- SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI
- Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti
- Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni
- Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika
- Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom
- L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi
- Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas
- Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell
- Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami
- Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati
- L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni
Sib informazzjoni għal kull reġjun
SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI
L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.
Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti
Il-qorti kompetenti li tagħti deċiżjoni fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fl-Iskozja hija l-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) u fil-każijiet kollha l-proċedura ssir quddiem Xeriff.
Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni
Il-mezzi ta’ komunikazzjoni aċċettabbli mill-qrati fl-Iskozja biex tinbeda l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tkun simili għal dik segwita fil-Proċedura Sempliċi domestika, jiġifieri bil-posta ordinarja. Dawk li jagħmlu talba jistgħu jagħmlu dan ukoll billi jissottomettu l-formola tat-talba lill-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) personalment waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju. Is-sit web tas-Servizz ta’ Qrati u Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service - SCTS) jipprovdi informazzjoni dwar fejn jinsabu l-Qrati tax-Xeriff (Sheriff Courts) kollha fl-Iskozja, kif ukoll il-ħinijiet tal-uffiċċju u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom: Qrati Skoċċiżi.
Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika
-Uffiċċju tal-Iskrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk's Office) jista’ jgħin fil-mili tal-Formola A għat-talbiet. Madankollu, l-assistenza pprovduta mill-Uffiċċju tal-Iskrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk's Office) ma tistax tinkludi konsulenza legali. Wieħed jista’ jitlob konsulenza legali u assistenza bla ħlas dwar il-preżentata ta’ Talba Żgħira Ewropea lil avukat (solicitor) jew lil xi waħda mill-organizzazzjonijiet li ġejjin:
- l-Assoċjazzjoni Skoċċiża taċ-Ċentri Legali (Scottish Association of Law Centres)
- l-Uffiċċju tal-Pariri liċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau)
- iċ-Ċentri ta’ Protezzjoni tal-Konsumatur (Consumer Protection Centres)
- id-Dipartimenti ta’ Protezzjoni tal-Konsumatur (Consumer Protection Departments)
- il-Konsulent fil-Qorti (On-Court Adviser) fil-Qrati tax-Xeriff (Sheriff Courts) ta’ Aberdeen, Airdrie, Dundee, Edinburgh, Hamilton u Kilmarnock
L-Għaqda tal-Liġi tal-Iskozja (Law Society of Scotland) tista’ wkoll tipprovdi dettalji ta’ kuntatt ta’ avukati lokali.
Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom
Jekk l-indirizz tad-difensur ikun fir-Renju Unit, id-dokumenti jridu jiġu nnotifikati bil-konsenja rreġistrata tal-ewwel klassi. Jekk l-indirizz tad-difensur ikun barra mir-Renju Unit, id-dokumenti jridu jiġu nnotifikati bil-posta rreġistrata.
Il-liġijiet proċedurali tal-Iskozja ma jipprovdux għal notifika elettronika. Madankollu, il-partijiet involuti fit-talba jistgħu jikkomunikaw b’mod elettroniku dwar materji relatati mat-talba fejn ma hemm ebda rekwiżit fir-Regolamenti jew fir-Regoli tal-Qorti biex dawn jintbagħtu jew jintlaqgħu b’mod formali. Kwalunkwe komunikazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tintbagħat permezz tal-indirizz elettroniku ġeneriku tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) rilevanti. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Iskrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk's Office) m’għandux permess li jipprovdi konsulenza legali.
L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi
L-ebda persuna fl-Iskozja ma hija obbligata li taċċetta n-notifika ta’ dokumenti b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas
It-tariffi attwali, pagabbli mill-1 ta’ April 2019 huma dawn:
- Għall-preżentata tal-formola għal Talbiet Żgħar Ewropej għal EUR 250 jew inqas - £19
- Għall-formoli l-oħrajn kollha għal Talbiet Żgħar Ewropej - £104
- Għall-immarkar ta’ appell (jiġifieri meta tinnotifika lill-qorti bl-intenzjoni li tappella) - £61
It-tariffi pagabbli mill-1 ta’ April 2020 se jkunu:
- Għall-preżentata tal-formola għal Talbiet Żgħar Ewropej għal EUR 250 jew inqas - £19
- Għall-formoli l-oħrajn kollha għal Talbiet Żgħar Ewropej - £106
- Għall-immarkar ta’ appell, jiġifieri meta tinnotifika lill-qorti bl-intenzjoni li tappella - £62
Applikant jista’ jkun intitolat għal eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti f’ċerti ċirkustanzi - ara l-link:
Il-metodi ta’ ħlas:
- Ċekkijiet - magħmula pagabbli lil “The Scottish Courts and Tribunals Service”
- Karta ta’ Debitu u ta’ Kreditu - jekk jogħġbok iċċekkja liema tipi ta’ karti jiġu aċċettati mal-qorti inkwistjoni
- Postal Order - titħallas lil “The Scottish Courts and Tribunals Service”
- Flus kontanti - jekk tkun qed tħallas bil-posta mhuwiex rakkomandat li tħallas bi flus kontanti
Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell
Bħal fil-każ ta’ Proċedura Sempliċi domestika, fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ikun possibbli li wieħed jappella minn deċiżjoni mogħtija minn Xeriff. L-appell jitressaq quddiem il-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court) u jista’ jitressaq biss fuq punt ta’ liġi. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court) tkun finali u mhijiex soġġetta għal stħarriġ ulterjuri.
L-appell jikkonsisti fi proċess f’żewġ stadji:
Stadju 1 - ir-Regola 16.2 tal-Att ta’ Sederunt tal-2016 (Proċedura Sempliċi) (Act of Sederunt (Simple Procedure) 2016) tispeċifika t-terminu għall-preżentata ta’ appell f’talba domestika għal Proċedura Sempliċi bħala erba’ ġimgħat mid-data meta tintbagħat id-deċiżjoni finali u dan il-perjodu japplika għall-Proċedura Ewropea għat-Talbiet Żgħar. Il-proċeduri applikabbli għal appell jistgħu jinstabu fil-Parti 16 tal-Att ta’ Sederunt tal-2016 (Proċedura Sempliċi) (Act of Sederunt (Simple Procedure) 2016).
Stadju 2 - ladarba l-appell ikun intbagħat lill-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court), japplikaw ir-Regoli li jkopru l-appelli fil-Qorti tal-Appell tax-Xeriff (Sheriff Appeal Court) u li jinstabu fil-Parti 16 tal-Att ta’ Sederunt tal-2016 (Proċedura Sempliċi) (Act of Sederunt (Simple Procedure) 2016) u fil-Partijiet 2, 4, 5, u 6 tal-Att ta’ Sederunt tal-2015 (ir-Regoli tal-Qorti tal-Appell tax-Xeriff) (Act of Sederunt (Sheriff Appeal Court Rules 2015).
Ir-Regoli tal-Qorti jistgħu jiġu aċċessati hawnhekk: Qrati Skoċċiżi
Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami
Ir-Regola 5(1) tal-Att ta’ Sederunt tal-2008 (ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tax-Xeriff għal Talbiet Żgħar Ewropej) (Act of Sederunt (Sheriff Court European Small Claims Procedure Rules) 2008) (“ir-Regoli”), kif emendata, tipprevedi li għandu jsir stħarriġ permezz tal-Formola 3 (li tinsab fl-Iskeda tar-Regoli). Ir-Regola 5 tiddikjara li x-xeriff jista’ jagħmel kull ordni li jidhirlu xierqa għall-progress ta’ kwalunkwe rikors bħal dan. Inkella, il-proċedura ssegwi l-Artikolu 18 tar-Regolament.
Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati
Il-lingwa uffiċjali aċċettabbli skont l-Artikolu 21(1)(a) hija l-Ingliż.
L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni
L-Uffiċjali tax-Xeriff (Sheriff Officers) u l-Uffiċjali Ġudizzjarji (Messengers at Arms) huma l-awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni fl-Iskozja. Dawn jingħataw struzzjonijiet mill-kredituri sabiex jeżegwixxu l-ordnijiet tal-qorti jew il-mandati kontra d-debituri maħruġa mill-qrati tax-xeriff (sheriff courts).
Jista’ jiġi ppreżentat rikors lill-qorti (peress li hija l-qorti kompetenti) biex din tissospendi (f’ċirkustanzi eċċezzjonali) jew tillimita l-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament. Rikors lil qorti fl-Iskozja għandu jsir permezz tal-Formola 5 skont ir-Regola 5 tal-Att ta’ Sederunt tal-2008 (ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tax-Xeriff għal Talbiet Żgħar Ewropej) (Act of Sederunt (Sheriff Court European Small Claims Procedure Rules) 2008) (“ir-Regoli”), kif emendata. Ix-xeriff (il-qorti) jista’ jagħmel kwalunkwe ordni li jqis xierqa għall-progress ta’ kwalunkwe rikors ta’ din ix-xorta skont ir-Regola 5(4) tar-Regoli tal-2008.
Hija r-responsabbiltà tal-parti rebbieħa li tara li l-ordni tal-qorti tiġi eżegwita. Il-qorti ma tistax tagħmel dan f’isimha. Il-parti rebbieħa tkun responsabbli wkoll għall-ispejjeż ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ eżekuzzjoni, għalkemm huwa possibbli li tkun tista’ tirkuprahom mill-parti l-oħra.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.