Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Awstrija jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għas-smigħ ta’ minorenni, jiġifieri persuni taħt it-18-il sena, fi proċedimenti ċivili. Il-prinċipji jservu sabiex jissodisfaw il-ħtieġa partikolari għall-protezzjoni tal-minorenni meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ intervisti stressanti. Fil-każ ta’ minorenni, is-smigħ jista’ jiġi rrinunzjat, totalment jew parzjalment, fuq talba jew ex officio, jekk l-eżami fih innifsu jkun jipperikola l-benessri tal-minorenni, b’kunsiderazzjoni tal-maturità mentali, tas-suġġett tal-eżami u tar-relazzjoni mill-qrib tal-minorenni mal-partijiet fil-kawża u jekk ma jkun hemm l-ebda mod ieħor kif jiġu protetti. Fil-każ li smigħ ikun jipperikola l-benessri ta’ minorenni biss jekk isir fil-preżenza tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom, jista’ jsir smigħ separat, jiġifieri wieħed f’post differenti, u jekk ikun meħtieġ dan għandu jsir minn esperti kwalifikati kif suppost. Persuna li tkun fdata mill-minorenni tista’ takkumpanjahom fis-seduta jekk dan ikun fl-interessi tal-minorenni. Jekk is-suġġett tal-azzjoni ċivili jkollu konnessjoni materjali ma’ proċedimenti kriminali u vittma ta’ dawk il-proċedimenti kriminali li tkun minorenni taħt l-14-il sena tkun se tinstema’ fi proċedimenti ċivili, jeħtieġ li jinħatar awtomatikament espert kwalifikat kif xieraq sabiex imexxi l-intervista. Intervista f’seduta orali pubblika tista’ ssir, jekk meħtieġ, bl-esklużjoni tal-pubbliku.

Proċedimenti kriminali li jinvolvu minorenni fl-Awstrija

Reat ta’ minorenni huwa att imwettaq minn persuna bejn l-14 u t-18-il sena (l-Artikolu 1(1)(2) u (3) tal-Att dwar il-Qorti tal-Minorenni [Jugendgerichtsgesetz, JGG]).

Reati mwettqin minn minorenni taħt l-14-il sena huma esklużi minn kwalunkwe prosekuzzjoni. B’reazzjoni għal atti bħal dawn, il-qorti tat-tutela / il-qorti tal-familja tista’ tieħu biss miżuri sabiex tissalvagwardja u tippromwovi l-iżvilupp personali tal-minorenni (l-Artikolu 4(1) JGG).

Barra minn hekk, minorenni (persuni bejn l-14 u t-18-il sena) li jwettqu reat ma jkunux punibbli jekk:

1. għal raġunijiet partikolari, ma jkunux maturi biżżejjed sabiex jagħrfu l-illegalità tal-att jew sabiex jaġixxu kif xieraq, jew

2. iwettqu reat qabel ma jkunu għalqu s-16-il sena, jekk ma jkunux ħatja ta’ mġiba ħażina serja u ma jkun hemm l-ebda raġuni speċifika li teħtieġ l-applikazzjoni ta’ ġustizzja għall-minorenni sabiex jiġu skoraġġuti milli jwettqu reati.

Il-prinċipju ta’ gwida tal-ġustizzja għall-minorenni, li huwa minqux primarjament fil-JGG, huwa li d-delinkwent ma jitħalliex iwettaq aktar reati, u b’hekk jingħata l-għajnuna biex isir ċittadin responsabbli li jobdi l-liġi (l-Artikolu 5(1)). Ċerti dispożizzjonijiet proċedurali tal-JGG u ċerti limitazzjonijiet dwar is-severità tal-pieni japplikaw ukoll għal persuni ta’ bejn it-18 u l-21 sena li jitqiesu “adulti żgħażagħ” (l-Artikoli 1(5) u 19 JGG).

Bħala regola, fi proċedimenti kontra delinkwenti minorenni u, f’ħafna każijiet, kontra adulti żgħażagħ, il-perjodu massimu ta’ priġunerija u l-multa massima għal kull jum jitnaqqsu bin-nofs. Ma hemm l-ebda piena minima. Il-multi kkalkolati fuq il-bażi ta’ valur, ta’ benefiċċju jew ta’ dannu, inkluż il-kumpens għall-valur u għall-konfiska, jistgħu jiġu imposti biss sa fejn ma jipperikolawx l-iżvilupp ulterjuri tal-imputat (l-Artikolu 5(4), (5) u (6) JGG).

Id-delinkwenti minorenni u adulti żgħażagħ ma jistgħux jingħataw sentenza ta’ għomor il-ħabs. Reat punibbli b’għomor il-ħabs u reat punibbli b’10 snin sa 20 sena ħabs huma punibbli b’bejn sena u 15-il sena ħabs f’każijiet li fihom minorenni ta’ 16-il sena jew aktar ikun wettaq ir-reat, u bi priġunerija ta’ bejn sena u 10 snin (l-Artikolu 5(2) JGG). Reat punibbli bi priġunerija ta’ bejn 10 snin u 20 sena huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn 6 xhur u 10 snin (l-Artikolu 5(3) JGG).

Il-proċedimenti kriminali għall-minorenni fl-Awstrija, li jistgħu jiġu deskritti bħala “dekriminalizzazzjoni proċedurali”, jipprovdu għall-possibbiltà li ma ssirx prosekuzzjoni jew li tiġi rrinzunzjata. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jeħtieġlu jżomm lura milli jieħu azzjoni kriminali kontra delinkwent minorenni ta’ reat jekk ir-reat ikun punibbli biss b’multa jew bi priġunerija sa 5 snin u ma jkunx jidher li jkunu neċessarji miżuri oħrajn sabiex iżommu lid-delinkwent minorenni milli jwettaq reati ulterjuri. Madankollu, l-allegat awtur ta’ reat dejjem jeħtieġ li jkun soġġett għal azzjoni kriminali jekk l-att irriżulta fil-mewt ta’ bniedem (l-Artikolu 6(1) JGG). Taħt l-istess kundizzjonijiet, wara li jinbdew il-proċedimenti preliminari jew jinħareġ l-att tal-akkuża, il-qorti trid twaqqaf il-proċedimenti fir-rigward ta’ reat permezz ta’ digriet sakemm tintemm il-kawża prinċipali (l-Artikolu 6(3) JGG).

Jekk ikun jidher li huwa meħtieġ li l-allegat awtur ta’ reat jiġi infurmat dwar in-natura illegali ta’ ċerti atti bħall-att irrapportat u dwar il-konsegwenzi possibbli tiegħu, il-qorti tat-tutela trid tagħmel dan fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 6(2) JGG).

Barra minn hekk, bil-kundizzjoni ġenerali li r-reat imwettaq mid-delinkwent ma jitqiesx bħala serju, li r-reat ma rriżultax fil-mewt ta’ persuna u li piena ma tidhirx li hija meħtieġa sabiex l-imputat jiġi skoraġġut milli jwettaq aktar reati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku huwa meħtieġ joffri lill-persuna akkużata miżuri ta’ diverżjoni.

Hemm erba’ tipi ta’ miżuri ta’ diverżjoni: il-ħlas ta’ multa (l-Artikolu 200 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali [Strafprozessordnung, StPO], servizz komunitarju (l-Artikoli 201 u 202 StPO), perjodu ta’ probation bl-appoġġ ta’ uffiċjal tal-probation u b’ċerti kundizzjonijiet (l-Artikolu 203 StPO), u b’medjazzjoni bejn id-delinkwent u l-vittma (l-Artikolu 204 StPO). Taħt l-istess kundizzjonijiet, il-qorti tista’ tagħlaq il-proċedimenti kriminali u tordna miżuri ta’ diverżjoni.

Ir-rispons possibbli li jmiss huwa sentenza ta’ ħtija mingħajr piena (l-Artikolu 12 JGG) jew soġġetta għal piena (l-Artikolu 13 JGG). L-għoti ta’ direzzjoni, servizzi ta’ probation u digrieti tal-qorti jistgħu jifformaw parti mill-kundizzjonijiet.

Skont l-Artikolu 12 JGG, il-qorti għandha taqta’ l-kawża b’kundanna biss jekk tkun se tiġi imposta sentenza ħafifa fuq delinkwent minorenni u jista’ jiġi preżunt li l-kundanna tkun suffiċjenti minnha nnifisha sabiex tiskoraġġixxi lid-delinkwent milli jwettaq reati oħrajn.

Skont l-Artikolu 13 JGG, ma tista’ tiġi imposta l-ebda piena għal reat imwettaq minn minorenni matul perjodu ta’ probation ta’ bejn sena u 3 snin jekk wieħed jista’ jassumi li l-kundanna u t-theddida tal-piena, minnhom infushom jew flimkien ma’ miżuri oħrajn, ikunu kapaċi jiskoraġġixxu lill-awtur ta’ reat milli jwettaq reati ulterjuri.

Il-possibbiltà ta’ kundanna kondizzjonali jew mhux kondizzjonali hija l-aħħar waħda fil-katalogu ta’ miżuri ġudizzjarji għad-delinkwenza minn minorenni.

Jekk ikun jidher neċessarju li l-allegat awtur ta’ reat jiġi informat bin-natura illegali ta’ ċerti atti bħall-att irrapportat u bil-konsegwenzi possibbli tiegħu, il-qorti tat-tutela jeħtiġilha tagħmel dan fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 6(2) JGG).

Sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi, b’mod partikolari, tad-detenzjoni għal terminu qasir, arrest preventiv għandu jiġi impost biss jekk ikun neċessarju u ma tkun possibbli l-ebda miżura oħra. Arrest preventiv ma jistax jiġi impost fil-każ ta’ kontravvenzjonijiet.

Il-prosekuturi u l-imħallfin huma obbligati jivvalutaw b’mod regolari jekk arrest preventiv ikunx neċessarju. Għaldaqstant, u sabiex jiġu esplorati possibbiltajiet proċedurali oħrajn, jeħtieġ li jiġu organizzati konferenzi li jinvolvu n-network soċjali ta’ delinkwenti żgħażagħ (konferenza tan-network soċjali) sabiex ikun jista’ jiġi evitat arrest preventiv.

Barra minn hekk, valutazzjoni individwali (“studju ta’ sfond taż-żgħażagħ”) trid issir kważi f’kull każ, li għandha tqis, b’mod partikolari, il-personalità u l-maturità, l-isfond ekonomiku, soċjali u tal-familja – inkluż l-ambjent tal-għajxien – u l-vulnerabbiltà partikolari tad-delinkwent minorenni.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, il-liġi kriminali Awstrijaka dwar il-minorenni tiżgura li l-imħallfin u l-prosekuturi li jittrattaw proċedimenti kriminali kontra minorenni ikollhom kompetenzi partikolari f’dan il-qasam u jistgħu jaċċessaw taħriġ speċifiku.

Bħala konklużjoni, l-“istrumenti” tal-Att Awstrijak tal-Qrati tal-Minorenni jippermettu lill-prosekuturi u lill-imħallfin jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet possibbli fi proċedimenti kriminali kontra delinkwenti minorenni u jiżguraw il-livell massimu ta’ miżuri ta’ ġustizzja restorattiva.

It-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva dwar il-proċedimenti kriminali għall-minorenni (id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132, 11.5.2016, p. 1) żgurat ukoll li l-minorenni li jkunu rappreżentati b’mod attiv minn avukat fl-ewwel smigħ mill-pulizija (dan kien previst fi kwalunkwe każ fil-proċedimenti kriminali kollha għal reat mingħajr eċċezzjoni). Barra minn hekk, l-intervisti mill-pulizija u minn awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi iridu jkunu rrekordjati b’mod awdjoviżiv jekk dan ikun proporzjonat (b’mod partikolari jekk ma jkun hemm l-ebda konsulent legali preżenti), u d-drittijiet ta’ informazzjoni tal-minorenni suspettati ġew estiżi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-proċedimenti kriminali għall-minorenni. Id-dispożizzjonijiet li jifdal tad-Direttiva jipprevedu d-drittijiet li diġà jinstabu fil-JGG.

  • Id-drittijiet ta’ vittmi tfal fi proċedimenti kriminali:

Fil-proċedimenti kriminali tal-Awstrija, minbarra d-drittijiet ġenerali tal-vittmi (l-Artikolu 66 et seq. StPO), hemm medda wiesgħa ta’ drittijiet u ta’ miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-vittmi tfal, bħal:

  • Il-ħatra ta’ kuratur għal vittmi tfal fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 66a(3) StPO;
  • Informazzjoni dwar ħarbiet u qbid mill-ġdid u l-ewwel rilaxx mingħajr għassa mill-istituzzjoni jew dwar rilaxx imminenti jew attwali tal-ħabsi, inklużi l-istruzzjonijiet mogħtijin lilu sabiex tiġi protetta l-vittma (l-Artikolu 106(4) u l-Artikolu 149(5) tal-Att tal-Awstrija dwar il-Ħabsijiet [Strafvollzugsgesetz]);
  • Valutazzjoni psikosoċjali u ġudizzjarja fil-proċedimenti kriminali skont l-Artikolu 66b StPO (ara aktar ’il quddiem);
  • Il-possibbiltà ta’ smigħ kontradittorju separat u effettiv fl-investigazzjoni u fil-kawża prinċipali sabiex jiġi evitat kuntatt dirett bejn ix-xhieda u l-akkużat (l-Artikoli 165 u 250 StPO);
  • Jekk tkun saret seduta kontradittorja, ix-xhieda jinħelsu mill-obbligu li jkomplu jixhdu u l-verbal tas-seduta kontradittorja jista’ jinqara fil-kawża prinċipali (l-Artikolu 252(1)(2a) StPO);
  • Il-protezzjoni tal-identità tax-xhud (l-Artikoli 10(3), 161(1) u 162 StPO);
  • Il-protezzjoni tal-privatezza tal-vittma (l-Artikolu 228(4) StPO; L-Artikolu 7a(1)(1) tal-Att dwar il-Media [Mediengesetz]);
  • Il-possibbiltà li xhud jinstema’ mid-dar jew f’xi post ieħor (eż. fil-każ ta’ mard, ta’ dgħjufija, ta’ ċirkustanzi ġustifikati – l-Artikoli 160(1) u 247a StPO);
  • Il-vittmi taħt it-18-il sena dejjem jitqiesu li jkunu partikolarment vulnerabbli u fil-proċedimenti kriminali, minbarra d-drittijiet ġenerali tal-vittmi, ikollhom id-drittijiet speċjali, kif elenkati fl-Artikolu 66a(2) StPO:
    • li jinstemgħu minn persuna tal-istess sess (l-Artikolu 66a(2)(1));
    • li jiġu pprovduti b’servizzi ta’ interpretazzjoni (l-Artikolu 66(3)), dment, meta possibbli, minn persuna tal-istess sess matul l-intervisti mal-vittma matul il-fażi ta’ qabel il-proċess u matul il-proċess (il-punt 1a);
    • li jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet dwar id-dettalji tar-reat jekk iqisu li d-deskrizzjoni ta’ dawn id-dettalji ma tkunx raġonevoli, jew li jwieġbu mistoqsijiet dwar ċirkustanzi ta’ natura personali ħafna (il-punt 2);
    • li jeħtieġu li jinstemgħu b’mod sensittiv (l-Artikoli 165 u 250(3) StPO) matul l-investigazzjoni u l-proċess, u fi kwalunkwe każ bil-mod deskritt fl-Artikolu 165(3) StPO, meta jkun meħtieġ minn espert (il-punt 3) – b’mod partikolari bħala vittma minorenni li l-integrità sesswali tagħha setgħet ma ġietx irrispettata mir-reat li bih ġie mixli l-akkużat;
    • li jeħtieġu li l-pubbliku jiġu eskluż mill-proċess (l-Artikolu 229(1) StPO) (il-punt 4);
    • li jiġu informati minnufih ex officio, skont it-tifsira tal-Artikoli 172(4), 177(5) u 181a StPO (il-punt 5), u
    • li jkollhom persuna li jafdaw preżenti matul l-intervista (l-Artikolu 160(2) StPO) (il-punt 6).
  • Skont l-Artikolu 70(1) StPO, b’mod partikolari l-vittmi vulnerabbli għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 66a StPO sa mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista tagħhom.
  • Informazzjoni dwar id-drittijiet legali tal-vittmi għandha tiġi pprovduta wkoll b’lingwa u b’mod li jifhmu, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet personali speċifiċi tagħhom.
  • Skont l-Artikolu 160(3) StPO, il-vittmi li għadhom ma għalqux l-14-il sena jistgħu jinstemgħu biss fil-preżenza ta’ persuna fdata. Din tista’ tkun rappreżentant legali, assistent ġudizzjarju jew persuna fdata oħra. Il-vittmi kollha l-oħrajn, b’mod partikolari dawk li għalqu l-14-il sena iżda li għadhom ma għalqux it-18-il sena, ukoll huma intitolati li jinstemgħu fil-preżenza ta’ persuna fdata tal-għażla tagħhom. Dan id-dritt irid ikun indikat fit-taħrika għal smigħ tax-xhieda.
    • Mill-1997, ġew stabbiliti kmamar tal-intervisti magħmulin apposta għat-tfal fil-qrati kollha fejn isiru l-proċedimenti kriminali.

Waħda mill-għodod importanti fil-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi hija l-assistenza psikosoċjali u ġudizzjarja fi proċedimenti kriminali. Din tingħata mingħajr ħlas lil ċerti kategoriji ta’ persuni fuq talba tagħhom.

L-assistenza psikosoċjali u ġudizzjarja hija disponibbli:

  • għall-persuni li setgħu ġew esposti għal vjolenza jew għal theddida perikoluża minħabba att kriminali intenzjonat, li l-integrità sesswali u l-awtodeterminazzjoni tagħhom setgħu ma ġewx irrispettati jew li d-dipendenza personali tagħhom setgħet ġiet sfruttata fit-twettiq ta’ tali reat;
  • jekk il-mewt ta’ persuna setgħet kienet ikkawżata minn reat kriminali u int tiġi mill-qrib minn dik il-persuna, jew jekk int qarib ta’ dik il-persuna u kont xhud tal-att;
  • għall-vittmi ta’ reati terroristiċi;
  • għall-vittmi ta’ reat tipiku ta’ “mibegħda online”. Dawn jinkludi persekuzzjoni persistenti, fastidju kontinwu permezz tat-telekomunikazzjoni jew tal-kompjuter (cybermobbing) u istigazzjoni. Inklużi wkoll huma reati bħall-malafama, l-akkuża ta’ att kriminali punibbli b’mod ġudizzjarju li diġà ġiet miċħuda, insulti u inġurja, jekk ikun hemm indikazzjonijiet li r-reat twettaq permezz tat-telekomunikazzjoni jew bl-użu ta’ sistema tal-kompjuter;
  • għall-minorenni li kienu xhieda ta’ vjolenza fiċ-ċirku soċjali tagħhom (vjolenza fil-familja, vjolenza kontra t-tfal).

L-appoġġ għall-vittmi huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-vittmi u jrid jiġi żgurat mill-istituzzjoni ta’ appoġġ għall-vittmi.

L-assistenza psikosoċjali tinkludi t-tħejjija tal-vittma għall-proċedimenti kriminali u għall-piż emottiv assoċjat, kif ukoll l-akkumpanjament tagħha f’intervisti bħala xhud, l-għoti ta’ assistenza ġudizzjarja u ta’ pariri legali, u r-rappreżentanza legali tal-vittma fi proċedimenti kriminali minn avukat (l-Artikolu 66b StPO). Persuni li l-integrità sesswali tagħhom setgħet ma ġietx irrispettata u li għadhom ma għalqux l-14-il sena jingħataw appoġġ psikosoċjali awtomatikament.

Il-Ministru Federali għall-Ġustizzja huwa awtorizzat iqabbad istituzzjonijiet xierqa u ferm stabbiliti sabiex jipprovdu appoġġ lill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1, wara li jivverifika r-rekwiżiti legali (l-Artikolu 66b(3), l-ewwel nofs sentenza, StPO). Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja qabbad għadd kbir ta’ istituzzjonijiet xierqa ferm stabbiliti sabiex jipprovdu assistenza psikosoċjali u/jew ġudizzjarja, li ħafna minnhom, bħal ċentri għall-protezzjoni tat-tfal, ċentri għall-prevenzjoni tal-vjolenza u ċentri ta’ intervent, jispeċjalizzaw fil-ħidma mat-tfal.

L-aħħar aġġornament: 21/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.