Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna Kroat ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Skont l-Att dwar (il-Protezzjoni kontra) il-Vjolenza Domestika (Zakon o zaštiti od nasilja u obitelji), l-awtur tal-vjolenza domestika jista’ jiġi mmultat u kkundannat għal priġunerija; barra minn hekk, minbarra l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Att dwar Reati Minuri (Prekršajni zakon), il-miżuri ta’ protezzjoni li ġejjin jistgħu jiġu imposti fuq l-awtur tar-reat:

1. trattament psikosoċjali obbligatorju

2. mandat ta’ inibizzjoni li jipprojbixxi lill-awtur tar-reat milli javviċina, jagħti fastidju jew isegwi bil-moħbi lill-vittma ta’ vjolenza domestika

3. żgumbrament mid-dar kondiviża

4. trattament obbligatorju għall-abbuż ta’ sustanzi.

Il-qorti tista’ timponi miżuri ta’ protezzjoni fuq talba tal-persuna esposta għall-vjolenza domestika, il-pulizija jew ex officio. Il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ hawn fuq jistgħu jiġu imposti mill-qorti, qabel ma jinbdew proċedimenti ta’ reati minuri, fuq talba tal-vittma jew ta’ attur awtorizzat ieħor jekk ikun hemm riskju dirett għas-sikurezza tal-vittma jew tal-membri tal-familja tagħha jew ta’ membru tal-unità domestika konġunta.

Skont l-Artikolu 65 tal-Kodiċi Kriminali (Kazneni zakon), il-qorti tista’ timponi miżuri preventivi fuq l-awtur tar-reat: trattament psikjatriku obbligatorju, trattament obbligatorju għal abbuż ta’ sustanzi, trattament psikosoċjali obbligatorju, mandat ta’ inibizzjoni li jipprojbixxi lill-awtur tar-reat milli jwettaq ċerti dmirijiet jew attivitajiet, mandat ta’ inibizzjoni li jipprojbixxi lill-awtur tar-reat milli jsuq vettura bil-mutur, projbizzjoni fuq l-avviċinament, il-fastidju jew is-segwiment bil-moħbi, żgumbrament mid-dar kondiviża, projbizzjoni tal-aċċess għall-internet u superviżjoni wara li s-sentenza ta’ kustodja tkun ġiet skontata bis-sħiħ.

Skont l-Artikolu 98 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali(Zakon o kaznenom postupku), il-qorti u l-prosekutur pubbliku jistgħu wkoll jimponu miżuri ta’ sorveljanza ta’ qabel il-proċess fuq l-awtur ta’ reat vjolenti: projbizzjoni fuq l-avviċinament ta’ persuna partikolari, projbizzjoni li wieħed jagħmel jew iżomm kuntatt ma’ persuna partikolari, projbizzjoni fuq is-segwiment bil-moħbi jew il-fastidju tal-vittma jew ta’ persuna oħra, u/jew żgumbrament mid-dar.

F’konformità mal-Artikolu 130(6) tal-Att dwar Reati Minuri, l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu, fuq il-post, joħorġu miżura ta’ superviżjoni ta’ qabel il-proċess li tipprojbixxi lill-awtur ta’ vjolenza domestika milli jżur post jew żona speċifika, javviċina persuna partikolari jew jagħmel jew iżomm kuntatt ma’ persuna partikolari. Dik il-miżura tista’ tiġi imposta sa 8 ijiem.

Ir-regoli dwar kif għandhom jiġu implimentati l-miżuri ta’ protezzjoni li jipprojbixxu lill-awtur tar-reat milli javviċina, jagħti fastidju, jew isegwi bil-moħbi lill-vittma ta’ vjolenza domestika u l-iżgumbrament mid-dar kondiviża (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nru 28/19)

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

Il-miżuri ta’ protezzjoni huma ddeterminati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar Reati Minuri u l-Att dwar (il-Protezzjoni kontra) il-Vjolenza Domestika.

Il-qrati muniċipali, li huma kompetenti li jittrattaw il-kawżi ta’ reati minuri, jistgħu jimponu miżuri ta’ protezzjoni fuq talba tal-persuna esposta għall-vjolenza domestika, il-pulizija jew ex officio.

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

L-awtoritajiet li quddiemhom miżura ta’ protezzjoni imposta fi Stat Membru ieħor tista’ tiġi invokata fil-Kroazja huma:

Id-direttorati tal-pulizija b’ġuriżdizzjoni fil-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-persuna protetta fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja.

L-awtoritajiet li huma kompetenti li jinfurzaw tali miżura fil-Kroazja:

Id-direttorati tal-pulizija b’ġuriżdizzjoni fil-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-persuna protetta fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja f’konformità mal-Artikolu 3 tal-Att li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili (Zakon o provedbi Uredbe (EU) br. 606/2013 Europskog parlamenta i Vijeća od 12. lipnja 2013. o uzajamnom priznavanju zaštitnih mjera u građanskim stvarima).

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

Il-qrati muniċipali, li huma kompetenti li jittrattaw kawżi ta’ reati minuri, huma kompetenti li jwettqu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni abbażi tal-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-persuna protetta fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att li jimplimenta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat ir-rikors għal rifjut ta’ rikonoxximent huma l-qrati muniċipali li huma kompetenti li jittrattaw kawżi ta’ reati minuri abbażi tal-post ta’ residenza permanenti jew temporanja tal-persuna protetta fit-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att li jimplimenta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.

Il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat ir-rikors għal rifjut ta’ eżekuzzjoni:

Dan mhuwiex applikabbli fir-Repubblika tal-Kroazja, peress li persuna li tippreżenta riskju tista’ wkoll tippreżenta rikors għal rifjut ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni lill-qorti muniċipali li hija kompetenti li tittratta kawżi ta’ reati minuri. Rikors għal rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ protezzjoni ma jistax jiġi ppreżentat bħala rimedju awtonomu.

Artikolu 18 (b) - il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)

Il-Kroat, f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att li jimplimenta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.

L-aħħar aġġornament: 15/07/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.