Talbiet żgħar

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Portugall

Proċeduri transfruntieri Ewropej - Talbiet żgħar


*input mandatarju

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Il-qrati ċivili lokali u l-qrati b’ġurisdizzjoni ġenerali.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Il-posta rreġistrata, il-faks u t-trażmissjoni tad-data elettronika.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

DGAJ - Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (http://www.dgaj.mj.pt/DGAJ/sections/home).

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Huma disponibbli l-mezzi ta’ komunikazzjoni segwenti:

  • Komunikazzjoni elettronika permezz tas-sistema ta-IT li tappoġġa l-ħidma tal-qrati, URL https://citius.tribunaisnet.mj.pt/habilus/myhabilus/Login.aspx, meta l-partijiet ikunu appuntat rappreżentanti legali. Għal dan l-għan, ir-rappreżentant legali tal-parti jrid l-ewwel japplika għar-reġistrazzjoni mal-korp inkarigat mill-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema tal-IT (l-Artikoli 132(1) u (3), 247 u 248 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikoli 3, 5, 25 u 26 tad-Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni (Portaria) Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).
  • Komunikazzjoni permezz ta’ ittra rreġistrata indirizzata lir-residenza jew lill-kwartieri ġenerali tal-parti, jew lill-indirizz magħżul għall-finijiet ta’ notifika, jekk il-parti ma tkunx appuntat rappreżentant legali (l-Artikolu 249 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Rappreżentanti legali, imħallfin, prosekuturi u uffiċjali tal-qorti, permezz tas-sistema tal-IT li tappoġġa l-ħidma tal-qrati (https://citius.tribunaisnet.mj.pt/habilus/myhabilus/Login.aspx) (l-Artikoli 3 u 5 tad-Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013).

Fil-każ tar-rappreżentanti legali, l-ewwel iridu japplikaw għar-reġistrazzjoni mal-korp inkarigat mill-ġestjoni tal-aċċess għas-sistema tal-IT. Ta’ min josserva li s-sistema tiċċertifika d-data li fiha tinħareġ in-notifika u l-presuppost ikun li dan ikun sar fit-tielet jum wara li titfassal jew inkella fl-ewwel jum segwenti ta’ negozju (l-Artikoli 247 u 248 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk il-parti ma tkunx appuntat rappreżentant legali, in-notifiki jintbagħtu permezz ta’ ittra rreġistrata indirizzata lir-residenza jew lill-kwartieri ġenerali tal-parti jew lill-indirizz magħżul għar-riċeviment tan-notifiki. Il-presuppost ikun li n-notifika ssir fit-tielet jum wara d-data ta’ reġistrazzjoni jew inkella fl-ewwel jum segwenti ta’ negozju (l-Artikolu 249(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

• F’kawżi li fihom l-ammont involut ikun sa massimu ta’ EUR 2 000.00: EUR 102 (unità waħda tal-kont);

• F’kawżi li fihom l-ammont involut ikun ogħla minn EUR 2 000.00 iżda mhux aktar minn EUR 5 000.00: EUR 204 (2 unitajiet tal-kont).

Jekk il-kawża tkun waħda kumplessa, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li japplika l-ispejjeż segwenti:

• F’kawżi li fihom l-ammont involut ikun sa massimu ta’ EUR 2 000.00: EUR 153 (1.5 unitajiet tal-kont);

• F’kawżi li fihom l-ammont involut ikun ogħla minn EUR 2 000.00 iżda mhux aktar minn EUR 5 000.00: EUR 306 (3 unitajiet tal-kont).

(l-Artikolu 6(1) u (5) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali, approvat mid-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar).

Jekk, skont l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, fl-ambitu tal-Proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, l-intimat jippreżenta oppożizzjoni u l-proċedimenti jitkomplew, l-ammont imħallas matul din il-proċedura jitnaqqas bl-ammont tal-ispejjeż proċedurali għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, fil-każ tal-kwerelant.

It-tnaqqis jista’ jkun ta’ EUR 102 (unità waħda tal-kont) jew EUR 153 (1.5 unitajiet tal-kont). (l-Artikolu 7(6) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali, approvat mid-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar).

Meta jkun hemm kontrotalba – li f’dak il-każ l-ammonti involuti fiż-żewġ talbiet jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet ta’ kkalkular tal-kostijiet, li jista’ jwassal għal każijiet fejn l-ammont involut ikun jammonta sa massimu ta’ EUR 10 000.00 – il-kostijiet għall-każijiet fejn l-ammonti involuti jkunu bejn EUR 8 000.01 u EUR 10 000.00 jkunu 3 unitajiet tal-kont (EUR 306.00) jew 4.5 unitajiet tal-kont (EUR 459.00) għal każijiet partikolarment kumplessi. Ta’ min wieħed jinnota li f’każijiet fejn l-ammont involut ikun bejn EUR 5 000.01 u EUR 8 000.00, il-kostijiet jinżammu dawk ta’ 2 unitajiet tal-kont (EUR 204.00) jew 3 unitajiet tal-kont (EUR 306.00) b’mod partikolari f’każijiet kumplessi (l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali, approvat mid-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar, flimkien mal-Artikoli 145(5) 530(2), 299(1) u (2) u 297(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-metodu ta’ pagament aċċettat huwa permezz ta’ trasferiment bankarju.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Appell ikun ammissibbli biss fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 629(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jew fl-Artikolu 696 ta’ dan il-Kodiċi.

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 629(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, irrispettivament mill-valur tal-kawża u mit-telf imġarrab mill-parti telliefa, appell ikun dejjem ammissibbli:

a) għar-raġuni ta’ ksur tar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, tar-regoli tal-ġurisdizzjoni ratione materiae jew tal-ġurisdizzjoni ġerarkika, jew fejn ikun hemm kunflitt ma’ deċiżjoni tal-qorti finali;

b) minn deċiżjonijiet fir-rigward tal-valur tal-kawża jew ammonti relatati, għar-raġuni li l-valur jaqbeż il-limitu tal-valur tal-qorti li quddiemha tkun ġiet ippreżentata l-kawża;

c) minn deċiżjonijiet mogħtija fl-istess qasam leġiżlattiv u dwar l-istess punt ta’ dritt fundamentali li jmorru kontra l-ġurisprudenza uniformi tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;

d) minn sentenza tal-qorti tal-appell li tikkontradixxi sentenza oħra mill-istess qorti tal-appell jew minn qorti tal-appell oħra fl-istess qasam leġiżlattiv jew dwar l-istess punt ta’ dritt fundamentali, u li kontriha ma jista’ jkun ippreżentat l-ebda appell ordinarju għal raġunijiet oħra li mhumiex dawk tal-limitu tal-valur tal-qorti, sakemm ma tkunx ingħatat sentenza li tistabbilixxi ġurisprudenza uniformi li tkun konsistenti ma’ din is-sentenza.

Skont l-Artikolu 696 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, deċiżjoni finali tista’ tkun l-oġġett ta’ ritrattazzjoni fil-każijiet biss li fihom:

(a) deċiżjoni finali oħra tkun uriet li d-deċiżjoni kienet ir-riżultat ta’ reat imwettaq mill-imħallef fit-twettiq tad-doveri tiegħu;

(b) ikun stabbilit li l-evidenza dokumentata jew ix-xhieda uffiċjali fil-qorti jew dikjarazzjoni mogħtija minn espert jew minn arbitru tkun falza, u f’kull wieħed minn dawn il-każijiet, setgħet kienet fattur determinanti fid-deċiżjoni għal ritrattazzjoni, u l-kwistjoni ma tkunx ġiet diskussa matul il-proċedimenti li fihom tkun ingħatat id-deċiżjoni;

(c) ikun ġie preżentat dokument li l-parti ma kinitx akkonoxxenza tiegħu jew li ma setax jużufruwixxi minnu tul il-proċedimenti li fihom tkun ingħatat id-deċiżjoni għal ritrattazzjoni u li minnu nnifsu jkun biżżejjed sabiex id-deċiżjoni tinbidel favur il-parti telliefa;

(d) konfessjoni, irtirar jew ftehim li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni jkunu invalidi jew jistgħu jiġu ddikjarati bħala invalidi;

(e) l-azzjoni u l-eżekuzzjoni jkunu seħħew f’kontumaċja, mingħajr ebda sehem tal-intimat, u jintwera li ma nħarġet l-ebda taħrika jew li t-taħrika li nħarġet tkun nulla u bla effett;

(f) tkun inkompatibbli mad-deċiżjoni finali ta’ korp tal-appell internazzjonali li tkun vinkolanti għall-Istat Portugiż;

(g) it-tilwima tkun ibbażata fuq att simulat mill-partijiet, u l-qorti, billi ma tkunx intebħet li saret frodi, ma tkunx użat is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 612.

Skont l-Artikolu 638(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentazzjoni ta’ appell huwa ta’ 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.

Skont l-Artikolu 697(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ma jistax ikun preżentat appell straordinarju għal ritrattazzjoni jekk ikunu għaddew aktar minn ħames snin mid-deċiżjoni finali. It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentazzjoni ta’ tali appell huwa ta’ 60 jum, li jibdew jgħoddu:

i. mid-data tad-deċiżjoni finali li fuqha tkun ibbażata r-ritrattazzjoni, fil-każ tal-Artikolu 696(a);

ii. mid-data li fiha d-deċiżjoni li fuqha tkun ibbażata r-ritrattazzjoni tkun saret waħda finali, fil-każ tal-Artikolu 696(f);

iii. minn meta l-appellant ikun kiseb id-dokument jew ġie infurmat biċ-ċirkostanza li fuqhom tkun ibbażata r-ritrattazzjoni, fil-każijiet l-oħra.

iv. Fil-każ tal-Artikolu 696(g), it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentazzjoni tal-appell huwa ta’ sentejn, li jibdew jgħoddu minn meta l-appellant jiġi infurmat bid-deċiżjoni, mingħajr detriment għat-terminu ta’ ħames snin imsemmi preċedentement.

Il-qrati bil-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar l-appell huma l-qrati tal-appell (Tribunais de Relação) fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 629(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l-qrati li taw id-deċiżjoni li għandha tkun soġġetta għal ritrattazzjoni kif indikat fil-paragrafu (a) fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 696 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

L-appell jiġi preżentat fil-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li għandha tkun soġġetta għal ritrattazzjoni u l-appellant irid jiddikjara l-fatti li jikkostitwixxu r-raġunijiet tal-appell. Meta jippreżenta appell, l-appellant irid jissottometti ċertifikat rigward id-deċiżjoni jew id-dokument li fuqhom tkun ibbażata t-talba (l-Artikoli 697(1) u 698 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-qrati bil-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar l-appell huma l-qrati li taw id-deċiżjoni li għandha tkun soġġetta għal ritrattazzjoni kif indikat fil-paragrafu (a).

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

L-Ingliż, il-Franċiż u l-Ispanjol.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

Il-qrati tal-eżekuzzjoni (juízos de execução) għandhom il-ġurisdizzjoni għall-eżekuzzjoni. Jekk ma jkun hemm l-ebda qorti tal-eżekuzzjoni, il-ġurisdizzjoni tkun tal-qrati ċivili lokali u tal-qrati b’ġurisdizzjoni ġenerali.

Għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Portugiżi, it-talba għal eżekuzzjoni tiġi preżentata fil-proċedimenti li fihom tkun ingħatat id-deċiżjoni (l-Artikolu 85(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). It-talba għal eżekuzzjoni, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u l-kopja tad-deċiżjoni mbagħad jintbagħtu b’urġenza lill-qorti tal-eżekuzzjoni bil-ġurisdizzjoni, jekk din tkun teżisti (l-Artikolu 85(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat fi Stat Membru ieħor, il-qorti bil-ġurisdizzjoni tkun il-qorti fid-domiċilju tal-intimat (l-Artikolu 90 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 20/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.