- 1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?
- 2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?
- 3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?
- 4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?
- 5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
- 6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
- 7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
- 8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?
- 9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru
- 10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?
Hemm biss reġim wieħed ta’ sħubija rreġistrata (régime de partenariat enregistré) fil-Lussemburgu, li ddaħħal permezz tal-Liġi tas-9 ta’ Lulju 2004 dwar l-effetti legali ta’ ċerti sħubijiet (loi du 9 juillet 2004 relative aux effets légaux de certains partenariats) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Liġi”). Il-Liġi sussegwentement ġiet issupplimentata.
Din il-Liġi tiddefinixxi s-sħubija bħala koabitazzjoni bejn żewġ persuni ta’ ġeneri differenti jew tal-istess ġeneru li jgħixu flimkien bħala koppja u li jkunu għamlu dikjarazzjoni lir-reġistratur ċivili (officier de l’état civil) tal-muniċipalità fejn għandhom ir-residenza konġunta (domicile) jew id-dar tagħhom.
2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?
Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi , is-separazzjoni tal-proprjetà tikkostitwixxi r-reġim ordinarju, fin-nuqqas ta’ ftehim speċifiku. Għalhekk, kull wieħed mis-sħab iżomm il-proprjetà (mobbli u immobbli) li jista’ jagħti prova tas-sjieda tagħha, il-benefiċċji u l-introjtu mill-proprjetà tiegħu u r-rikavat mix-xogħol tiegħu. Preżunzjoni ta’ koproprjetà tapplika għall-proprjetà li fir-rigward tagħha l-ebda sieħeb ma jista’ jagħti prova tas-sjieda.
Is-sħab jistgħu jidderogaw mir-reġim legali billi jispeċifikaw il-konsegwenzi tas-sħubija fir-rigward tal-proprjetà permezz ta’ ftehim li għandu jiġi rreġistrat.
Barra minn hekk, il-Liġi tipprevedi reġim legali primarju li japplika għas-sħubijiet kollha. Għalhekk, l-għoti ta’ assistenza materjali reċiproka (apport mutuel d’une aide matérielle) fi proporzjon mal-mezzi rispettivi tas-sħab huwa essenzjali. Barra minn hekk, kull sieħeb jibqa’ responsabbli biss għad-djun personali mġarrba qabel jew matul is-sħubija. Finalment, is-sħab ma jistgħux jiddisponu individwalment mid-drittijiet li bihom tkun żgurata d-dar konġunta jew l-attrezzaturi tagħha.
Is-sħab igawdu l-istess protezzjoni soċjali bħall-persuni miżżewġin skont il-Liġi, eż. huma intitolati għal pensjoni tas-superstiti u jibbenefikaw mill-istess eżenzjoni mit-taxxa bħall-persuni miżżewġin, inkluż fir-rigward tat-tariffi tar-reġistrazzjoni, it-taxxa tas-suċċessjoni u t-taxxi diretti.
Ir-reġim legali japplika għal forma waħda ta’ sħubija reġistrata disponibbli fil-Lussemburgu.
3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?
Is-sħab jistgħu jiddeċiedu li ma jikkonkludu l-ebda ftehim affattu dwar ir-reġim tal-proprjetà. F’dan il-każ, ir-reġim legali japplika għas-sħubija tagħhom. Inkella, huma jistgħu jikkonkludu ftehim li fih jispeċifikaw il-konsegwenzi tas-sħubija tagħhom fir-rigward tal-proprjetà.
L-eżistenza ta’ ftehim bħal dan trid tiġi ddikjarata lir-reġistratur ċivili meta tiġi ddikjarata s-sħubija . Fuq talba tar-reġistratur ċivili, il-ftehim imbagħad jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Parquet Général) fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol, fejn jiġi rreġistrat u jinżamm fir-reġistru ċivili (Répertoire Civil). Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru ċivili tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ sħubija eżegwibbli kontra terzi.
Is-sħab huma liberi li jemendaw jew ibiddlu r-reġim tal-proprjetà tagħhom permezz ta’ ftehim emendatorju (convention modificative), li għandu jiġi ppreżentat lir-reġistratur ċivili li jkun irċieva l-att inizjali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jrid jiġi nnotifikat b’kull emenda sussegwenti permezz tal-istess formalitajiet.
4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?
Il-libertà li tiġi stabbilita sħubija rreġistrata hija soġġetta għal limitazzjonijiet. Kull sħubija hija soġġetta għal reġim legali primarju relatat ma’ ċerti konsegwenzi fir-rigward tal-proprjetà li minnhom ma tista’ ssir l-ebda deroga bi ftehim.
Għalhekk, is-sħab iridu jipprovdu assistenza materjali lil xulxin. Iż-żewġt isħab iridu jikkontribwixxu għall-ispejjeż tas-sħubija fi proporzjon mal-mezzi rispettivi tagħhom. Is-sħab huma responsabbli in solidum fil-konfront ta’ terzi għad-djun imġarrba bil-għan li jipprovdu għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-unità domestika tagħhom jew għad-dar konġunta, anke wara li s-sħubija tkun intemmet. Madanakollu, ir-responsabbiltà in solidum (solidarité) ma tapplikax għal nefqa li tkun manifestament eċċessiva, meta jitqies l-istil tal-ħajja tas-sħab, l-utilità jew in-nuqqas ta’ utilità tat-tranżazzjoni jew il-bona fide jew mala fide tat-terz kontraenti. Fil-każ ta’ xiri bi kreditu, obbligazzjoni in solidum tapplika biss jekk iż-żewġt isħab jagħtu l-kunsens tagħhom għax-xiri.
Barra minn hekk, fir-rigward tad-dar konġunta u l-attrezzaturi tagħha, is-sħab ma jistgħux jiddisponu minnhom b’mod indipendenti. Sieħeb li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għad-disponiment jista’ jitlob l-annullament tiegħu (annulation).
5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
Sħubija rreġistrata tintemm awtomatikament fil-każ ta’ żwieġ jew mewt ta’ wieħed mis-sħab, b’effett mid-data tal-avveniment.
Sħubija rreġistrata tista’ wkoll tintemm b’dikjarazzjoni konġunta (déclaration conjointe) jew dikjarazzjoni unilaterali (déclaration unilatéral).
Ix-xoljiment (dissolution) jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu, fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-sħab. Huwa eżegwibbli kontra partijiet terzi mill-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru ċivili.
Ix-xoljiment ta’ sħubija rreġistrata jinvolvi l-likwidazzjoni (liquidation) tar-reġim tal-proprjetà. Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor kuntrattwalment, kull sieħeb jirkupra l-proprjetà personali tiegħu u l-proprjetà li hija proprjetà konġunta tinqasam b’mod indaqs bejniethom.
Madankollu, il-persuni li qabel kienu fi sħubija jistgħu jkomplu f’koproprjetà bejniethom (rester en indivision) jekk ikunu jixtiequ hekk.
It-tmiem tas-sħubija jinvolvi l-waqfien tal-assistenza materjali reċiproka, ħlief jekk ikun miftiehem mod ieħor mis-sħab jew deċiż mod ieħor mill-qorti.
Il-qorti tal-familja tista’, b’mod eċċezzjonali, tagħti manteniment (aliments) lil wieħed mis-sħab jew tordna miżuri urġenti u interim (mesures urgentes et provisoires) ġustifikati sa tmiem is-sħubija reġistrata.
Il-liġi tal-Lussemburgu ma tirrikonoxxix l-annullament ta’ sħubijiet reġistrati.
6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
Il-mewt ta’ wieħed mis-sħab tirriżulta fix-xoljiment u l-likwidazzjoni tas-sħubija.
Is-sħab ma humiex werrieta legali ta’ xulxin, sakemm ma jkunux imsemmija f’testment miktub skont ir-regoli ordinarji.
7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?
L-Artikolu 1007-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid jipprevedi li l-qorti tal-familja tisma’ r-rikorsi dwar il-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tas-sħubija rreġistrata, minbarra li jipprevedi miżuri interim fil-każ tat-terminazzjoni tas-sħubija reġistrata.
Għall-kwistjonijiet l-oħra kollha, tapplika l-liġi ordinarja.
8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?
Iż-żewġt isħab jinżammu responsabbli in solidum, anke wara t-tmiem tas-sħubija, fil-konfront ta’ terzi għad-djun imġarrba minnhom jew minn wieħed minnhom matul is-sħubija biex jipprovdu għall-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-unità domestika tagħhom u għall-ispejjeż relatati mad-dar konġunta.
Madankollu, ir-responsabbiltà in solidum ma tapplikax għal nefqa li tkun manifestament eċċessiva, meta jitqies l-istil tal-ħajja tas-sħab, l-utilità jew in-nuqqas ta’ utilità tat-tranżazzjoni jew il-bona fide jew mala fide tat-terz kontraenti. Lanqas ma tapplika għall-obbligi li jirriżultaw minn xiri bin-nifs, sakemm ma jkunux ġew konklużi bil-kunsens taż-żewġt isħab.
Soġġett għar-regoli msemmija hawn fuq, kull sieħeb jibqa’ responsabbli unikament għad-djun personali mġarrba qabel jew matul is-sħubija.
Barra minn hekk, fir-rigward tad-dar konġunta u l-attrezzaturi tagħha, is-sħab ma jistgħux jiddisponu minnhom b’mod indipendenti. Sieħeb li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għad-disponiment jista’ jitlob li dan jiġi rrevokat.
9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru
Soġġett għar-reġim ordinarju tal-proprjetà, kull sieħeb jirkupra l-proprjetà u d-djun personali tiegħu stess. Il-proprjetà konġunta tinqasam jew permezz ta’ ftehim bonarju (à l’amiable) jew mill-qrati, jekk il-partijiet ma jaslux għal ftehim.
Id-dispożizzjonijiet ordinarji li jirrigwardaw il-koproprjetà u d-diviżjoni huma applikabbli (l-Artikolu 815 et seq. tal-Kodiċi Ċivili).
Għall-kwistjonijiet kollha relatati maż-żamma ta’ proprjetà konġunta u allokazzjoni preferenzjali, il-bejgħ b’irkant ta’ proprjetà konġunta u l-effetti ta’ diviżjoni, issir referenza għad-dispożizzjonijiet dwar “Suċċessjoni” (l-Artikoli 718 et seq. tal-Kodiċi Ċivili).
10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe att inter vivos (actes entre vifs), kemm jekk bla ħlas kif ukoll jekk bi ħlas, it-trasferiment tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli (droits réels immobiliers) għajr drittijiet preferenzjali (privilèges) jew ipoteki (hypothèques), jiġi insinwat fl-uffiċċju tar-reġistru tal-ipoteki (Bureau de la Conservation des Hypothèques) tal-ġuriżdizzjoni li fiha tinsab il-proprjetà.
Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi emendata tat-25 ta’ Settembru 1905 dwar l-insinwazzjoni tad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli (loi modifiée du 25 septembre 1905 sur la transcription des droits réels immobiliers) huma applikabbli.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.