Spejjeż

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali

Il-prattikanti legali mhumiex maqsumin f’kategoriji differenti fir-Repubblika ta’ Ċipru (jiġifieri avukati fil-qrati inferjuri, avukati fil-qrati superjuri, u tipi oħrajn ta’ avukati). Il-prattikanti legali kollha mniżżlin fir-Reġistru tal-Avukati għandhom jeddijiet indaqs li jidhru fil-qrati nazzjonali u li jipprattikaw il-liġi b’mod ġenerali. Dan japplika irrispettivament minn jekk avukat ikollux it-titolu ta’ avukat fil-qrati inferjuri jew ta’ avukat fil-qrati superjuri barra mill-pajjiż. It-terminu li jintuża għall-prattikanti legali kollha huwa dak ta’ “avukat”.

Avukati (Δικηγόροι)

Id-drittijiet għas-servizzi legali huma ffissati fuq il-bażi ta’ skala ta’ spejjeż tal-qrati approvata mill-Qorti Suprema (Ανώτατο Δικαστήριο).

Għas-servizzi ta’ barra mill-qrati, hemm skali li jiffissaw id-dritt legali minimu.

Fiż-żewġ każijiet, l-avukat jista’ jagħmel ftehim mal-klijent biex jingħata dritt ogħla.

Fil-każ tal-kawżi fil-qrati, dan irid jiġi ddikjarat b’mod uffiċjali.

Hemm żewġ kategoriji ta’ bailiffs f’Ċipru:

  1. Bailiffs tas-settur privat, li jikkonsenjaw dokumenti tal-qrati.
  2. Bailiffs tal-qrati, li jkunu impjegati maċ-Ċivil u jkunu inkarigati biex jikkompletaw il-proċeduri ħalli jkunu infurzati s-sentenzi tal-qrati (eż. ordnijiet għall-qbid u għall-bejgħ ta’ proprjetà mobbli).

Id-drittijiet għall-bailiffs tas-settur privat biex jikkonsenjaw id-dokumenti jiġu kkalkolati skont kemm ikun bogħod l-indirizz fejn trid issir il-konsenja.

Il-bailiffs tal-qrati huma impjegati maċ-Ċivil u jitħallsu b’salarju kull xahar. Il-partijiet għall-kawż li jippreżentaw applikazzjoni biex jittieħdu miżuri ta’ infurzar iħallsu t-taxxa tal-boll tal-Istat, li l-ammont tagħha huwa stabbilit fir-regoli tal-proċedura u li jiddependi mit-tip ta’ miżura ta’ infurzar u l-ammont li qed jipprovaw jiġbru.

Drittijiet preskritti

Drittijiet preskritti fi proċedimenti ċivili

Drittijiet preskritti għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż inizjali għad-drittijiet tal-qrati huma preskritti fuq il-bażi tal-iskala tal-petizzjoni jew xi proċedura oħra u jitħallsu meta tiġi ppreżentata l-petizzjoni. Id-drittijiet tal-qrati mhumiex preskritti bħala somma speċifika; huma jiddependu minn kif tipproċedi l-kawża u jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ skala approvata.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili fejn iridu jitħallsu d-drittijiet preskritti

L-ispejjeż inizjali għad-drittijiet tal-qrati jitħallsu meta tiġi ppreżentata l-petizzjoni.

Drittijiet preskritti fi proċedimenti kriminali

Drittijiet preskritti għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

Jekk l-akkużat jinstab ħati, jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispiża tal-proċedimenti. Ġeneralment dan ikun evitat fejn tingħata sentenza ta’ ħabs, f’liema każ l-ispejjeż jitħallsu mill-Istat, l-istess kif jiġri meta l-akkużat ma jinstabx ħati.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali fejn iridu jitħallsu d-drittijiet preskritti

L-ispejjeż, ħlief għall-ispejjeż inizjali li jkunu diġà tħallsu fil-forma ta’ taxxa tal-boll meta tressqet il-kawża, jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti.

Drittijiet preskritti fi proċedimenti kostituzzjonali

Drittijiet preskritti għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

L-ispejjeż jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-iskala rilevanti.

L-istadju tal-proċedimenti kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu d-drittijiet preskritti

Id-drittijiet jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti, ħlief għall-ispejjeż tal-qrati, li jitħallsu meta jitressaq ir-rikors.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

L-obbligi tal-avukati fil-konfront tal-klijenti huma elenkati fir-Regolamenti dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Avukati tal-2002 (Οι περί Δεοντολογίας των Δικηγόρων Κανονισμοί του 2002) (Gazzetta tal-Gvern tar-Repubblika, Anness C(1) Nru 237 tas-17.5.2002 (Att Amministrattiv Regolatorju 237/2002).

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż f’Ċipru?

L-iktar sorsi tal-ispejjeż importanti huma elenkati fuq is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

L-informazzjoni tingħata bil-Grieg.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit elettroniku disponibbli dwar informazzjoni dwar l-ispejjeż:

Is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Tista’ ssib statistiċi dwar ix-xogħol imwettaq mill-qrati tar-Repubblika ta’ Ċipru fuq is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema bil-Grieg u bl-Ingliż.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif nista’ nikseb informazzjoni rilevanti?

Id-drittijiet tal-avukat huma suġġetti għal VAT ta’ 15%, sakemm l-avukat li jipprovdi s-servizzi jkun irreġistrat għall-finijiet tal-VAT.

X’inhi r-rata applikabbli?

Ir-rata tal-VAT hija ta’ 15%.

Għajnuna Legali

Limitu tad-dħul applikabbli fi proċedimenti ċivili

M’hemm l-ebda għajnuna legali fil-proċedimenti ċivili.

Limitu tad-dħul applikabbli fi proċedimenti kriminali għall-akkużati

L-akkużati fi proċedimenti kriminali huma intitolati għal għajnuna legali mingħajr ħlas jekk id-dħul tagħhom ma jkunx biżżejjed biex iħallsu s-servizzi ta’ avukat u l-qorti tikkunsidra li l-għajnuna legali mingħajr ħlas tkun fl-interessi tal-ġustizzja. M’hemm l-ebda limitu tad-dħul iddefinit minn qabel. Il-qorti teżamina l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-evidenza kollha, inkluż rapport ippreparat mid-Dipartiment tas-Servizzi tal-Għajnuna Soċjali (Τμήμα Υπηρεσιών Κοινωνικής Ευημερίας) dwar id-dħul u r-rekwiżiti tal-akkużat.

Limitu tad-dħul applikabbli fi proċedimenti kriminali għall-vittmi

Ġeneralment, ma tkunx il-vittma tar-reat li tagħti bidu għal proċedimenti kriminali imma l-Istat, li jħallas l-ispejjeż rilevanti. Għalhekk, m’hemm l-ebda dispożizzjoni biex tkun ipprovduta għajnuna legali mingħajr ħlas lill-vittmi.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-vittmi

Ġeneralment, ma tkunx il-vittma tar-reat li tagħti bidu għal proċedimenti kriminali imma l-Istat, li jħallas l-ispejjeż rilevanti. Għalhekk, m’hemm l-ebda dispożizzjoni biex tkun ipprovduta għajnuna legali mingħajr ħlas lill-vittmi.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-akkużati

Skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, ir-reat li jkun akkużat bih l-akkużat irid iġorr piena ta’ sentenza ħabs ta’ mill-inqas 12-il xahar sabiex l-akkużat jikkwalifika għall-għajnuna legali. Madankollu, id-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet ikkunsidrata bħala antikostituzzjonali u, għaldaqstant, wieħed għandu jassumi li l-faċilità ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas teżisti fil-każijiet kollha.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Ġeneralment, il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra, għalkemm il-kwistjoni tal-ispejjeż taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-qorti, li tista’ tordna mod ieħor.

Links relatati

Drittijiet u spejjeż tal-qrati

Dejta statistika (Grieg)

Dejta statistika (Ingliż)

Dokumenti relatati

Ir-rapport ta’ Ċipru fuq l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż PDF (555 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.