Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni

L-ordnijiet ta’ protezzjoni maħruġa f’pajjiż wieħed tal-UE jistgħu jibqgħu jiġu eżegwiti f’ieħor

Id-dritt li wieħed ikompli jibbenefika minn miżuri protettivi meta jġorr minn Stat Membru għal ieħor

Biex tkun protett bħala vittma (b'mod partikolari vittma ta' forom differenti ta' vjolenza domestika u segwiment ta' persuna bil-moħbi) minn vjolenza u fastidju, l-awtoritajiet nazzjonali spiss jistgħu joffrulek miżuri speċifiċi (trażżin, impediment jew ordni ta' protezzjoni oħra) li jgħinu biex jipprevjenu aggressjonijiet jew assalti ulterjuri mill-ħati. Jekk tingħata ordni ta' protezzjoni fi Stat Membru huwa probabbli li tkun tixtieq tkompli tibbenefika minn din il-protezzjoni meta ġġorr jew tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor. Għal din il-fini, l-UE daħħlet fis-seħħ mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri protettivi.

Il-miżuri protettivi nazzjonali jistgħu jkunu ta' natura tad-dritt ċivili, kriminali jew amministrattiv u d-dewmien, il-kamp ta' applikazzjoni u l-proċeduri ta' adozzjoni tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Minħabba bażijiet ġuridiċi separati fil-liġi tal-UE għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri tad-dritt ċivili u l-miżuri tad-dritt kriminali, kien hemm bżonn ta' żewġ strumenti separati biex tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni tat-tliet tipi l-aktar komuni ta' miżuri protettivi fl-UE. Ordnijiet protettivi koperti mid-Direttiva u r-Regolament jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn inti, bħala vittma jew vittma potenzjali ta' delitt, tibbenefika minn projbizzjoni jew regolazzjoni tad-dħul f'ċerti postijiet, tkun ikkuntattjat jew avviċinat minn persuna li tikkawżalek riskju.

  • Id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (EPO) tistabbilixxi mekkaniżmu bejn l-Istati Membri li jippermetti r-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura ta' dritt kriminali.
    Jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni f'materji kriminali maħruġa fi Stat Membru tista' titlob Ordni Ewropea ta' Protezzjoni.
    Wara proċedura aċċellerata u ssemplifikata, il-protezzjoni għandha tingħata permezz ta' miżura protettiva oħra adottata mill-Istat Membru li se tivvjaġġa jew iġġorr lejh.
    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali sal-11 ta' Jannar 2015.
  • Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti r-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura ta' dritt ċivili bejn Stati Membri.
    B'hekk jekk tibbenefika minn ordni ta' protezzjoni skont id-dritt ċivili fl-Istat Membru ta' residenza tiegħek int tkun tista' tapplikah direttament fi Stati Membri oħrajn billi tikseb ċertifikat u tippreżentah lill-awtoritajiet rilevanti li jiċċertifikaw id-drittijiet tiegħek.
    Ir-Regolament ilu japplika mill-11 ta’ Jannar 2015.

Żewġ proġetti kkofinanzjati mill-Programm Daphne tal-Unjoni Ewropea marbuta mal-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni reċentement ippubblikaw ir-riżultati tagħhom:

  1. Il-proġett "POEMS" u r-Rapport finali u r-Rakkomandazzjonijiet tiegħu huma disponibbli flimkien mal-Iskedi tal-pajjiżi. Il-proġett iffoka fuq l-immappjar tal-leġiżlazzjoni dwar l-ordni tal-protezzjoni fis-27 Stat Membru tal-UE, il-valutazzjoni tal-livell u l-impatt prattiku tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam u fuq il-funzjonament tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni u r-Regolament 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili.
  2. Il-proġett "Epogender" u l-Manwali tiegħu, huma disponibbli inkluża analiżi komparattiva tal-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-Istati Membri affettwati mid-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni rigward il-miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sess.

Dawn il-pubblikazzjonijiet ġew prodotti bl-appoġġ finanzjarju tal-Programm Daphne tal-Unjoni Ewropea. Il-kontenut ta' dawn il-pubblikazzjonijiet huwa r-responsabbiltà unika tal-awturi u ma jistgħu bl-ebda mod jittieħdu bħala li jirrifettu l-fehmiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-pubblikazzjonijiet jippreżentaw indikaturi utli li jgħinu għat-traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva u fihom tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li jista' jgħin lill-prattikanti.

L-aħħar aġġornament: 08/10/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.