- SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI
- Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku
- Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5
- Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura
- Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)
- Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13
Sib informazzjoni għal kull reġjun
SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI
L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.
Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku
F’materji ċivili, sa mill-introduzzjoni tal-Liġi Nru 2010-769 tad-9 ta’ Lulju 2010, il-Qorti tal-Familja (juge aux faires familiales) tista’ toħroġ ordni ta’ protezzjoni (ordonnance de protection). Din il-miżura hija regolata mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:
- L-Artikoli 515-9 et seq. tal-Kodiċi Ċivili,
- L-Artikoli 1136-3 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għar-regoli tal-proċedura
- L-Artikoli 1136-16 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili għar-regoli tal-proċedura dwar l-ordni tal-ilbies ta’ brazzuletti elettroniċi biex jiġu allertati l-vittmi ta’ abbuż domestiku;
Ordni ta’ protezzjoni tinħareġ fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: f’każijiet ta’ vjolenza domestika, kemm jekk il-partijiet ikunu jgħixu flimkien kif ukoll jekk le; f’każijiet ta’ vjolenza minn eks konjuġi jew sieħeb, kemm jekk il-partijiet kienu jgħixu flimkien kif ukoll jekk le; - għal adult mhedded bi żwieġ sfurzat.
Il-vjolenza jrid ikollha l-konsegwenza li tipperikola wieħed mill-membri tal-koppja u/jew lit-tfal tagħhom. Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni jekk tqis li jkun hemm raġunijiet serji biex tqis li x’aktarx seħħew l-atti allegati ta’ vjolenza u li l-vittma tinsab fil-periklu.
Il-Qorti tal-Familja tista’ toħroġ ordni ta’ protezzjoni indipendentement minn kwalunkwe proċedimenti ta’ divorzju u mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm proċedimenti kriminali pendenti.
Il-qorti tista’ tordna l-miżuri li ġejjin:
- ordni li tipprojbixxi lill-intimat milli jiltaqa’ u jagħmel kuntatt ma’ ċerti persuni ddeżinjati speċifikament;
- ordni li tipprojbixxi lill-intimat milli jmur f’ċerti postijiet, iddeżinjati speċifikament mill-qorti tal-familja, iffrekwentati mir-rikorrent;
- ordni li tipprojbixxi lill-intimat milli jkollu jew li jġorr arma;
- offerta lill-intimat ta’ kura tas-saħħa, soċjali jew psikoloġika jew kors għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u domestika u għall-inkoraġġiment tal-awturi biex jieħdu r-responsabbiltà għall-imġiba tagħhom;
- għal koppji miżżewġa: ordni għall-konjuġi biex jirrisjedu separatament u li tispeċifika min miż-żewġ konjuġi se jkompli jirrisjedi fid-dar matrimonjali. Ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi, ir-rikorrent għall-ordni ta’ protezzjoni normalment jingħata permess biex jibqa’ fid-dar, anki jekk ikun ingħata akkomodazzjoni ta’ emerġenza;
- għal koabitanti jew sħab f’unjoni ċivili (PACS): il-qorti tista’ toħroġ ordni dwar id-dar komuni. Ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi, ir-rikorrent għall-ordni ta’ protezzjoni normalment jingħata permess biex jibqa’ fid-dar, anki jekk ikun ingħata akkomodazzjoni ta’ emerġenza;
- organizzazzjoni tar-regoli għall-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u l-iffissar ta’ kontribuzzjoni lejn il-manteniment u t-trobbija tat-tfal, kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ħajja miżżewġa jew assistenza materjali oħra għas-sħab fi sħubija ċivili. Meta tingħata l-ordni ta’ protezzjoni, il-qorti trid tagħti raġunijiet speċifiċi talli ma tkunx ordnat l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess fi spazju ddeżinjat għal-laqgħat jew fil-preżenza ta’ terzi fdati;
- awtorizzazzjoni lill-persuna protetta biex taħbi d-domiċilju jew ir-residenza tagħha u biex tispeċifika bħala indirizz għan-notifika l-indirizz tal-avukat tagħha jew tal-prosekutur pubbliku;
- awtorizzazzjoni lill-persuna protetta biex taħbi d-domiċilju jew ir-residenza tagħha u biex tispeċifika bħala indirizz għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tagħha l-indirizz ta’ persuna kkwalifikata legalment;
- approvazzjoni provviżorja tal-għajnuna legali għaż-żewġ partijiet;
- soġġett għall-qbil bejn iż-żewġ partijiet, l-imħallef jista’ jordna lill-intimat jilbes brazzuletta elettronika li twissi lir-rikorrent meta l-intimat joqrob sa ċerta distanza.
Dawn il-miżuri (b’mod partikolari l-ordni li tipprojbixxi laqgħat jew kuntatti ma’ ċerti persuni) huma, fuq kollox, ta’ natura preventiva. Għaldaqstant, dawn jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 606/2013. Dawn il-miżuri huma temporanji: dawn jistgħu jiġu ordnati biss għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Madankollu, dawn jistgħu jiġu estiżi jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, jiġi ppreżentat rikors għal divorzju, separazzjoni legali jew rikors relatat mal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri (l-Artikolu 1136-13 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’dan il-każ, l-ordni ta’ protezzjoni tibqa’ effettiva sakemm id-deċiżjoni ma tkunx saret finali, ħlief jekk il-qorti tiddeċiedi mod ieħor. Madankollu, l-ordni biex tintlibes brazzuletta tista’ tinħareġ u tiġġedded biss għal perjodu ta’ sitt xhur.
Proċedura:
Il-Liġi Nru 2019-1480 tat-28 ta’ Diċembru 2019 dwar azzjoni kontra l-vjolenza domestika emendat l-Artikolu 515-11 tal-Kodiċi Ċivili biex ikun meħtieġ li l-ordni ta’ protezzjoni tinħareġ fi żmien massimu ta’ sitt ijiem mid-data għal meta tkun appuntata d-data tas-seduta.
Rikors quddiem il-qorti: ir-rikorrent jista’ jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Familja permezz ta’ rikors ippreżentat personalment jew mibgħut lir-Reġistru. Malli tirċievi r-rikors, il-qorti tal-familja toħroġ ordni li tappunta d-data tas-seduta. Dan jagħti bidu għall-perjodu ta’ sitt ijiem imsemmi fl-Artikolu 515-11 tal-Kodiċi Ċivili. Ir-rikorrent imbagħad ikollu jumejn biex ikollu d-data tas-seduta, ir-rikors tiegħu u d-dokumenti tiegħu nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice) lill-parti l-oħra. L-ispejjeż tal-uffiċjali ġudizzjarji jitħallsu mill-Istat, sabiex ir-rikors quddiem il-qorti jkun mingħajr ħlas għall-vittmi tal-vjolenza domestika. Skont l-Artikolu 1136-3 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-data tas-seduta tista’ tiġi nnotifikata wkoll b’mezzi amministrattivi (eż. mill-pulizija jew mid-direttur tal-ħabs) fejn ikun hemm periklu serju u imminenti għas-sikurezza tal-persuna soġġetta għal ordni ta’ protezzjoni jew jekk ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor ta’ notifika.
Taħrik tal-partijiet: il-Qorti tal-familja tħarrek lill-partijiet għas-seduta permezz ta’ ordni tal-qorti. L-ordni tiġi nnotifikata kif deskritt hawn fuq.
Smigħ: il-proċedura hija orali. Il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom huma stess iżda jistgħu jkunu assistiti jew rappreżentati minn avukat.
Avviż: Ordni ta’ protezzjoni tiġi nnotifikata minn uffiċjal ġudizzjarju sakemm il-qorti ma tiddeċidix li jkollha tiġi nnotifikata mir-Reġistru permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew permezz ta’ mezzi amministrattivi fejn ikun hemm periklu serju u imminenti għas-sikurezza ta’ persuna soġġetta għal ordni ta’ protezzjoni jew fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor biex l-ordni tiġi notifikata.
Il-qorti tikkomunika wkoll id-deċiżjoni lill-prosekutur pubbliku sabiex tiżgura li l-miżuri ordnati jiġu segwiti. Il-prosekutur pubbliku jgħaddi d-deċiżjoni, għall-informazzjoni, lill-pulizija adatta jew lid-dipartimenti tal-ġendarmerija. Barra minn hekk, jekk il-proċedura tiżvela l-eżistenza ta’ minuri fil-periklu, il-qorti tirreferi l-kwistjoni lill-prosekutur pubbliku wara s-seduta.
Reġistru: ma hemm l-ebda reġistru speċjali ta’ miżuri ordnati b’rabta ma’ ordnijiet ta’ protezzjoni. Madankollu, il-projbizzjonijiet imposti minn ordni ta’ protezzjoni huma rreġistrati fil-Bażi tad-Data tal-Persuni Mfittxa (projbizzjoni ta’ kuntatt, projbizzjoni ta’ preżenza f’ċerti postijiet, projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju, eċċ.).
Appell: id-deċiżjoni hija soġġetta għal appell fi żmien 15-il jum min-notifika. L-intimat jista’ wkoll jippreżenta rikors għat-tneħħija jew għal emenda tal-ordni ta’ protezzjoni jew għal eżenzjoni temporanja ta’ wħud mill-obbligi tagħha.
Eżekuzzjoni tal-ordni ta’ protezzjoni:
Il-miżuri ordnati b’rabta ma’ ordni ta’ protezzjoni huma eżegwibbli fuq bażi provviżorja, jiġifieri jridu jiddaħħlu fis-seħħ immedjatament wara li tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni (anke jekk l-intimat jappella), bl-assistenza tad-dipartimenti tal-infurzar tal-liġi jekk ikun meħtieġ. Il-persuna protetta tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-pulizija jew lill-ġendarmerija fil-każ ta’ ksur ta’ waħda jew aktar mill-miżuri ordnati mill-Qorti tal-Familja.
In-nuqqas ta’ konformità mal-miżuri kkonċernati jikkostitwixxi reat punibbli skont l-Artikolu 227-4-2 tal-Kodiċi Kriminali (code pénal). Ir-reat huwa punibbli b’sentejn priġunerija u b’multa ta’ EUR 15 000. Jekk il-ġenituri jkollhom awtorità tal-ġenituri konġunta, il-qorti li tawtorizza l-ħabi tal-indirizz tal-vittma trid tistabbilixxi wkoll l-arranġamenti għaż-żamma tar-rabta bejn il-persuna li tikkawża r-riskju u l-minuri permezz ta’ terzi jew permezz tal-użu ta’ post fejn jiltaqgħu, kif ukoll il-ħlas ta’ kwalunkwe allowance għall-manteniment permezz ta’ trasferiment bankarju.
Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5
Il-Qorti tal-Familja tordna l-miżuri protettivi kollha u toħroġ iċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 5.
Qorti tal-Familja b’ġuriżdizzjoni territorjali hija:
- il-qorti tal-post fejn tinsab ir-residenza tal-familja;
- jekk il-ġenituri jgħixu separatament, il-qorti tal-post tar-residenza tal-ġenitur li t-tfal minuri huma abitwalment residenti miegħu fil-każ ta’ eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri, jew il-qorti tal-post tar-residenza tal-ġenitur li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri waħdu;
- f’każijiet oħra, il-qorti tal-post fejn tirrisjedi l-persuna li ma tkunx bdiet il-proċeduri.
Ir-rikors għaċ-ċertifikat irid jiġi ppreżentat f’żewġ kopji u jrid jinkludi indikazzjoni preċiża tad-dokumenti ta’ prova. Ir-rappreżentanza minn avukat ma hijiex meħtieġa. Ir-rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat jista’ jiġi kkontestat quddiem il-President tal-Qorti Magħquda (tribunal judiciaire), peress li l-appell ma għandux għalfejn isir permezz ta’ avukat.
It-talbiet ibbażati fuq l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament skont l-Artikolu 509-8 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiġu ppreżentati quddiem il-President tal-Qorti Magħquda f’konformità mal-proċedura mħaffa dwar il-merti tal-kawża. Din il-proċedura, li nħolqot mill-Artikolu 5 tad-Digriet Nru 2019-1419 tal-20 ta’ Diċembru 2019 u li hija msemmija fl-Artikolu 481-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tista’ tintuża biex tinkiseb data tas-seduta fi żmien qasir mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata prova tal-urġenza. L-urġenza tiġi dedotta min-natura tal-proċedura, li tista’ tintuża biss meta t-test jipprevedi hekk b’mod espliċitu.
Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura
L-awtoritajiet li miżura protettiva ordnata fi Stat Membru ieħor għandha tiġi invokata quddiemhom u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura huma l-pulizija u l-ġendarmerija.
Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)
Ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Istat Membru rikjest jaġġusta l-elementi fattwali tal-miżura ta’ protezzjoni sabiex tidħol fis-seħħ f’dak l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament. It-talbiet ibbażati fuq l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament skont l-Artikolu 509-8 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiġu ppreżentati quddiem il-President tal-Qorti Magħquda skont il-proċedura mħaffa dwar il-merti tal-kawża u jiġu deċiżi skont dik il-proċedura.
Għalhekk, jekk l-Artikolu 1136-6 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi proċedura orali mingħajr rappreżentanza obbligatorja fil-każ ta’ talba għal ordni ta’ protezzjoni mressqa quddiem qorti Franċiża, it-talba għar-rikonoxximent fi Franza ta’ ordni ta’ protezzjoni ċivili deċiża minn Stat Membru ieħor tiġi ttrattata f’konformità mal-proċedura mħaffa dwar il-merti tal-każ b’rappreżentanza obbligatorja skont l-Artikoli 509-2 u 760 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni territorjali, japplikaw ir-regoli naxxenti mill-ġurisprudenza li jagħtu prijorità lir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk ikun possibbli li jsir rikors lill-President tal-Qorti Reġjonali tal-post fejn il-persuna protetta tippjana li toqgħod jew li tirrisjedi.
Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13
L-applikant jiġi nnotifikat bil-ħruġ taċ-ċertifikat u jista’ joġġezzjona għalih abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament billi jressaq il-kwistjoni quddiem il-qorti tal-Istat Membru rikjest. Talba għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni trid tiġi ppreżentata lill-President tal-Qorti Magħquda li jiddeċiedi skont il-proċedura mħaffa dwar il-merti tal-kawża (minħabba s-suġġett tal-kawża, din tista’ tiġi ddelegata lil Qorti tal-Familja). Ir-rappreżentanza minn avukat ma hijiex meħtieġa.
Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni territorjali, japplikaw ir-regoli naxxenti mill-ġurisprudenza li jagħtu prijorità lir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk ikun possibbli li jsir rikors lill-President tal-Qorti Reġjonali tal-post fejn il-persuna protetta tippjana li toqgħod jew li tirrisjedi.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.