Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Spejjeż

L-Ingilterra u Wales

Din il-paġna tagħtik informazzjoni indikattiva dwar l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ġustizzja fl-Ingilterra u Wales. Tiddiskuti suġġetti inklużi d-drittijiet ta’ professjonisti legali, l-għajnuna legali, il-medjazzjoni u l-ispejjeż fissi, bħall-ispejjeż tal-qorti.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċeduri?

Sit web disponibbli dwar it-tagħrif dwar l-ispejjeż

Bħalissa l-informazzjoni dwar il-proċess u l-ispejjeż tal-proċeduri tal-qorti fl-Ingilterra u Wales qed tiġi ppreparata għal Directgov, is-sit web tal-Gvern tar-Renju Unit. Directgov jipprovdilek b’aċċess faċli għall-informazzjoni tal-gvern.

Is-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha (HMCS –Her Majesty’s Court Service) jipprovdilek informazzjoni speċifika dwar drittijiet tal-qorti fl-Ingilterra u Wales (minflok l-ispejjeż kollha differenti tal-proċeduri). Is-sit web joffrilek informazzjoni dwar l-ispejjeż differenti tal-qorti mitluba fil-qrati fl-Ingilterra u Wales u jekk għandekx tħallashom. Hija wkoll disponibbli informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni jew liġijiet dwar l-ispejjeż tal-qorti.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar iż-żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

M’hemm ebda żmien medju għaliex kull kawża difiża hija differenti. Il-qorti involuta tista’ tkun f’pożizzjoni tissuġġerixxi kemm bejn wieħed u ieħor idumu ċerti tipi ta’ każijiet.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż totali medji għal proċedura partikolari?

M’hemm l-ebda medja peress illi kull kawża difiża hija differenti. Avukat b’esperjenza f’tip partikolari ta’ proċediment jista’ jkun f’pożizzjoni jagħtik firxa tal-ispejjeż.

It-Taxxa tal-Valur Miżjud

L-ispejjeż tal-avukati: Normalment il-VAT jitħallas fuq l-ispejjeż tal-avukati (solicitors u barristers) u fuq ċerti spejjeż (b’rata ta’ 15 fil-mija, għalkemm din ir-rata x’aktarx terga’ titla’ għal 17.5 fil-mija fl-2010). Fir-Renju Unit, ir-reġistrazzjoni ghall-VAT hija obbligatorja jekk jintlaħqu ċerti limiti ta’ dħul. Ara s-sit web tad-Dħul u d-Dwana tal-Maestà Tagħha (HM Revenue and Customs) għal aktar informazzjoni.

L-Ispejjeż tal-Qorti: Il-VAT mhix applikabbli fuq l-ispejjeż tal-qorti.

Id-Drittijiet tal-Professjonisti Legali

Qafas li jirregola d-drittijiet tal-professjonisti legali

L-Avukati (Solicitors)

Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Avukati (Solicitors) jeħtieġ lill-avukati (solicitors) jagħtu lill-klijenti l-aħjar informazzjoni possibbli dwar l-ispejjeż tagħhom (regola 2.03). B’mod speċifiku, ir-regola 2.03 tistabbilixxi dmir li jinfurmaw lill-klijenti dwar ir-rati ta’ ħlas tagħhom u meta l-ħlasijiet ikunu antiċipati, flimkien ma’ parir dwar l-għażla tagħhom għall-finanzjament, inkluż intitolament għall-finanzjament pubbliku. L-avukati (solicitors) huma wkoll meħtieġa jgħarrfu lill-klijenti tagħhom dwar ir-responsabbiltà potenzjali tagħhom li jħallsu l-ispejjeż ta’ terzi. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw bl-istess mod għal avukati Ewropej irreġistrati li jipprattikaw fl-Ingilterra u Wales, u għal ditti tal-avukati (solicitors) u avukati oħrajn u persuni li mhumiex avukati li huma rregolati mill-Awtorità tar-Regolamentazzjoni tal-Avukati. L-ittri inizzjali ta’ pariri lill-klijenti għandhom jinkludu wkoll l-għanijiet tal-klijenti, l-għażliet u l-kwistjonijiet fil-każ (taħt ir-regola 2.02 tal-kodiċi).

Ladarba jiġi ffinalizzat kont bl-ispejjeż, id-drittijiet tal-avukati (solicitors) jistgħu jiġu evalwati kemm mis-Servizz dwar l-Ilmenti Legali kif ukoll mill-uffiċjali tat-taxxi fil-qrati. L-Ordni dwar il-Ħlas tal-Avukati (Solicitors) (Xogħol Mhux Kontenzjuż) 2009 teħtieġ li l-ispejjeż tal-avukati (solicitors) għandhom ikunu ġusti u raġonevoli, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ fejn ix-xogħol ma jinvolvix proċeduri tal-qorti. Fil-każ li kont bl-ispejjeż li dwarhom m’hemmx qbil jirrigwardaw xogħol li ma jinvolvix proċeduri quddiem il-qorti, huwa possibbli li s-Servizz għall-Ilmenti Legali jevalwa jekk il-kont huwiex ġust u raġonevoli. Din l-evalwazzjoni tiddetermina x’kien ikun ammont ġust u raġonevoli jekk il-kont jitqies eċċessiv. Kwalunkwe ftehim dwar drittijiet assoċjat mal-qorti u li jinvolvi l-proċeduri quddiem il-qorti – magħruf ukoll bħala “xogħol kontenzjuż” – huwa soġġett għal rekwiżiti statutorji taħt l-Att dwar l-Avukati (Solicitors) 1974 u jista’ jkun soġġett għal evalwazzjoni mill-qorti.

L-Avukati (Barristers)

Il-parti l-kbira tad-drittijiet mitluba mill-avukati (barristers) huma nnegozjati u miftiehma qabel ma jinbeda x-xogħol; għalhekk hija meħtieġa regolamentazzjoni inqas preskrittiva. Il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kamra tal-Avukati tal-Ingilterra u Wales jistabbilixxi l-prinċipji li jgħoddu għall-avukati (barristers) fir-rigward tad-drittijiet u l-pagi għal avukati (barristers) impjegati għal rashom. Il-kodiċi jistabbilixxi li l-avukati (barristers) impjegati għal rashom jistgħu jitolbu l-ħlas għal kwalunkwe xogħol li jkun inbeda fuq kwalunkwe bażi permess mil-liġi u li ma jinvolvix il-ħlas ta’ paga jew salarju. Hemm aktar dispożizzjonijiet dwar xogħol mibdi minn avukat (barrister) impjegat għal rasu f’isem ieħor. Kwalunkwe irregolarità fir-rigward tal-ispejjeż tista’ tiġi investigata mill-Bord tal-Istandards tal-Kamra tal-Avukati u tista’ potenzjalment tirriżulta f’azzjoni dixxiplinarja.

Il-Marixxalli

Id-drittijiet tal-Marixxalli tal-Qorti tal-Kontea (County Court) huma spejjeż tal-qorti u għalhekk jinsabu fost l-ispejjeż tal-proċeduri diġà msemmija aktar ’il fuq.

Taħt l-Att dwar il-Qrati 2003, il-Lord Chancellor huwa meħtieġ jiffissa, permezz ta’ strument statutorju, id-drittijiet li jista’ jitlob Uffiċjal tal-Infurzar tal-Qorti l-Għolja. L-informazzjoni dwar dawn id-drittijiet tista’ tinsab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha.

Is-sistema kurrenti ta’ drittijiet għall-Marixxalli Ċċertifikati hija kumplessa: kull setgħa tal-infurzar iġġib magħha struttura ta’ drittijiet differenti. Xi strutturi, bħal dawk li jirrigwardaw Taxxi tal-Kunsill, huma stabbiliti fi statut; oħrajn jeżistu biss f’arranġamenti kuntrattwali mfassla bejn kumpannija tal-marixxalli u l-klijenti tagħha.

Is-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Court Service) bħalissa qed jiżviluppa xi tibdiliet għall-marixxalli ċċertifikati u l-istruttura tad-drittijiet. Għalkemm it-tibdiliet x’aktarx ma jidħlux fis-seħħ qabel April 2012, dan is-sit web ikun irid jiġi aġġornat biex jirrifletti t-tibdiliet.

L-Amministrazzjoni tal-Ġuramenti

Qasam wieħed fejn huma imposti spejjeż fissi fuq il-professjonisti legali kollha jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-ġuramenti. Taħt l-Att dwar il-Qrati u s-Servizzi Legali 1990, il-Lord Chancellor huwa meħtieġ li jiffissa, permezz ta’ strument statutorju, id-drittijiet li jitolbu l-professjonisti legali talli jamministraw il-ġuramenti. Dan il-livell bħalissa huwa ta’ £5 għal kull affidavit jew affermazzjoni u £2 għal kull dokument.

Sorsi dwar l-Ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż legali fl-Ingilterra u Wales?

Informazzjoni dwar l-ispejjeż legali tista’ tinkiseb mis-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha, iżda tkun teħtieġ ukoll informazzjoni dwar sorsi oħrajn tal-ispejjeż, bħar-rappreżentazzjoni legali. Il-Law Society u l-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati jistgħu jgħinuk issib rappreżentant legali, għalkemm m’għandhomx informazzjoni dwar l-ispejjeż għar-rappreżentazzjoni legali għaliex dan jiddependi minn bosta fatturi individwali tal-każ partikolari ikkonċernat. Jekk hija involuta litigazzjoni transkonfinali, bħalissa hemm żewġ settijiet ta’ drittijiet tal-avukati: dawk ta’ fejn tinsab il-parti li tibda l-litigazzjoni, u dawk ta’ fejn isseħħ il-litigazzjoni.

L-ispejjeż fissi

L-ispejjeż fissi fil-proċeduri ċivili

L-ispejjeż fissi għal-litiganti fil-proċeduri ċivili

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-qorti tista’ tinsab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha. Dawn id-drittijiet jgħoddu flimkien mal-ispejjeż tar-rappreżentanza legali.

L-istadju tal-proċedura ċivili fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

Id-drittijiet tal-qorti jridu jitħallsu fil-bidu ta’ kwalunkwe proċess li fih huma dovuti l-ispejjeż tal-qorti; kwalunkwe drittijiet u spejjeż fissi oħrajn normalment jitħallsu meta jintemmu l-proċedimenti.

L-ispejjeż fissi fil-proċeduri kriminali

L-ispejjeż fissi għal-litiganti fil-proċeduri kriminali

Persuna akkużata tista’ tkun intitolata għall-għajnuna legali biex tiddefendi l-proċeduri kriminali jekk tikkwalifika. Aktar dettalji dwar l-għajnuna legali u l-kwalifiki jinsabu aktar ’l isfel. Fejn il-persuna akkużata mhijiex qed tirċievi l-għajnuna legali, l-ispejjeż huma miftiehma bejn individwu u/jew ir-rappreżentant legali tiegħu.

L-istadju tal-proċedura kriminali fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż tax-xhieda jew id-drittijiet tal-esperti għandhom normalment jitħallsu mal-konklużjoni tal-każ.

L-ispejjeż fissi fil-proċeduri kostituzzjonali

L-ispejjeż fissi għal-litiganti fil-proċeduri kostituzzjonali

L-ispejjeż tal-qorti jiddependu fuq it-tip ta’ proċeduri kkonċernati u l-livell (l-istat) tal-qorti fejn inbdew il-proċeduri. Spejjeż oħrajn, bħal dawk għar-rappreżentazzjoni legali, għandhom jitqiesu wkoll.

L-istadju tal-proċedura kostituzzjonali fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż tal-qorti għandhom jitħallsu fil-bidu ta’ kwalunkwe proċess li għalih huma dovuti l-ispejjeż tal-qorti; kwalunkwe drittijiet u spejjeż fissi oħra normalment jitħallsu meta jintemmu l-proċedimenti.

L-ispejjeż tal-esperti

Fil-proċeduri ċivili għal pretensjonijiet ta’ taħt £5000, l-ispejjeż tal-esperti huma limitati għal £200, iżda fil-każijiet l-oħrajn kollha l-imħallef għandu d-diskrezzjoni jippermetti dak li jħoss li huwa xieraq. Il-qrati huma meħtieġa jikkunsidraw li jużaw biss espert uniku konġunt minflok wieħed għal kull parti. Aktar informazzjoni tista’ tinsab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit.

Id-drittijiet tat-tradutturi u l-interpreti

L-interpreti fil-parti l-kbira tal-każjiiet fil-qrati ċivili huma pprenotati u mħallsa ċentralment. Iridu jintlaħqu xi kriterji sabiex interpretu jitħallas ċentralment. Il-każ għandu jkun wieħed ta’ smigħ (biex jiġi deċiż jekk il-każ għandux jinstema’ minn qorti ogħla) (committal hearing), każ tal-familja li jinvolvi lit-tfal, jew każ ta’ vjolenza domestika (inkluż żwieġ forzat). Jekk il-każ mhuwiex kopert minn wieħed minn dawn il-kriterji, interpretu xorta jitħallas jekk dan huwa l-uniku mod biex il-litigant ikun jista’ jifhem il-proċeduri, u jekk hu jew hi ma jistax/tistax jikseb/tikseb finanzjament pubbliku, ma jistax/tistax jiflaħ/tiflaħ li jħallas/tħallas interpretu privat u m’għandux/m’għandhiex ħbieb jew membri tal-familja li jistgħu jassistu. Id-drittijiet huma stabbiliti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-prenotazzjoni. Id-dritt jista’ jvarja ħafna minn każ għall-ieħor, skont it-tul tas-seduta, id-distanza u l-ħin meħud biex jivvjaġġa sal-qorti u lura, u l-mezz li bih jivvjaġġa l-interpretu, It-termini u l-kondizzjonijiet huma applikati strettament għall-pretensjonijiet kollha sabiex jii żgurat li ma jsirx ħlas żejjed.

M’hemm ebda regolamenti li jirregolaw id-drittijiet tat-tradutturi. It-traduttur jew kumpannija ta’ tradutturi jiddeterminaw l-ispejjeż tagħhom infushom.

Il-parti t-telliefa meta trid tħallas l-ispejjeż tal-parti r-rebbieħa?

Il-prinċipju ġenerali huwa li t-tellief iħallas, iżda deċiżjoni dwar l-ispejjeż hija għal kollox skont id-diskrezzjoni tal-imħallef. Fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, l-imħallef iqis l-imġieba tal-partijiet, l-isforzi li jkunu saru, jekk kien hemm, qabel u matul il-proċeduri biex jipprovaw jirrisolvu t-tilwima (inkluż attentat għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwimiet). Dawn jistgħu jinkludu spejjeż fissi preskritti, spejjeż evalwati mill-imħallef bil-limiti dwar l-ammont (skont it-tip u l-ammont tad-deċiżjoni). L-ispejjeż jistgħu ukoll jiġu ttrattati bħala kwistjoni separata fi ‘stima dettaljata tal-ispejjeż’, normalment użata biss fejn l-ispejjeż jeħtieġu eżaminazzjoni aktar mill-qrib. Aktar informazzjoni dwar il-proċedura tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni, inkluża xi informazzjoni dwar l-ispejjeż, hija disponibbli fuq varjetà ta’ siti web u links:

L-informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet (ADR) għat-tilwimiet wara tkissir ta’ relazzjoni tal-familja hija disponibbli fuq is-sit web tal-Helpline tal-Medjazzjoni tal-Familja (li tittratta esklussivament fil-medjazzjoni tal-familja) jew billi ċċempel 0845 60 26 627 (minn ġewwa r-Renju Unit) u +441823 623650 (minn barra r-Renju Unit). Is-siti web li ġejjin ukoll għandhom informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familja:

Min iżur dawn is-siti jista’ juża l-faċilità ta’ tiftix biex ifittex għal ‘medjazzjoni tal-familja’,

L-Għajnuna Legali

Limitu ta’ dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Persuni li jirċievu xi benefiċċji relatati mad-dħul (appoġġ tad-dħul, allowance tad-dħul għal min qed ifittex ix-xogħol, allowance relatat mad-dħul ta’ impjieg u appoġġ, u kreditu ta’ garanzija [għall-pensjonanti]) għandhom stat ‘bil-passaport’ bħala klijenti tal-għajnuna legali. Dan ifisser li huma awtomatikament finanzjarjament eliġibbli għall-għajnuna legali. Dawn l-erba’ benefiċċji li huma ttestjati skont il-mezzi huma wkoll magħrufa bħala benefiċċi ‘ta’ sussistenza’ għaliex iżidu d-dħul tal-klijent sal-minimu statutorju meħtieġ biex wieħed jgħix fuqu.

Inkella, persuni li jeħtieġu l-għajnuna legali jistgħu jiksbu għajnuna ‘mingħajr ħlas’ jew mhux kontributorja, jekk għandhom dħul gross mensili ta’ inqas minn £2657, dħul mensili disponibbli ta’ taħt £315 u kapital disponibbli ta’ £3000 jew inqas, Jekk id-dħul mensili disponibbli huwa bejn £316 u £733, jew il-kapital disponibbli tagħhom jaqa’ bejn £3000 u £8000, jiġu offruti finanzjament fuq il-bażi li jaqblu li jħallsu kontribuzzjonijiet lejn l-ispejjeż legali tagħhom. Dawn il-figuri jgħoddu minn April 2009. Iżda jistgħu jinbidlu, u għalhekk għandek dejjem tivverifika mal-Kummissjoni dwar is-Servizzi Legali (li tmexxi s-sistema tal-għajnuna legali fl-Ingilterra u Wales) li l-figura għandha kurrenti.

Minbarra li jikkwalifika finanzjarjament, applikant għandu wkoll juri li għandu raġunijiet raġonevoli biex jibda, jiddefendi jew ikun parti għal proċeduri, u li huwa raġonevoli, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, li jingħata l-għajnuna legali. Il-Kummissjoni għas-Servizzi Legali għandha tqis, per eżempju, jekk il-każ għandux ċans raġonevoli li jintrebaħ, jekk il-benefiċċji tal-litigazzjoni jkunux akbar mill-ispiża għall-fondi pubbliċi, u jekk l-applikant jiksibx benefiċċju sinjifikanti personali mill-proċedura, filwaqt li jqis kwalunkwe responsabbiltà li jitħallsu lura l-ispejjeż legali jekk jirnexxi. Dawn il-fatturi huma simili għal dawk li jinfluwenzaw lil klijent li jħallas privatament u li għandu mezzi moderati meta jqis jiġix involut fil-proċeduri.

Limitu ta’ dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Minn Ottubru 2006, il-konvenuti li jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (il-qorti kriminali inferjuri) fl-Ingilterra u Wales huma soġġetti għal test dwar il-mezzi, li jiżen id-dħul ta’ applikant biex jirrefletti ċ-ċirkostanzi tal-familja tiegħu: per eżempju, in-numru ta’ tfal. Jekk id-dħul annwali bil-piż differenzjat tal-applikant huwa inqas minn £12,475, jew jekk l-applikant jirċievi benefiċċju speċifikat jew ikollu anqas minn tmintax-il sena, ikun finanzjarjament eliġibbli għal rappreżentazzjoni bl-għajnuna legali. Jekk id-dħul annwali bil-piż differenzjat tal-applikant huwa aktar minn £22,325, ikun finanzjarjament ineliġibbli għal rappreżentazzjoni bl-għajnuna legali. Fejn id-dħul aġġustat ta’ applikant jaqa’ bejn iż-żewġ limiti, ikun hemm evalwazzjoni aktar dettajlata tad-dħul disponibbli. Dan il-kalkolu jqis l-ispejjeż attwali tad-dar u tal-kura tat-tfal, u jippermetti wkoll ammont għall-għixien. Jekk id-dħul annwali disponibbli li jirriżulta ma jeċċedix £3398, ikun finanzjarjament eliġibbli għal rappreżentazzjoni bl-għajnuna legali.

F’Novembru 2008, il-gvern ikkonsulta dwar proposti biex jestendi t-testijiet tal-mezzi għall-Qorti tal-Kuruna (il-qorti kriminali superjuri) fl-Ingilterra u Wales, u ppubblika r-risposta tiegħu għall-kummenti li rċieva f’Ġunju 2009. Il-gvern bi ħsiebu jittestja l-mudell tiegħu f’ħames Qrati tal-Kuruna f’Jannar 2010, b’implimentazzjoni nazzjonali akbar ippjanata għal bejn April u Ġunju 2010.

Limitu ta’ dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

L-għajnuna legali mhijiex disponibbli għall-vittmi tal-kriminalità. Iżda, jingħata appoġġ emozzjonali u prattiku mill-impjegati u mis-Servizz tax-Xhieda: per eżempju, il-vittmi jiġu offruti faċilitajiet ta’ mistennija separati. Ix-xhieda vulnerabbli u intimidati jiġu offruti miżuri speċjali taħt l-Att dwar il-Ġustizzja taż-Żgħażagħ u l-Evidenza Kriminali 1999, bħall-għażla li jagħtu l-evidenza b’link tal-vidjo minn post ieħor.

Is-Servizz ta’ Prosekuzzjoni tal-Kuruna dan l-aħħar irreveda pakkett intitolat ‘Informazzjoni għall-familji vittmi tal-vjolenza’ għall-uffiċjali tal-pulizija li jagħmlu kuntatti mal-famlja, sabiex jagħtu lil dawk il-familji vittmi tal-vjolenza minħabba omiċidju jew qtil mhux intenzjonali. Il-pakkett jinkludi informazzjoni u pariri dwar il-firxa ta’ kwistjonijiet li jistgħu jkollhom jittrattaw il-familja, u jgħidilhom fejn jistgħu jiksbu aktar għajnuna jekk, per eżempju, jeħtieġu għajnuna legali dwar fejn għandu jgħix tifel, jew ma’ min għandu jkollu kuntatt tifel.

L-għoti ta’ pariri legali għall-familji vittmi ta’ vjolenza minħabba omiċidju jew qtil mhux intenzjonali kien pilotat bħala parti mill-iskema tal-avukati tal-vittmi. Il-familji vittmi ta’ vjolenza setgħu jkollhom aċċess sa 15-il siegħa ta’ pariri legali dwar kwistjonijiet soċjali u personali li jirriżultaw minn mewt, iżda mhux direttament relatat mal-proċess. Il-proġett pilota tlesta f’April 2008 u bħalissa qed naħdmu fuq il-proposti biex nistabbilixxu servizz biex nipprovdu pariri legali tul l-Ingilterra u Wales, abbażi tal-esperjenza miksuba fil-proġett pilota.

Barra minn hekk, l-iskema tal-fokus fuq il-vittmi tas-Servizz ta’ Prosekuzzjoni tal-Kuruna tiżgura li l-familji jingħataw l-għażla ta’ laqgħa qabel il-kawża mal-prosekuzzjoni: sabiex l-iskema tad-dikjarazzjoni personali tal-vittma tiġi spjegata, u l-offerta ta’ prosekutur li jaqra d-dikjarazzjoni tal-familja qabel ma tingħata s-sentenza. Wara l-każ, il-vittmi jistgħu jiġu riferiti għall-iskema ta’ kuntatt tal-vittmi tas-servizz ta’ probazzjoni. Il-proġett jaħtar uffiċjal ta’ kollegament mal-vittma sabiex ikompli jżomm lill-familja informata dwar dak li huwa rilevanti (bħas-sentenza tal-akkużat) u jappoġġa lill-familja biex taġġorna d-dikjarazzjoni personali tal-vittma għal smigħ tal-libertà provviżorja (parole) jekk jixtiequ jagħmlu dan.

Kondizzjonijiet oħrajn marbuta mal-għotja tal-għajnuna legali għall-konvenuti

Kwalunkwe individwu li japplika għar-rappreżentazzjoni bl-għajnuna legali fil-Qorti tal-Maġistrati jew fil-Qorti tal-Kuruna fl-Ingilterra u Wales għandu wkoll jgħaddi mit-test dwar l-interessi tal-ġustizzja. Dan it-test iqis fatturi bħal jekk sejba ta’ ħtija ta’ delitt allegat x’aktarx jirriżultax li l-konvenut jintbagħat il-ħabs jew jitlef ix-xogħol tiegħu, u jekk il-konvenut jistax jifhem il-proċeduri u jgħid il-każ tiegħu. Jekk jgħodd fattur wieħed, jew taħlita ta’ fatturi minn dawn, għall-konvenut, ġeneralment jitqies li ssodisfa t-test dwar ‘l-interessi tal-ġustizzja’.

Proċeduri tal-qorti mingħajr ħlas

F’xi ċirkostanzi, individwu jista’ ma jkollux iħallas tariffa tal-qorti. Jista’ jingħata dispensa sħiħa, fejn it-tariffa kollha ma titħallasx, jew dispensa parzjali, fejn jagħmel kontribuzzjoni għat-tariffa. Aktar informazzjoni dwar id-dispensa mill-ispejjeż tal-qorti tista’ tinsab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha.

Links relatati

Il-Kummissjoni dwar is-Servizzi Legali,

Ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet (ADR), Parir Legali dwar il-Komunità, Il-Helpline Nazzjonali tal-Medjazzjoni, Il-paġna dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet fil-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit , Il-paġna dwar il-medjazzjoni fis-sit web tas-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha, Il-Helpline tal-Medjazzjoni tal-Familja, Direct.gov.uk, Parir Issa, Parir Legali dwar il-Komunità, Gwida ta' Parir - għajnuna onlajn mill-Pariri għaċ-Ċittadini, ADR Issa, Is-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha, Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Avukati (Solicitors), Id-Dħul u d-Dwana tal-Maestà Tagħha, Is-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha, Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit, Is-Servizz tal-Qrati tal-Maestà Tagħha (marixxalli), Il-Ministeru tal-Ġustizzja

Dokumenti relatati

Rapport tar-Renju Unit dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-ispejjeż PDF (448 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 26/06/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.