Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

1. Il-kapaċità ġuridika tal-minuri

F’Ċipru, l-età minima ta’ responsabbiltà kriminali hija ta’ 14-il sena. Għall-kwistjonijiet kollha, l-età minima biex attur jiftaħ kawża quddiem il-qorti f’ismu stess hija ta’ 18-il sena.

2. Aċċess għal proċedimenti adattati

2.1. Il-ġustizzja kriminali

B’mod ġenerali, persuna minuri ma għandha l-ebda kapaċità ġuridika li tressaq persuna oħra l-qorti u, b’hekk, tista’ biss tagħmel rikors permezz tal-ġenituri/kustodju tagħha.

Fil-każ tal-Qrati, il-kawżi kriminali fejn il-vittma tkun persuna minuri fil-preżent qegħdin jiġu ttrattati mill-qrati kriminali ordinarji. Madankollu, jeżistu Liġijiet speċifiċi b’dispożizzjonijiet speċjalizzati sensittivi għat-tfal għall-protezzjoni ta’ vittmi/xhieda minuri.

2.2. Il-ġustizzja ċivili

Ma teżisti l-ebda istituzzjoni speċjalizzata li tittratta l-persuni minuri fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili.

2.3. Il-ġustizzja amministrattiva

Is-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali tal-Ministeru tax-Xogħol, il-Protezzjoni Soċjali u l-Assigurazzjoni Soċjali jipprovdu servizzi għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-minuri matul il-proċess ġudizzjarju. Is-servizzi kollha pprovduti u l-politiki implimentati mis-Servizzi tal-Protezzjoni Soċjali għandhom bħala kunsiderazzjoni primarja l-aħjar interessi tal-minuri.

2.4. Il-miżuri legali u ta’ politika fis-seħħ sabiex jiġi evitat dewmien żejjed fl-immaniġġjar ta’ kawżi li jinvolvu persuni minuri

Ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien li jikkonċerna meta jridu jinbdew jew jiġu tterminati l-proċedimenti ġudizzjarji ċivili, irrispettivament minn jekk tkunx involuta persuna minuri jew persuna adulta.

F’kawżi ċivili ordinarji, il-Qrati jipprovaw jipprijoritizzaw il-kawżi li jinvolvu persuni minuri sa fejn ikun possibbli, filwaqt li jitqies l-ammont kbir ħafna ta’ kawżi. Kwalunkwe ordni interim mitluba tiġi ttrattata mingħajr dewmien żejjed.

2.5 Mekkaniżmi speċifiċi ta’ manteniment għat-tfal

Fil-każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji ċivili, ma hemm l-ebda arranġament fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-bini tal-qorti jkun addattat għall-minuri u ma jiġi offrut l-ebda appoġġ psikoloġiku jew appoġġ ieħor, sakemm ma tinstabx ħtieġa partikolari għal tali appoġġ.

Ma hemm l-ebda regolament li jesiġi li s-sessjonijiet tal-qorti jiġu adattati għall-pass u t-tul tal-attenzjoni tat-tfal. Jekk ikun hemm xi immaġini jew materjal ieħor li jridu jiġu ppreżentati fil-qorti li jistgħu jitqiesu bħala ta’ ħsara għall-persuna minuri, l-imħallef jista’ jordna li l-persuna minuri tinħareġ mill-awla. L-unika miżura protettiva għall-proċedimenti ċivili hija t-twettiq tal-proċess bil-magħluq.

3. Aspetti multidixxiplinarji

F’kawżi ta’ vjolenza fil-familja, is-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali jikkooperaw mas-servizzi rilevanti l-oħrajn kollha abbażi ta’ manwal ta’ rikavati interdipartimentali, kif approvat mill-Kunsill tal-Ministri fl-2002. F’kawżi ta’ abbuż sesswali fil-konfront ta’ minuri, is-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali jikkooperaw mas-servizzi rilevanti l-oħrajn li jistabbilixxu approċċ multidixxiplinarju.

4. Taħriġ tal-professjonisti

L-Akkademja tal-Pulizija ta’ Ċipru, li hija l-istituzzjoni edukattiva tal-Pulizija ta’ Ċipru, tipprovdi lekċers dwar l-immaniġġjar ta’ kawżi relatati mal-minorenni, fil-livelli kollha tat-taħriġ tal-Pulizija. Dawn il-lekċers, li għandhom l-għan li jedukaw lill-uffiċjali tal-pulizija ta’ kull grad, jiġu offruti fil-Programm ta’ taħriġ bażiku għar-reklutaġġ ta’ Uffiċjali tal-Pulizija, f’korsijiet avvanzati kif ukoll f’korsijiet speċjalizzati.

L-Uffiċjali tas-Servizzi Soċjali jirċievu taħriġ inizjali kif ukoll taħriġ kontinwu dwar kwistjonijiet relatati mal-minuri, jiġifieri intervista ma’ persuna minuri, l-immaniġġjar ta’ kawżi li jinvolvu minuri, eċċ.

Fir-rigward tal-imħallfin fil-qrati ċivili u kriminali ordinarji, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ taħriġ li jappartjeni għat-trattament tal-minuri matul il-proċedimenti fil-qrati. L-imħallfin ġeneralment jattendu seminars ta’ taħriġ u konferenzi f’Ċipru u barra mill-pajjiż kif u meta jiġu organizzati.

5. L-aħjar interessi tal-minuri

F’kawżi fejn il-qorti jkollha bżonn tieħu deċiżjoni dwar l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti tista’ tqis rapport imħejji mis-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali, li jkun fih mhux biss l-osservazzjonijiet magħmula mill-Uffiċjal għas-Servizzi Soċjali, iżda wkoll il-fehmiet tal-minuri.

6. Il-monitoraġġ tad-deċiżjonijiet fi proċedimenti li jinvolvu persuni minuri

Il-Liġi dwar it-Trażgressuri Minorenni mistennija tiġi riveduta b’mod komprensiv bl-għan li jiġu żgurati b’mod aktar speċifiku l-proċeduri favur it-tfal u ż-żgħażagħ. Dan se jtejjeb u jsaħħaħ il-proċedimenti li jinvolvu persuni minuri, għall-aħjar interessi tal-minuri.

7. Aċċess għar-rimedji

Persuna minuri tista’ tikseb aċċess għal kwalunkwe kawża, appell legali jew stħarriġ ġudizzjarju skont il-proċeduri normali, permezz tal-ġenituri, il-kustodju legali jew ir-rappreżentant legali tagħha.

Fir-rigward tat-talbiet għal danni/kumpens matul jew wara proċedimenti kriminali li fihom il-persuna minuri kienet vittma, jekk issir talba ċivili ordinarja għal danni/kumpens, din trid issir f’isem il-persuna minuri mill-ġenitur jew il-kustodju legali tagħha. Fir-rigward tal-ordnijiet għal kumpens tal-vittmi fi ħdan il-proċedimenti kriminali attwali, il-qrati kriminali ordinarji għandhom setgħat limitati.

F’każ ta’ kunflitti ta’ interess bejn il-persuna minuri u l-ġenituri/kustodji tagħha, is-Servizz ta’ Protezzjoni Soċjali jista’ jieħu l-persuna minuri taħt il-kustodja tad-Direttur tas-Servizzi ta’ Protezzjoni Soċjali, li huwa l-kustodju tal-minuri u li jitqies bħala meħtieġ biex jiġi assenjat rappreżentant legali għall-minuri.

8. Il-ħajja tal-familja

Fir-Repubblika ta’ Ċipru jeżistu tipi differenti ta’ adozzjoni:

  • Adozzjonijiet nazzjonali
  • Adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor
  • L-adozzjoni ta’ wild minuri ta’ konjuġi minn żwieġ preċedenti.

Fil-każijiet kollha ta’ adozzjoni, l-aħjar interessi tal-minuri jitqiesu bħala l-akbar kunsiderazzjoni, abbażi tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Ġustizzja favur il-persuni minuri f’Ċipru  PDF (572 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.