbli. Bosta regoli tad-dritt internazzjonali privat Żvediż jistipulaw li l-għażla tal-liġi applikabbli tal-partijiet kontraenti għal kwistjonijiet relatati mal-ftehim trid tiġi rispettata. Meta tilwima tkun soġġetta għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja, ikun possibbli wkoll li l-partijiet jaqblu dwar il-liġi applikabbli meta t-tilwima tiġi eżaminata mill-qorti. Meta każ jikkonċerna relazzjoni legali li tkun tista’ ssir konċiljazzjoni għaliha skont il-liġi nazzjonali Żvediża, dikjarazzjoni unanima ta’ soġġezzjoni għal-liġi Żvediża għandha tiġi approvata mill-qorti, sakemm ikun hemm konnessjoni mal-Iżvezja (ara l-Arkivju tal-Liġi l-Ġdid (NJA) 2017 p. 168).
2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet
Id-dritt internazzjonali privat Żvediż bħala regola ġenerali ma jaċċettax id-duttrina tar-rinviju. Madankollu, hemm eċċezzjoni fl-Artikolu 79(2) tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58(2) tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet, rigward il-kapaċità ta' ċittadini barranin li jidħlu fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet. Ir-raġuni hija li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Hemm eċċezzjoni oħra fl-Artikolu 9(2) tal-Att (1981:7) dwar l-Effetti ta' Insolvenzi li jiġru f'Pajjiż Nordiku ieħor. Finalment, dwar il-validità formali ta' żwieġ, rinviju huwa rikonoxxut fl-Artikolu 1(7) tal-Kapitolu 1 tal-Att (1904:26 p. 1) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela.
2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni
Ma hemmx regoli ġenerali li jirregolaw l-effett ta’ bidla tal-fattur ta’ konnessjoni. Pereżempju, ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar ir-reġimi patrimonjali tal-konjuġi u tas-sħab reġistrati huma bbażati fuq il-prinċipju tal-immutabbiltà. Dan ifisser li l-liġi applikabbli ddeterminata għall-fattur ta’ konnessjoni li kien jeżisti meta sar iż-żwieġ, jew meta ġiet irreġistrata s-sħubija, tinbidel biss b’eċċezzjoni u wara li titressaq talba, taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea.
Il-prinċipju tal-mutabbiltà, min-naħa l-oħra, japplika għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali fil-kuntesti Nordiċi. Dan ifisser li, jekk il-miżżewġin ma jkunux daħlu fi ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, u jekk it-tnejn li huma jkunu sussegwentement domiċiljati f’pajjiż Nordiku ieħor u jkunu għexu hemmhekk għal mill-inqas sentejn, minflok tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż. Jekk, madankollu, il-miżżewġin kienu t-tnejn domiċiljati f’dak il-pajjiż preċedentement matul iż-żwieġ tagħhom, jew jekk il-miżżewġin huma ċittadini ta’ dak il-pajjiż, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tapplika mill-mument li saru domiċiljati hemmhekk. Prinċipju simili japplika għall-koabitazzjoni. (Ara l-Artikolu 9 tal-Kapitolu 3 u l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 5 tal-Att [2019: 234] dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Proprjetà bejn il-Miżżewġin jew il-Koabitanti f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali.)
2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
Huwa meqjus bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali privat Żvediż li dispożizzjoni tal-liġi barranija ma għandhiex tiġi applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tkun inkompatibbli manifestament mal-bażi fundamentali tal-ordinament ġuridiku f’dan il-pajjiż. Id-dispożizzjonijiet għal dan l-għan jinsabu wkoll f’ħafna leġiżlazzjoni tad-dritt internazzjonali privat, iżda ma jistax jiġi inferit li restrizzjoni tal-ordni pubbliku tirrikjedi bażi fil-leġiżlazzjoni. Kien hemm ftit sentenzi li sabu li l-liġi barranija ma setgħetx tiġi applikata minħabba l-ordni pubbliku.
Normalment, id-determinazzjoni ta’ liem regoli tal-liġi Żvediża huma vinkolanti internazzjonalment hija kwistjoni għall-ġudikatura.
2.5 Prova ta’ liġi barranija
Jekk il-qorti ssib li tapplika liġi barranija iżda ma tkunx konoxxenti tal-kontenut sostantiv tagħha, ikollha żewġ possibbiltajiet minn xiex tagħżel. Tista’ jew tinvestiga l-kwistjoni hi stess jew titlob lil parti biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa. Il-possibbiltà magħżula tkun l-iktar waħda konvenjenti. Jekk il-qorti tinvestiga l-kwistjoni hi stess, tista’ tikseb l-assistenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja. B’mod ġenerali, il-qorti għandu jkollha rwol aktar attiv f’tilwimiet li ma jkunux soġġetti għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja, filwaqt li f’tilwimiet li jkunu soġġetti għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja tista’ tiddelega aktar mix-xogħol investigattiv lill-partijiet infushom.
3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet
3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali
L-Iżvezja hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali. Hemm regoli separati relatati mal-għażla tal-liġi applikabbli f’xi oqsma. Ir-Regolament Ruma I jieħu post il-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti konklużi fis-17 ta’ Diċembru 2009 jew wara.
Ftehimiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ merkanzija huma rregolati mill-Att (1964:528) dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ tal-Merkanzija, li jittrasponi l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali ta' Merkanzija fil-liġi Żvediża. Dak l-Att għandu preċedenza fuq ir-regoli stipulati fir-Regolament Ruma I. Madankollu ma jkoprix kuntratti konklużi minn konsumaturi. L-Artikolu 3 tal-Att jippermetti li x-xerrej u l-bejjiegħ jiddeterminaw il-liġi applikabbli bi ftehim. L-Artikolu 4 jiddikjara li, jekk il-partijiet ma jagħżlux il-liġi applikabbli, il-liġi li tapplika tkun dik tal-pajjiż fejn ikun domiċiljat il-bejjiegħ. Isiru eċċezzjonijiet għal din ir-regola jekk il-bejjiegħ jaċċetta l-ordni fil-pajjiż fejn ikun domiċiljat ix-xerrej, u għal xiri f’borża jew irkant.
Hemm eċċezzjoni oħra għar-regoli tar-Regolament Ruma I għal xi kuntratti tal-konsumaturi. Hemm regoli speċjali maħsuba biex jipproteġu lill-konsumaturi minn klawżoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli fl-Artikolu 48 tal-Att (1990:932) dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur, l-Artikolu 14 tal-Att (1994:1512) dwar il-Kuntratti tal-Konsumaturi, l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 1 tal-Att (2011:914) dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur fi Ftehimiet li jikkonċernaw Timeshares Residenzjali jew Prodotti tal-Btajjel fit-Tul, u l-Artikolu 14 tal-Kapitolu 3 tal-Att (2005:59) dwar il-Kuntratti mill-Bogħod u l-Ftehimiet dwar il-Bejgħ Remoti. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-liġi ta’ Stat Membru taż-ŻEE trid tapplika taħt ċerti ċirkostanzi jekk toffri protezzjoni aħjar għall-konsumatur.
Hemm regoli speċifiċi għal kambjali u ċekkijiet fl-Artikoli 79-87 tal-Att (1932:130) dwar il-Kambjali u l-Artikoli 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet (1932:131). Dawn huma bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1930 għas-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni ma’ Kambjali u Ċedoli u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1931 dwar is-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni maċ-Ċekkijiet.
Ċerti kuntratti tal-assigurazzjoni tal-indennizz huma rregolati mill-Att (1993:645) dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċerti Kuntratti tal-Assigurazzjoni.
3.2 Obbligi mhux kuntrattwali
Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali hija rregolata mir-Regolament Ruma II.
3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)
Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż il-fattur ta' konnessjoni deċiżiv għall-istabbiliment ta’ status personali dejjem kien dak tan-nazzjonalità. Issa tant hemm każijiet fejn in-nazzjonalità kellha ċċedi postha għad-domiċilju bħala l-fattur ta' konnessjoni prinċipali li huwa dubjuż jekk għadekx tista’ tgħid li hemm fattur ta' konnessjoni prinċipali wieħed għall-istatus personali. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, l-istatus personali jinftiehem prinċipalment bħala li jikkonċerna l-kapaċità ġuridika u l-isem.
Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-Att (1904:26 p. 1) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela, il-kapaċità li persuna tiżżewweġ quddiem awtorità Żvediża fil-prinċipju trid tiġi stabbilita skont il-liġi Żvediża jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet tkun ċittadin Żvediż jew tkun residenti abitwali l-Iżvezja. Regoli simili japplikaw fil-qafas Nordiku skont l-Artikolu 1 tal-Ordinanza (1931:429) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela.
Fil-Kapitoli 4 u 5 tal-Att (1904:26 p. 1) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta’ Żwieġ u Tutela u fl-Artikoli 14-21a tal-Ordinanza (1931:429) dwar Ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela jeżistu regoli speċjali dwar it-tutela u l-kurazija.
Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kapaċità li tkun parti f'kuntratt, hija rregolata mill-Artikolu 13 tar-Regolament Ruma I. Il-kapaċità li wieħed jidħol fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet hija rregolata minn regoli speċjali stipulati fl-Artikolu 79 tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet.
Hemm regola speċjali dwar il-kapaċità li tħarrek jew li titħarrek fl-Artikolu 3 tal-Kapitolu 11, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), li tiddikjara li barrani li ma jistax iwettaq proċedimenti legali f'pajjiżu jista' madankollu jagħmel hekk fl-Iżvezja jekk ikollu l-kapaċità skont il-liġi Żvediża.
Id-dritt internazzjonali privat Żvediż iqis kwistjonijiet ta' isem bħala li jagħmlu parti mil-liġi tal-istatus personali. Dan ifisser, pereżempju, li meta konjuġi jieħu l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor dan ma jkunx ikklassifikat bħala kwistjoni tal-effetti legali taż-żwieġ fl-isfera personali. Skont l-Artikolu 31 tal-Att (2016:1013) dwar l-Ismijiet Personali(lagen om personnamn), l-Att ma japplikax għal ċittadini Żvediżi domiċiljati d-Danimarka, in-Norveġja jew il-Finlandja. Għall-kuntrarju, jista' jiġi determinat li japplika għal ċittadini Żvediżi f'pajjiżi oħrajn. Skont l-Artikolu 32, l-Att jista’ japplika wkoll għal ċittadini barranin domiċiljati l-Iżvezja.
3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni
Id-dritt sostantiv Żvediż ma jagħmilx differenza bejn tfal leġittimi u illeġittimi, u d-dritt internazzjonali privat Żvediż ma għandu l-ebda regola speċifika dwar l-għażla tal-liġi applikabbli biex jiġi determinat jekk wild għandux jitqies bħala mwieled ġewwa jew barra ż-żwieġ, jew jekk wild imwieled barra ż-żwieġ jistax jiġi leġittimat sussegwentement.
Fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-istabbiliment tal-paternità, hemm regoli differenti għall-preżunzjoni ta’ paternità u għall-istabbiliment tal-paternità minn qorti jew liġi. Il-preżunzjoni tal-paternità hija rregolata mill-Artikolu 2 tal-Att (1985:367) dwar il-Kwistjonijiet ta' Paternità Internazzjonali. Skont dik id-dispożizzjoni, raġel miżżewweġ jew li kien miżżewweġ lil omm il-wild jitqies li jkun missier il-wild jekk din hija l-konsegwenza tal-liġi tal-istat li l-wild sar domiċiljat fih mat-twelid, jew, meta din il-liġi ma tqis lil ħadd bħala missier, jekk hija l-konsegwenza tal-liġi tal-istat li l-wild sar ċittadin tiegħu mat-twelid. Jekk, madankollu, il-wild ikun sar domiċiljat l-Iżvezja fil-mument tat-twelid, il-kwistjoni dejjem tiġi deċiża skont il-liġi Żvediża. Jekk il-paternità trid tiġi stabbilita fil-qorti, il-qorti tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-wild kien domiċiljat fih fil-mument tas-sentenza fl-ewwel istanza.
Skont l-Artikolu 3 tal-Att (2018:1289) dwar l-Adozzjoni f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali, qorti Żvediża li tikkunsidra talba għall-adozzjoni trid tapplika l-liġi Żvediża.
Deċiżjoni ta’ adozzjoni barranija valida fl-Iżvezja għandha l-istess effett legali bħal deċiżjoni ta’ adozzjoni Żvediża.
Il-mistoqsija tal-liġi applikabbli għall-manteniment tat-tfal hija rregolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma rregolati mil-liġi tal-istat li l-wild huwa domiċiljat fih. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata li tipprovdih skont dik il-liġi, trid tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż ta’ fejn tkun il-qorti. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata tipprovdih skont waħda minn dawk il-liġijiet, u ż-żewġ partijiet ikunu ċittadini tal-istess stat, trid tiġi applikata l-liġi ta' dak l-istat.
3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment
Fir-rigward tal-kapaċità li persuna tiżżewweġ, ara l-punt 3.3 hawn fuq. Ir-regola ġenerali hija li żwieġ jitqies validu fir-rigward tal-forma jekk ikun validu fil-pajjiż fejn ikun sar; ara l-Artikolu 7 tal-Kapitolu 1 tal-Att (1904:26 p. 1) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela.
L-effetti legali taż-żwieġ jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji ewlenin: dawk fil-qasam personali u dawk relatati mal-proprjetà tal-miżżewġin (ara l-punt 3.6 hawn taħt). L-effett legali prinċipali taż-żwieġ f'termini personali huwa li l-miżżewġin għandhom obbligu reċiproku li jmantnu lil xulxin. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, kwistjonijiet relatati mal-intitolament tal-miżżewġin li jirtu, l-akkwiżizzjoni tagħhom tal-kunjom tal-konjuġi l-ieħor jew id-dover tagħhom li jmantnu l-konjuġi l-ieħor mhumiex meqjusin bħala effetti legali taż-żwieġ, u l-liġi applikabbli tiġi ddeterminata mir-regoli tal-għażla tal-liġi applikabbli li jirregolaw il-wirt, l-ismijiet personali eċċ.
Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-manteniment ta' konjuġi hija rregolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma rregolati mil-liġi tal-istat fejn tkun domiċiljata l-parti bl-obbligu li tipprovdi l-manteniment. Jekk xi ħadd mill-miżżewġin joġġezzjona kontra l-applikazzjoni ta' dik il-liġi, u l-liġi ta' stat ieħor ikollha konnessjoni iktar mill-qrib għaż-żwieġ (speċjalment il-liġi tal-istat fejn kienu domiċiljati l-aħħar), trid tiġi applikata l-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor.
Fir-rigward tad-divorzju, l-Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 3 tal-Att (1904:26 p. 1) dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u t-Tutela jipprevedi li l-qrati Żvediżi japplikaw l-liġi Żvediża. L-Artikolu 4(2) jagħmel eċċezzjoni jekk il-miżżewġin ikunu t-tnejn li huma ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma kien domiċiljat l-Iżvezja għal mill-inqas sena.
Id-dritt sostantiv Żvediż ma jinkludix l-istituzzjonijiet legali tas-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ. Ir-regoli li jirregolaw il-qsim tal-proprjetà wara separazzjoni legali huma stipulati fl-Artikolu 6 tal-Kapitolu 2 u l-Artikolu 13 tal-Kapitolu 3 tal-Att (2019:234) dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Proprjetà bejn il-Miżżewġin jew il-Koabitanti f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali.
3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà
Il-kwistjonijiet relatati mal-liġi applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali huma rregolati mill-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali. Hemm regoli simili għas-sħab reġistrati fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati. Il-Kapitolu 2 tal-Att (2019:234) dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Proprjetà bejn il-Konjuġi jew il-Koabitanti f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea (ara fost l-oħrajn l-Artikoli 4 u 5 tal-Kapitolu 2).
Hemm dispożizzjonijiet speċjali dwar il-liġi applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali fil-kuntest Nordiku fil-Kapitolu 3 tal-Att (2019:234) dwar ir-Relazzjonijiet ta’ Proprjetà bejn il-Miżżewġin jew il-Koabitanti f’Sitwazzjonijiet Internazzjonali (ara fost l-oħrajn l-Artikoli 8–11 tal-Kapitolu 3).
3.7 Testmenti u s-suċċessjoni
Il-kwistjoni tal-għażla tal-liġi applikabbli għat-testmenti u s-suċċessjonijiet hija rregolata mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli f’dak ir-Regolament japplikaw irrispettivament minn jekk ir-rabta internazzjonali hijiex ma' Stat Membru jew ma’ kwalunkwe Stat ieħor.
Madankollu, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw il-validità ta’ testment fir-rigward tal-forma, skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 2 tal-Att (2015: 417) dwar is-Suċċessjoni f'Sitwazzjonijiet Internazzjonali(lagen om arv i internationella situationer), li jittrasponi l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet rigward l-Għamla tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji fil-liġi Żvediża. Testment irid jitqies validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti relatati mal-forma tiegħu skont il-liġi tal-post fejn ikun għamlu t-testatur, jew skont il-liġi tal-post fejn it-testatur kien domiċiljat jew ċittadin meta sar it-testment jew meta miet. Dispożizzjoni li tirrigwarda l-proprjetà immobbli trid titqies li tkun valida fil-forma wkoll jekk il-forma tagħha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-forma tagħha skont il-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà. L-istess regoli japplikaw għar-revoka tat-testmenti. Revoka trid titqies li tkun valida wkoll jekk tissodisfa r-rekwiżiti relatati mal-forma ta’ tali revoka skont kwalunkwe waħda mil-liġijiet li l-forma tat-testment kienet valida skontha.
3.8 Proprjetà reali
Fil-qasam tal-liġi tal-proprjetà hemm miktubin regoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli biss għal ċerti każijiet li jikkonċernaw bastimenti u inġenji tal-ajru, strumenti finanzjarji u oġġetti kulturali mneħħijin illegalment, u għal ċerti sitwazzjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza u r-Regolament dwar l-Insolvenza.
L-effetti fil-liġi tal-proprjetà ta' xiri jew self ipotekarju ta' proprjetà mobbli jew immobbli, pereżempju, iridu jiġu ddeterminati skont il-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà fil-mument tax-xiri jew tas-self ipotekarju. Dik il-liġi tiddetermina n-natura ta' kwalunkwe dritt ta' proprjetà, il-mod kif kull dritt ta' proprjetà jibda u jintemm, kull rekwiżit formali li jista' japplika, u d-drittijiet li jiġu kkonferiti minn dritt ta' proprjetà partikolari kontra partijiet terzi.
Fir-rigward ta' drittijiet ta' garanzija barranin, il-ġurisprudenza stabbiliet li jekk fil-mument li nħoloq dritt ta' garanzija l-bejjiegħ kien jaf li l-proprjetà kellha tittieħed l-Iżvezja, (u d-dritt ta' garanzija ma kienx validu l-Iżvezja), il-bejjiegħ minflok kellu jikseb garanzija li kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi Żvediża. Barra minn hekk, dritt tal-garanzija barrani ma għandux jingħata effett legali jekk jgħaddi ftit żmien minn meta l-proprjetà ttieħdet l-Iżvezja. F’każijiet bħal dawn, il-kreditur barrani ikun kellu ż-żmien biex jew jikseb garanzija ġdida jew jirkupra d-dejn.
3.9 Insolvenza
Ir-Regolament tal-2015 dwar l-Insolvenza jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-liġi applikabbli fir-rigward ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea (minbarra d-Danimarka).
Fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi Nordiċi li mhumiex soġġetti għar-Regolament tal-2015 dwar l-Insolvenza, hemm dispożizzjonijiet separati li jikkonċernaw il-liġi applikabbli li huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Nordika tal-1933 dwar l-Insolvenza u li ġew trasposti fil-liġi Żvediża permezz ta’ leġiżlazzjoni promulgata fl-1981 (madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni preċedenti li tmur lura għall-1934 japplikaw fir-rigward tal-Iżlanda). Ir-regola ġenerali tal-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza hija li proċedura ta' insolvenza fi stat kontraenti (il-pajjiżi fejn isseħħ il-proċedura ta' insolvenza) trid tinkludi wkoll il-proprjetà tad-debitur li jinsab fi stat kontraenti ieħor. Bħala regola ġenerali, il-liġi tal-pajjiż fejn isseħħ il-proċedura ta’ insolvenza trid tiġi applikata għal kwistjonijiet li jikkonċernaw dik il-proprjetà, bħad-dritt tad-debitur li jikkontrolla l-proprjetà tiegħu u xi jrid jiġi inkluż fil-patrimonju insolventi.
Il-parti l-kbira tad-dritt internazzjonali Żvediż dwar l-insolvenza mhijiex stipulata fil-leġiżlazzjoni, għajr ir-regoli msemmijin hawn fuq. Is-suppożizzjoni fundamentali hija li tiġi applikata l-liġi tal-pajjiż fejn isseħħ il-proċedura tal-insolvenza (lex fori concursus). Dan ifisser, fost l-oħrajn, li għal insolvenza Żvediża, il-liġi Żvediża tapplika kemm għall-proċedura nnifisha kif ukoll għal kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-liġi tal-insolvenza.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.