Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

1. Il-kapaċità ġuridika tal-minuri

Fil-Greċja, l-età minima tar-responsabbiltà kriminali hija ta’ 15-il sena. Persuna minuri fl-età ta’ bejn it-12 u l-15-il sena u li tkun ikkommettiet reat għandha d-dritt li tressaq ilment kontra deċiżjoni amministrattiva; ladarba din il-persuna tagħlaq is-17-il sena, dan id-dritt jitgawda esklussivament mill-persuna minuri.

L-età minima biex attur jista’ jiftaħ kawża l-qorti f’ismu stess hija ta’ 15-il sena għall-impjiegi, 18-il sena għall-ażil, il-migrazzjoni, is-sanzjonijiet amministrattivi u s-saħħa, 12-il sena fil-każijiet ta’ terminazzjoni tal-adozzjoni, 16-il sena fi proċedimenti mhux kontenzjużi u 18-il sena fil-każijiet l-oħrajn kollha, sakemm il-persuna minuri ma tkunx rikonoxxuta bħala li għandha kapaċità proċedurali limitata.

2. Aċċess għal proċedimenti adattati

Fil-Greċja jeżisti Mħallef Kriminali tal-Minuri, Imħallef Investigattiv tal-Minuri u Prosekutur Pubbliku għall-Minuri f’kull Qorti tal-Prim’Istanza u kull Qorti tal-Appell, li jispeċjalizzaw f’kawżi kriminali li jinvolvu persuni minuri. Il-Qorti tal-Minorenni, komposta minn Imħallfin Kriminali tal-Minuri, tisma’ kawżi ta’ trażgressuri minuri.

Barra minn hekk, il-minuri huma protetti minn “Soċjetajiet għall-Ħarsien tal-Minuri”, li huma stabbiliti f’kull Qorti tal-Prim’Istanza u li l-impjegati tagħhom huma Mħallfin, Prosekuturi, Soċjologi, Għalliema, eċċ.

F’kull Qorti tal-Prim’Istanza u f’xi Qrati tal-Appell hemm Awli speċjalizzati ta’ Mħallfin tal-liġi tal-familja. Dawn l-Imħallfin jispeċjalizzaw fil-liġi tal-familja fis-sens li, meta jservu bħala Mħallfin tad-Dritt Ċivili, huma jisimgħu biss kawżi li jikkonċernaw il-liġi tal-familja. Dawn id-dmirijiet jiġu assenjati għal perjodu ta’ bejn sentejn u 4 snin.

Fil-ġustizzja amministrattiva, ma hemm l-ebda dispożizzjoni jew istituzzjoni speċjali għal-liġi tal-familja u l-minuri.

3. Aspetti multidixxiplinarji

Is-servizz soċjali u l-qrati tal-familja huma f’kooperazzjoni mill-qrib bejniethom fi kwalunkwe stadju. Jitħejjew rapporti għall-Imħallfin u jsiru sessjonijiet ma’ psikologi, sabiex kawża tasal għand l-Imħallef fi stadju matur. Jekk ikun meħtieġ, l-Imħallef dejjem jista’ jitlob li l-persuna minuri u/jew il-ġenituri tagħha jkunu soġġetti għal eżami speċjali minn professjonist sabiex il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-ambjent tal-familja jiġu eżaminati bir-reqqa.

4. Taħriġ tal-professjonisti

It-taħriġ bażiku dwar il-kwalifika ġudizzjarja ma jinkludix il-liġi tal-familja separatament minn oqsma oħrajn tal-liġi. Madankollu, il-liġi tal-familja tifforma parti minn taħriġ kontinwu organizzat minn korpi bħall-Iskola Nazzjonali tal-Imħallfin, il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati, Akkademiċi, eċċ. L-Imħallfin u l-Prosekuturi Pubbliċi li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam huma mħeġġa jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

It-taħriġ transkonfinali jiġi żgurat permezz tal-mezzi regolari, jiġifieri l-EJTN, l-ERA jew korpi jew istituzzjonijiet oħrajn li jittrattaw it-taħriġ ġudizzjarju f’livell Ewropew.

5. L-aħjar interessi tal-minuri

Il-miżuri kollha li għandhom jittieħdu u l-azzjonijiet kollha adottati minn korpi jew entitajiet tal-Istat, kif ukoll mill-qrati, għandhom ikunu konformi mal-prinċipju li dawn jaqdu l-aħjar interessi tal-minuri. Fil-qorti, huwa f’idejn l-Imħallef li jattwalizza dan il-kunċett fuq bażi ta’ każ b’każ.

6. Aċċess għar-rimedji

Bħal fil-każ tal-adulti, il-persuni minuri jingħataw id-drittijiet kollha u jiġu infurmati bil-proċeduri kollha li jistgħu jiġu implimentati meta jkunu involuti f’kawża kriminali jew ċivili. Speċjalment fil-proċedimenti kriminali, il-Prosekutur Pubbliku jista’ “jiffriża” proċedura kriminali wara li jisma’ lill-persuna minuri, jekk dan ikun jista’ jevita li tiġi kkawżata ħsara irreparabbli lill-personalità tagħha.

7. Il-ħajja tal-familja

Skont il-liġi Griega, il-persuni interessati li jadottaw tifel jew tifla partikolari għandhom iressqu talba fil-Qorti tal-Prim’Istanza tar-residenza tat-tifel/tifla biex l-adozzjoni tiġi ddikjarata legalment. Il-ġenituri bijoloġiċi jridu jagħtu l-kunsens tagħhom għall-adozzjoni tal-wild tagħhom mill-ġenituri adottivi prospettivi quddiem Imħallef fl-awla tiegħu. Tfal li jkunu se jiġu adottati u li jkunu laħqu l-età ta’ tnax-il sena jridu jagħtu l-kunsens tiegħhom ukoll. Waqt is-seduta tal-qorti irid jixhed xhud li l-applikanti huma f’kapaċità li jieħdu ħsieb u jrabbu il-minuri partikolari, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-edukazzjoni tagħhom u r-riżorsi finanzjarji tagħhom. L-istess japplika għall-adozzjonijiet internazzjonali. Din il-proċedura hija stabbilita fl-Artikolu 1542 et seq tal-Kodiċi Ċivili Grieg u fl-Artikolu 800 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Grieg.

Teżisti l-adozzjoni ta’ minuri u l-adozzjoni ta’ adulti. L-adozzjoni ta’ adulti hija eċċezzjonali u tikkonċerna biss lill-qraba sar-raba’ grad (jiġifieri kuġini) (l-Artikolu 1579 tal-Kodiċi Ċivili Grieg). Barra minn hekk, adulti miżżewġin jistgħu jiġu adottati biss bil-kunsens tal-konjuġi tagħhom (l-Artikolu 1583 tal-Kodiċi Ċivili Grieg).

Il-Qorti tal-Prim’Istanza Multimembri tal-post ta’ residenza tal-persuna minuri hija kompetenti għall-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali u internazzjonali tal-adozzjoni (l-Artikolu 800 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). B’mod speċjali għall-adozzjoni internazzjonali, teżisti wkoll l-Awtorità Ċentrali tal-Adozzjonijiet Bejn Pajjiż u Ieħor, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Ministeru Grieg tax-Xogħol (l-Artikolu 19 tal-Liġi 3868/2010).

Ġustizzja favur il-persuni minuri fil-Greċja  PDF (326 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 14/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.