B’referenza għall-informazzjoni li għandha tiġi komunikata lill-Kummissjoni Ewropea mill-Istati Membri sat-12 ta’ Ġunju 2008 skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, għandek issib mehmuża tabella li turi r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet Taljani u d-dispożizzjonijiet tal-Komunità.
Ta’ min jenfasizza li, skont l-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament, tqiesu t-talbiet li rriżultaw minn obbligi mhux kuntrattwali.
Rigward l-Artikolu 29(b), jidher li tqajmet il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) u dawk fl-Artikolu 20(2) billi l-ewwel paragrafu jirreferi għat-tneħħija tad-dekadenza b’ebda nuqqas min-naħa tal-konvenut, filwaqt li l-Artikolu 20(2) japplika meta joħroġ ċar li l-ordni tal-pagament tkun inħarġet ħażin jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali oħrajn, bħal, pereżempju, b’intenzjoni min-naħa tal-parti.
Fl-ewwel sett ta’ każijiet il-leġiżlazzjoni rilevanti tikkonċerna appelli tardivi kontra ordnijiet ta’ pagamenti, li tkun saret dispożizzjoni għalihom skont l-Artikolu 650 tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili (CPC, Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u li jridu jitressqu quddiem l-istess qorti li tkun ħarġet l-ittra ta’ twissija. L-approċċ f’dan il-każ huwa standard u jista’ jiġi applikat b’mod estensiv, għalkemm il-qorti trid tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tal-iskadenza stipulata fl-aħħar subtaqsima tal-Artikolu 650 CPC, billi din tapplika għall-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament.
Madankollu, fit-tieni sett ta’ każijiet, is-soluzzjoni li attwalment qed tiġi prattikata hija dik tal-applikazzjoni ordinarja jew, skont iċ-ċirkustanzi, applikazzjoni lill-qorti ġenerali kompetenti, għalkemm il-qorti trid tiddeċiedi dwar jekk ir-regoli applikabbli joriġinawx mil-liġi Taljana jew jistgħux jiġu dedotti mir-Regolament.
Rigward il-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament, flimkien mal-Artikolu 7(5), ġie deċiż li ssir referenza għall-komunikazzjoni stampata hawn biss billi għal mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni (elettroniċi) tinħtieġ konformità mar-regoli Taljani speċifiċi u, skont ir-Regolament, il-mezzi ta’ komunikazzjoni jridu jkunu “disponibbli” għall-qrati kkonċernati.
L-Artikolu 29(1)(a) - Qrati b’ġurisdizzjoni
Il-qrati segwenti għandhom ġuriżdizzjoni biex joħorġu ordni ta’ ħlas Ewropea:
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja [Giudice di Pace] għal talbiet sa massimu ta’:
1) EUR 10 000.00, għal talbiet ġenerali;
2) EUR 25 000.00 għal talbiet li jikkonċernaw kumpens għal dannu kkawżat minn vetturi u dgħajjes, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.
Il-Kummissarji tal-Ġustizzja għandhom ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe ammont li jinkludi relazzjonijiet bejn is-sidien jew l-abitanti f’abitazzjonijiet fir-rigward ta’ duħħan, sħana, storbju, vibrazzjonijiet u disturbi simili li jeċċedu l-livelli normali skont l-Artikolu 7(3)(3) tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 2(2)(d)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja għandu ġuriżdizzjoni wkoll f’każijiet li jinvolvu mgħax jew inċidentali għal morożità fil-ħlas ta’ pensjonijiet jew benefiċċji soċjali.
Il-qorti ċivili ordinarja jew il-qorti tal-appell bħala l-qorti ġenerali u dik tal-aħħar istanza għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet l-oħra kollha u ġuriżdizzjoni esklużiva kif previst fil-leġiżlazzjoni Taljana.
B’mod partikulari, rigward kwistjonijiet mhux esklużi mill-Artikolu 2, il-qrati ċivili ordinarji għandhom ġuriżdizzjoni f’każijiet ta’:
1) talbiet relatati mal-kuntratti agrikoli (f’dan il-każ, id-diviżjonijiet agrikoli speċjalizzati tal-qorti ordinarja għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 29 tal-14 ta’ Frar 1990);
2) talbiet fir-rigward ta’ privattivi u marki kummerċjali (f’dan il-każ it-taqsimiet kummerċjali speċjali tal-qrati ordinarji għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 1 et. seq. tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 168 tas-27 ta’ Ġunju 2003 - l-aktar verżjoni riċenti)
3) talbiet skont il-liġi dwar it-trasportazzjoni marittima, b’mod partikulari b’rabta ma’ kolliżjonijiet tal-bastimenti; dannu kkawżat mill-bastimenti meta jankraw jew jirmiġġaw jew iwettqu manuvri oħra f’portijiet u postijiet oħra ta’ waqfien; dannu kkawżat mill-użu ta’ tagħmir tat-tagħbija u tal-ħatt u l-immaniġġjar tal-oġġetti fil-portijiet; dannu kkawżat minn bastimenti lil xbieki u tagħmir ieħor tas-sajd; imposti u kumpens għal assistenza, salvataġġ u rkupru; rimborż ta’ nfiq u premji għall-irkupru ta’ tifrik ta’ bastimenti skont l-Artikolu 589 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.
4) każijiet u proċedimenti relatati mal-kuntratti pubbliċi għal ħidmiet, fornituri u servizzi ta’ portata Komunitarja, li wieħed mill-impenji msemmi fl-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 168 tas-27 ta’ Ġunju 2003 (kif emendat) ikun parti għalihom jew meta wieħed minnhom jipparteċipa f’konsorzju jew aggruppament temporanju li jkunu ngħataw kuntratti jew meta l-qorti ordinarja jkollha ġuriżdizzjoni (f’dan il-każ, it-taqsimiet kummerċjali speċjalizzati tal-qrati ordinarji wkoll għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 168 tas-27 ta’ Ġunju 2003).
Rigward kwistjonijiet mhux esklużi mill-Artikolu 2 tar-Regolament, il-Qorti tal-Appell għandha ġuriżdizzjoni bħala l-qorti ġenerali u tal-aħħar istanza għal talbiet relatati ma’ kumpens għal danni kkawżati minn ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (l-Artikolu 32(2) tal-Liġi Nru 287 tal-10 ta’ Ottubru 1990).
L-Artikolu 29(1)(b) - Proċedura ta' reviżjoni
Il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni għar-rieżami imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1896/2006/KE u l-proċedimenti relatati, hija l-qorti li tkun ħarġet l-ordni skont l-Artikolu 650 tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili.
Il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni għar-rieżami msemmi fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006/KE u l-proċedimenti relatati, hija l-qorti responsabbli mill-ordni, skont ir-regoli komunement applikabbli.
L-Artikolu 29(1)(c) - Mezzi ta' komunikazzjoni
Il-mezzi ta’ komunikazzjoni aċċettati għall-finijiet tal-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 huma s-servizzi postali.
L-Artikolu 29(1)(d) - Lingwi aċċettati
Il-lingwa aċċettata hija dik Taljana.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.