1. Il-kapaċità ġuridika tal-minuri
Fil-Finlandja, l-età minima tar-responsabbiltà kriminali hija ta’ 15-il sena.
Fi kwistjonijiet oħrajn, l-età minima biex tiftaħ kawża quddiem il-qorti tvarja bejn 12-il sena (kwistjonijiet ta’ saħħa, tqegħid f’kustodja), 15-il sena (impjiegi, ażil, kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, kwistjonijiet ta’ edukazzjoni, sanzjonijiet amministrattivi) u 18-il sena (kwistjonijiet ta’ familja).
2. Aċċess għal proċedimenti adattati
Sa fejn ikun possibbli, l-investigazzjonijiet immirati lejn il-minuri jiġu assenjati lill-uffiċjali tal-pulizija b’taħriġ jew b’esperjenza f’dan il-kompitu. Dipartimenti tal-pulizija akbar għandhom unitajiet jew uffiċjali tal-pulizija speċjalizzati fl-investigazzjoni ta’ reati kontra minuri. Bħala regola, fid-dipartimenti kollha tal-pulizija, l-investigazzjoni tar-reati kontra minuri tiġi mgħoddija lill-investigaturi li għandhom ħila professjonali u kompetenza partikolari fl-investigazzjoni ta’ dan it-tip ta’ reati.
Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni għandu sistema ta’ prosekuturi speċjali maħsuba biex tkun garantita kompetenza f’qasam ta’ speċjalizzazzjoni u biex jinżammu u jiġu żviluppati l-ħiliet professjonali tal-prosekuturi. Hemm grupp ta’ prosekuturi speċjali li huma speċjalizzati fil-vjolenza kontra t-tfal u n-nisa. Huma jħarrġu prosekuturi oħrajn fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.
Sa fejn ikun possibbli, l-investigazzjonijiet immirati lejn il-minuri jiġu assenjati lil uffiċjali b’taħriġ jew b’esperjenza f’dan il-kompitu.
L-Ombudsman għat-Tfal jippromwovi l-interess tat-tfal u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fuq livell ġenerali, iżda ma jittrattax każijiet individwali.
3. Mekkaniżmi u proċeduri speċifiċi ta’ manteniment għat-tfal
Sa mill-bidu tal-2016, reġistrazzjoni bil-vidjo ta’ vittma ta’ bejn il-15 u s-17-il sena saret tista’ tintuża wkoll bħala evidenza fil-qorti f’każijiet fejn il-vittma tkun teħtieġ protezzjoni speċjali.
Skont l-Att dwar l-Investigazzjonijiet Kriminali, l-awtorità tal-investigazzjoni kriminali għandha, meta jkun meħtieġ, tikkonsulta ma’ tabib jew ma’ espert ieħor dwar jekk il-miżuri tal-investigazzjoni jistgħux ikunu diretti lejn persuna taħt l-età ta’ 18-il sena.
Bħala regola, l-intervisti ma’ vittmi u xhieda minuri jitmexxew minn uffiċjali tal-pulizija b’taħriġ jew esperjenza f’dan il-kompitu. L-intervista tista’ titmexxa wkoll minn professjonista fil-qasam tal-kura tas-saħħa.
B’konnessjoni mal-Isptarijiet Universitarji ta’ bliet ewlenin, hemm ċentri ta’ għarfien espert iddedikati li jispeċjalizzaw fis-smigħ ta’ vittmi minuri ta’ reat. Il-pulizija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawn iċ-ċentri.
4. Taħriġ tal-professjonisti
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jorganizza regolarment taħriġ avvanzat għall-imħallfin, għall-persunal tal-qorti u għall-uffiċjali tal-għajnuna legali dwar il-psikoloġija tat-tfal, il-psikoloġija legali, id-drittijiet tal-vittmi, id-drittijiet tal-bniedem u l-ħtiġijiet speċjali tal-vittmi li jkunu ġew abbużati sesswalment. Il-prosekuturi jistgħu jieħdu sehem fit-taħriġ ukoll.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jorganizza taħriġ għall-prosekuturi li jittrattaw każijiet ta’ abbuż sesswali u fiżiku tat-tfal. Is-suġġetti jinkludu l-iżvilupp tat-tfal, il-psikoloġija tat-tfal u kif għandha ssir interrogazzjoni ta’ tfal.
It-taħriġ tal-uffiċjali tal-pulizija jinkludi taħriġ dwar il-psikoloġija tat-tfal, il-ħiliet fil-komunikazzjoni u kif għandha ssir interrogazzjoni ta’ tfal. Kwalifika speċjali bħala espert tingħata lil dawk il-professjonisti li jkunu għamlu taħriġ speċjali mwettaq mill-Bord Nazzjonali tal-Pulizija.
5. Aċċess għar-rimedji
Jista’ jitressaq ilment lill-Prosekutur Ġenerali dwar id-deċiżjoni tal-prosekutur li ma jiħux passi legali, u l-Prosekutur Ġenerali jkollu d-dritt li jagħti bidu għal kunsiderazzjoni ġdida tal-akkużi.
6. Il-ħajja tal-familja
L-ewwel stadju fil-proċess tal-adozzjoni huwa l-konsulenza b’rabta mal-adozzjoni pprovduta mill-organi muniċipali tal-protezzjoni soċjali u minn Save the Children Finland. Il-konsulenza b’rabta mal-adozzjoni hija mingħajr ħlas għall-klijenti. Għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess għall-adozzjoni u talba għall-għoti ta’ adozzjoni, il-fornitur tal-konsulenza b’rabta mal-adozzjoni għandu jipprovdi rapport bil-miktub dwar l-għoti ta’ konsulenza b’rabta mal-adozzjoni. Ir-rapport għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar dawk ikkonċernati u ċ-ċirkostanzi tagħhom.
Abbażi tar-rapport, il-Bord tal-Adozzjoni jieħu d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ permess għall-adozzjoni. L-adozzjoni ta’ minuri teħtieġ permess mogħti mill-Bord tal-Adozzjoni f’adozzjonijiet domestiċi kif ukoll f’adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor. Il-permess huwa validu għal sentejn. L-applikanti jistgħu japplikaw għall-estensjoni tal-validità tal-permess.
Hemm tip wieħed biss ta’ adozzjoni. Ladarba tingħata adozzjoni, il-persuna adottata għandha titqies bħala l-wild tal-ġenituri adottivi u mhux tal-ġenituri preċedenti.
Il-permess għall-adozzjoni ma jkunx meħtieġ jekk il-persuna adottata tkun il-wild tal-konjuġi ta' ġenitur adottiv prospettiv jew wild li diġà kien imħares u mrobbi mill-ġenitur adottiv prospettiv b’mod stabbilit.
Bħala regola, dawk li jadottaw minn barra l-pajjiż, minbarra li jingħataw konsulenza b’rabta mal-adozzjoni, iridu dejjem japplikaw għas-servizzi tal-adozzjoni bejn pajjiż u ieħor. Dawn is-servizzi jiġu pprovduti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali tal-Belt ta’ Ħelsinki, minn Save the Children Finland u Interpedia.
Fi tmiem il-proċess, l-adozzjoni għandha tingħata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.