Spejjeż

Ungarn

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fl-Ungerija.

Indholdet er leveret af
Ungarn

Id-dritt tal-familja – id-divorzju

Il-liġi tal-familja – il-kustodja tat-tfal

Il-liġi tal-familja – il-manteniment

Id-dritt kummerċjali – il-kuntratt

Id-dritt kummerċjali – ir-responsabbiltà

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonijiet legali

1. Uffiċjali ġudizzjarji

L-ammont tat-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju jiddependi mill-iskop tat-titolu eżekuttiv maħruġ (jekk huwiex biex jinġabar dejn jew biex tiġi eżegwita azzjoni speċifika). Jekk l-eżekuzzjoni tinvolvi l-ġbir ta’ dejn, it-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju tkun proporzjonata mal-ammont tad-dejn li għandu jinġabar. B’hekk, aktar ma tkun kbira t-talba involuta fl-eżekuzzjoni, aktar tkun għolja t-tariffa mħallsa lill-uffiċjal ġudizzjarju. Jekk id-dmir jinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ azzjoni speċifika, it-tariffa tiddependi fuq kemm iddum dik l-azzjoni.

2. Avukati

Il-kelma Ungeriża għal persuna li tipprattika l-liġi, “ügyvéd”, tkopri kull tip ta’ avukat. Bħala regola ġenerali, l-onorarju tal-avukat jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim bejn il-klijent u l-avukat. Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar l-onorarju bejn il-klijent u l-avukat għall-aċċettazzjoni tal-patronċinju tal-kawża jew jekk il-klijent jitlob hekk, l-ammont tal-onorarju għar-rappreżentazzjoni jiġi deċiż mill-qorti f’konformità mal-liġi. Jekk il-kawża tintrebaħ, l-onorarju dovut lill-avukat skont il-ftehim bejn il-klijent u l-avukat mhux bilfors ikun jista’ jintalab bis-sħiħ kontra l-parti telliefa. Il-qorti li tisma’ l-kawża tista’ tnaqqas ir-remunerazzjoni tar-rappreżentant legali fi ħdan talba għall-ispejjeż legali li hija tqis eċċessiva. F’dan il-każ, il-qorti tiddetermina l-onorarju tal-avukat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet statutorji. L-ammont tal-onorarju tal-avukat stabbilit mill-qorti jiġi aġġustat skont il-valur tat-talba. Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti tapplika t-tariffa statutorja jekk ma jkunux jixtiequ li l-ftehim isir pubbliku.

Spejjeż statutorji

Spejjeż statutorji (tariffi) fi proċedimenti ċivili

Spejjeż statutorji għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti ċivili

Sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor, il-bażi għal kwalunkwe tariffa (illeték) fi proċedimenti ċivili hija l-valur tat-talba fiż-żmien meta jinfetħu l-proċedimenti u, fi proċedura tal-appell, il-valur tat-talba jew ta’ parti mit-talba inkwistjoni.

Jekk il-valur tat-talba ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa fil-proċedimenti quddiem qorti distrettwali (járásbíróság) hija ta’ HUF 350 000 fi proċedimenti kontenzjużi u ta’ HUF 200 000 fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Fi proċedimenti tal-Prim’Istanza quddiem qorti reġjonali (törvényszék), il-bażi hija ta’ HUF 600 000 fi proċedimenti kontenzjużi u ta’ HUF 350 000 fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Fi proċedura ta’ appell, il-bażi hija ta’ HUF 300 000 fi proċedimenti kontenzjużi u ta’ HUF 170 000 fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Fi proċedura ta’ appell quddiem il-qorti tal-appell (ítélőtábla), il-bażi hija ta’ HUF 600 000 fi proċedimenti kontenzjużi u ta’ HUF 300 000 fi proċedimenti mhux kontenzjużi. Quddiem il-Curia tal-Ungerija (Kúria), il-bażi hija ta’ HUF 500 000 fi proċeduri ta’ appell u ta’ HUF 700 000 fi proċeduri ta’ ritrattazzjoni.

Fi proċedimenti tal-Prim’Istanza, l-ammont tat-tariffa fi proċedimenti kontenzjużi hu ta’ 6 % tal-bażi għat-tariffa ddefinita aktar ’il fuq, iżda tal-anqas HUF 15 000 u mhux aktar minn HUF 1 500 000. Fi proċedimenti mhux kontenzjużi tal-Prim’Istanza, l-ammont tat-tariffa hu ta’ 3 % tal-bażi għat-tariffa, iżda tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 250 000. F’ċerti proċedimenti mhux kontenzjużi speċifikati mil-liġi, l-ammont tat-tariffa jkun differenti, eż. fil-każ ta’ oppożizzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni hu ta’ 3 %, iżda tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 750 000.

Minbarra dawn ta’ hawn fuq, il-liġi tistabbilixxi tariffi f’każijiet speċifiċi:

  • Proċedimenti ta’ divorzju (házassági bontóper): HUF 30 000;
  • Proċedimenti tat-tribunal industrijali (munkaügyi per) (jekk il-valur tat-talba ma jkunx jista’ jiġi stabbilit): HUF 10 000;
  • Proċedimenti għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva (közigazgatási határozat bírósági felülvizsgálata iránti eljárás), bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni u mat-tassazzjoni, mal-akkwist pubbliku, u mal-komunikazzjonijiet elettroniċi: HUF 30 000;
  • Proċedimenti amministrattivi mhux kontenzjużi (közigazgatási nemperes eljárás): HUF 10 000;
  • Awtorizzazzjoni ġenerali (általános meghatalmazás): HUF 18 000;
  • Proċedimenti ta’ insolvenza (fizetésképtelenségi eljárás): likwidazzjoni (felszámolás): HUF 80 000; proċedimenti ta’ falliment (csődeljárás): HUF 50 000;
  • Għal entitajiet mingħajr personalità ġuridika: likwidazzjoni (felszámolás): HUF 30 000; proċedimenti ta’ falliment (csődeljárás): HUF 30 000;
  • Proċedimenti għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ (választottbírósági ítélet) jew ftehim ta’ arbitraġġ (választottbírósági egyezség): it-tariffa tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-valur tal-proċedimenti indikat fid-deċiżjoni tal-arbitraġġ jew fuq il-bażi ta’ valur nozzjonali;
  • Appell: 8 %, iżda tal-anqas HUF 15 000 u mhux aktar minn HUF 2 500 000;
  • Ritrattazzjoni (perújítás): it-tariffi jridu jerġgħu jitħallsu;
  • Mozzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (felülvizsgálati kérelem): 10 % għas-sentenzi, iżda tal-anqas HUF 50 000 u mhux aktar minn HUF 3 500 000; nofs it-tariffa applikabbli għas-sentenzi fil-każ ta’ digrieti, iżda tal-anqas HUF 20 000 u mhux aktar minn HUF 1 250 000.

Għall-preżentata ta’ applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni għall-ħlas (fizetési meghagyás) quddiem il-Kamra tan-Nutara Ċivili tal-Ungerija (Magyar Országos Közjegyzői Kamara), it-tariffa statutorja trid titħallas biex ikopri l-ispejjeż operattivi tas-sistema tal-Kamra, u l-onorarji u l-ispejjeż tan-nutara (“it-tariffa proċedurali”). It-tariffa proċedurali hija bbażata fuq il-valur tat-talba monetarja fiż-żmien meta titressaq il-proċedura, ikkalkolata b’mod li jeskludi l-ispejjeż anċillari (“il-bażi tat-tariffa”); l-imgħax dovut fuq talba monetarja u eżegwit flimkien magħha ma għandux ikun inkluż fil-bażi tat-tariffa anke jekk, fl-istess żmien tat-talba inizjali għall-imgħax, ir-rikorrent jeżegwixxi wkoll talba addizzjonali għall-imgħax fuq l-imgħax mitlub. L-imgħax u l-ispejjeż anċillari l-oħrajn eżegwiti b’mod separat jiġu inklużi fil-bażi tat-tariffa.

L-ammont tat-tariffa proċedurali bbażat fuq il-bażi tat-tariffa: a) 3 %, iżda tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 300 000, fil-proċedura ewlenija, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor hawn taħt; b) 1 %, iżda tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 15 000, fi proċedura miftuħa għad-differiment ta’ ħlas jew għall-ħlas bin-nifs; c) 1 %, iżda tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 15 000, fi proċedura miftuħa għad-differiment ta’ ħlas jew għall-ħlas bin-nifs ta’ multa imposta.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili meta jridu jitħallsu l-ispejjeż statutorji

Fil-proċedimenti ċivili, l-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tal-qorti jiskatta meta tiġi ppreżentata l-kawża. Għalhekk, it-tariffi proċedurali jridu jitħallsu fil-ħin meta tiġi ppreżentata l-kawża. Jekk il-parti ma tħallasx it-tariffi tal-qorti, jew tħallas anqas milli meħtieġ mil-liġi, il-qorti jeħtiġilha titlob lill-parti tħallas il-bqija tat-tariffi tal-qorti meta jiġi ppreżentat ir-rikors. Il-qorti jeħtiġilha wkoll tgħarraf lill-parti li r-rikors jiġi miċħud jekk it-tariffi tal-qorti ma jitħallsux kollha.

L-onorarju tal-avukat jitħallas fuq il-bażi tal-ftehim bejn il-klijent u l-avukat. Parti mit-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju trid titħallas bil-quddiem fil-bidu tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

Spejjeż statutorji (tariffi) fi proċedimenti kriminali

Spejjeż statutorji tal-partijiet fi proċedimenti kriminali

Fil-każ ta’ proċedimenti bbażati biss fuq prosekuzzjoni bi kwerela tal-parti offiża (magánvádas eljárás):

  • Tariffa għall-preżentata ta’ kwerela: HUF 10 000.
  • Tariffa għall-preżentata ta’ appell: HUF 10 000.
  • Tariffa għal mozzjoni għal stħarriġ jew ritrattazzjoni: HUF 15 000.

Jekk tiġi ppreżentata talba ċivili fi proċedimenti kriminali, l-uniċi tariffi pagabbli jkunu għall-preżentata tar-rikors u għall-appell. Dawn it-tariffi jridu jitħallsu minbarra dawk għall-proċedimenti kriminali, f’konformità mar-regoli dwar it-tariffi applikabbli għall-proċedimenti ċivili.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali meta jridu jitħallsu l-ispejjeż statutorji

Dawn iridu jitħallsu mal-att promotur fil-bidu tal-proċedimenti.

Spejjeż statutorji fi proċedimenti kostituzzjonali

Skont it-Taqsima 54(1) tal-Att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali (Alkotmánybíróságról szóló 2011. évi CLI. törvény), il-proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (Alkotmánybíróság) huma mingħajr ħlas, u kwalunkwe spiża mġarrba matul proċedimenti bħal dawn jiġġarrbu mir-rikorrent.

Madankollu, rikorrent li ma jaġixxix bona fide meta jippreżenta petizzjoni jaf ikollu jħallas l-ispejjeż u/jew jista’ jkun soġġett għal multa proċedurali ta’ bejn HUF 20 000 u HUF 500 000.

Informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Meta jipprattikaw il-professjoni tagħhom, l-avukati jgħinu lill-klijenti jasserixxu drittijiethom u jissodisfaw l-obbligi tagħhom bil-mezzi u bil-mod previsti mil-liġi. Il-konsulenti legali (jogtanácsos) jgħinu wkoll biex jiġu asseriti d-drittijiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw.

Dan l-obbligu jinkludi d-dmir li tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet u l-obbligi, il-possibbiltajiet ta’ suċċess u l-ispejjeż prevedibbli tal-proċedimenti.

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Ungerija?

L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli fuq is-sit web tan-Network Ġudizzjarju Ewropew:

Anki s-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Budapest (Budapesti Ügyvédi Kamara) jipprovdi informazzjoni dwar l-onorarji tal-avukati.

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni fuq is-sorsi tal-ispejjeż fl-Ungerija?

L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli fuq is-sit web tan-Network Ġudizzjarju Ewropew. Hawn tista’ ssib l-infornazzjoni rilevanti f’kull lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Is-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Budapest jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż bl-Ungeriż biss.

Minn fejn nista’ insib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Informazzjoni dwar il-medjazzjoni hi disponibbli fis-siti web li ġejjin:

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit web b’informazzjoni dwar l-ispejjeż

Tista’ ssib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż fuq is-sit web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Budapest.

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu proċedimenti differenti?

Informazzjoni dwar it-tul tal-proċedimenti tista’ tinsab fis-sit web tal-Qrati tal-Ungerija.

Links oħrajn:

L-informazzjoni dwar it-tabelli statistiċi hi disponibbli bl-Ungeriż biss.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif tingħata din l-informazzjoni?

L-ispejjeż indikati hawn fuq għall-avukati huma spejjeż netti li magħhom trid tiżdied il-VAT.

Liema huma r-rati li japplikaw?

Ir-rata tal-VAT ġenerali fl-Ungerija kienet ta’ 20 % tal-bażi għat-taxxa sal-1 ta’ Lulju 2009, meta żdiedet għal 25 % u mbagħad għal 27 %.

Għajnuna legali

Il-livell limitu applikabbli tal-introjtu fi proċedimenti ċivili

Hemm żewġ livelli limitu minimi:

  1. Biex tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tad-drittijiet tagħhom, il-litiganti li jkunu persuni ġuridiċi (inklużi l-intervenjenti f’kawża) u li l-introjtu u l-qagħda finanzjarja tagħhom ma jippermettulhomx iħallsu għall-ispejjeż tal-proċedimenti, jingħataw eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż fuq talba. L-għajnuna legali tkopri l-benefiċċji li ġejjin: eżenzjoni mit-tariffi; eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem u, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, mill-ħlas tal-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti (l-onorarji tax-xhieda u tal-periti, l-onorarji tat-tutur ad litem (ügygondnok) u tal-interpretu, l-onorarju tal-avukat tal-għajnuna legali (pártfogó ügyvéd), u l-ispejjeż tas-seduti u tal-aċċessi fuq il-post, eċċ.); eżenzjoni mill-għoti ta’ garanzija għall-ispejjeż legali; applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għar-rappreżentazzjoni minn avukat tal-għajnuna legali jekk tkun permessa mil-liġi. Jekk l-introjtu (salarju, pensjoni, benefiċċji fi flus regolari oħra) tal-parti ma jkunx jaqbeż l-ammont minimu tal-pensjoni tal-irtirar (HUF 28 500) stabbilita fuq il-bażi ta’ impjieg u l-persuna ma jkollhiex assi għajr il-bżonnijiet tas-soltu tal-ħajja u għamara, dik il-persuna jeħtiġilha tingħata l-għajnuna legali. L-għajnuna legali trid tingħata wkoll, mingħajr eżaminazzjoni tal-introjtu u tal-kapaċità finanzjarja tal-persuna, lil parti li tkun intitolata għal benefiċċji tal-età lavorattiva jew li tgħix fl-istess unità domestika bħal membru tal-familja mill-qrib skont it-tifsira tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Soċjali u l-Benefiċċji Soċjali (szociális igazgatásról és szociális ellátásokról szóló törvény) li jkun intitolat għal benefiċċji tal-età lavorattiva. F’ċerti eċċezzjonijiet, l-għajnuna legali tista’ tingħata anke jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jkunux issodisfati iżda l-qorti tikkonstata, filwaqt li tqis ċirkustanzi oħra tal-parti, li s-sussistenza tal-parti tkun f’riskju. (It-Taqsima 6(1) tad-Digriet Nru 6/1986 tas-26 ta’ Ġunju 1986 tal-Ministeru għall-Intern dwar l-applikazzjoni tal-għajnuna legali fi proċeduri tal-qorti (A bírósági eljárásban a költségmentesség alkalmazásáról szóló 6/1986. (VI. 26.) IM rendelet))
  2. Fil-kuntest tal-assistenza legali barra mill-qorti pprovduta mill-Istat, l-assistent tal-għajnuna legali (jogi segítő) jipprovdi lill-parti b’pariri legali jew iħejji s-sottomissjonijiet jew dokumenti oħra u, fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni għal dan l-għan, ikollu aċċess għall-atti tal-kawża. It-tariffi statutorji u l-ispejjeż għal dan jitħallsu jew jitħallsu bil-quddiem mill-Istat lill-assistent tal-għajnuna legali f’isem il-parti. Matul il-proċedimenti ġudizzjarji, f’termini tal-assistenza legali, l-Istat jipprovdi avukat tal-għajnuna legali biex jirrappreżenta lill-attur lill-konvenut, lill-intervenut (it-terza persuna msejħa fil-kawża), lir-rikorrent u lill-intimat, u jħallas bil-quddiem jew iħallas għall-ispejjeż ta’ dan f’isem il-parti fil-proċedimenti kontenzjużi u mhux kontenzjużi ċivili (flimkien imsejħin “il-proċedimenti”) previsti mil-liġi. It-tariffa għas-servizz legali titħallas bil-quddiem mill-Istat f’isem il-parti jekk l-introjtu disponibbli nett fix-xahar tal-parti ma jaqbiżx it-43 % tal-qligħ gross medju fix-xahar tal-ekonomija nazzjonali, kif ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ċentrali tal-Ungerija (Központi Statisztikai Hivatal) fit-tieni sena li tippreċedi s-sena ta’ referenza (madwar HUF 231 000 fl-2013), jiġifieri HUF 99 330, u l-parti ma jkollhiex assi. (It-Taqsimiet 11 u 6 tal-Att LXXX tal-2003 dwar l-għajnuna legali (A jogi segítségnyújtásról szóló 2003. évi LXXX. törvény))

Il-ħlasijiet għall-assistenza legali jistgħu jsiru bil-quddiem.

Il-limitu minimu tal-introjtu applikabbli fil-proċedimenti kriminali għall-imputati

Fi proċedimenti kriminali, persuna suspettata jew akkużata tista’ tirċievi rappreżentanza legali mingħajr ħlas fuq il-bażi tal-limiti minimi tal-introjtu applikati fi proċedimenti ċivili.

Il-limitu minimu tal-introjtu applikabbli fil-proċedimenti kriminali għall-vittmi

Jekk, fi proċedimenti separati, l-applikant għall-għajnuna jinstab li jkun vittma ta’ reat u jkun intitolat jirċievi servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, it-tariffa għas-servizz legali titħallas mill-Istat f’isem il-parti dment li l-introjtu disponibbli nett fix-xahar tal-persuna ma jaqbiżx is-86 % tal-qligħ gross medju fix-xahar tal-ekonomija nazzjonali, kif ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ċentrali tal-Ungerija fit-tieni sena li tippreċedi s-sena ta’ referenza (madwar HUF 231 000 fl-2013), jiġifieri HUF 198 660. (It-Taqsima 9/A tal-Att LXXX tal-2003 dwar l-għajnuna legali)

L-assistenza legali għall-vittmi tinkludi r-rappreżentanza legali.

Kundizzjonijiet oħra għall-għoti ta’ għajnuna legali lill-vittmi

Minbarra l-limiti minimi stabbiliti għall-introjtu, il-vittma jeħtiġilha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet oħra:

  • il-vittma jeħtiġilha tagħmel rapport/kwerela;
  • il-vittma jeħtiġilha tikseb ċertifikat mingħand l-awtorità responsabbli biex tassisti lill-vittmi. Iċ-ċertifikat irid jiddikjara li ġew issodisfati ċerti kundizzjonijiet (li l-vittma kkuntattjat lill-awtorità rilevanti fi ħdan it-terminu mogħti mil-liġi).

Kundizzjonijiet oħra għall-għoti ta’ għajnuna legali lill-imputati

Ma hemm ebda kundizzjoni oħra biex tingħata għajnuna legali lill-imputati.

Proċeduri tal-qorti mingħajr ħlas

Ma tintalab l-ebda tariffa jew tintalab tariffa mnaqqsa fil-kawżi ċivili li ġejjin:

  • it-tariffa tkun ta’ 10 % tat-tariffa għall-proċedimenti ġudizzjarji jekk il-qorti tiċħad l-att promotur ex officio mingħajr ma toħroġ taħrika;
  • appelli kontra deċiżjoni dwar l-għajnuna legali jew dwar il-ħlas differit tal-ispejjeż (illetékfeljegyzési jog), jiġifieri meta l-Istat iħallas bil-quddiem l-ispejjeż f’isem il-parti;
  • kontrotalbiet dwar iż-żwieġ fi proċedimenti ta’ divorzju;
  • proċedimenti relatati mad-dikjarazzjoni tal-mewt u mal-istabbiliment tal-fatt tal-mewt jekk l-għajbien jew il-mewt ikun seħħ bħala riżultat ta’ att ta’ gwerra jew ta’ diżastru naturali;
  • proċedimenti għar-reġistrazzjoni ta’ fondazzjonijiet, ta’ fondazzjonijiet pubbliċi, ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ta’ korpi pubbliċi, ta’ organizzazzjonijiet tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali u ta’ Pjan ta’ Sjieda ta’ Ishma għall-Impjegati, kif ukoll proċedimenti għall-approvazzjoni tal-parteċipazzjoni f’Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali;
  • rikorsi għad-direġistrazzjoni ta’ kumpanija xolta, inklużi rikorsi għad-direġistrazzjoni fi proċedura simplifikata ta’ stralċ (egyszerűsített végelszámolás) flimkien man-notifika tal-amministratur;
  • rikorsi għall-korrezzjoni jew għas-supplimentazzjoni ta’ deċiżjoni;
  • proċedimenti tar-reġistru elettorali;
  • proċedimenti għan-notifika ta’ bidliet wara tidħil fir-reġistru ta’ konsulenti legali;
  • appelli kontra ordni ta’ trasferiment lejn qorti oħra;
  • stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva f’kawżi ta’ kumpens;
  • proċedimenti ta’ saldu tad-djun muniċipali;
  • proċedimenti miftuħa minn uffiċjal ġudizzjarju indipendenti b’rabta ma’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja mwettqa mill-uffiċjal ġudizzjarju u proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà domestika skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009;
  • proċedimenti miftuħa fuq il-bażi ta’ lment kostituzzjonali mirbuħ;
  • azzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ data personali jew l-iżvelar ta’ data ta’ interess pubbliku;
  • stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi dwar l-għoti ta’ għajnuna legali;
  • proċedimenti mhux kontenzjużi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ ordni ta’ trażżin interim u għall-ħruġ ta’ ordni ta’ trażżin għal vjolenza bejn qraba speċifikata f’liġi separata;
  • stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi dwar l-għoti ta’ appoġġ għall-vittmi.

Ma tintalab l-ebda tariffa fil-kawżi kriminali li ġejjin:

  • l-appelli, it-talbiet għal proċess ġdid u t-talbiet għal stħarriġ mill-imputat u mill-avukat tad-difiża fi proċedimenti bbażati biss fuq prosekuzzjoni privata;
  • proċedimenti bbażati biss fuq prosekuzzjoni privata jekk il-proċedimenti jingħalqu mill-qorti qabel il-bidu tas-seduta personali jew jekk il-proċedimenti jingħalqu bħala riżultat ta’ klemenza;
  • talbiet għal klemenza u talbiet għal eżoneru ġudizzjarju jekk ippreżentati mill-persuna kkundannata jew mill-avukat tad-difiża;
  • proċedimenti għall-għoti ta’ għajnuna legali personali;
  • l-għoti għal darba waħda ta’ kopji ta’ dokumenti lill-imputat, lill-avukat tad-difiża u lir-rappreżentant legali ta’ imputati li jkunu minuri.

Eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tista’ tingħata minħabba ċirkustanzi personali (személyes illetékmentesség) kif ukoll is-suġġett tal-proċedimenti (tárgyi illetékmentesség).

Eżenzjoni personali tingħata,  fost l-oħrajn, lill-assoċjazzjonijiet, lill-korpi pubbliċi, lill-knejjes, lill-għaqdiet tal-knejjes, lill-istituzzjonijiet ekleżjastiċi, lill-fondazzjonijiet, lill-fondazzjonijiet pubbliċi, lill-kumpaniji mingħajr skop ta’ qligħ b’benefiċċju pubbliku jew bi status ta’ benefiċċju pubbliku ta’ prijorità, lill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, u lill-Komunitajiet Ewropej u lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-aġenziji u lill-fondi separati tagħhom.

Meta trid tħallas l-ispejjeż il-parti telliefa lill-parti rebbieħa?

Il-parti telliefa jeħtiġilha tħallas lill-parti rebbieħa l-ispejjeż jekk tkun meħtieġa tagħmel dan fi ħdan perjodu ta’ 30 jum mill-qorti fid-deċiżjoni finali tagħha. Il-parti telliefa jeħtiġilha tħallas l-ispejjeż direttament lill-parti rebbieħa. Jekk l-ispejjeż ma jitħallsux, jistgħu jinfetħu proċedimenti ta’ eżekuzzjoni kontra l-parti telliefa.

L-onorarji tal-periti

L-onorarji tal-periti normalment jitħallsu mill-parti telliefa, iżda dawn jiġġarrbu mill-Istat f’każijiet speċifiċi meta jkun responsabbli biex iħallas l-ispejjeż. Meta l-ispejjeż jitħallsu bil-quddiem mill-Istat, dawn jinkludu l-onorarji tal-periti. Il-periti jistgħu jitolbu l-ħlas tal-ispejjeż neċessarji u ġustifikati mġarrba waqt it-tħejjija tal-perizja tagħhom. L-esperti forensiċi, is-servizzi forensiċi u l-konsulenti speċjali jingħataw ammont b’rata fissa biex ikopri l-ispejjeż li ma jkunux sostnuti minn fattura iżda li xorta jiġġarrbu, bħall-posta, it-telefown u l-provvisti tal-uffiċċju. L-ammont b’rata fissa hu ta’ 35 % tal-onorarju ta’ perit, iżda mhux aktar minn HUF 100 000.

Il-perit jista’ jitlob ħlas bil-quddiem sa 50 % tal-ispejjeż mistennija, iżda mhux aktar minn HUF 150 000.

L-onorarji tat-tradutturi u tal-interpreti

L-onorarji tat-tradutturi u l-interpreti normalment jitħallsu mill-parti telliefa, iżda dawn jiġġarrbu mill-Istat f’każijiet speċifiċi meta jkun responsabbli biex iħallas l-ispejjeż. Meta l-ispejjeż jitħallsu bil-quddiem mill-Istat, dawn jinkludu onorarji bħal dawn.

Links relatati

Is-Sit Web tal-Kamra tal-Avukati ta’ Budapest

Dokumenti relatati

Ir-Rapport tal-Ungerija dwar l-Istudju tat-Trasparenza tal-Ispejjeż  PDF (533 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 15/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.