Sib informazzjoni għal kull reġjun
Spejjeż tal-avukati
Abbażi tal-Att dwar il-Professjoni Legali (Zakon o odvjetništvu) u bi ftehim mal-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kamra tal-Avukati tal-Kroazja (Hrvatska odvjetnička komora) tfassal u tadotta Tariffa tar-remunerazzjoni u tar-rimborż tal-ispejjeż tal-avukati (Tarifa o nagradama i naknadi troškova za rad odvjetnika). It-tariffa tiddetermina l-metodu ta’ stima, tal-kalkolu u tal-ħlas għas-servizzi tal-avukati u l-ispejjeż li l-partijiet ikunu meħtieġa jħallsu lil avukat jew lil kumpanija tal-avukati għal servizzi pprovduti permezz ta’ prokura jew deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Att dwar il-Professjoni Legali.
L-ispejjeż tar-rappreżentanza jinkludu s-servizzi tal-avukati flimkien mat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-ispejjeż meħtieġa biex jingħataw dawk is-servizzi. L-ispejjeż tar-rappreżentanza jitħallsu mill-klijent (il-parti).
It-tariffa tar-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tal-avukati tirregola, b’mod partikolari, ir-rimborż tal-ispejjeż relatati mat-tipi differenti ta’ proċedimenti (proċedimenti kriminali u għal reati minuri, proċedimenti ċivili, eċċ.).
L-avukati huma meħtieġa jaderixxu mat-tariffa għal kull servizz ipprovdut u joħorġu fattura lill-parti.
L-elementi tat-tariffa jistgħu jiżdiedu b’100 % jekk ikunu meħtieġa għarfien espert speċifiku u għarfien speċjalizzat fil-kawża jew jekk din tkun partikolarment kumplessa jew timplika riskju partikolari ta’ responsabbiltà għas-servizzi pprovduti.
L-għarfien espert speċifiku u l-għarfien speċjalizzat huma rikonoxxuti b’mod partikolari f’tilwim jew fi proċedimenti kumplessi jew f’xogħol fuq tipi speċifiċi ta’ kuntratti, fejn tkun meħtieġa familjarità ma’, jew skrutinju ta’, liġi barranija jew letteratura legali, jew studju jew riċerka dwar suġġetti speċjalizzati fil-qasam tal-inġinerija, tal-kimika, tat-teknoloġija, tax-xjenza naturali u fiżika, tal-mediċina, tax-xjenza soċjali jew tal-użu ta’ lingwa barranija, eċċ.
Meta jqisu ċ-ċirkustanzi kollha tas-servizzi pprovduti u l-benefiċċji li jakkumulaw għall-parti, l-avukati jistgħu wkoll inaqqsu ċerti elementi tat-tariffa b’50 %.
Il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Avukati (Kodeks odvjetničke etike) jirrikjedi li huma jagħtu lill-klijent ammont approssimattiv tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u li jiġbdulu l-attenzjoni dwar il-possibbiltà li l-ispejjeż mogħtija lill-klijent u li jkollhom jitħallsu mill-kontroparti jistgħu jkunu iktar baxxi mill-ammont iddikjarat fil-fattura tal-avukat.
Spejjeż tal-proċedimenti kriminali
L- Att dwar il-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku; Narodne novine (NN; il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 152/08, 76/09, 80/11, 121/11, 91/12, 143/12, 56/13 u 145/13, 152/14, 70/17, iktar ’il quddiem: is-CPA tal-2008) jiddefinixxi l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali, filwaqt li jiddikjara li dawn l-ispejjeż għandhom jinftiehmu bħala kwalunkwe spiża mġarrba fi proċedimenti kriminali minn meta jibdew sa meta jintemmu, spejjeż relatati mal-kumpilazzjoni tax-xhieda qabel il-proċedimenti kriminali, u spejjeż assoċjati mal-għoti ta’ għajnuna legali. L-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali jinkludu:
- l-ispejjeż relatati max-xhieda, mal-esperti ġudizzjarji, mal-interpreti u ma’ professjonisti oħra; l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni teknika, tat-traskrizzjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-ħoss u l-ispejjeż tal-investigazzjoni fuq il-post; l-ispejjeż tal-ikkupjar jew tar-reġistrazzjoni ta’ fajls jew ta’ partijiet ta’ fajls;
- spejjeż tat-trasport tal-akkużat;
- spejjeż relatati mad-dehra tal-akkużat jew tal-persuna arrestata;
- spejjeż tat-trasport u spejjeż tal-ivvjaġġar ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’kapaċità uffiċjali;
- spejjeż mediċi ta’ akkużat li ma jkunx intitolat għall-kura tas-saħħa waqt id-detenzjoni jew l-arrest preventiv jew f’faċilità medika b’ordni tal-qorti, kif ukoll l-ispejjeż tat-twellid;
- ammont b’rata fissa;
- remunerazzjoni u spejjeż meħtieġa mġarrba mill-avukat difensur, spejjeż meħtieġa mġarrba mill-prosekutur privat u mill-parti leża li taġixxi bħala l-prosekutur u r-rappreżentanti legali tagħha, kif ukoll ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż meħtieġa tal-prokuraturi tagħha;
- spejjeż meħtieġa mġarrba mill-parti leża u r-rappreżentant legali tagħha, kif ukoll ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż meħtieġa tal-prokuratur tagħha.
L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2(1) sa (5) ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imġarrba minn kwalunkwe awtorità ffinanzjata mill-baġit tal-Istat u l-ispejjeż meħtieġa mġarrba mill-avukat difensur u l-prokuratur maħtur għall-parti leża bħala l-prosekutur fi proċedimenti għal reati kriminali ex officio, jitħallsu mir-riżorsi tal-awtorità responsabbli għat-tmexxija tal-proċedimenti kriminali u għandhom jiġu rkuprati fi stadju iktar tard mill-persuni meħtieġa li jkopruhom.
L-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali elenkati fil-punti 1–5 jitħallsu mir-riżorsi tal-awtorità responsabbli għat-tmexxija tal-proċedimenti u għandhom jiġu rkuprati fi stadju iktar tard mill-persuni meħtieġa li jkopruhom, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż imġarrba minn kwalunkwe awtorità ffinanzjata mill-baġit tal-Istat u spejjeż meħtieġa mġarrba mill-avukat difensur u mill-prokuratur maħtur għall-parti leża bħala l-prosekutur fi proċedimenti għal reati kriminali ex officio.
Irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti kriminali, l-akkużati, il-partijiet leżi, il-partijiet leżi li jaġixxu bħala prosekuturi, il-prosekuturi privati, l-avukati difensuri, ir-rappreżentanti legali, il-prokuraturi, ix-xhieda, l-esperti ġudizzjarji, l-interpreti u l-professjonisti jħallsu l-ispejjeż tal-attendenza tagħhom, kwalunkwe dewmien fil-kumpilazzjoni tax-xhieda jew fis-seduti ta’ smigħ u spejjeż tal-proċedimenti oħrajn ikkawżati b’nuqqas min-naħa tagħhom, kif ukoll proporzjon tal-ammont b’rata fissa.
L-akkużati li jinstabu ħatja jiġu ordnati mill-qorti jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali, dment li ma jkunux eliġibbli għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali. Jekk diversi akkużati jinstabu ħatja, kull wieħed minnhom jiġi ordnat mill-qorti jkopri l-proporzjon xieraq tal-ispejjeż jew, jekk dan jirriżulta impossibbli, jiġu ordnati jħallsu l-ispejjeż in solidum.
Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż, il-qorti tista’ teżenta lill-akkużat mill-obbligu tiegħu li jkopri bis-sħiħ jew parzjalment dan li ġej: l-ispejjeż relatati max-xhieda, mal-esperti ġudizzjarji, mal-interpreti u ma’ professjonisti oħra; l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni teknika, tat-traskrizzjoni ta’ reġistrazzjonijiet tal-ħoss u l-ispejjeż tal-investigazzjoni fuq il-post; l-ispejjeż tal-ikkupjar jew tar-reġistrazzjoni ta’ fajls jew ta’ partijiet ta’ fajls; l-ispejjeż tat-trasport tal-akkużat; l-ispejjeż relatati mad-dehra tal-akkużat jew tal-persuna arrestata; l-ispejjeż tat-trasport u tal-ivvjaġġar ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’kapaċità uffiċjali; l-ispejjeż mediċi ta’ akkużat li ma huwiex intitolat għall-kura tas-saħħa waqt il-kustodja jew id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess jew f’faċilità medika skont l-ordni tal-qorti; l-ispejjeż tal-ħlas ta’ trabi; ammont b’rata fissa, kif ukoll ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż meħtieġa tal-avukat tad-difiża maħtur. Jekk dawn iċ-ċirkustanzi jiġu stabbiliti wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-ispejjeż, il-Prim Imħallef (predsjednik vijeća) jista’ joħroġ deċiżjoni speċjali li teżenta lill-akkużat mid-dmir tiegħu li jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali. Il-qorti tista’ titlob lill-akkużat jipprovdi ċertifikat, maħruġ mill-amministrazzjoni tat-taxxa, li jiċċertifika ċ-ċirkustanzi finanzjarji u d-dħul tiegħu.
Madankollu, jekk għaxar snin mid-data li fiha d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali ssir finali, isir magħruf li ċ-ċirkustanzi finanzjarji ta’ persuna kkundannata juru li huwa jinsab f’pożizzjoni li jkopri parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti kriminali, inklużi l-ispejjeż tal-avukat difensur maħtur, fuq mozzjoni tal-prosekutur pubbliku (državni odvjetnik), il-Prim Imħallef jista’ jordna lill-persuna kkundannata, wara li jkun wieġeb għall-mozzjoni, biex tħallas dawk l-ispejjeż kollha jew parti minnhom.
L-akkużat mhuwiex meħtieġ mis-CPA/08 li jħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti f’kull każ. Jekk il-proċedimenti kriminali jiġu sospiżi jew toħroġ sentenza li tillibera lill-akkużat mill-akkużi jew li tiċħad l-akkużi, l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali u l-ispejjeż meħtieġa mġarrba mill-akkużat, kif ukoll ir-remunerazzjoni tal-avukat difensur, ikollhom jitħallsu mill-baġit tal-Istat.
Il-prosekutur privat u l-parti leża bħala l-prosekutur ikollhom ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali, l-ispejjeż meħtieġa mġarrba mill-akkużat u r-remunerazzjoni u l-ispejjeż imġarrba mill-avukat difensur tiegħu jekk il-proċedimenti jintemmu permezz ta’ sentenza li teħles lill-akkużat mill-akkużi jew li tiċħad l-akkużi, jew permezz ta’ deċiżjoni li tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jkunux diġà ġew sospiżi, jew jekk sentenza li tiċħad l-akkużi tinħareġ minħabba l-mewt tal-akkużat jew minħabba li l-prosekuzzjoni tkun saret preskritta minħabba dewmien fil-proċedimenti bl-ebda tort tal-parti leża bħala l-prosekutur jew tal-prosekutur privat. Jekk il-proċedimenti jiġu sospiżi għal raġunijiet ta’ rtirar tal-akkużi jew ta’ waqfien mill-prosekuzzjoni, l-akkużat u l-prosekutur privat jew il-parti leża bħala l-prosekutur jistgħu jaslu għal soluzzjoni tal-ispejjeż rispettivi tagħhom. Jekk ikun hemm diversi prosekuturi privati jew partijiet leżi bħala prosekuturi, dawn kollha jġarrbu l-ispejjeż in solidum.
Regolamenti li jirregolaw l-ispejjeż tal-proċedimenti – bażi ġuridika
L-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali hija disponibbli fl-Artikoli 145 sa 152 tat-Titolu X tas-CPA tal-2008, l-Att dwar il-Professjoni Legali, l-Att dwar ir-remunerazzjoni tal-avukati u r-rimborżi tal-ispejjeż, u l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti(Zakon o sudskim pristojbama) (inti tħallas tariffa tal-qorti ta’ HRK 250.00 jekk il-proċedimenti kriminali jinbdew b’akkużi privati).
Informazzjoni online dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti
Dawn l-atti kollha huma disponibbli fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Narodne novine, jew fuq is-sit web tal-Kamra tal-Avukati Kroata.
Taxxa fuq il-Valur Miżjud
Peress li l-avukati huma soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), is-servizzi tagħhom huma wkoll soġġetti għal dan l-obbligu fiskali. Ir-rata tal-VAT mitluba f’kull fattura maħruġa minn avukat hija ta’ 25 %. Għandu jiġi nnutat li t-tabelli speċifikati fit-Tariffa tar-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tal-avukati ma jinkludux il-VAT, li tintalab meta tinħareġ il-fattura.
Spejjeż tal-proċedimenti ta’ kontravenzjonijiet
L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ kontravenzjonijiet jinkludu:
- spejjeż imġarrba mill-korp tal-amministrazzjoni tal-istat bħala l-prosekutur awtorizzat wara li jidentifika delitt permezz ta’ mezzi tekniċi jew billi jwettaq l-analiżijiet meħtieġa u l-evalwazzjonijiet mill-esperti;
- kwalunkwe spiża tal-qorti mħallsa bil-quddiem mill-allokazzjoni tagħha tal-baġit tal-Istat waqt li tkun qed tmexxi l-proċedimenti (spejjeż relatati ma’ xhieda, esperti ġudizzjarji, interpreti u professjonisti oħrajn; spejjeż ta’ investigazzjoni fuq il-post; spejjeż tad-dehra tal-akkużat jew ta’ persuni oħrajn; spejjeż tal-ivvjaġġar u remunerazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’kapaċità uffiċjali, eċċ.);
- ammont b’rata fissa tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ delitti:
- imġarrba mill-awtoritajiet responsabbli mit-tmexxija tal-proċedimenti;
- imġarrba mill-qorti muniċipali (općinski sud) li tiddeċiedi dwar oġġezzjoni għal mandat obbligatorju ta’ delitt;
- imġarrba mill-Qorti Għolja għad-Delitti tal-Kroazja (Visoki prekršajni sud) meta tagħti d-deċiżjoni finali tagħha dwar il-responsabbiltà tal-akkużat għal delitt, jekk tkun iddeliberat dwar appell imressaq kemm mill-prosekutur kif ukoll mill-akkużat, jew dwar appell imressaq mill-akkużat biss.
- spejjeż mediċi ta’ akkużat li ma jkunx intitolat għal kura tas-saħħa waqt li jkun taħt arrest preventiv jew f’faċilità medika b’ordni tal-qorti;
- spejjeż tal-ivvjaġġar tal-akkużat;
- spejjeż meħtieġa mġarrba mill-parti leża u l-parti leża bħala l-prosekutur, kif ukoll mir-rappreżentanti legali u l-prokuraturi tagħha;
- spejjeż meħtieġa u remunerazzjoni li titħallas lill-avukat difensur tal-akkużat.
L-ammont b’rata fissa jiġi ddeterminat fil-limiti stabbiliti minn regolament speċifiku, waqt li jitqiesu l-kumplessità u t-tul tal-proċedimenti u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tal-akkużat.
Il-qorti tirkupra l-ispejjeż tal-proċedimenti mħallsa bil-quddiem mill-allokazzjoni tagħha tal-baġit tal-Istat fi stadju iktar tard mill-akkużat jew persuni oħrajn meħtieġa li jħallsuhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att.
Il-qorti żżomm lista separata ta’ kwalunkwe spiża mġarrba, relatata mal-ispejjeż imġarrba mill-korp tal-amministrazzjoni tal-Istat bħala l-prosekutur awtorizzat bħala riżultat tal-identifikazzjoni tal-kontravenzjonijiet bl-użu ta’ mezzi tekniċi jew billi twettaq l-analiżijiet u l-evalwazzjonijiet esperti meħtieġa; kwalunkwe spiża tal-qorti mħallsa bil-quddiem mill-allokazzjoni tal-baġit tal-Istat tagħha waqt it-twettiq tal-proċedimenti (spejjeż relatati max-xhieda, mal-esperti ġudizzjarji, mal-interpreti u ma’ professjonisti oħra; spejjeż ta’ investigazzjoni fuq il-post; spejjeż tad-dehra tal-konvenut jew ta’ persuni oħra; l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u r-remunerazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li taġixxi f’kapaċità uffiċjali, eċċ.); u l-ispejjeż mediċi ta’ konvenut li ma jkunx intitolat għall-kura tas-saħħa waqt li jkun taħt arrest preventiv jew f’faċilità medika b’ordni tal-qorti.
Il-persuna li titlob ir-rimborż ta’ dawn l-ispejjeż tkun trid tissottometti lill-qorti speċifikazzjoni tal-ispejjeż, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa u l-evidenza tal-ispejjeż imġarrba.
L-ispejjeż tal-interpretazzjoni f’lingwi ta’ minoranzi fil-Kroazja li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u tal-Att dwar id-Dritt tal-Minoranzi Nazzjonali li Jużaw il-Lingwa u l-Kitba tagħhom fir-Repubblika tal-Kroazja (Zakon o uporabi jezika i pisma nacionalnih manjina u Republici Hrvatskoj) ma jitħallsux mill-persuni li huma meħtieġa li jkopru l-ispejjeż tal-proċedimenti skont dan l-Att.
Il-ministru responsabbli għall-ġustizzja joħroġ regoli li jispjegaw ir-rimborż tal-ispejjeż ta’ proċedimenti ta’ kontravenzjonijiet.
Il-kwistjoni ta’ min hu responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż u l-kwistjoni tad-deliberazzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti huma rregolati mill-Artikoli 139 u 140 tal-Att dwar il-Kontravenzjonijiet (Prekršajni zakon; NN Nri 107/07, 39/13, 157/13, 110/15, 70/17 u 118/18).
Spejjeż tal-proċedimenti ċivili
L-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili jikkonsistu fi spejjeż eliġibbli mġarrba waqt il-proċedura jew bl-iskop tagħha. Ċerti spejjeż, bħat-tariffi tal-qorti, huma relatati mal-funzjonament tal-awtorità responsabbli għat-twettiq tal-proċedimenti; spejjeż oħra, bħall-ispejjeż tal-evalwazzjonijiet esperti jew tas-servizzi ta’ interpretazzjoni, jirreferu għall-ispejjeż pagabbli lill-espert ġudizzjarju jew lill-interpretu tal-qorti. L-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili jinkludu wkoll spejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza u t-telf ta’ qligħ rimborżat lix-xhud, iżda l-parti l-kbira tal-ispejjeż jkunu dawk li jġarrab l-avukat li jirrappreżenta lill-partijiet għar-rappreżentanza fil-proċedimenti.
Ħafna mid-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż imġarrba fil-proċedimenti ċivili jinsabu fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku), inklużi l-ispejjeż tal-kumpilazzjoni tax-xhieda (l-Artikolu 168 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili), l-ispejjeż għat-tressiq ta’ ftehim bonarju dwar tilwim f’kawżi għad-danni jew l-ispejjeż imġarrba minn parti li jkollha l-intenzjoni li tiftaħ kawża ċivili sabiex tipproteġi d-drittijiet individwali tagħha. Madankollu, qabel dan, hija tkun trid tressaq talba għal ftehim bonarju dwar it-tilwima (l-Artikolu 186(a) tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Bħala regola, dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-parti li tressaq il-mozzjoni iżda dawn jistgħu jiġu rrimborżati lilha sussegwentement bħala parti mill-ispejjeż tat-tilwima, skont is-suċċess tagħha fit-tilwima.
L-ispejjeż imġarrba waqt il-proċedimenti ċivili huma relatati mal-ispejjeż meħtieġa biex jiġu ppruvati ċerti fatti (l-ispejjeż tal-evidenza, l-ispejjeż tad-dehra tax-xhieda) u l-ispejjeż tar-rappreżentanza.
Ir-rimborż ta’ dawn l-ispejjeż kollha mill-kontroparti jiddependi mis-suċċess fil-proċedimenti. Fil-prinċipju, kull parti trid tħallas, bil-quddiem, l-ispejjeż li ġġarrab b’riżultat tal-kawża tagħha (l-Artikolu 152 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili), filwaqt li l-parti li jirnexxilha tirbaħ għalkollox it-tilwima tkun intitolata għal rimborż sħiħ tal-ispejjeż tal-proċedimenti (l-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili). Madankollu, għandu jitqies ukoll jekk dawn l-ispejjeż kinux meħtieġa għall-iskop tat-tilwima, peress li l-parti tkun intitolata biss għar-rimborż ta’ dawn l-ispejjeż (l-Artikolu 155 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Il-qorti tista’ tordna lil kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha stess meta s-suċċess tagħha fil-proċedimenti jkun parzjali jew tordna lil parti tirrimborża proporzjon mill-ispejjeż lill-parti l-oħra u lill-intervenjent.
Il-qorti tista’ tiddeċiedi li parti għandha tħallas l-ispejjeż kollha mġarrba mill-kontroparti u l-intervenjent tagħha jekk il-kontroparti titlef biss parti mit-talba tagħha, li jirriżulta fl-ebda spiża speċifika.
Iż-żewġ prinċipji bażiċi li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili huma l-prinċipju tas-suċċess (causae) u l-prinċipju tat-tort (culpe).
Parti li ġġarrab l-ispejjeż b’nuqqas tagħha stess jew minħabba avveniment li ġralha ma tkunx intitolata għar-rimborż tal-ispejjeż mill-kontroparti, irrispettivament minn jekk tirbaħx it-tilwima (l-Artikolu 156 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż f’każ ta’ rinunzja jew ta’ tilwima b’ħafna partijiet jew f’każ li tinstab soluzzjoni bil-qorti huwa rregolat bl-Artikoli 158(1), 159, 161 u 324 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili.
L-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili, kif ukoll it-tariffi tal-qorti, huma ddeterminati skont il-valur tas-suġġett tal-kawża fiż-żmien meta titressaq azzjoni ta’ litigazzjoni, pjuttost milli skont kemm jista’ jkun il-valur tagħha meta tiġi konkluża s-seduta prinċipali. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili huma ddeterminati b’mod proporzjonali mis-suċċess relattiv tal-valur tas-suġġett tal-kawża fiż-żmien meta tiġi konkluża s-seduta prinċipali.
L-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tal-qorti huwa rregolat mill-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti.
Parti fi proċedimenti ġudizzjarji tista’ teżerċita d-dritt għall-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċediment u d-dritt għal għajnuna legali kwalifikata bil-mod stabbilit u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolamenti separati li jirregolaw l-għajnuna legali mingħajr ħlas (l-Artikolu 172 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rimborż tal-ispejjeż fuq talba speċifika tal-parti, mingħajr smigħ. Fit-talba, il-parti tkun meħtieġa tispeċifika l-ispejjeż li tagħhom tkun qed titlob ir-rimborż. It-talba dwar l-ispejjeż trid tiġi ppreżentata mill-parti mhux aktar tard minn tmiem il-proċedimenti orali qabel id-deliberazzjonijiet dwar l-ispejjeż. Madankollu, jekk tali deċiżjoni tkun se tinħareġ mingħajr proċediment orali preċedenti, il-parti trid tinkludi talba dwar l-ispejjeż f’mozzjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti. Il-qorti tiddeċiedi dwar it-talba dwar l-ispejjeż f’sentenza jew tordna l-għeluq tal-proċedimenti quddiem dik il-qorti (l-Artikolu 164 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Deċiżjoni dwar spejjeż li tkun inkluża fis-sentenza tista’ tiġi kkontestata biss bi kwerela mressqa kontra l-ordni sakemm id-deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża ma tiġix ikkontestata fl-istess ħin (l-Artikolu 167 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Spejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni
L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jikkonsistu fi spejjeż imġarrba mill-partijiet, il-qorti u parteċipanti oħrajn fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew b’rabta magħhom.
L- Att dwar l-Eżekuzzjoni (Ovršni zakon) fih ftit dispożizzjonijiet relattivament li jirregolaw l-ispejjeż ta’ tali proċedimenti. Artikolu wieħed biss jittratta esklużivament ir-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 14 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Dan jispeċifika l-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż tal-proċedimenti, il-konsegwenzi tan-nuqqas tal-partijiet li jikkonformaw mal-obbligu li jħallsu l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti bil-quddiem, u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fi proċedimenti dwar garanzija.
L-Att dwar l-Eżekuzzjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet li jippermettu qorti tordna r-rimborż tal-ispejjeż. Minflok, skont l-Artikolu 21(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili huma applikati kif xieraq.
F’konformità mal-Att dwar it-Twettiq ta’ Eżekuzzjoni Kontra Fondi Monetarji (Zakon o provedbi ovrhe na novčanim sredstvima) tal-1 ta’ Jannar 2011, l-Aġenzija Finanzjarja (FINA) twettaq l-eżekuzzjoni fuq il-fondi monetarji ta’ entitajiet kummerċjali u taċ-ċittadini, kontra kull kont u depożitu fiss tagħhom fil-banek kollha, skont in-numru tal-identifikazzjoni personali tad-debitur tal-eżekuzzjoni, mingħajr il-kunsens tagħhom.
F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regoli dwar it-tipi u l-ammont ta’ tariffi għas-servizzi stipulati fl-Att dwar it-Twettiq ta’ Eżekuzzjoni Kontra Fondi Monetarji (Pravilnik o vrstama i visini naknada za obavljanje poslova propisanih Zakonom o provedbi ovrhe na novčanim sredstvima), il-maniġment ta’ FINA jiddetermina l-ammont tat-tariffi msemmija fir-Regoli fil-lista tal-prezzijiet tiegħu, li tiġi approvata mill-Ministru għall-Finanzi. Estratt mil-Lista tal-Prezzijiet għas-servizzi ta’ FINA skont l-Att dwar it-Twettiq ta' Eżekuzzjoni Kontra Fondi Monetarji jista’ jitniżżel mis-sit web uffiċjali tagħha.
L-ispejjeż tal-proċedimenti relatati mal-ordni u it-twettiq ta' eżekuzzjoni u tal-garanzija għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-kreditur tal-eżekuzzjoni jew mill-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan. Il-kreditur tal-eżekuzzjoni jew il-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan irid iħallas l-ispejjeż tal-proċediment bil-quddiem f’terminu stipulat mill-qorti.
Fil-każ tal-eżekuzzjoni kontra proprjetà mobbli, il-qorti tordna lill-kreditur tal-eżekuzzjoni biex iħallas bil-quddiem l-ispejjeż meħtieġa biex jitwettqu ċerti azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni (azzjonijiet meħuda mill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni tal-qorti għall-finijiet ta’ sekwestru u evalwazzjoni, konfiska, tneħħija jew ċediment ta’ proprjetà mobbli għall-kustodja tal-qorti jew tal-kreditur tal-eżekuzzjoni jew terza persuna) f’terminu speċifiku. Il-kreditur tal-eżekuzzjoni ma jkollu l-ebda dritt li jappella minn tali deċiżjoni u jkun meħtieġ jikkonforma magħha. L-ispejjeż jitħallsu bil-quddiem fil-kont tad-depożiti tal-qorti.
Jekk il-kreditur tal-eżekuzzjoni jew il-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan jonqos milli jikkonforma mad-deċiżjoni tal-qorti biex iħallas bil-quddiem l-ispejjeż fit-terminu stipulat mill-qorti u ma tkunx tista’ tittieħed azzjoni ta’ eżekuzzjoni jew ta’ garanzija mingħajr il-ħlas tagħhom, il-qorti tissospendi l-eżekuzzjoni. Jekk l-ispejjeż meħtieġa biex tittieħed ċerta azzjoni li ma tkunx essenzjali għall-eżekuzzjoni ma jitħallsux fit-terminu stipulat mill-qorti, l-azzjoni ma titteħidx (l-Artikolu 14(2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).
F’każ ta’ eżekuzzjoni kontra proprjetà immobbli, waħda mill-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tinvolvi d-determinazzjoni tal-valur tal-proprjetà. Din issir permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti fid-diskrezzjoni tagħha wara seduta li fiha l-partijiet jingħataw l-opportunità li jressqu d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwarha u l-evidenza ta’ sostenn (l-Artikolu 92(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Madankollu, parti jew oħra tista’ tipproponi wkoll li l-valur tal-proprjetà immobbli jiġi ddeterminat permezz ta’ evalwazzjoni esperta mħejjija minn espert ġudizzjarju xieraq. F’dak il-każ, din il-parti trid tħallas bil-quddiem l-ispejjeż tal-evalwazzjoni esperta.
Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw ir-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, l-Att dwar l-Eżekuzzjoni jinkludi, fil-parti li tirregola l-eżekuzzjoni kontra l-proprjetà immobbli, dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti li jiddeterminaw l-ordni tas-saldu fil-qsim tal-prezz tax-xiri.
Il-qligħ mill-bejgħ jeħtieġ li jkopri l-ewwel nett l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni relatati mat-tariffi tal-qorti u l-ħlasijiet bil-quddiem imħallsa biex jittieħdu azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll taxxi u imposti oħrajn dovuti għas-sena preċedenti u imposti fuq il-proprjetà mibjugħa. Dawn l-ispejjeż jingħataw prijorità fuq it-talbiet l-oħrajn kollha, kemm mill-partijiet kif ukoll minn parteċipanti oħrajn fil-proċedimenti (l-Artikolu 113(1)(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).
Rigward il-pożizzjoni legali tal-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan f’każ ta’ eżekuzzjoni kontra proprjetà immobbli, il-ġurisprudenza turi li, minbarra l-partijiet, il-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan ukoll ikun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti.
L-eżekuzzjoni kontra l-proprjetà immobbli tirrikjedi l-użu ta’ uffiċjal tal-eżekuzzjoni tal-qorti, li jkun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż. F’dan il-każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili fuq ir-rimborż tal-ispejjeż (l-Artikolu 155 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili jipprevedi l-ispejjeż li għandhom jiġu rimborżati, u l-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili jistabbilixxi l-arranġamenti għar-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti).
Peress li l-Att dwar l-Eżekuzzjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-mod kif jiġi deċiż l-ammont tal-ispejjeż tal-proċedimenti, l-awtoritajiet li jiddeċiedu l-ispejjeż japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, waqt li jispeċifikaw li, fid-deċiżjoni ta’ liema spejjeż għandhom jiġu rimborżati lil parti, il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż li kienu meħtieġa biex jitwettqu l-proċedimenti. L-ispejjeż meħtieġa u l-ammont tal-ispejjeż jiġu deċiżi mill-qorti, li teżamina bir-reqqa ċ-ċirkustanzi kollha, u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regoli tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili li jirregolaw il-proċedura preparatorja għas-seduta ewlenija, li tinvolvi sottomissjonijiet bil-miktub, seduta preparatorja waħda u seduta ewlenija waħda (l-Artikolu 155 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
Minbarra l-ispejjeż tar-rappreżentanza minn avukat tal-kreditur tal-eżekuzzjoni, fil-każ tal-eżekuzzjoni abbażi ta’ strument awtentiku, il-kreditur tal-eżekuzzjoni jkun intitolat ukoll għar-rimborż tal-ispejjeż tat-tariffi notarili.
Ir-Regoli dwar it-tariffi u r-remunerazzjoni tan-nutara fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o naknadi i nagradi javnih bilježnika u ovršnom postupku) jispeċifikaw li l-ispejjeż ta’ azzjonijiet meħuda min-nutara meta jirċievu mozzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u joħorġu ordnijiet ta’ eżekuzzjoni skont strument awtentiku għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-kreditur tal-eżekuzzjoni. Jekk il-kreditur tal-eżekuzzjoni jonqos milli jħallas l-ispejjeż bil-quddiem, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jiġu sospiżi (l-Artikolu 14(2) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).
Il-fatt li proprjetà mobbli ma tkunx tista’ tinbiegħ f’subbasti u li t-talba tal-kreditur tal-eżekuzzjoni tibqa’ ma titħallasx ma jfissirx li l-kreditur tal-eżekuzzjoni ma jkunx ġarrab l-ebda spiża meħtieġa tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.
L-ispejjeż tal-ftuħ tal-proċedimenti mill-qorti ex officio huma pagabbli bil-quddiem mill-qorti mir-riżorsi proprji tagħha. L-Att dwar l-Eżekuzzjoni jipprevedi l-possibbiltà tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ex officio, sakemm dan ikun stipulat espressament bil-liġi.
In-nutara li jimplimentaw l-eżekuzzjoni skont strumenti awtentiċi għandhom ċerti spejjeż, bħal tariffi notarili jew spejjeż materjali li jistgħu jkunu relatati ma’ servizzi ta’ konsenja jew postali, jew l-ispejjeż tal-kartolerija, eż. karti eċċ., kif ukoll dawk relatati mal-abbozzar tal-mozzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk dan isir minn avukat. Dawn l-ispejjeż iridu jitħallsu bil-quddiem mill-kreditur tal-eżekuzzjoni.
L-eżekuzzjoni taħt titolu eżegwibbli tiġi eżegwita mill-qrati. F’dan il-każ, l-ispejjeż li għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-kreditur tal-eżekuzzjoni jikkonsistu f’tariffi tal-qorti, kif ukoll spejjeż relatati mat-tħejjija tal-mozzjonijiet tal-eżekuzzjoni mill-avukati.
Id-debitur tal-eżekuzzjoni jew min jagħti b’rahan irid jirrimborża l-ispejjeż meħtieġa għall-proċeduri ta eżekuzzjoni jew ta’ garanzija lill-kreditur tal-eżekuzzjoni jew lill-kreditur li favur tiegħu jsir ir-rahan (l-Artikolu 14(4) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Dik id-dispożizzjoni legali tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti.
Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-ispejjeż meħtieġa [li tkun ibbażata] fuq l-ordni ta’ eżekuzzjoni skont strument awtentiku jew mozzjoni mgħoddija lill-qorti kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni u twassal id-deċiżjoni lill-partijiet, il-kreditur tal-eżekuzzjoni jkun intitolat għal rimborż tat-tariffi notarili f’ammont skont l-ammont tat-talba, u jkun intitolat ukoll li jiġbor il-VAT fuq dak l-ammont.
Il-kawżi li fihom il-kreditur tal-eżekuzzjoni ma jkunx intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti huma regolati mill-Artikolu 39(1), (2) u (3) u 72(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni.
Il-kreditur tal-eżekuzzjoni jkun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż ikkawżati lilu minħabba t-tort tal-kontroparti jew minħabba avveniment li ġara lil din tal-aħħar, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti (l-Artikolu 156 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, li japplika skont l-Artikolu 21(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Din id-dispożizzjoni hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili li tirregola r-rimborż tal-ispejjeż tal-proċedimenti fuq il-prinċipju tat-tort.
Madankollu, id-debitur tal-eżekuzzjoni (jew min jagħti b’rahan) ukoll ikun intitolat għal rimborż ta’ kwalunkwe spiża tal-proċedimenti kkawżati indebitament mill-kreditur tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 14(5) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni).
It-talba dwar l-ispejjeż għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard minn 30 jum wara d-data li fiha jkunu ġew konklużi l-proċedimenti (l-Artikolu 14(6) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni). Deċiżjoni dwar it-talba dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti tingħata bħala parti integrali mill-ordni ta’ eżekuzzjoni jew bħala ordni separata li, jekk issir finali, tikkostitwixxi titolu eżegwibbli li permezz tiegħu tista’ tintalab l-eżekuzzjoni fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni oħrajn.
Ir-regolamenti li jirregolaw l-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili u ta’ eżekuzzjoni:
Att dwar il-Proċedura Ċivili (NN Nri 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13, 89/14 u 70/19)
Att dwar l-Eżekuzzjoni (NN Nri 112/12, 25/13, 93/14, 55/16, 73/17 u 131/20)
Att dwar it-Twettiq ta’ Eżekuzzjoni Kontra Fondi Monetarji (NN Nri 68/18, 2/20, 46/20 u 47/20)
Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (NN Nru 118/18)
Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (NN Nru 143/13)
Tariffa tar-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tal-avukati (NN Nri 142/12, 103/14, 118/14 u 107/15)
Regoli dwar it-tariffa temporanja tan-nutara (Pravilnik o privremenoj javnobilježničkoj tarifi) (NN Nri 38/94, 82/94, 52/95, 115/12, 120/15 u 64/19)
Regoli dwar it-tariffi u r-remunerazzjoni tan-nutara fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (NN Nru 9/21)
Regoli dwar ir-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tan-nutara li jaġixxu bħala fiduċjarji maħtura mill-qorti fi proċedimenti tas-suċċessjoni (Pravilnik o visini nagrade i naknade troškova javnog bilježnika kao povjerenika suda u ostavinskom postupku) (NN Nru 135/03)
Regoli dwar it-tariffa tar-rimborż tal-ispejjeż u r-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ aġenti b’kummissjoni ċertifikati (Pravilnik o tarifi za naknadu troškova i nagradu za obavljanje javne komisione djelatnosti) (NN Nru 115/12)
Regoli dwar it-tipi u l-ammont ta’ tariffi għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u mobbli fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Pravilnik o vrstama i visini naknada za obavljanje poslova provedbe prodaje nekretnina i pokretnina u ovršnom postupku) (NN Nru 156/14)
Regoli dwar it-tipi u l-ammont ta’ tariffi għas-servizzi stabbiliti fl-Att dwar it-Twettiq ta’ Eżekuzzjoni Kontra Fondi Monetarji (NN Nru 71/18)
Regoli dwar it-tariffi għat-twettiq ta’ dmirijiet uffiċjali barra l-bini tal-qorti (Pravilnik o naknadama za obavljanje službenih radnji izvan zgrade suda) (NN Nru 38/14)
Dawn l-atti u r-regolamenti kollha huma disponibbli fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja (Narodne novine) jew fis-sit web tal-kmamar professjonali u tal-FINA.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.