Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Il-Kodiċi Ċivili tal-Lussemburgu (Code Civil) jipprevedi li fin-nuqqas ta’ kuntratt taż-żwieġ (contrat de mariage), il-konjuġi huma soġġetti għar-reġim statutorju tal-proprjetà matrimonjali (régime matrimonial) (ara l-Artikolu 1400 et seq. tal-Kodiċi Ċivili). F’dan il-każ, ir-reġim applikabbli huwa dik tal-komunjoni tal-beni miksuba wara (communauté des biens réduite aux acquêts), ġeneralment imsejħa l-komunjoni statutorja tal-beni tal-miżżewġin (communauté légale). Dawn ir-regoli jiddistingwu bejn proprjetà konġunta (biens communs) u l-proprjetà separata ta’ kull konjuġi (biens propres).

Kwalunkwe proprjetà li kienet tal-konjuġi qabel iż-żwieġ tibqa’ proprjetà separata. Fil-prinċipju, il-proprjetà miksuba matul iż-żwieġ tifforma parti mill-proprjetà konġunta tal-konjuġi (salarji u introjtu, benefiċċji u introjtu minn proprjetà separata, assi akkwistati bi ħlas).

Proprjetà li fir-rigward tagħha l-konjuġi ma jistgħux jagħtu prova tas-sjieda hija preżunta li hija proprjetà konġunta.

Hemm diversi eċċezzjonijiet għal din il-preżunzjoni, inklużi assi ta’ natura personali u drittijiet strettament personali, li jitqiesu li huma proprjetà separata. Pereżempju, il-ħwejjeġ, ir-rikordji tal-familja, id-dritt tal-awtur jew id-drittijiet tal-proprjetà industrijali u t-talbiet għal kumpens jitqiesu bħala proprjetà separata (l-Artikolu 1404 tal-Kodiċi Ċivili). L-assi miksuba matul il-komunjoni tal-beni permezz ta’ wirt, rigal jew legat jitqiesu wkoll bħala proprjetà separata (l-Artikolu 1405 tal-Kodiċi Ċivili).

https://legilux.public.lu/eli/etat/leg/code/civil/20220701

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

L-Artikolu 1387 tal-Kodiċi Ċivili dwar il-prinċipju tal-libertà tal-ftehimiet taż-żwieġ jipprovdi li “l-liġi tirregola biss ir-relazzjoni taż-żwieġ fir-rigward tal-proprjetà fin-nuqqas ta’ ftehimiet speċifiċi li l-konjuġi jistgħu jidħlu għalihom skont kif iqisu xieraq, sakemm dawn ma jiksrux il-moralità pubblika jew id-dispożizzjonijiet li ġejjin”.

Il-konjuġi jistgħu jiddevjaw mir-reġim statutorju tal-proprjetà matrimonjali billi jagħmlu kuntratt taż-żwieġ. Dan il-kuntratt jiġi stabbilit jew b’mod liberu jew billi tintgħażel waħda mill-formoli prestabbiliti fil-Kodiċi Ċivili.

Billi jagħmlu kuntratt taż-żwieġ, il-konjuġi jistgħu jistabbilixxu komunjoni tal-beni sħiħa (communauté universelle). Skont din is-sistema, il-konjuġi ma għandhom l-ebda proprjetà separata għajr l-assi li jappartjenu għal wieħed mill-konjuġi min-natura tagħhom stess (ilbies personali, rikordji tal-familja, eċċ.). L-assi kollha huma koproprjetà (proprjetà mobbli, proprjetà immobbli, proprjetà akkwistata matul iż-żwieġ u preżenti fil-jum taż-żwieġ). Bl-istess mod, il-konjuġi iridu jagħmlu tajjeb konġuntament għal kwalunkwe dejn ta’ xi ħadd minnhom u t-tnejn li huma għandhom responsabbiltà in solidum għalihom.

Il-Kodiċi Ċivili jipprevedi t-tieni tip ta’ reġim tal-proprjetà matrimonjali: is-separazzjoni tal-beni (séparation de biens). Dan ir-reġim huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-konjuġi ma għandhom l-ebda proprjetà konġunta. Il-proprjetà kollha tappartjeni lil wieħed mill-konjuġi jew lill-ieħor. Għalhekk, kull konjuġi jżomm id-dritt uniku li jamministra, igawdi u jiddisponi liberament mill-proprjetà personali tiegħu. Bl-istess mod, kull konjuġi jibqa’ responsabbli biss għad-djun tiegħu (imġarrba qabel jew matul iż-żwieġ). Eċċezzjoni tapplika għad-djun imġarrba minn wieħed mill-konjuġi għall-manteniment tal-unità domestika jew għat-trobbija tat-tfal. Dawn id-djun dejjem jorbtu liż-żewġ konjuġi.

Fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali, il-ftehimiet matrimonjali huma fformulati minn att notarili (acte devant notaire).

Għalhekk, kuntratt taż-żwieġ, jew l-emenda ta’ kuntratt preeżistenti, dejjem irid jiġi fformulat fil-forma ta’ att notarili fil-preżenza u bil-kunsens tal-partijiet kollha involuti (l-Artikolu 1394 tal-Kodiċi Ċivili). In-nutar jifformula l-kuntratt taż-żwieġ, jagħmel arranġamenti għall-iffirmar tiegħu mill-konjuġi jew konjuġi futuri, u huwa responsabbli biex jibagħtu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex jiġi insinwat fir-reġistru ċivili. Din il-formalità hija essenzjali sabiex il-kuntratt taż-żwieġ ikun jorbot lil terzi (eż. lill-kredituri ta’ wieħed mill-konjuġi).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Iva, ċerti prinċipji jridu jiġu rrispettati. Kuntratt taż-żwieġ ma jistax imur kontra l-moralità pubblika (l-Artikolu 1387 tal-Kodiċi Ċivili), jidderoga mir-regoli dwar l-awtorità tal-ġenituri, l-amministrazzjoni legali u l-kustodja (l-Artikolu 1388 tal-Kodiċi Ċivili) jew ikollu l-effett li jibdel l-ordni statutorju tas-suċċessjoni (l-Artikolu 1389 tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-reġim primarju (l-Artikoli 212 sa 226 tal-Kodiċi Ċivili) irid jiġi rrispettat bis-sħiħ, ħlief fejn jipprevedi l-applikazzjoni ta’ ftehimiet matrimonjali. L-istipulazzjonijiet tal-kuntratt taż-żwieġ ma jistgħux ikunu f’kunflitt mad-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-konjuġi.

Fost l-obbligi l-oħra tagħhom, il-konjuġi għandhom dmir reċiproku li jibqgħu leali u li jipprovdu għajnuna u assistenza lil xulxin. Huma ma jistgħux jiddisponu mid-drittijiet li bihom hija żgurata d-dar tal-familja, u lanqas tal-attrezzaturi li hemm fiha. Bl-istess mod, hija preżunta r-responsabbiltà in solidum (solitarité) għad-djun tal-unità domestika.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

(a) Id-divorzju (divorce) ixolji ż-żwieġ u jinvolvi l-likwidazzjoni (liquidation) u d-diviżjoni (partage) tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali . Il-kuntratt taż-żwieġ ma jibqax effettiv u r-relazzjonijiet tal-partijiet fir-rigward tal-proprjetà jsiru rregolati mil-liġi ġenerali tal-obbligi u tal-koproprjetà.

Il-qorti li tisma’ l-kawża tad-divorzju tista’ tagħti pensjoni tal-manteniment (pension alimentaire) lil wieħed mill-konjuġi. Il-pensjoni tal-manteniment tiġi ddeterminata skont il-ħtiġijiet tal-konjuġi li titħallas lilu u l-kapaċità kontributorja tal-konjuġi l-ieħor.

Jekk konjuġi jkun abbanduna jew naqqas l-attività professjonali tiegħu matul iż-żwieġ (eż. sabiex jieħu ħsieb it-tfal), huwa intitolat, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jressaq talba kontra l-konjuġi l-ieħor sabiex jagħmel xiri retroattiv mill-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni tal-pensjoni.

Meta wild wieħed jew aktar miż-żwieġ ikun taħt l-età ta’ 12-il sena fid-data meta jingħata d-divorzju, il-konjuġi li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri (autorité parentale) (waħdu jew flimkien mal-ġenitur l-ieħor) u li t-tfal jgħixu miegħu abitwalment jista’ jitlob lill-qorti biex tagħtih id-dritt li jibqa’ fid-dar matrimonjali. Il-fatt li d-dar tista’ tappartjeni lill-konjuġi l-ieħor ma jipprevjenix dan l-għoti.

Fil-prinċipju, id-divorzju tal-ġenituri ma jbiddilx il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, li jibqa’ jiġi eżerċitat konġuntament mit-tnejn li huma. Il-qorti tagħti biss l-awtorità tal-ġenituri lil wieħed miż-żewġ ġenituri meta dan ikun fl-interess tal-wild minuri.

b) Il-konjuġi li jixtiequ jisseparaw, iżda li jkun għadhom ma jixtiqux li jiddivorzjaw, jistgħu jagħżlu separazzjoni legali (séparation de corps). Il-konjuġi legalment separati ma jibqgħux obbligati li jgħixu flimkien, iżda s-separazzjoni legali dejjem tinvolvi s-separazzjoni tal-proprjetà, li min-naħa tagħha tinvolvi x-xoljiment tal-komunjoni tal-beni. Id-dmirijiet u l-obbligi l-oħrajn taż-żwieġ jibqgħu fis-seħħ.

Għalkemm is-separazzjoni legali tintemm mar-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi, dawn jibqgħu soġġetti għas-separazzjoni tal-proprjetà, ħlief jekk jintlaħaq ftehim dwar reġim matrimonjali ġdid.

c) L-annullament taż-żwieġ (annulation du mariage) għandu l-effett li jannulla ż-żwieġ b’mod retroattiv. Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jitqies li qatt ma eżista. Id-drittijiet u d-dmirijiet taż-żwieġ jgħibu u l-persuni kkonċernati jitqiesu li għexu flimkien bħala koppja koabitanti.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi xxolji l-komunjoni tal-beni. Hija meħtieġa likwidazzjoni doppja: il-likwidazzjoni tar-reġim statutorju jew kuntrattwali tal-proprjetà matrimonjali, u mbagħad id-drittijiet ta’ wirt tal-konjuġi superstitu.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor u meta l-mejjet iħalli warajh tfal jew dixxendenti ta’ dawk it-tfal, il-konjuġi superstitu jkun intitolat li jiret jew l-ammont minimu li wild leġittimu jkun legalment intitolat li jirċievi, li jrid jammonta għal mill-inqas kwart tal-patrimonju, jew għat-tgawdija tal-proprjetà li fiha kienu jgħixu flimkien il-konjuġi kif ukoll l-attrezzaturi tagħha, dment li l-fond kien il-proprjetà tal-mejjet fl-intier tiegħu jew b’mod konġunt mill-mejjet u s-superstitu (l-Artikolu 767-1 tal-Kodiċi Ċivili).

Meta l-mejjet la jħalli warajh tfal u lanqas dixxendenti ta’ dawk it-tfal, il-konjuġi superstitu jkun intitolat għad-dritt ta’ proprjetà sħiħa tal-patrimonju kollu sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-testment (l-Artikolu 767-2 tal-Kodiċi Ċivili).

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-27 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-qorti tal-familja u li tirriforma d-divorzju u l-awtorità tal-ġenituri (loi du 27 juin 2018 instituant le juge aux affaires familiales, portant réforme du divorce et de l’autorité parentale), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2018, huma applikabbli: https://legilux.public.lu/eli/etat/leg/loi/2018/06/27/a589/jo

Il-qorti tal-familja tisma’ rikorsi dwar reġimi tal-proprjetà matrimonjali.

Diviżjoni bonarja barra mill-qorti hija possibbli. Madankollu, l-involviment ta’ nutar huwa meħtieġ biss meta proprjetà tkun soġġetta għar-reġistrazzjoni tal-art (publicité foncière).

Fil-qorti jiġu deċiżi biss kawżi kontenzjużi.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Ċivili, li japplika irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, jistabbilixxi preżunzjoni ta’ responsabbiltà in solidum bejn il-konjuġi u terzi fir-rigward tad-djun tal-unità domestika, filwaqt li kull wieħed mill-konjuġi għandu s-setgħa li jidħol f’kuntratti waħdu għaż-żamma tal-unità domestika jew għall-edukazzjoni tat-tfal; kwalunkwe dejn li għalhekk jiġġarrab minn wieħed jorbot in solidum lill-ieħor.

Madanakollu, ir-responsabbiltà in solidum ma għandhiex tapplika għal nefqa li hija manifestament eċċessiva fid-dawl tal-istil ta’ ħajja tal-unità domestika, l-utilità jew in-nuqqas ta’ utilità tat-tranżazzjoni jew il-bona fide jew mala fide tat-terz kontraenti.

Lanqas ma għandu japplika għall-obbligi li jirriżultaw minn xiri bin-nifs, sakemm ma jkunux ġew konklużi bil-kunsens taż-żewġ konjuġi.

Effett ieħor tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjoni legali bejn konjuġi u terz jikkonċerna l-bidla tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, li tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ terzi 3 xhur wara li tiddaħħal fir-reġistru ċivili. Madankollu, fin-nuqqas ta’ din l-entrata, il-bidla madankollu torbot lil terzi jekk, fl-atti konklużi magħhom, il-konjuġi jiddikjaraw li emendaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom.

Fir-rigward ta’ terzi, id-deċiżjoni tad-divorzju tidħol fis-seħħ biss mid-data tal-entrata jew tal-insinwazzjoni. Jekk xi ħadd mill-konjuġi jkun negozjant, kwalunkwe kuntratt taż-żwieġ u kwalunkwe att li jemenda jew ibiddel ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jridu jintbagħtu fi żmien xahar lir-Reġistru Kummerċjali.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Il-kuntratt taż-żwieġ ma għandu l-ebda effett ulterjuri ladarba jkun ġie xolt.

Il-likwidazzjoni tal-koproprjetà hija bbażata fuq diversi kalkoli li jiddeterminaw il-proporzjon tal-proprjetà konġunta li għandha tiġi diviża, u l-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ kull konjuġi.

Kull wieħed mill-konjuġi jerġa’ jikseb il-pussess tal-proprjetà separata tiegħu. Imbagħad tiġi stabbilita dikjarazzjoni ta’ kumpens (compte des récompenses), li turi kemm il-kumpens dovut lil kull konjuġi mill-komunjoni tal-beni, kif ukoll il-kumpens dovut mill-konjuġi lill-komunjoni tal-beni.

Id-diviżjoni sussegwentement titwettaq fuq bażi ugwali, fil-prinċipju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor.

Ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jista’ jiġi likwidat permezz ta’ ftehim bonarju. Id-diviżjoni tal-proprjetà soġġetta għal reġistrazzjoni tal-art titwettaq minn att notarili.

Meta l-konjuġi ma jaqblux dwar il-likwidazzjoni u d-diviżjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, nutar, li qabel kien maħtur mill-qorti tal-familja għal dak il-għan, jifformula rapport dwar id-diffikultajiet u d-dikjarazzjonijiet rispettivi tal-konjuġi. Il-qorti, f’seduta plenarja, tiddeċiedi dwar it-tilwim li jifdal bejn il-konjuġi u tirrinvijahom lin-nutar sabiex jifformula l-iskema finali tad-diviżjoni (l’état liquidatif).

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kwalunkwe diviżjoni li taffettwa strument soġġett għar-reġistrazzjoni tal-art titwettaq minn att notarili.

Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe att inter vivos (actes entre vifs), kemm jekk bla ħlas kif ukoll jekk bi ħlas, it-trasferiment tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli (droits réels immobiliers) għajr drittijiet preferenzjali (privilèges) jew ipoteki (hypothèques), irid jiġi insinwat fl-uffiċċju tar-reġistru tal-ipoteki (bureau de la conservation des hypothèques) tal-ġuriżdizzjoni li fiha tinsab il-proprjetà.

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendata tat-25 ta’ Settembru 1905 dwar l-insinwazzjoni tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli (loi modifiée du 25 septembre 1905 sur la transcription des droits réels immobiliers) huma applikabbli: https://legilux.public.lu/eli/etat/leg/loi/1905/09/25/n1/jo

L-aħħar aġġornament: 14/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.