

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Iva.
Ma hemm l-ebda regolament taħt id-dritt ċivili dwar sħubijiet barra mir-rabta taż-żwieġ (parejas de hecho) fil-livell tal-Istat u minħabba f’hekk, il-biċċa l-kbira tal-Komunitajiet Awtonomi adottaw ir-regoli proprji tagħhom – jew taħt id-dritt ċivili jew purament amministrattivi – li jirregolaw l-istabbiliment ta’ sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ, il-qafas legali tagħha, l-effetti tagħha, u l-modi u l-konsegwenzi tat-tmiem tagħha. Din is-sitwazzjoni hija akkumpanjata mill-koeżistenza ta’ sistemi reġjonali differenti tad-dritt ċivili (derechos forales) fi Spanja flimkien mad-dritt ċivili ġenerali.
Minbarra ż-żwieġ u s-sħubijiet mhux regolati, kull Komunità Awtonoma tagħti rikonoxximent legali differenti lil sħubijiet barra mir-rabta taż-żwieġ. F’dan ir-rigward, dawn id-differenzi reġjonali jvarjaw minn rikonoxximent legali bbażat sempliċement fuq perjodu minimu ta’ koabitazzjoni jew koabitazzjoni b’wild komuni, għar-rekwiżit li s-sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ tiġi rreġistrata jew li tiġi rreġistrata għal skopijiet amministrattivi. Hemm saħansitra erba’ Komunitajiet Awtonomi (il-Gżejjer Baleariċi, Extremadura, il-Pajjiż Bask u l-Galicia) li għandhom reġistru użat biex tiġi kkostitwita s-sħubija jew li fihom ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja.
Ta’ min jinnota li l-materji amministrattivi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolamentazzjoni, peress li din l-iskeda informattiva tinkludi għadd ta’ referenzi għal regoli purament amministrattivi li jirrigwardaw is-sħubijiet barra mir-rabta taż-żwieġ u r-reġistrazzjoni ta’ dawk is-sħubijiet magħmula minn ċerti Komunitajiet Awtonomi, li altrimenti ma għandhomx kompetenza kostituzzjonali fil-qasam tad-dritt ċivili.
Is-settijiet ta’ regoli differenti li jeżistu ma fihomx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-finanzi jew l-assi fir-rigward tal-proprjetà li tinxtara waqt li s-sħab ikunu fi sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ. Ir-regoli li japplikaw għall-proprjetà matrimonjali ma japplikawx għas-sħubijiet barra mir-rabta taż-żwieġ, l-anqas b’analoġija, li jfisser li, sakemm il-koppja fi sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ ma tkunx għamlet arranġamenti speċifiċi fi ftehim (convenio), id-dispożizzjonijiet rilevanti jkunu dawk stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili (Código civil) (jew fil-kodiċijiet reġjonali (códigos forales)) għal sitwazzjonijiet ta’ proprjetà komuni jew komunità tal-akkwisti (condominios jew comunidades de bienes) (392 et seq. tal-Kodiċi Ċivili fir-rigward tad-dritt ċivili ġenerali) f’każ li l-proprjetà tkun koproprjetà (en común) taż-żewġ membri tal-koppja.
Il-partijiet jistgħu jagħmlu l-arranġamenti proprji tagħhom rigward il-finanzi u l-proprjetà tagħhom. Għal dak il-għan, il-maġġoranza tar-regoli reġjonali għandhom dispożizzjoni speċifika dwar il-ftehimiet li l-partijiet jistgħu jidħlu fihom. Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet jirrikjedu li ftehimiet bħal dawn ikunu bil-miktub, għalkemm f’xi reġjuni ftehimiet verbali huma permessi (il-Gżejjer Baleariċi u l-Gżejjer Kanarji).
Għall-ftehimiet bil-miktub, ir-regola ġenerali hija li dokumenti pubbliċi jew privati mfasslin għal dak il-għan huma aċċettabbli, u r-regoli reġjonali differenti jippermettu wkoll li l-partijiet jagħmlu provvediment għal kumpens finanzjarju f’każ li r-relazzjoni tintemm u jkun hemm żbilanċ finanzjarju bejn il-partijiet.
F’ċerti reġjuni, il-ftehim irid jiġi formalizzat minn nutar. Dan huwa l-każ f’Aragona, fil-Cantabria, fil-Katalonja, f’Extremadura, fil-Galicia u f’Madrid.
Iva, hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-kuntratt. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni jvarja skont ir-regoli reġjonali differenti. B’mod ġenerali, kwalunkwe ftehim li jmur kontra l-liġijiet obbligatorji jew li ma jagħtix drittijiet indaqs lil kull sieħeb, kif ukoll dawk li jkunu ta’ detriment serju għal xi wieħed mis-sħab, huma meqjusa bħala nulli u bla effett. Xi liġijiet jistipulaw speċifikament ukoll li ftehimiet li jkollhom suġġett purament personali jew li jaffettwaw il-privatezza tal-koabitanti huma invalidi. Barra minn hekk, il-ftehimiet ma jridux ikunu ta’ ħsara għal terzi persuni.
Il-konsegwenzi tax-xoljiment ta’ sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ jiddependu primarjament fuq kwalunkwe ftehim rilevanti li l-partijiet setgħu daħlu fih. F’xi reġjuni, il-koppja setgħet kienet kapaci tagħmel provvediment għal kumpens finanzjarju fil-każ ta’ xoljiment futur fejn kien hemm żbilanċ finanzjarju bejn is-sħab. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-koproprjetà, japplikaw ir-regoli ċivili u proċedurali ġenerali għax-xoljiment u l-likwidazzjoni tagħha. Reġjuni bħall-Katalonja u Aragona jirrikjedu li qorti tapprova l-kumpens finanzjarju għax-xogħol fid-dar li jagħmel wieħed mis-sħab jew għal xogħol fl-interessi finanzjarji u professjonali tal-membru l-ieħor tal-koppja.
Xi Komunitajiet Awtonomi jippermettu lis-sieħeb superstitu li jiret mingħand is-sieħeb deċedut bl-istess mod bħal koppja miżżewġa. Barra minn hekk, xi Komunitajiet Awtonomi jirrikonoxxu d-dritt li dan jiret l-oġġetti domestiċi kondiviżi, li jkompli juża r-residenza komuni għal sena jew li jieħu f’idejh il-kuntratt tal-kiri għar-residenza.
L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom is-setgħa li jiddeterminaw il-konsegwenzi tas-separazzjoni fir-rigward tal-proprjetà. Fi kwalunkwe każ, ma teżisti l-ebda setgħa speċifika bis-saħħa tal-eżistenza tas-sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ, kif jiġri fil-każ tas-sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin (l-Artikoli 769 u 807 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Konsegwentement, peress li hija setgħa ġudizzjarja, id-distribuzzjoni hija rregolata mir-regoli ġenerali (l-Artikoli 50 et seq. tal-Kodiċi Ċivili).
B’mod ġenerali, ir-reġjuni differenti għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi fis-seħħ fir-rigward tal-effetti fuq terzi persuni, minbarra l-fatt li xi reġjuni jistipulaw li s-sħubijiet barra mir-rabta taż-żwieġ ma jridux jimminaw id-drittijiet ta’ terzi persuni. Huwa biss fi ftit Komunitajiet Awtonomi li ż-żewġ membri ta’ koppja jkunu responsabbli in solidum fil-konfront ta’ terzi persuni fir-rigward ta’ ċerti spejjeż (kif inhu l-każ fl-Andalusija).
Ma hemmx regoli proċedurali speċifiċi fis-seħħ fil-livell nazzjonali jew fil-Komunitajiet Awtonomi fir-rigward tax-xoljiment u l-likwidazzjoni tal-proprjetà ta’ koppji fi sħubija barra mir-rabta taż-żwieġ. B’mod ġenerali, ikun hemm sistema li tirregola l-komunità tal-akkwisti tal-miżżewġin (sjieda indiviża miż-żewġ sħab) irregolata mill-Artikolu 392 et seq. tal-Kodiċi Ċivili, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-diversi sistemi tad-dritt ċivili li jeżistu fi Spanja, u għalhekk il-likwidazzjoni tkun konformi mar-regoli ġenerali li jirregolaw kwalunkwe proprjetà konġunta indiviża (l-Artikolu 400 tal-Kodiċi Ċivili).
Ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli teħtieġ l-eżekuzzjoni ta’ strument pubbliku quddiem nutar.
Il-proċedura tar-reġistrazzjoni tiddependi mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dritt ċivili u trid titwettaq skont dawk id-dispożizzjonijiet. Jekk sħubija tkun irreġistrata u rikonoxxuta fl-isfera amministrattiva biss, mingħajr ma jkun hemm l-ebda konsegwenza fid-dritt ċivili, il-koppja titqies li tkun f’sitwazzjoni ta’ koproprjetà għal skopijiet ta’ reġistrazzjoni. Fi kwalunkwe każ, iridu jiġu osservati l-prinċipji tar-reġistrazzjoni li japplikaw għad-dokumenti pubbliċi jew awtentiċi.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.