- Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti
- Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni
- Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika
- Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom
- L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi
- Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas
- Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell
- Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami
- Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati
- L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni
Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti
Fl-Istati federali Ġermaniżi (Länder), il-qrati kollha li jistgħu jiġu invokati skont ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali, territorjali u sostantiva għandhom ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 (ara https://e-justice.europa.eu/content_jurisdiction-85-de-de.do?member=1). B’mod ġenerali, il-qrati lokali (Amtsgerichte) għandhom ġuriżdizzjoni sostantiva fuq it-tilwim.
Għall-istati federali ta’ Baden-Württemberg, Hessen, Nordrhein-Westfalen, is-Sassonja-Anhalt u Schleswig-Holstein, il-qrati li ġejjin għandhom il-ġuriżdizzjoni:
F’Baden-Württemberg:
Għal kawżi quddiem il-qrati lokali
1. Il-Qorti Lokali ta’ Heidelberg
għad-distrett tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe (Bezirk des Oberlandesgerichts),
2. Il-Qorti Lokali ta’ Heilbronn
għad-distrett tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart.
F’Hessen:
1. Il-Qorti Lokali ta’ Frankfurt am Main għad-distretti koperti mill-Qrati Lokali ta’ Hessen
2. Il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main (Landgericht) għad-distretti koperti mill-Qrati Reġjonali ta’ Hessen.
Fin-Nordrhein-Westfalen:
Il-Qorti Lokali ta’ Essen għad-distretti kollha koperti mill-Qrati Lokali tan-Nordrhein-Westfalen.
Fir-reġjun tas-Sassonja-Anhalt:
Il-Qorti Lokali ta’ Halle (Saale).
Fi Schleswig-Holstein:
Għal kawżi li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni sostantiva tal-Qrati Lokali
1. Il-Qorti Lokali ta’ Flensburg għad-distrett kopert mill-Qorti Reġjonali ta’ Flensburg (il-Qrati Lokali ta’ Flensburg, Husum, Niebüll u Schleswig),
2. Il-Qorti Lokali ta’ Itzehoe għad-distrett kopert mill-Qorti Reġjonali ta’ Itzehoe (il-Qrati Lokali ta’ Elmshorn, Itzehoe, Meldorf u Pinneberg),
3. Il-Qorti Lokali ta’ Kiel għad-distrett kopert mill-Qorti Reġjonali ta’ Kiel (Bad Segeberg, Eckernförde, Kiel, Neumünster, Norderstedt, Plön u l-Qrati Lokali ta’ Rendsburg) u
4. Il-Qorti Lokali ta’ Lübeck għad-distrett kopert mill-Qorti Reġjonali ta’ Lübeck (il-Qrati Lokali ta’ Ahrensburg, Eutin, Lübeck, Oldenburg, Ratzeburg, Reinbek u Schwarzenbek).
Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni
Kullimkien huma disponibbli l-mezzi ta’ komunikazzjoni segwenti: il-posta inkluż kurjer privat, il-faks, il-kunsinna personalment, jew il-preżentazzjoni tat-talba fl-uffiċċju tal-qorti għall-preżentazzjoni tat-talbiet (Rechtsantragstelle).
Barra minn hekk, it-talbiet bil-miktub jistgħu jiġu ppreżentati f’għamla elettronika fl-istati federali (Länder) kollha f’ċerti qrati u fil-Qrati Federali kollha, u f’dan il-każ, il-persuna responsabbli mill-preżentazzjoni tal-att elettroniku trid tehmeż firma elettronika awtorizzata. Dan jirrikjedi softwer tal-firem u kard tal-firem bl-apparat għall-qari tal-kard korrispondenti. Il-qrati parteċipanti jistgħu wkoll ikunu kkuntattjati minn Stati Membri oħra permezz tal-interfaċċa e-CODEX. Informazzjoni dwar liema qrati jippermetti aċċess elettroniku tinsab hawnhekk: http://www.justiz.de/ u http://www.egvp.de/ jew fuq is-siti web tal-qrati individwali.
Mill-1 ta’ Jannar 2018, se jkun possibbli li l-atti elettroniċi jiġu ppreżentati lil-Land u lill-qrati federali kollha, skont l-Artikolu 130a tal-Kodiċi rrevedut tal-Proċedura Ċivili, dment li l-att elettroniku jkollu l-firma elettronika awtorizzata tal-persuna responsabbli għaliha, jew ikun iffirmat minnhom u trażmess b’mezzi siguri. “Mezzi siguri” jitqiesu li huma:
1. is-servizz tal-gvern elettroniku tal-Ġermanja “De-Mail” bl-awtentikazzjoni tal-ispeditur (absenderbestätigt);
2. il-kaxxa postali elettronika speċjali għall-avukati (“beA”);
3. il-kaxxa postali elettronika speċjali għall-awtoritajiet pubbliċi (“beBPo”).
Il-parametri tekniċi għat-trażmissjoni tal-atti elettroniċi għandhom jiġu stipulati f’Regolament tal-Gvern Federali li għandu jidħol fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2018.
Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika
Il-qrati lokali huma kompetenti li jipprovdu assistenza prattika f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 kif emendat. Tingħata assistenza prattika mill-persunal rilevanti skont l-organigramma tal-organizzazzjoni, prinċipalment minn persunal fl-uffiċċji għall-preżentazzjoni tat-talbiet jew fl-uffiċċji tal-informazzjoni. Wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar il-qrati lokali kompetenti u l-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Atlas Ġudizzjarju Ewropew. Irreferi għall-punt (a) hawn fuq.
Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom
Skont l-Artikolu 174(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, att proċedurali jista’ jiġi nnotifikat permezz ta’ faks, b’konferma tar-riċevuta, lil avukat, nutar, marixxall tal-qorti (Gerichtsvollzieher), konsulent tat-taxxa jew kull persuna oħra li tgawdi minn fiduċja partikolari inkwantu għall-professjoni tagħha, awtorità pubblika, korporazzjoni, jew korp irregolat bil-liġi pubblika.
Skont l-Artikolu 174(3), l-atti elettroniċi jistgħu wkoll jiġu nnotifikati lill-istess persuni. L-istess japplika għal partijiet oħra fil-proċedimenti legali, dment li jkunu taw espressament il-kunsens tagħhom għall-atti li jkunu qed jiġu trażmessi f’għamla elettronika. L-att irid jiġi ffirmat b’mod elettroniku u jrid ikun protett kontra d-divulgazzjoni tiegħu lil terzi persuni mhux awtorizzati. L-atti jistgħu jintbagħtu wkoll permezz tad-De-Mail.
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2018, se jkun possibbli li jintbagħtu atti elettroniċi permezz ta’ kanal sigur ta’ trażmissjoni (sicherer Untermittlungsweg) fis-sens tal-Artikolu 130a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, minflok tintuża firma elettronika. Il-persuni msemmija hawn fuq ikollhom jinstallaw kanal sigur ta’ trażmissjoni għan-notifika tal-atti elettroniċi. Tingħata prova tan-notifika elettronika permezz ta’ konferma elettronika tar-riċevuta f’format strutturat u li jinqara mill-magni. Għal dan l-għan, meta tinnotifika l-att, il-qorti tipprovdi sett ta’ data.
L-aċċettazzjoni skont l-Artikolu 13 u l-Artikolu 174(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tista’ tiġi espressa permezz tal-mezzi deskritti fil-punt (b) hawn fuq.
Għal aktar dettalji ara l-punt (b).
L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi
B’segwitu għall-introduzzjoni tal-Artikolu 31a(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi Federali li jirregola l-Professjoni Legali (“BRAO”), l-Avukatura Federali għandha l-obbligu li tinstalla kaxxa postali elettronika speċjali għal kull avukat fil-Ġermanja. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-Artikolu 31a huwa li jkun żgurat li kull avukat fil-Ġermanja jkun jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-kanali elettroniċi. Il-kaxxa postali elettronika speċjali għall-avukati ġiet installata fit-28 ta’ Novembru 2016.
Madankollu, fil-preżent ma hemm l-ebda obbligu li tintuża. Kuntrarjament, l-Artikolu 31 tar-Regolament li jirregola d-Direttorju u l-Kaxxa Postali tal-Avukati (Rechtsanwaltsverzeichnis- und -postfachverordnung) jipprevedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2017 inkluż, l-informazzjoni li tiġi riċevuta permezz tal-kaxxa postali elettronika speċjali għall-avukati trid titqies biss jekk il-proprjetarju tal-kaxxa postali jkun laħaq qbil minn qabel dwar l-użu tagħha. Dan il-perjodu ta’ użu volontarju huwa maħsub biex jagħti l-opportunità lill-avukati biex idaħħlu gradwalment it-teknoloġija l-ġdida u biex jiżgura li l-kaxxa postali tkun qed taħdem bla intoppi qabel ma l-użu tagħha jsir obbligatorju. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2018, għandu jiżdied paragrafu 6 ġdid mal-Artikolu 31a BRAO, li jobbliga lill-avukati kollha li jkunu akkonoxxenza b’mod dovut tal-informazzjoni mibgħuta fil-kaxxa postali elettronika speċjali tagħhom għall-avukati. F’dan ir-rigward hija inkluża emenda leġislattiva fl-Abbozz ta’ liġi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u għall-emendar ta’ dispożizzjonijiet oħra dwar il-professjonijiet legali (ref. Bundestagsdrucksache 18/9521, pp. 9 u 107 et seq.).
Dan il-qasam huwa rregolat ukoll mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti).
Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas
It-tariffi tal-qorti għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar huma soġġetti għall-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (“GKG”).
It-tariffi tal-qorti jiġu imposti mill-qorti permezz ta’ fattura tat-tariffi tal-qorti (Gerichtskostenrechnung). It-tariffi jibdew japplikaw minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni li tagħti bidu għall-proċedimenti, allavolja l-proċedimenti jistgħu jitkomplew anki jekk ma jsirx il-ħlas.
Minbarra l-applikant, kull min ikollu obbligu bħal impost fuqu mill-qorti, jew kull min jassumi interess bħala parti minn soluzzjoni, ukoll ikollu l-obbligu li jħallas it-tariffi tal-qorti.
It-tariffi speċifiċi huma stipulati fi skeda tal-ispejjeż annessa mal-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (“KV-GKG”). Fin-numru 1210 KV-GKG hemm stabbilita rata tariffarja ta’ 3.0 unitajiet ta’ tariffa għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. F’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-proċedimenti, ir-rata tariffarja tonqos għal 1.0 ta’ unità (in-numru 1211 KV-GKG).
It-tariffa hija stabbilita f’konformità mal-ammont inkwistjoni fil-kawża, normalment l-istess bħall-ammont tat-talba. Jekk, minbarra t-talba prinċipali, ikunu involuti wkoll talbiet anċillari (imgħax jew spejjeż), l-ammont tat-talbiet anċillari ma jiġix ikkunsidrat.
Japplikaw it-tariffi segwenti:
Ammont sa EUR | Rata 3.0 EUR | Rata 1.0 EUR |
500.00 | 105.00 | 35.00 |
1 000.00 | 159.00 | 53.00 |
1 500.00 | 213.00 | 71.00 |
2 000.00 | 267.00 | 89.00 |
3 000.00 | 324.00 | 108.00 |
4 000.00 | 381.00 | 127.00 |
5 000.00 | 438.00 | 146.00 |
Minbarra t-tariffi, kull spiża bħal spejjeż għax-xhieda, esperti jew interpreti huma dovuti wkoll.
Il-pagament jista’ jsir permezz ta’ trasferiment bankarju. Id-dettalji tal-bank jingħataw flimkien mat-talba għall-pagament maħruġa mill-uffiċċju tal-kaxxier tal-qorti.
Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell
Rimedji legali bħall-appelli ordinarji (Berufungen) jistgħu jiġu ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-qorti mogħtija fil-Prim’Istanza f’konformità mar-regoli stipulati fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (ZPO), b’mod partikolari l-Artikoli 511 et seq. tiegħu. Appelli bħal dawn għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahar; il-perjodu jibda jgħodd mid-data tan-notifika tas-sentenza kompluta. Il-qorti bil-ġuriżdizzjoni biex tisma’ appell kontra deċiżjoni ta’ qorti lokali (Amtsgericht) fil-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar hija l-qorti reġjonali (Landgericht) li l-qorti lokali tinsab fid-distrett tagħha.
Deċiżjoni dwar appell mogħtija minn qorti reġjonali — wara awtorizzazzjoni speċifika — tista’ tiġi kkontestata fuq punti tad-dritt (Revision) quddiem il-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht) li l-qorti reġjonali tinsab fid-distrett tagħha.
Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami
Skont l-Artikolu 1104(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 18, u wara li jiġi ppreżentat rikors, il-proċedimenti jitkomplew u jitreġġgħu lura għall-istadju li kienu fih qabel ma ngħatat is-sentenza. Il-qorti kompetenti hija dik li tkun semgħet il-proċedimenti oriġinali.
Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati
Tista’ tintuża biss il-lingwa Ġermaniża. Fid-distretti ta’ oriġini tal-popolazzjoni Sorbjana, is-Sorbi għandhom id-dritt li fil-qorti jitkellmu bis-Sorbjan.
L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni
Għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni, ara s-sommarju hawnhekk: “Proċeduri għall-infurzar ta’ sentenza”. Il-qorti bil-ġurisdizzjoni għal deċiżjonijiet skont l-Artikolu 23 hija l-qorti responsabbli mis-smigħ tal-proċedimenti prinċipali.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.