Spejjeż

Estonja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti fl-Estonja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonijiet legali

Konsulenti legali

Fl-Estonja, it-tariffi tal-konsulenti legali mhumiex irregolati.

Avukati

Fl-Estonja, it-tariffi tal-avukati mhumiex irregolati.

Avukati li jipprattikaw fil-qrati

Fl-Estonja, it-tariffi ta' avukati li jipprattikaw fil-qrati mhumiex irregolati.

Uffiċjali ġudizzjarji

Fl-Estonja, it-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma rregolati permezz tal-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji. It-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju tista’ tikkonsisti f’tariffa biex jinbdew il-proċedimenti, it-tariffa prinċipali għall-proċedimenti u tariffa addizzjonali għal attivitajiet eżekuttivi. L-uffiċjal ġudizzjarju għandu wkoll id-dritt li jitlob ħlas għall-provvediment ta' servizz professjonali.

Nutara

Fl-Estonja, it-tariffi tan-nutara huma rregolati permezz tal-Att dwar it-Tariffi tan-Nutara. It-tariffa tan-nutar għal att professjonali normalment tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ żewġ prinċipji ġenerali: jew jiddependi fuq il-valur tat-tranżazzjoni involuta fl-att notarili, jew għal ċerti atti jkun hemm tariffi fissi. It-tariffi għas-servizzi professjonali pprovduti minn nutar huma negozjabbli.

Avukati

Fl-Estonja, it-tariffi tal-avukati mhumiex irregolati iżda jiġu ddeterminati fil-ftehim mal-klijent. Issir offerta inizjali tal-prezz mill-persuna li tmexxi uffiċċju legali jew minn avukat lill-klijent u jiġi spjegat kif ġiet ikkalkulata ċ-ċifra. Il-klijent jirrimborża l-ispejjeż meħtieġa li jkunu saru mill-avukat jew mill-persuna li tmexxi d-ditta tal-avukati sabiex ikun ġew ipprovduti s-servizzi legali.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż fissi mġarrbin mill-partijiet fil-kawża fi proċedimenti ċivili huma stabbiliti abbażi tal-Artikoli 139–144 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u huma maqsuma fi spejjeż ġudizzjarji u spejjeż ekstraġudizzjarji. L-ispejjeż ġudizzjarji jikkonsistu f’tariffi tal-Istat u l-ispejjeż tal-istħarriġ tal-kawża. F’kull istanza, il-qorti żżomm rekord tal-ispejjeż proċedurali involuti, inklużi l-ispejjeż tal-istħarriġ tal-kawża.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili li fih iridu jitħallsu spejjeż fissi

L-ispejjeż li ġejjin għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-parti li tressaq rikors għal biex jinfetħu proċedimenti jew biex jitwettqu atti proċedurali:

  • it-tariffa tal-Istat;
  • l-ispejjeż tal-uffiċjali ġudizzjarji biex jibagħtu dokumenti proċedurali;
  • l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ta’ taħrikiet jew ta’ avviżi fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali) jew f’gazzetta;
  • l-ispejjeż tal-istħarriġ tal-kawża, sa kemm ikun determinat minn qorti.

Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, it-tariffi tal-esperti, interpreti u tradutturi għandhom jitħallsu minn qabel mill-parti fil-proċedimenti li ressqet it-talba li tirriżulta fl-ispejjeż.

Il-qorti tistabbilixxi l-ispejjeż proċedurali definittivi li għandhom jiġu rkuprati u mogħtija fid-deċiżjoni finali tagħha fil-kawża prinċipali jew f’deċiżjoni wara li dik id-deċiżjoni finali tkun daħlet fis-seħħ.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali huma stabbiliti fl-Artikolu 175–179 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u huma maqsuma fi spejjeż proċedurali, spejjeż speċifiċi u spejjeż addizzjonali.

Jekk parti għall-proċedimenti jkollha diversi konsulenti jew rappreżentanti, ir-rimunerazzjoni mħallsa lilhom tiġi inkluża fl-ispejjeż proċedurali sakemm dan ma jaqbiżx livell raġonevoli ta' rimunerazzjoni li titħallas normalment lil konsulent jew rappreżentant.

Jekk suspettat jew l-akkużat jiddefendi lilu nnifsu mingħajr avukat, l-ispejjeż neċessarji tad-difiża jiġu inklużi fl-ispejjeż proċedurali. L-ispejjeż żejda li ma kinux ikunu meħtieġa li kieku ħa sehem konsulent ma jiġux inklużi fl-ispejjeż proċedurali.

L-ispejjeż li jiġġarrbu mill-persuni li mhumiex parti għall-proċedimenti u li huma marbuta mal-istħarriġ ta' analiżi esperti jiġu rifużi skont il-kundizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fl-Att dwar l-Eżaminazzjoni Forensika.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali meta jeħtieġ li jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet

Fil-każ ta' liberazzjoni, l-ispejjeż proċedurali jiġu rifużi mill-Istat. Fil-każ ta’ kundanna, l-ispejjeż proċedurali jiġu rifużi mill-ħati li jkun ġie kkundannat. Fil-każ ta' liberazzjoni parzjali, l-ispejjeż jiġu rifużi mill-Istat skont il-grad ta' liberazzjoni tal-akkużat. L-obbligu għar-rimborż tal-ispejjeż proċedurali jseħħ meta tidħol fis-seħħ is-sentenza finali.

Jekk azzjoni ċivili tiġi miċħuda, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rifużi mill-parti offiża. Jekk azzjoni ċivili tirnexxi b’mod sħiħ, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rrimborżati mill-persuna li wettqet ir-reat u li ġiet ikkundannata jew mill-konvenut. Jekk azzjoni ċivili tirnexxi parzjalment, il-qorti taqsam l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili bejn il-parti offiża u l-persuna li wettqet ir-reat u li ġiet ikkundannata jew il-konvenut, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha. Fil-każ ta’ rifjut li tiġi riveduta azzjoni ċivili, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rrimborżati mill-Istat.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Fl-Estonja, l-individwi ma jitħallewx jagħmlu talbiet għal reviżjoni kostituzzjonali. L-ispejjeż ta’ reviżjoni huma koperti mill-baġit tal-Istat. L-ispejjeż biex jiġu involuti speċjalisti fil-proċedimenti tal-qorti huma koperti mill-baġit tal-Istat bl-istess kundizzjonijiet tal-ħlas tat-tariffi tal-esperti fi proċedimenti ċivili.

L-istadju fil-proċedimenti kostituzzjonali meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet

Il-partijiet ma jġarrbux spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

L-avukati għandhom jinnotifikaw lill-klijenti tagħhom bil-firxa sħiħa tal-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi legali u bl-ispejjeż kollha involuti. Issir offerta inizjali tal-prezz mill-persuna li tmexxi uffiċċju legali jew minn avukat lill-klijent u jiġi spjegat kif ġiet ikkalkulata l-figura.

Spejjeż tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti

Spejjeż li għandhom jiġġarrbu mill-parti rebbieħa

Il-parti rebbieħa tħallas l-ispejjeż tar-rappreżentant jew il-konsulent legali li l-qorti tqis raġonevoli u li m'għandhomx jitħallsu mill-parti telliefa.

Spejjeż li għandhom jiġġarrbu mill-parti telliefa

Skont is-sentenza dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż proċedurali, il-parti telliefa trid tirrimborża l-ispejjeż proċedurali mġarrba mill-parti rebbieħa, li jistgħu jinkludu:

  • it-tariffa tal-Istat;
  • spejjeż relatati ma' xhieda, esperti, interpreti u tradutturi, u l-ispejjeż ta' analiżi esperta mwettqa minn persuna li ma tkunx parti tal-proċedimenti u li għandhom jitħallsu taħt l-Att dwar l-Eżaminazzjoni Forensika;
  • spejjeż tal-kisba ta’ provi dokumentarji u fiżiċi;
  • spejjeż ta’ spezzjonijiet, inklużi l-ispejjeż meħtieġa tal-ivvjaġġar magħmula mill-qorti;
  • spejjeż tal-konsenja, tal-bgħit u tal-ħruġ ta’ dokumenti proċedurali;
  • spejjeż tad-determinazzjoni tal-valur tal-kawża ċivili;
  • spejjeż relatati mar-rappreżentanti u mal-konsulenti tal-partijiet għall-proċedimenti;
  • spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż postali, tal-komunikazzjonijiet, tal-akkomodazzjoni u spejjeż oħrajn simili mġarrba mill-partijiet fil-proċedimenti b’konnessjoni mal-proċedimenti;
  • qligħ jew dħul permanenti ieħor li ma rċevewx il-partijiet għall-proċedimenti;
  • spejjeż tal-proċedimenti ta’ qabel il-proċess stabbiliti bil-liġi sakemm l-azzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata aktar tard minn 6 xhur wara t-tmiem tal-proċedimenti ta’ qabel il-proċess;
  • it-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju biex jassigura li azzjoni titwettaq u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-assigurazzjoni li azzjoni titwettaq;
  • it-tariffa tal-uffiċjal ġudizzjarju għall-konsenja ta' dokumenti proċedurali;
  • spejjeż tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal assistenza proċedurali biex ikunu sostnuti l-ispejjeż proċedurali;
  • spejjeż ta' proċedura għal ordni ta' ħlas aċċellerat;
  • spejjeż ta’ parteċipazzjoni fi proċedimenti ta' konċiljazzjoni jekk il-qorti tkun obbligat lill-partijiet biex jipparteċipaw taħt l-Artikolu 4(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jew, jekk il-proċedimenti huma obbligatorji, il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni qabel il-proċess taħt l-Artikolu 1(4) tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni.

Il-parti fil-proċedimenti li trid tħallas l-ispejjeż proċedurali tal-parti fil-proċedimenti intitolata għar-rimborż tal-ispejjeż proċedurali tiġi kkundannata tħallas biss l-ispejjeż neċessarji u ġġustifikati.

Is-sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Estonja?

Is-sorsi tal-ispejjeż huma stabbiliti fl-atti legali li ġejjin:

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Estonja?

L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli bl-Estonjan.

Traduzzjonijiet bl-Ingliż ta’ strumenti legali Estonjani li jistipulaw informazzjoni dwar l-ispejjeż u s-sorsi tagħhom huma disponibbli fis-sit tar-Riigi Teataja (il-Gazzetta tal-Istat).

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Mistoqsijiet ġenerali dwar il-medjazzjoni jistgħu jintbagħtu fl-indirizz tal-posta elettronika tal-Ministeru tal-Ġustizzja: info@just.ee.

Il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni f'materji ċivili huma rregolati permezz tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-medjaturi u jipprovdi wkoll linji gwida għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet konklużi bl-għajnuna ta' medjatur. Dawn li ġejjin huma intitolati li jmexxu l-proċedimenti tal-konċiljazzjoni taħt l-Att:

  • persuna fiżika li l-partijiet għall-proċedimenti jkunu fdawlha x-xogħol tat-tmexxija tal-proċedimenti;
  • avukati li jipprattikaw fil-qrati;
  • nutara;
  • fil-każ stipulat fl-Att, korp tal-konċiljazzjoni tal-Istat jew tal-gvern lokali.

Is-sit tal-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Medjaturi fih informazzjoni kemm bl-Estonjan kif ukoll bl-Ingliż.

L-Unjoni Estonjana għall-Benessri tat-Tfal – assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tappoġġa d-drittijiet tat-tfal – tagħti pariri lill-ġenituri u torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ dwar is-suġġett tal-medjazzjoni tal-familja.

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit elettroniku dwar l-ispejjeż

L-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-qorti u l-ammonti involuti jiddependu fuq it-tip, it-tul u n-l-kumplessità tal-kawża. Is-sorsi primarji ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-qorti huma l-kodiċijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti u l-Att dwar it-Tariffi tal-Istat. Il-Ministeru għall-Ġustizzja jippubblika u jamministra l-pubblikazzjoni uffiċjali Riigi Teataja (il-Gazzetta tal-Istat), li tipprovdi aċċess għal:

  • Atti u Regolamenti;
  • Digrieti tal-President tar-Repubblika;
  • Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema u ftehimiet internazzjonali;
  • Regolamenti tal-gvern lokali.

Ir-Riigi Teataja fiha verżjonijiet uffiċjali kkonsolidati ta' Atti, Regolamenti tal-Gvern u Ordnijiet, Regolamenti ministerjali, Regolamenti tal-President tal-Eesti Pank (il-Bank tal-Estonja), ir-Regolament tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali, id-Deċiżjonijiet tal-Parlament, ir-Regolamenti tal-kunsill muniċipali u tal-belt u r-Regolamenti tal-gvern muniċipali u tal-belt. Il-leġiżlazzjoni u dokumenti oħrajn ippubblikati fir-Riigi Teataja ilhom disponibbli mill-1990.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Is-sit tal-Qrati jagħti statistiċi dwar il-proċedimenti fil-qrati tal-prim'istanza u t-tieni istanza mill-1996.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja totali għal tip ta’ proċedura partikolari?

  • It-tariffa tal-Istat li trid titħallas għal tip partikolari ta’ proċediment hija stabbilita fl-Att dwar it-Tariffi tal-Istat.
  • It-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma stabbiliti fl-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji.
  • Ma hija disponibbli l-ebda statistika dwar l-ispiża medja aggregata għal tipi partikolari ta’ proċedimenti.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

It-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji huma wkoll soġġetti għall-VAT, b’rata ta’ 20%.

Sabiex jirċievi rimborż tal-VAT miżjuda mal-ispejjeż proċedurali, id-dikjarant irid jikkonferma li huwa mhuwiex irreġistrat għall-VAT jew li huwa ma jista’ jirkupra l-VAT bl-ebda mod ieħor.

X’inhuma r-rati applikabbli?

Mill-1 ta’ Lulju 2009 r-rata tal-VAT fl-Estonja hija ta’ 20%.

Għajnuna Legali

Il-limitu applikabbli ta'dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

L-għajnuna legali mill-Istat hija wieħed mill-modi li bihom tingħata assistenza proċedurali, u kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna legali mill-Istat fi proċedimenti ċivili hija soġġetta għar-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili dwar l-għoti ta’ assistenza proċedurali.

L-assistenza proċedurali ma tingħatax lil persuna fiżika jekk:

  1. l-ispejjeż proċedurali mhumiex mistennija li jkunu aktar mid-doppju tad-dħul medju ta’ kull xahar tal-applikant għall-assistenza ġudizzjarja, ikkalkulati fuq il-bażi tad-dħul medju ta' kull xahar għall-4 xhur qabel ma l-applikazzjoni tiġi sottomessa, li minnhom jitnaqqsu t-taxxi u ħlasijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż biex jissodisfaw obbligi legali ta’ manteniment u l-ispejjeż raġonevoli relatati mal-abitazzjoni u t-trasport;
  2. l-applikant għal assistenza proċedurali jista’ jħallas l-ispejjeż proċedurali mill-assi eżistenti tiegħu li jistgħu jinbiegħu mingħajr ebda diffikultà kbira u li tista’ titressaq talba skont il-liġi kontrihom.

Fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ applikant, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi u d-dħul kemm tal-applikant kif ukoll tal-membri tal-familja li jgħixu mal-applikant, in-numru ta’ persuni sostnuti mill-applikant, l-ispejjeż raġonevoli mġarrbin fuq l-akkomodazzjoni, u fatturi sinifikanti oħrajn.

Kundizzjonijiet oħrajn biex tingħata l-għajnuna legali għall-partijiet offiżi

L-Istat jista' jagħti għajnuna proċedurali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. It-tipi ta' għajnuna legali ggarantiti mill-Istat u l-kundizzjonijiet u r-regoli sabiex tinkiseb l-għajnuna legali ta’din in-natura huma rregolati mill-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat.

L-għajnuna legali mill-Istat tingħata lil persuni fiżiċi li, fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali, ikunu domiċiljati fir-Repubblika tal-Estonja jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew ikunu ċittadini tar-Repubblika tal-Estonja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini u miċ-ċittadinanza, persuna fiżika li hija suspettata jew akkużata, li ma għażlitx avukat tad-difiża bi ftehim u li fil-kawża kriminali tagħha l-parteċipazzjoni ta’ avukat tad-difiża hija obbligatorja bil-liġi jew li titlob biex jipparteċipa avukat tad-difiża, tirċievi għajnuna legali mill-Istat, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Il-proċess biex jiġi ddeterminat id-domiċilju huwa bbażat fuq l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1). Persuni fiżiċi oħrajn jingħataw għajnuna legali biss jekk dan jirriżulta minn obbligu internazzjonali li jorbot lill-Estonja.

Ir-raġunijiet għar-rifjut tal-għoti ta’ għajnuna legali mill-Istat huma stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat.

Tista’ taqra aktar dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat fis-sit tal-Kamra tal-Avukati Estonjana.

Kundizzjonijiet oħrajn relatati mal-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni suspettati u lill-konvenuti

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni suspettati jew lill-konvenuti huma l-istess bħal dawk għall-partijiet offiżi.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

Ir-raġunijiet għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-Istat u għat-tnaqqis tat-tariffi tal-Istat huma stabbiliti fil-Kapitolu 3 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Istat.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Il-qorti li tagħti deċiżjoni dwar kawża ċivili tistabbilixxi, fid-deċiżjoni tal-qorti jew fid-deċiżjoni għat-terminazzjoni tal-proċedimenti, kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż proċedurali bejn il-partijiet. Meta jkun meħtieġ, il-qorti tindika liema proporzjon tal-ispejjeż proċedurali jridu jitħallsu minn kull parti. Jekk qorti superjuri temenda sentenza jew tagħti sentenza ġdida mingħajr ma tirreferi l-kwistjoni għal smigħ ġdid, il-qorti, jekk meħtieġ, għandha temenda l-qsim tal-ispejjeż proċedurali fid-dawl tas-sentenza l-ġdida.

Il-qorti tiddetermina l-ammont tal-ispejjeż proċedurali li jridu jingħataw lill-parti fil-proċedimenti li hija intitolata għar-rimborż tal-ispejjeż proċedurali mill-parti fil-proċedimenti li hija meħtieġa tħallas l-ispejjeż proċedurali, jew:

  1. fid-deċiżjoni tal-qorti jew fid-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti; jew
  2. wara li jintemmu l-proċedimenti tal-qorti, billi tingħata deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż proċedurali.

L-għoti tal-għajnuna proċedurali, inkluża l-għajnuna legali, la tipprekludi u lanqas ma tillimita l-obbligu fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna proċedurali, skont sentenza tal-qorti, biex jitħallsu lura l-ispejjeż tal-parti avversarja. Il-parti li tittieħed id-deċiżjoni kontra tagħha ssostni l-ispejjeż proċedurali tagħha kollha anki jekk il-parti tkun eżentata mill-obbligu li tħallas l-ispejjeż proċedurali jew jekk il-parti tkun ingħatat l-għajnuna proċedurali sabiex tħallas dawk l-ispejjeż.

Jekk azzjoni tkun solvuta, il-qorti tordna lill-konvenut iħallas proporzjon tal-ispejjeż proċedurali li jridu jitħallsu lill-fondi pubbliċi u li l-attur ikun eżentat minnhom jew li l-attur jista’ jħallas f’rati. Dak l-ammont għandu jitħallas fil-fondi pubbliċi u huwa proporzjonat mal-parti tal-azzjoni li tkun ġiet riżolta.

Jekk is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ jew il-qorti tkun iddikjarat li s-sentenza hija eżegwibbli immedjatament, il-kreditur jista’ jirrikorri għand uffiċjal ġudizzjarju biex jeżegwixxi s-sentenza. Jekk is-sentenza ma tistabbilix skadenza għall-konformità volontarja mat-titolu eżekuttiv, l-uffiċjal ġudizzjarju jistabbiliha hu. L-iskadenza ma tistax tkun iqsar minn 10 ijiem jew itwal minn 30 jum. Jekk il-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni taqbel, l-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jistabbilixxi skadenza itwal minn 30 jum biex jikkonforma volontarjament mat-titolu eżekuttiv.

It-tariffi tal-esperti

Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-ispejjeż tal-esperti jitħallsu bil-quddiem, sa kemm jiġi ordnat mill-qorti, mill-parti li tkun ippreżentat ir-rikors li l-ispejjeż ikunu saru fir-rigward tiegħu. Jekk iż-żewġ partijiet jissottomettu rikors jew jekk il-qorti tħarrek espert, l-ispejjeż jinqasmu bin-nofs bejn il-partijiet.

L-esperti jitħallsu rata fis-siegħa fil-limiti tar-rati fis-siegħa minimi u massimi stabbiliti f’Regolament tal-Gvern. It-tariffa tal-espert għal analiżi esperta huwa minn 10 sa 40 darba r-rata minima fis-siegħa. Meta tiddetermina r-rata fis-siegħa li għandha titħallas, il-qorti tikkunsidra dawn li ġejjin:

  • il-kwalifiki tal-espert;
  • il-livell ta’ kumplessità tax-xogħol;
  • kwalunkwe spiża inevitabbli li tkun saret meta ntużaw il-mezzi meħtieġa;
  • kwalunkwe ċirkustanza speċjali li fiha l-espert ikun wettaq ix-xogħol meħtieġ.

L-ispejjeż relatati mat-tħejjija u t-tfassil tal-opinjoni tal-espert, inkluż spejjeż għal persunal ta' appoġġ u għal materjali u mezzi użati għall-investigazzjoni sa massimu ta’ 20% tat-tariffa tal-espert, u spejjeż tal-ivvjaġġar u kwalunkwe spiża neċessarja li tkun saret b’riżultat tal-proċedimenti tal-qorti, fuq kollox għall-alloġġ u l-ikel, iridu jiġu rrimborżati wkoll.

It-tariffa li trid titħallas lil espert u l-ispejjeż li jkun għamel l-espert li jridu jiġu rrimborżati jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-istess qorti li tkun involviet lill-espert.

L-esperti jiġu rrimunerati biss fuq talba tagħhom. Jekk espert ikun wettaq l-obbligu tiegħu, il-qorti tħallas it-tariffa dovuta irrispettivament minn jekk il-partijiet għall-proċedimenti jkunux ħallsu l-ispejjeż bil-quddiem jew jekk ikunx ġie ordnat l-irkupru tal-ispejjeż mingħand il-partijiet.

Il-prezzijiet għall-eżamijiet imwettqa f’istituzzjoni forensika tal-Istat u l-ispejjeż imġarrbin minn istituzzjoni forensika huma stabbiliti fl-Att dwar l-Eżami Forensiku.

It-tariffi u l-ispejjeż tal-esperti relatati mat-twettiq ta’ valutazzjoni esperta minn istituzzjoni forensika tal-Istat huma parti mill-ispejjeż proċedurali u jiġu rrimborżati mill-parti li titlef lill-parti li tirbaħ bl-istess mod kif jiġu rrimborżati l-ispejjeż proċedurali.

It-tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti

L-interpreti mhux impjegati mill-qrati li jipparteċipaw fi proċedimenti tal-qorti jitħallsu tariffa fis-siegħa għall-interpretazzjoni li jvarja mid-doppju sa 40 darba l-paga minima nazzjonali fis-siegħa. It-tradutturi jitħallsu tariffa għal kull paġna ta’ traduzzjoni li tkun sa 20 darba l-paga minima fis-siegħa. Il-paga minima fis-siegħa tiġi stabbilita mill-Gvern tar-Repubblika f’Regolament.

It-tariffa li trid titħallas lill-interpreti jew lit-tradutturi u l-ispejjeż li jridu jiġu rrimborżati jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-istess qorti li tkun involviet lill-interpretu jew lit-traduttur.

Meta tkun qed tiddetermina r-rati fis-siegħa li għandhom jitħallsu, il-qorti tikkunsidra l-kwalifiki tal-interpretu jew tat-traduttur, il-kumplessità tax-xogħol, kwalunkwe spiża inevitabbli li tkun inqalgħet u l-kundizzjonijiet partikolari li fihom kienet mitluba l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrbin minn interpretu b’riżultat tal-proċedimenti tal-qorti u kwalunkwe spiża oħra meħtieġa, fuq kollox għall-ikel u l-akkomodazzjoni, iridu jiġu rrimborżati wkoll.

L-interpreti u t-tradutturi jitħallsu biss fuq it-talba tagħhom. Il-qorti tħallas it-tariffa dovuta lill-interpretu jew lit-traduttur irrispettivament minn jekk il-partijiet għall-proċedimenti jkunux ħallsu l-ispejjeż bil-quddiem jew jekk ikunx ġie ordnat l-irkupru tal-ispejjeż mingħand il-partijiet.

It-tariffi tal-interpreti u tat-tradutturi huma parti mill-ispejjeż proċedurali u jiġu rrimborżati mill-parti li titlef lill-parti li tirbaħ bl-istess mod kif jiġu rrimborżati l-ispejjeż proċedurali.

L-aħħar aġġornament: 16/12/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.