Talbiet żgħar

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Estonja

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Talbiet żgħar


*input mandatarju

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Fl-Estonja, sentenza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tingħata mill-qorti tal-kontea (maakohus)bil-ġuriżdizzjoni rilevanti.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Fl-Estonja, il-mezzi ta’ komunikazzjoni permessi fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u disponibbli għall-qrati f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament jiġu kkunsinnati fiżikament, bil-posta, bil-faks u kanali elettroniċi tat-trażmissjoni. Meta jiġu ppreżentati d-dokumenti, iridu jitħarsu r-rekwiżiti għall-format stipulati fl-Artikoli 334-336 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

F’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-petizzjonijiet iridu jiġu ppreżentati lill-qorti f’għamla ttajpjata li tinqara b’mod ċar f’format A4. Dan japplika għal dokumenti ffirmati bil-miktub. F’konformità mal-Att, il-partijiet fil-proċedimenti jipprovdu wkoll kopji elettroniċi tad-dokumenti proċedurali lill-qorti ppreżentati bil-miktub, meta jkun possibbli. Dan ifisser li biex tintbagħat sempliċi e-mail ma hemmx bżonn tkun iffirmata diġitalment jew li tkun awtentikata b’xi mod ieħor, sabiex ix-xogħol tal-qorti għat-trattament tad-dokumenti jkun issimplifikat.

Jekk id-dokumenti jiġi ppreżentati bil-faks jew bl-e-mail lill-indirizz rilevanti jew f’għamla oħra li twassal għal rekord bil-miktub, il-kopja oriġinali tad-dokument bil-miktub trid tingħadda lill-qorti bla dewmien jew mhux aktar tard minn meta l-kawża tinstema’ fil-qorti jew matul il-perjodu stabbilit għall-preżentazzjoni tad-dokumenti bil-proċedura bil-miktub. F’dak il-każ, l-iskadenza għall-preżentata ta’ appell jew petizzjoni bil-miktub titqies bħala li ġiet irrispettata.

Il-petizzjonijiet u dokumenti oħra li jridu jkunu f’għamla bil-miktub jistgħu wkoll jiġu ppreżentati lill-qorti f’għamla elettronika, dment li l-qorti tkun tista’ tistampa u tagħmel kopji tad-dokumenti. F’dan il-każ, id-dokument irid ikollu l-firma diġitali ta’ min ikun qed jibagħtu jew ikun intbagħat b’sigurtà simili li tippermetti li min ikun qed jibagħtu jkun jista’ jiġi identifikat. Dokument elettroniku jitqies li jkun ġie ppreżentat lil qorti ladarba jkun ġie rreġistrat fil-bażi tad-data għad-dokumenti tal-qorti riċevuti. F’Regolament maħruġ mill-Ministru tal-Ġustizzja hemm regoli aktar dettaljati għall-preżentazzjoni tad-dokumenti elettroniċi lill-qrati u r-rekwiżiti għall-format tad-dokumenti.

Il-qorti tista’ tqis li petizzjoni jew dokument proċedurali ieħor mibgħut bl-e-mail minn attur fil-proċedimenti jkun biżżejjed anki jekk ma jkunx iffirmat bil-miktub jew ma jkollux firma diġitali, dment li l-qorti ma jkollha ebda dubju dwar l-identità ta’ min ikun qed jibgħat id-dokument, b’mod partikolari meta mill-istess indirizz tal-e-mail ikunu ntbagħtu dokumenti bil-firma diġitali fl-istess kawża mill-istess attur jew f’każijiet li fihom il-qorti tkun qablet li l-petizzjonijiet jew dokumenti oħra jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti f’din l-għamla wkoll.

Il-preżentazzjoni ta’ petizzjoni permezz tas-sistema ta’ informazzjoni maħluqa għal dak l-għan (is-sistema ta’ informazzjoni proċedurali tal-e‑File), disponibbli fi https://www.e-toimik.ee/, titqies ukoll bħala preżentazzjoni elettronika. Jekk petizzjoni tiġi ppreżentata permezz tas-sistema ta’ informazzjoni proċedurali tal-e-File, ma tistax tiġi ppreżentata bl-email sakemm ma jkunx hemm raġuni valida biex dan isir. Il-Ministeru għall-Ġustizzja stabbilixxa f’Regolament, il-lista tad-dokumenti li jistgħu jiġu ppreżentati permezz tal-portal.

Fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, il-qorti tista’ fid-diskrezzjoni tagħha tagħmel eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kodiċi rigward ir-rekwiżiti għan-notifika tal-atti proċedurali u l-għamla tad-dokumenti ppreżentati mill-atturi fil-proċedimenti, ħlief meta ssir notifika tat-talba fil-konfront ta’ intimat.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Tista’ tikseb assistenza prattika rigward il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar mir-Reġistru tal-Qorti.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Il-mezzi għall-komunikazzjoni u s-servizzi elettroniċi li huma teknikament disponibbli u ammissibbli fil-qrati tal-Estonja huma l-e-File pubbliku (https://www.e-toimik.ee/) u n-notifika tad-dokumenti bl-e-mail jew bil-faks.

Jekk qorti tinnotifika dokument proċedurali permezz tas-sistema tal-informazzjoni proċedurali tal-e-File, il-qorti tibgħat avviż lid-destinatarju li d-dokument jinsab disponibbli fis-sistema:

  1. fl-indirizz tal-e-mail jew numru tat-telefon innotifikat lill-qorti;
  2. jekk id-destinatarju jkun proprjetarju uniku jew entità ġuridika, fl-indirizz tal-e-mail jew numru tat-telefon imdaħħal fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ reġistru miżmum fl-Estonja;
  3. fl-indirizz tal-e-mail jew numru tat-telefon tad-destinatarju u r-rappreżentant legali tiegħu jew tagħha kif imdaħħal fir-reġistru tal-popolazzjoni;
  4. fl-indirizz tal-e-mail jew numru tat-telefon tad-destinatarju u r-rappreżentant legali tiegħu jew tagħha kif imdaħħal f’bażi tad-data nazzjonali oħra li fiha l-qorti tista’ tivverifika l-informazzjoni b’mod indipendenti billi tagħmel talba elettronika għall-informazzjoni;
  5. fl-indirizz tal-email personal-identification-code@eesti.ee tad-destinatarju u r-rappreżentant legali tiegħu jew tagħha jekk dawn ikollhom kodiċi ta’ identifikazzjoni personali tal-Estonja (l-Artikolu 3111(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-qorti tista’ wkoll tibgħat avviż rigward id-disponibbiltà tad-dokument f’numru tat-telefon jew indirizz tal-e-mail li jkun jinsab fuq l-internet, jew ittellagħha fuq il-paġna preżunta tal-kont tal-utent ta’ netwerk soċjali virtwali jew fuq paġna ta’ ambjent ieħor ta’ komunikazzjoni virtwali li, skont l-informazzjoni disponibbli fuq l-internet, ikun jista’ jiġi preżunt li huma użati mid-destinatarju jew meta jkun jista’ jiġi preżunt li l-informazzjoni mtellgħa hemmhekk se tasal għand id-destinatarju. Jekk ikun possibbli, il-qorti tittrażmetti l-avviż fuq il-paġna preżunta tal-kont tal-utent ta’ netwerk soċjali virtwali jew fuq il-paġna ta’ ambjent ieħor ta’ komunikazzjoni virtwali b’tali mod li l-avviż ikun jista’ jarah id-destinatarju biss. Dokument proċedurali jitqies li jkun ġie nnotifikat meta d-destinatarju jiftħu fis-sistema ta’ informazzjoni jew jikkonferma li jkun irċevih fis-sistema ta’ informazzjoni mingħajr ma jiftħu u wkoll jekk dan isir minn persuna oħra li tkun ingħatat aċċess mingħand id-destinatarju biex tara d-dokumenti fis-sistema ta’ informazzjoni. Is-sistema ta’ informazzjoni tirreġistra n-notifika tad-dokument b’mod awtomatiku.

Jekk destinatarju ma jistax ikun mistenni li juża s-sistema tal-informazzjoni proċedurali tal-e-File jew jekk in-notifika permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tkun teknikament impossibbli, il-qorti tista’ tinnotifika wkoll dokumenti proċedurali lid-destinatarju b’mod elettroniku permezz tal-e-mail jew tal-faks. F’każijiet bħal dawn, dokument proċedurali jitqies li jkun ġie nnotifikat lid-destinatarju meta dan jikkonferma li jkun irċieva d-dokument proċedurali bil-miktub, bil-faks jew b’mod elettroniku. Il-konferma trid tistipula d-data li fiha d-dokument ikun ġie riċevut u għandu jkollha l-firma tad-destinatarju jew tar-rappreżentant tagħhom. Konferma mħejjija f’għamla elettronika jrid ikollha l-firma diġitali ta’ min ikun qed jibgħatha jew għandha tiġi trażmessa b’sigurtà simili li tippermetti li min ikun qed jibgħatha jiġi identifikat u li jkun stabbilit il-ħin meta tintbagħat, sakemm il-qorti ma jkollha ebda raġuni li tiddubita li l-konferma mingħajr firma diġitali tkun intbagħtet mid-destinatarju jew minn rappreżentant tiegħu. Konferma mħejjija f’għamla elettronika tista’ tintbagħat lill-qorti permezz tal-e-mail jekk il-qorti tkun akkonoxxenza tal-indirizz tal-e-mail tad-destinatarju u jekk ikun jista’ jiġi preżunt li persuni mhux awtorizzati ma għandhom l-ebda aċċess għaliha u wkoll jekk il-qorti tkun diġà trażmettiet dokumenti lil dan l-indirizz tal-e-mail matul l-istess kawża jew jekk l-attur fil-proċedimenti jkun provda l-indirizz tal-e-mail tiegħu lill-qorti indipendentement.

Jista’ jingħata kunsens minn qabel għall-użu tan-notifika elettronika tad-dokumenti, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tal-e-File, bl-e-mail jew bil-faks. Tali kunsens jista’ jintbagħat lill-qorti permezz ta’ rikors għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jew permezz ta’ tweġiba għal tali rikors.

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Ġeneralment id-dokument proċedurali jridu jiġu nnotifikati lill-avukati, lin-nutara, lill-marixxalli tal-qorti, lir-riċeventi f’falliment u lill-aġenziji tal-istat jew tal-gvernijiet lokali b’mod elettroniku, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni proċedurali tal-e-File. In-notifika ta’ dokumenti b’metodi oħra hija permessa biss jekk ikun hemm motivazzjoni leġittima. Għal persuni oħra, l-ebda metodu obbligatorju ta’ notifika tad-dokumenti mhuwa stipulat fil-liġi.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

Biex tiġi mressqa petizzjoni għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem qorti tal-kontea, trid titħallas tariffa tal-istat. L-ammont ta’ dik it-tariffa huwa ddeterminat abbażi tal-valur tal-kawża ċivili, li min-naħa tiegħu jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont irreklamat. Meta jiġi kkalkulat il-valur ta’ kwistjoni ċivili, l-ammont tat-talba prinċipali jiżdied mal-ammont tat-talbiet anċillari. F’każ ta’ rikors għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għall-irkupru ta’ mgħax ta’ inadempjenza li ma jkunx sar imponibbli, mal-ammont irid ukoll jiżdied ammont li jikkorrispondi għal sena mgħax ta’ inadempjenza. L-ammont tat-tariffa tal-istat jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont finali riċevut (il-kost tal-kawża ċivili) u skont it-tabella preżentata fl-Anness 1 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Istat, kif imsemmi fl-Artikolu 59(1).

Trid titħallas garanzija għas-sottomissjoni ta’ petizzjoni għal rieżami ta’ sentenza tal-qorti (petizzjoni għat-tħassir ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja). Il-garanzija hija ammont li jikkorrispondi għat-tariffa tal-istat għal nofs l-ammont involut fl-azzjoni. L-ammont tat-tariffa tal-istat ma jridx ikun anqas minn EUR 100 u ma jridx jaqbeż EUR 1 500.

Biex jiġi ppreżentat appell trid titħallas l-istess tariffa tal-istat li tkun tħallset għal-preżentata inizjali tar-rikors għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti tal-kontea, waqt li titqies il-portata tal-appell.

Sabiex jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni u rikors għal rieżami trid titħallas garanzija wkoll. Wieħed fil-mija tal-kost tal-kawża ċivili għandu jitħallas bħala garanzija, filwaqt li titqies il-portata tal-appell, iżda mhux anqas minn EUR 100 u mhux aktar minn EUR 3 000.

Trid titħallas tariffa tal-istat ta’ EUR 50 lil qorti distrettwali jew lill-Qorti Suprema għall-preżentata ta’ appell.

It-tariffa tal-istat tista’ titħallas permezz ta’ trasferiment bankarju lil kwalunkwe kont tal-bank mill-kontijiet tal-bank tal-Ministeru tal-Finanzi, li wieħed jista’ jsibhom fis-sit web tal-Qrati.

Fil-każijiet kollha, it-tariffa tal-istat trid titħallas qabel ma tiġi ppreżentata l-petizzjoni. Flimkien mal-petizzjoni, irid jiġi ppreżentat lill-qorti dokument li juri bil-provi l-ħlas tat-tariffa tal-istat jew informazzjoni li tippermetti lill-qorti tivverifika l-ħlas tat-tariffa tal-istat (pereżempju d-data li fiha jkun sar il-pagament, l-ammont, min ħallas it-tariffa, eċċ.).

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Appell jista’ jiġi ppreżentat skont il-proċedura tal-appell minn sentenza tal-qorti mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Jekk il-valur tal-azzjoni ma jaqbiżx ammont li jkun jikkorrispondi għal EUR 2 000 fir-rigward tat-talba prinċipali u EUR 4 000 flimkien mat-talbiet anċillari, il-qorti tal-kontea fis-sentenza tista’ tiddikjara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni għall-appell. B’mod ġenerali, il-qorti tagħti permess biex isir appell jekk tqis li tkun meħtieġa deċiżjoni minn qorti tal-appell sabiex tingħata l-opinjoni ta’ qorti distrettwali dwar punt tal-liġi. Jekk is-sentenza tal-qorti tal-kontea ma tkunx tinkludi l-permess biex isir appell, jista’ xorta jiġi ppreżentat appell lil qorti distrettwali, iżda l-qorti distrettwali tilqa’ l-appell biss jekk ikun ċar li, fis-sentenza tagħha, il-qorti tal-kontea tkun applikat dispożizzjoni tal-liġi sostantiva b’mod skorrett, kisret ir-rekwiżiti proċedurali jew għamlet valutazzjoni skorretta tal-evidenza, u jekk dan seta’ kellu impatt serju fuq id-deċiżjoni.

L-appelli għandhom jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali li fiha tkun tinsab il-ġuriżdizzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-kontea dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Appell jista’ jkun ippreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur minn meta s-sentenza tal-qorti tal-Prim’Istanza tkun saret pubblika. Jekk is-sentenza tal-qorti tal-kontea tkun saret mingħajr il-parti li tiddeskrivi u tiġġustifika s-sentenza, u jekk attur fil-proċedimenti jkun talab lill-qorti biex iżżid tali parti mas-sentenza tagħha, il-perjodu tal-appell jerġa’ jibda jgħodd minn meta ssir in-notifika tas-sentenza kompluta. Ma jistax jiġi ppreżentat appell jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jippreżentaw appell f’petizzjoni ppreżentata lill-qorti.

Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat lill-Qorti Suprema minn sentenza tal-qorti mogħtija skont il-proċedura tal-appell (il-Kapitolu 66 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Attur fil-proċedimenti jista’ jippreżenta appell ta’ kassazzjoni lill-Qorti Suprema jekk qorti distrettwali tkun kisret ir-rekwiżiti proċedurali b’mod sinifikanti jew tkun applikat dispożizzjoni tal-liġi sostantiva b’mod skorrett.

Appell ta’ kassazzjoni jista’ jkun ippreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-attur, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur mis-sentenza minn meta minn meta s-sentenza tal-qorti distrettwali tkun saret pubblika. Ma jistax jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jippreżentaw appell f’petizzjoni ppreżentata lill-qorti.

F’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, jista’ jiġi ppreżentat rikors għal rieżami lill-Qorti Suprema ta’ sentenza tal-qorti li tkun daħlet fis-seħħ, skont il-proċedura stipulata fil-Kapitolu 68 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk dan jintalab mingħand attur fil-proċedimenti u fejn tkun feġġet evidenza ġdida. Rikors għal rieżami jista’ jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn minn meta jsiru magħrufa l-elementi li fuqhom tissejjes ir-raġuni għal rieżami. Jista’ jiġi ppreżentat rikors għal rieżami mmotivat bil-fatt li attur fil-proċedimenti ma kienx rappreżentat fil-proċedimenti, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni lill-attur jew, fil-każ ta’ parti bla ebda kapaċità ġuridika attiva fi proċedimenti ċivili, lir-rappreżentant legali tal-attur. Għal dan il-fini, in-notifika permezz ta’ avviż pubbliku ma titqiesx. Ma jistax jiġi ppreżentat rikors għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-qorti jekk ikunu għaddew ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha. Ma jistax jiġi ppreżentat rikors għal rieżami fuq il-bażi li l-parti ma pparteċipatx jew ma kinitx rappreżentata fil-proċedimenti jew fil-każ stipulat fl-Artikolu 702(2)(8) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ikunu għaddew 10 snin mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-qorti.

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Il-proċedura ta’ rikors għal rieżami ta’ sentenza tal-qorti tikkorrispondi għall-proċedura għat-tħassir ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja (l-Artikolu 415 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Rikors għal rieżami jrid jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun ħarġet is-sentenza fil-qafas tat-talba għal Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat bil-miktub u jrid ikun jinkludi s-segwenti: rinviju għas-sentenza li qed jintalab rieżami tagħha; petizzjoni li titlob rieżami tas-sentenza; iċ-ċirkostanzi u r-raġunijiet għaliex għandu jkun hemm rieżami tas-sentenza. Wara dan, il-qorti tinnotifika lill-kontroparti bil-petizzjoni, u tagħtiha skadenza biex tippreżenta l-pożizzjoni tagħha. Il-qorti toħroġ deċiżjoni bil-miktub rigward il-petizzjoni. Fejn hu meħtieġ, petizzjoni għat-tħassir ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja tiġi trattata f’seduta tal-qorti. Jekk il-petizzjoni tintlaqa’, il-proċedimenti jerġgħu jinfetħu u l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tissokta fis-sitwazzjoni li kienet fiha qabel seħħ in-nuqqas li jiġi eżegwit att proċedurali li rriżulta fis-sentenza f’kontumaċja. Jistgħu jitressqu appelli quddiem qorti distrettwali minn deċiżjonijiet tal-qorti li jiċħdu rikorsi għal rieżami ta’ sentenzi tal-qorti. Jistgħu jitressqu appelli quddiem il-Qorti Suprema minn deċiżjonijiet tal-appell maħruġa mill-qorti distrettwali biss jekk il-qorti distrettwali tkun ċaħdet l-appell.

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Skont l-Artikolu 21a(1) tar-Regolament, il-lingwi aċċettati huma l-Estonu u l-Ingliż.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

L-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet maħruġa fil-Proċeduri Ewropej għal Talbiet Żgħar issir minn marixxalli tal-qorti indipendenti. Applikazzjoni biex jinbdew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-marixxall tal-qorti tal-post ta’ residenza jew domiċilju tad-debitur jew fil-post fejn ikunu jinsabu l-assi. Il-lista tal-uffiċċji tal-marixxalli tal-qorti tinsab fis-sit web tal-Kamra Estona tal-Marixxalli tal-Qorti u tar-Riċeventi f’Falliment.

Jekk jitressaq appell minn deċiżjoni mogħtija fi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, il-miżuri stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament jiġu applikati mill-qorti distrettwali quddiem liema jiġi ppreżentat l-appell. Meta tiġi ppreżentata petizzjoni, ir-rikors għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tiddeċiedi dwar il-petizzjoni.

Jekk ikun għadu ma ġiex ippreżentat appell, il-miżuri stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament jiġu applikati mill-qorti li tkun ħarġet deċiżjoni dwar il-każ. Il-qorti kompetenti li tapplika l-miżura stipulata fl-Artikolu 23(c) tar-Regolament hija l-qorti tal-kontea li fiha jkunu qed isiru jew kieku jkollhom isiru l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 46 tal-Kodiċi tal-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni, tista’ tittieħed deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mill-marixxall tal-qorti li jkun qed iwettaq il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll mill-qorti.

L-aħħar aġġornament: 29/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.