Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

F’materji ċivili, mill-introduzzjoni tal-Liġi Nru 2010/769 tad-9 ta’ Lulju 2010, kif emendata bil-Liġi Nru 2014/873 dwar l-ugwaljanza ġenwina bejn in-nisa u l-irġiel, il-Qorti tal-Familja (juge aux affaires familiales) tista’ toħroġ ordni ta’ protezzjoni (ordonnance de protection). Din il-miżura hija regolata mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Ordni ta’ protezzjoni tinħareġ fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

  • f’każijiet ta’ vjolenza f’relazzjoni intima;
  • f’każijiet ta’ vjolenza minn ex-konjugi, sieħeb jew koabitant;
  • għal adult mhedded bi żwieġ furzat.

Il-vjolenza jrid jkollha l-konsegwenza li tipperikola wieħed mill-membri tal-koppja u / jew it-tfal tagħhom. Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni jekk tqis li hemm raġunijiet serji biex tqis li x’aktarx seħħew l-atti allegati ta’ vjolenza u li l-vittma tinsab f’periklu.

Il-Qorti tal-Familja tista’ toħroġ ordni ta’ protezzjoni indipendentement minn kwalunkwe proċediment ta’ divorzju u mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin.

Il-qorti tista’ tordna l-miżuri li ġejjin:

  • Digriet li jipprojbixxi lil ċerti persuni deżinjati b’mod speċifiku milli jiltaqgħu u jagħmlu kuntatt mal-vittma;
  • Digriet li jipprojbixxi l-pussess jew il-ġarr ta’ arma;
  • Għal koppji miżżewġa: Awtorizzazzjoni għall-konjugi biex jirrisjedu separatament u li tispeċifika min mill-konjugi se jkompli jirrisjedi fid-dar matrimonjali;
  • Għal koabitanti jew sħab f’unjoni ċivili (PACS): Allokazzjoni tad-dar matrimonjali lill-vittma ħlief f’ċirkostanzi speċjali;
  • Organizzazzjoni tar-regoli għall-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u stabbiliment ta’ kontribuzzjoni lejn il-manteniment u t-trobbija ta’ kwalunkwe tifel jew tifla, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ħajja miżżewġa u assistenza materjali oħra għas-sħab fi sħubija ċivili;
  • Awtorizzazzjoni lill-vittma biex taħbi d-domiċilju jew ir-residenza tagħha u biex tispeċifika bħala indirizz għas-servizz, l-indirizz tal-avukat tagħha jew tal-prosekutur pubbliku;
  • Awtorizzazzjoni lill-vittma biex taħbi d-domiċilju jew ir-residenza tagħha u biex tispeċifika bħala indirizz għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum, l-indirizz ta’ persuna legali kwalifikata;
  • Approvazzjoni proviżorja tal-għajnuna legali għall-vittma.

Dawn il-miżuri (b’mod partikolari d-digriet li jipprojbixxi laqgħat jew kuntatti ma’ ċerti persuni) huma, fuq kollox, ta’ natura preventiva. Dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 606/2013.

Dawn il-miżuri huma temporanji: dawn jistgħu jiġu ordnati biss għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Dawn jistgħu jiġu estiżi jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, issir rikors għal divorzju, separazzjoni legali jew relatat mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

Proċess:

It-tul medju tal-proċedura huwa ta’ 33 jum.

Tressiq quddiem il-qorti: Ir-rikorrent jista’ jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Familja permezz ta’ rikors ippreżentat jew mibgħut b’taħrika (assignation). F’każijiet urġenti, ir-rikorrent jista’ jitlob miżuri proviżorji. It-taħrika trid tiġi nnotifikata lill-intimat u lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

Taħrika tal-partijiet: Il-Qorti tal-Familja tħarrek lill-partijiet għas-seduta ta’ smigħ bi kwalunkwe mezz xieraq.

Seduta ta’ smigħ: Il-proċess huwa orali. Il-partijiet jargumentaw il-kawżi tagħhom stess iżda jistgħu jkunu assistiti jew rappreżentati minn avukat.

Avviż: Ordni ta’ protezzjoni tiġi nnotifikata minn bailiff (huissier de justice) sakemm il-qorti ma tiddeċidix li għandha tiġi nnotifikata mir-Reġistru permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew permezz ta’ mezzi amministrattivi fejn ikun hemm periklu serju u imminenti għas-sikurezza ta’ persuna kkonċernata minn ordni ta’ protezzjoni jew fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor ta’ notifika.

Il-qorti tikkomunika wkoll id-deċiżjoni lill-prosekutur pubbliku sabiex tiżgura s-segwitu tal-miżuri ordnati. Il-prosekutur pubbliku jgħaddi d-deċiżjoni għall-informazzjoni lill-pulizija xierqa jew lis-servizzi tal-ġendarmerija. Barra minn hekk, jekk il-proċedura tiżvela l-eżistenza ta’ minuri fil-periklu, il-qorti tirreferi l-kwistjoni lis-servizzi xierqa tal-prosekutur pubbliku (dipartiment tal-minorenni) wara s-seduta ta’ smigħ.

Reġistru: Ma hemm l-ebda reġistru speċjali ta’ miżuri ordnati b’rabta ma’ ordnijiet ta’ protezzjoni. Madankollu, jekk qorti toħroġ digriet li jipprojbixxi lil minuri milli jitlaq mit-territorju Franċiż mingħajr awtorizzazzjoni taż-żewġ ġenituri, id-digriet irid ikun irreġistrat fil-Bażi tad-Data tal-Persuni Mfittxija.

Appell: Id-deċiżjoni hija soġġetta għal appell fi żmien 15-il jum min-notifika. L-intimat jista’ jippreżenta rikors għat-tneħħija jew il-varjazzjoni tal-ordni ta’ protezzjoni jew għal eżenzjoni temporanja ta’ wħud mill-obbligi tagħha.

Infurzar tal-ordni ta’ protezzjoni:

Il-miżuri ordnati b’rabta ma’ ordni ta’ protezzjoni huma infurzabbli, jiġifieri jistgħu jiddaħħlu fis-seħħ immedjatament wara li d-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata (anke jekk l-intimat jappella), bl-assistenza tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi jekk ikun meħtieġ.

Il-persuna protetta tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-pulizija jew lill-ġendarmerija fil-każ ta’ ksur ta’ waħda jew aktar mill-miżuri ordnati mill-Qorti tal-Familja.

In-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri kkonċernati jikkostitwixxi reat punibbli skont l-Artikolu 227(4)(2) tal-Kodiċi Penali. Ir-reat huwa punibbli b’sentejn ħabs u multa ta’ EUR 15 000.

Jekk il-ġenituri jkollhom awtorità tal-ġenituri konġunta, il-qorti li tawtorizza l-ħabi tal-indirizz tal-vittma trid tistabbilixxi wkoll l-arranġamenti għaż-żamma tar-rabta bejn il-persuna li tikkawża r-riskju u l-minuri permezz ta’ parti terza jew permezz tal-użu ta’ post fejn jiltaqgħu kif ukoll il-ħlas ta’ kwalunkwe allowance ta’ manteniment permezz ta’ trasferiment bankarju.

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Il-Qorti tal-Familja tordna l-miżuri protettivi kollha u toħroġ iċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 5.

Qorti tal-Familja b’ġurisdizzjoni territorjali hija:

  • il-qorti tal-post fejn tinsab ir-residenza tal-familja;
  • jekk il-ġenituri jgħixu separatament, il-qorti tal-post ta’ residenza tal-ġenitur li miegħu t-tfal minuri huma abitwalment residenti fil-każ ta’ eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri, jew il-qorti tal-post ta’ residenza tal-ġenitur li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri waħdu;
  • f’każijiet oħra, il-qorti tal-post fejn tirrisjedi l-persuna li ma tkunx bdiet il-proċedimenti.

Ir-rikors għaċ-ċertifikat irid jiġi ppreżentat f’żewġ kopji u jrid jinkludi indikazzjoni preċiża tad-dokumenti ta’ sostenn. Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex meħtieġa. Ir-rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat jista’ jiġi kkontestat quddiem il-president tal-Qorti Reġjonali (tribunal de grande instance), peress li l-appell ma għandux għalfejn isir permezz ta’ avukat.

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

L-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura protettiva ordnata fi Stat Membru ieħor u/jew li huma kompetenti biex jinfurzaw tali miżura huma l-pulizija u l-ġendarmerija.

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Il-president tal-Qorti Reġjonali jew id-delegat tiegħu, fi proċeduri għal miżuri proviżorji, jagħmel aġġustamenti lill-miżuri protettivi barranin jekk ikun meħtieġ. Ir-rikors ssir permezz ta’ taħrika; jekk il-kawża tkun teħtieġ azzjoni fil-pront, il-qorti li tisma’ r-rikorsi għal miżuri proviżorji tista’ tippermetti taħrika biex wieħed jattendi seduta ta’ smigħ fi żmien stipulat, anke matul festi pubbliċi jew jiem li normalment ma jkunux jiem ta’ xogħol. Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex meħtieġa.

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni territorjali, japplikaw ir-regoli tal-ġurisprudenza li jagħtu prijorità lir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Il-president tal-qorti reġjonali tal-post fejn il-persuna protetta tippjana li toqgħod jew tirrisjedi jista’ għalhekk jirċievi rikorsi.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Rikors għal rifjut ta’ rikonoxximent jew infurzar irid jiġi ppreżentat lill-president tal-qorti reġjonali li tisma’ r-rikorsi għal miżuri proviżorji (wara li titqies in-natura tal-każ, il-każ jista’ jiġi delegat lil Qorti tal-Familja).

Ir-rikors ssir permezz ta’ taħrika; jekk il-kawża tkun teħtieġ azzjoni fil-pront, il-qorti li tisma’ r-rikorsi għal miżuri proviżorji tista’ tippermetti taħrika biex wieħed jattendi seduta ta’ smigħ fi żmien stipulat, anke matul festi pubbliċi jew jiem li normalment ma jkunux jiem ta’ xogħol. Ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex meħtieġa.

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni territorjali, japplikaw ir-regoli tal-ġurisprudenza li jagħtu prijorità lir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk ikun possibbli li jsir rikors lill-President tal-Qorti Reġjonali tal-post fejn il-persuna protetta tippjana li toqgħod jew li tirrisjedi.

L-aħħar aġġornament: 12/01/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.