Talbiet żgħar

Olanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Olanda

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Talbiet żgħar


*input mandatarju

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Il-kawżi li jinvolvu t-talbiet iż-żgħar Ewropej jiġu trattati u deċiżi minn imħallef ta’ qorti subdistrettwali (kantonrechter).

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Skont l-Artikolu 33 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili kif jinsab, il-formoli għal talbiet jistgħu jiġu ppreżentati b’mod elettroniku dment li dan ikun permess skont ir-regoli proċedurali tal-qorti. Bħalissa l-ebda qorti ma tippermetti li l-formoli jiġu ppreżentati b’mod elettroniku. Il-formoli jistgħu jiġu ppreżentati kif ġej:

  • bil-posta;
  • billi jiġu ppreżentati lir-reġistratur tal-qorti.

Flimkien ma’ leġiżlazzjoni dwar is-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tad-dritt proċedurali li għandha qed tiġi ppjanata (inkluż l-Artikolu 33 ġdid tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), l-Att ta’ Implimentazzjoni inkorpora regoli dwar is-sottomissjoni elettronika. Dawn ir-regoli probabbilment li jidħlu fis-seħħ fi stadju ulterjuri.

L-Artikolu 30c tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li l-proċedimenti jridu jinbdew b’mod elettroniku. Skont l-Artikolu 30c(4), il-persuni fiżiċi u l-assoċjazzjonijiet li l-kostituzzjonijiet tagħhom mhumiex stipulati f’att notarili ma għandhomx l-obbligu li jippreżentaw l-atti b’mod elettroniku sakemm ma jkunux rappreżentati minn terza persuna li tipprovdilhom assistenza legali professjonali.

Is-sottomissjoni elettronika diretta tal-atti li tibda l-proċedimenti minn Stat Membru ieħor għalissa mhux se tkun possibbli. Il-partijiet minn Stat Membru ieħor b’rappreżentant professjonali fin-Netherlands se jkunu jistgħu jippreżentaw l-atti b’mod elettroniku. Il-partijiet barranin bla rappreżentant legali li jkunu jixtiequ jibdew il-proċedimenti jridu jsegwu l-proċedura manwali.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Tista’ tingħata assistenza prattika miċ-Ċentru tas-Servizz Ġuridiku (Juridisch Loket) u b’mod aktar speċifiku, miċ-ċentru Ewropew tal-Informazzjoni għall-Konsumaturi li huwa ospitat miċ-Ċentru tas-Servizz Ġuridiku.

Ara http://www.eccnederland.nl u http://www.juridischloket.nl.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

In-notifika skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament u l-komunikazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament isiru f’konformità mal-Artikolu 30e tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Wara li tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq, in-Netherlands se jaħdmu fuq il-presuppost li l-proċedimenti jinbdew b’mod elettroniku.

Skont l-Artikolu 30e tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, atti oħra li s-sottomissjoni tagħhom mhijiex rikjesta speċifikament, u komunikazzjonijiet oħra bejn il-qorti u l-partijiet se jkunu disponibbli b’mod elettroniku sakemm ma jkunx japplika l-Artikolu 30c(5). Skont l-Artikolu 30c(5), il-partijiet li mhumiex obbligati li jiċċirkolaw l-atti b’mod elettroniku, u mhumiex qed jagħmlu hekk, isegwu l-proċedura manwali.

Skont il-leġiżlazzjoni dwar is-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tad-dritt proċedurali, għalissa għadu mhux teknikament possibbli li l-partijiet bil-post tar-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor li jippreżentaw atti direttament (ara (b) aktar ’il fuq) u jiċċirkolawhom permezz tas-sistema diġitali tal-qrati. La l-kumpaniji barranin u lanqas il-persuni fiżiċi mhuma obbligati li jippreżentaw atti b’mod elettroniku. Fil-każijiet li fihom parti minn Stat Membru ieħor ikollha rappreżentant legali fin-Netherlands, il-proċedimenti jsiru b’mod elettroniku u l-qorti tista’, skont dan, tinnotifika l-atti msemmija fl-Artikolu 13(1) b’mod elettroniku.

Fil-każ ta’ partijiet li ma għandhomx l-obbligu li jippreżentaw l-att b’mod elettroniku u ma għandhomx rappreżentant legali, in-notifika ssir permezz tal-posta.

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Ara l-informazzjoni indikata taħt (d).

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

Huma biss il-persuni li jippreżentaw talbiet lill-qorti subdistrettwali li jridu jħallsu t-tariffi tal-qorti. L-intimati ma jridux iħallsu tariffi tal-qorti. Fir-rigward tal-ammont tat-tariffi tal-qorti, fejn ikun xieraq, fin-Netherlands issir distinzjoni bejn

  • talbiet ta’ anqas minn EUR 500 jew ta’ ammont indeterminat, u
  • talbiet ta’ ammont bejn EUR 500 u EUR 12 500.

Hemm tliet rati fissi. Ir-rati li japplikaw jiddependu minn jekk il-kwerelant ikunx persuna ġuridika, persuna fiżika jew persuna fiżika b’kapaċità finanzjarja limitata.

Għar-rati ara www.rechtspraak.nl.

Il-pagament minn distanza jistgħu jsiru lill-qrati tan-Netherlands permezz ta’ trasferiment bankarju. Ir-rendikont tat-tariffi (griffienota) mibgħut mill-iskrivan tal-qorti jindika d-dettalji tal-kont tal-bank tal-qorti. It-tariffi tal-qorti għandhom ikunu trasferiti f’dak il-kont.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Skont ir-regoli nazzjonali, l-appelli minn deċiżjonijiet mogħtija minn imħallef ta’ qorti subdistrettwali jistgħu jiġu ppreżentati mal-qorti tal-appell (gerechtshof) f’każijiet ta’ talbiet żgħar Ewropej li jinvolvu ammonti ta’ EUR 1 750 jew aktar. It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentazzjoni ta’ appell huwa ta’ 30 jum mid-data tad-deċiżjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar il-qrati tan-Netherlands, ara: http://www.rechtspraak.nl.

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

L-intimati jistgħu jippreżentaw petizzjoni lill-qorti subdistrettwali li tkun ħarġet deċiżjoni dwar kawża ta’ talbiet żgħar Ewropej sabiex ikun hemm ritrattazzjoni tad-deċiżjoni abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament. Din il-petizzjoni trid tkun ippreżentata fi żmien it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 30 jum indikat fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Iċ-ċertifikati fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament minn qorti ta’ Stat Membru ieħor iridu jitfasslu bin-Netherlandiż, jew ikunu tradotti bin-Netherlandiż.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

L-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’kawża ta’ talbiet żgħar Ewropej huma l-marixxalli tal-qorti Netherlandiżi.

Għall-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007, ara l-Artikolu 8 tal-Att ta’ Implimentazzjoni għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

L-Artikolu 8 tal-Att ta’ Implimentazzjoni għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar:

Fil-każ ta’ rikorsi għal eżekuzzjoni kif imsemmija fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 438 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

L-Artikolu 438 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

1. Tilwimiet li jfeġġu b’rabta mal-eżekuzzjoni għandhom jitressqu quddiem il-qorti distrettwali (rechtbank) li jkollha l-ġurisdizzjoni skont ir-regoli normali, jew li fil-ġurisdizzjoni ġeografika tagħha jkun se jseħħ il-qbid, ikun jinsab bene milqut wieħed jew aktar, jew tkun se sseħħ l-eżekuzzjoni.

2. Sabiex tinkiseb miżura proviżorja, il-proċedimenti għal miżuri proviżorji (kort geding) jistgħu jitressqu wkoll quddiem l-imħallef li jisma’ r-rikorsi għal miżuri proviżorji (voorzieningsrechter) fil-qorti b’ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat l-oħra tiegħu, l-imħallef li jisma’ r-rikorsi għal miżuri proviżorji jista’, jekk ikun hemm bżonn, jissospendi l-eżekuzzjoni għal ċertu perjodu jew sakemm tinqata’ s-sentenza tat-tilwima, jew jiddeċiedi li l-eżekuzzjoni tista’ tibqa’ għaddejja jew titkompla biss jekk tkun ġiet ippreżentata garanzija. L-imħallef jista’ jneħħi ordni ta’ sekwestru, bil-garanzija jew mingħajrha. Matul l-eżekuzzjoni, l-imħallef jista’ jordna biex il-formalitajiet li ma tlestewx ikunu rettifikati, u jistipula liema formalità li ma tlestietx trid terġa’ titwettaq u min għandu jġarrab l-ispejjeż involuti. L-imħallef jista’ jordna li kull parti terza msejħa fil-kawża trid tagħti l-kunsens tagħha sabiex l-eżekuzzjoni titkompla jew trid tikkoopera mal-proċedura, bil-garanzija jew mingħajrha mill-parti li qed titlob għall-eżekuzzjoni.

3. Jekk il-proċedimenti għal miżuri proviżorji ma jkunux japplikaw għall-kawża, l-imħallef li jkun qed jisma’ r-rikors jista’, minflok li ma jilqax ir-rikors u jekk ikun mitlub mill-kwerelant, jirreferi l-kwistjoni lill-qorti distrettwali, u jispeċifika d-data li fiha trid tinstema’. Intimat li ma jidhirx f’dik id-data u ma jkunx rappreżentat fil-qorti minn avukat għandu jiġi ddikjarat li naqas milli jidher jekk ikun ġie mħarrek biex jattendi l-proċedimenti f’dik id-data bil-kunsiderazzjoni dovuta għat-terminu preskrittiv taċ-ċitazzjoni jew it-terminu preskrittiv stabbilit mill-imħallef tal-miżuri proviżorji fuq talba tal-kwerelant.

4. Jekk issir oġġezzjoni lill-marixxall tal-qorti inkarigat mill-eżekuzzjoni li titlob għal adozzjoni ta’ miżura proviżorja immedjata, il-marixxall tal-qorti jista’ jmur għand l-imħallef tal-miżuri proviżorji bir-rapport imfassal minnu dwar is-suġġett u jitlob lill-imħallef biex jadotta miżura proviżorja li tiddeċiedi bejn il-partijiet inkwistjoni. L-imħallef tal-miżuri proviżorji għandu jissospendi l-proċedimenti sakemm il-partijiet ikunu ġew ikkonvokati sakemm, minħabba n-natura tal-oġġezzjonijiet, ma jqisx li tkun meħtieġa deċiżjoni immedjata. Marixxall tal-qorti li jeżerċita din is-setgħa mingħajr il-qbil tal-parti li jkun qed titlob l-eżekuzzjoni jista’ jirċievi ordni biex iħallas l-ispejjeż jekk jirriżulta li l-azzjoni tiegħu kienet bla bażi.

5. Parti terza tista’ toġġezzjona għall-eżekuzzjoni billi tintbagħat taħrika kemm lill-parti li tkun qed titlob għall-eżekuzzjoni kif ukoll lill-parti li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab eżekuzzjoni.

Il-Paragrafi 3 u 5 se jiġu emendati biex iqisu l-leġiżlazzjoni li għadha qed tiġi ppjanata dwar is-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tad-dritt proċedurali:

3. Jekk il-proċedimenti għal miżuri proviżorji ma jkunux japplikaw għall-kawża, l-imħallef li jkun qed jisma’ r-rikors jista’, minflok li ma jilqax ir-rikors u jekk ikun mitlub mill-kwerelant, jirreferi l-kwistjoni lill-qorti distrettwali. Il-qorti li lilha tkun irreferuta l-kwistjoni għandha tistabbilixxi data minnufih għall-pass proċedurali li jkun imiss. Intimat li ma jidhirx f’dik id-data u ma jkunx rappreżentat fil-qorti minn avukat għandu jiġi ddikjarat li naqas milli jidher f’każ biss li jkun ġie mħarrek biex jattendi l-proċedimenti f’dik id-data bil-kunsiderazzjoni dovuta għat-terminu preskrittiv taċ-ċitazzjoni jew it-terminu preskrittiv stabbilit mill-imħallef tal-miżuri proviżorji fuq talba tal-kwerelant.

5. Parti terza tista’ toġġezzjona għall-eżekuzzjoni billi tħarrek kemm lill-kwerelant kif ukoll lill-parti li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab eżekuzzjoni.

L-aħħar aġġornament: 16/05/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.