- Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali
- Spejjeż fissi
- Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
- Sorsi tal-ispejjeż
- Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
- Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
- Taxxa fuq il-Valur Miżjud
- Għajnuna Legali
- Meta għandha l-parti li titlef tħallas lill-parti li tirbaħ?
- Drittijiet tal-esperti
- Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali
Barristers (inklużi s-solicitors u l-avukati)
Fil-Finlandja, id-drittijiet tal-barristers jiġu rregolati mir-Regoli tal-Kondotta Professjonali Xierqa għall-Avukati u mil-Linja Gwida dwar id-Drittijiet, approvata mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża.
Marixxalli
Fil-Finlandja, id-drittijiet tal-marixxalli jiġu rregolati mid-Digriet tal-Gvern 925/2008, mill-Att dwar l-Infurzar tad-Drittijiet (34/1995) u mid-Digriet tal-Gvern 35/1995.
Avukati
Fil-Finlandja, id-drittijiet tal-avukati jiġu rregolati mill-Kodiċi tal-Kummerċ 18:5, mill-Att dwar l-Għajnuna Legali (257/2002) u mid-Digriet tal-Gvern 290/2008.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili
Fil-Finlandja, l-ispejjeż fissi jinkludu ħlasijiet għall-ipproċessar u ħlasijiet għad-dokumenti. Il-ħlasijiet għall-ipproċessar (ħlasijiet għall-proċessi, ħlasijiet għall-petizzjonijiet, ħlasijiet għall-konsenja) jinġabru mingħand parti bħala kumpens għas-smigħ ta’ kawża u għall-miżuri li jittieħdu fil-proċess. Il-ħlas għall-ipproċessar ikopri anki l-konsenja tal-istrument uffiċjali li jinkludi d-deċiżjoni jew id-deċiżjoni interim fil-kawża. Il-ħlas għall-proċessi jvarja bejn €79 fi kwistjonijiet ċivili fil-qrati distrettwali u €223 f’kawżi quddiem il-qorti tas-swieq.
Il-ħlasijiet għad-dokumenti (ħlasijet għas-siltiet, ħlasijiet għall-kopji, ħlasijiet għaċ-ċertifikati) jinġabru għal dokumenti li jintalbu speċifikatament, sakemm ma jkunx hemm fis-seħħ eżenzjoni statutorja mill-ħlasijiet. Pereżempju, m’hemm l-ebda ħlas għad-dokumenti li jinħarġu lill-parti leża f’kawża kriminali mmexxija mill-prosekutur pubbliku.
Id-dettalji dwar l-ispejjeż huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ġustizzja u fl-Att dwar il-Ħlasijiet tal-Qrati (l-Att dwar il-Ħlasijiet għall-Prestazzjonijiet tal-Qrati u ta’ Ċerti Organi tal-Amministrazzjoni Ġudizzjarja 701/1993) u d-Digrieti korrispondenti tal-Kunsill tal-Istat.
F’kawżi ta’ divorzju, il-ħlas totali għall-proċessi jikkonsisti fi ħlas inizjali ta’ €79 u ħlas ta’ €44 għal proċedimenti li jkomplu wara l-perjodu ta’ rikunsiderazzjoni. L-assistenza ta’ avukat tista’ tqum madwar €1000. Fi kwistjonijiet li jinvolvu petizzjonjiet, il-ħlas huwa ta’ €72. F’kawżi skont il-liġi ċivili, il-ħlas għall-proċessi jkun ta’ bejn €79 u €179 fil-qorti distrettwali u €179 oħra jekk jitressaq appell quddiem il-Qorti tal-Appell. L-ispejjeż tal-avukati jistgħu jitilgħu, u anki jaqbżu, s-€6000.
L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili jridu jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
Fil-Finlandja, il-partijiet ma jħallsu l-ebda spiża fil-kawżi kriminali mmexxija mill-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-prim’istanza.
L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali jridu jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali
Fil-Finlandja m’hemmx qrati kostituzzjonali; il-kawżi rilevanti jsiru bħala proċedimenti kriminali. Il-partijiet ma jkollhomx spejjeż fil-kawżi kriminali mmexxija mill-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-prim’istanza.
L-istadju tal-proċediment kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
L-ispejjeż iridu jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti.
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
Drittijiet u obbligi tal-partijiet
Ir-rappreżentanti legali jridu jipprovdu xi informazzjoni minn qabel lill-partijiet għal kawża potenzjali, sabiex dawn jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-probabbiltajiet li għandhom li jirbħu l-kawża u l-ispejjeż involuti – inklużi dawk li probabbilment tbati l-parti li titlef. Dan huwa rregolat mill-Kodiċi tal-Kondotta tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża. Barrister huwa obbligat bil-liġi li jżomm il-kunfidenzjalità tal-klijent.
Sorsi tal-ispejjeż
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Finlandja?
Informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Finlandja?
L-informazzjoni hija disponibbli bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fis-siti elettroniċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa u tal-Benesseri.
Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
Sit elettroniku disponibbli dwar informazzjoni dwar l-ispejjeż
Informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet tal-proċedimenti fil-qrati hija disponibbli mingħajr ħlas fis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?
Informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju hija disponibbli fid-“Deskrizzjoni Ġenerali” tal-attivitajiet fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċedura partikolari?
Informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċediment hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ġustizzja tal-Ġudikatura Finlandiża.
Taxxa fuq il-Valur Miżjud
Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni
L-informazzjoni hija disponibbli fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Skont il-Linja Gwida dwar il-Ħlasijiet tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża, stima tal-ħlas għal biċċa xogħol partikolari għal konsumatur trid tingħata bil-VAT inkluża.
X’inhuma r-rati applikabbli?
Is-servizzi legali huma suġġetti għal VAT ta’ 22 fil-mija. Il-ħlasijiet tal-għajnuna legali, madankollu, mhumiex suġġetti għall-VAT.
Għajnuna Legali
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili
Il-limitu għad-dħul jiġi kkalkulat skont formula stabbilita. B’mod ġenerali, tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas meta l-mezzi disponibbli tal-applikanti jkunu ta’ inqas minn €700 fix-xahar għal persuni mhux miżżewġa. Tista’ tingħata wkoll soġġetta għal tnaqqis progressiv meta l-mezzi disponibbli ta’ applikant ikunu bejn €700 u €1500. Applikant ma jistax jingħata l-għajnuna legali meta l-mezzi disponibbli tiegħu jaqbżu l-€1500 fix-xahar. Il-figuri korrispondenti għal kull konjuġi huma ta’ €600 u €1300.
Ħlas għall-għajnuna legali ta’ €70 jinġabar mingħand l-applikanti li jingħataw l-għajnuna legali bi skambju għal eċċess. Barra minn hekk, jekk l-assi likwidi tal-applikant jaqbżu l-€5000, jinġabar eċċess addizzjonali.
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati
Il-limitu għad-dħul jiġi kkalkulat permezz ta’ formula speċifika. B’mod ġenerali, l-għajnuna legali mingħajr ħlas tingħata meta l-mezzi disponibbli tal-applikant ikunu inqas minn €700 fix-xahar għall-persuni mhux miżżewġa. Tista’ tingħata wkoll soġġetta għal riduzzjoni progressiva meta l-mezzi disponibbli ta’ applikant ikunu bejn €700 u €1500. Applikant ma jistax jikseb l-għajnuna legali meta l-mezzi disponibbli tiegħu jaqbżu l-€1500 fix-xahar. Il-figuri korrispondenti għal kull konjuġi huma ta’ €600 u €1300. Fis-sit web tal-Ġustizzja tingħata iktar informazzjoni. Ħlas għall-għajnuna legali ta’ €70 jinġabar mingħand l-applikanti li jingħataw l-għajnuna legali soġġetta għal tnaqqis progressiv. Barra minn hekk, jekk l-assi likwidi tal-applikant jaqbżu l-€5000, jinġabar tnaqqis supplimentari.
Minbarra dak li ngħad iktar ’il fuq, l-akkużati huma intitolati għal difensur pubbliku irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jekk jiġu akkużati b’reat aggravat jew jekk jiġu arrestati jew miżmuma. Il-qorti, fuq inizjattiva tagħha, tista’ anki taħtar difensur pubbliku għal persuna li jkollha inqas minn 18-il sena, jew għal persuna li ma tkunx kapaċi taħseb għad-difiża tagħha. Jekk, però, l-akkużat jinstab ħati, huwa jrid jirrifondi lill-Istat il-ħlas għad-difensur pubbliku, sakemm ma kienx ikun intitolat għall-għajnuna legali. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-akkużat li jħallas tiġi ddeterminata skont ir-regoli tal-għajnuna legali.
Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi
Il-vittmi ta’ ċerti reati aggravati, bħall-vjolenza domestika jew ir-reati sesswali, huma intitolati għal avukat u għal persuna li tagħtihom appoġġ, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet finanzjarji tagħhom.
Barra minn hekk, il-vittmi jistgħu jiksbu għajnuna legali skont il-kriterji komuni: b’mod ġenerali, l-għajnuna legali hija disponibbli mingħajr ħlas meta l-mezzi disponibbli tal-applikant ikunu ta’ inqas minn €700 fix-xahar għall-persuni mhux miżżewġa. Tista’ tinkiseb ukoll soġġetta għal riduzzjoni progressiva meta l-mezzi disponibbli ta’ applikant ikunu bejn €700 u €1500. Applikant ma jistax jikseb l-għajnuna legali meta l-mezzi disponibbli tiegħu jaqbżu l-€1500 fix-xahar. Il-figuri korrispondenti għal kull konjuġi huma ta’ €600 u €1300. Ħlas għall-għajnuna legali ta’ €70 jinġabar mingħand l-applikanti li jingħataw l-għajnuna legali soġġetta għal riduzzjoni progressiva. Barra minn hekk, jekk l-assi likwidi tal-applikant jaqbżu l-€5000, tinġabar riduzzjoni supplimentari.
Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-vittmi
L-applikazzjoni għall-għajnuna legali għandha dejjem issir f’Uffiċċju tal-Għajnuna Legali Pubblika. L-applikazzjoni tista’ ssir fi kwalunkwe wieħed mill-Uffiċċji tal-Għajnuna Legali Pubblika fil-pajjiż, irrispettivament minn fejn joqgħod l-applikant. Ta’ spiss ikun konvenjenti li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata fl-eqreb uffiċċju.
L-applikant irid jippreżenta evidenza dwar iċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħu, flimkien ma’ informazzjoni dwar kwalunkwe assigurazzjoni għall-ispejjeż legali u dwar il-kwistjoni li għaliha qed tintalab l-għajnuna legali.
L-applikazzjoni tiġi ppreżentata fl-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali jew b’mod orali jew bil-miktub, u d-dokumentazzjoni meħtieġa trid tkun mehmuża mal-applikazzjoni. Il-formola tal-applikazzjoni u d-dokumenti mehmuża jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali uffiċjali bil-posta, bil-faks jew bil-posta elettronika (e-mail).
Il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli mill-paġna tal-Formola tal-Applikazzjoni għall-Għajnuna Legali; hija wkoll disponibbli mill-Uffiċċji tal-Għajnuna Legali Pubblika, mill-qrati tal-ġustizzja u mid-ditti tal-avukati.
Jekk applikant jixtieq li jkun assistit minn avukat privat fi kwistjoni quddiem qorti, l-avukat jista’ jippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna legali.
Jekk persuna ssir vittma ta’ vjolenza domestika jew ta’ reat sesswali, il-qorti tista’ taħtar avukat jew persuna li tagħti appoġġ għall-vittma – għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess u tal-proċess. Jekk il-vittma tixtieq tagħmel talba waqt il-proċess, il-qorti għandha taħtar avukat. Jekk il-vittma ma jkollha l-ebda talba x’tagħmel, tista’ tinħatar persuna biex tagħtiha appoġġ.
Kif ingħad iktar ’il fuq, difensur pubbliku jinħatar, jekk jintalab, għal persuna suspettata għal reat aggravat u għal persuna li tkun ġiet arrestata jew miżmuma. Il-qorti, fuq inizjattiva tagħha, tista’ taħtar difensur pubbliku għal persuna li jkollha inqas minn 18-il sena u għal persuna li ma tkunx kapaċi taħseb għad-difiża tagħha.
Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż
Benefiċjarju tal-għajnuna legali ma jkunx responsabbli għall-ħlasijiet.
Barra minn hekk, bil-liġi, ċerti kwistjonijiet (l-Att dwar il-Ħlasijiet 701/1993, Artikoli 6 u 7) huma mingħajr ħlas. Fost l-oħrajn insibu l-aġġustament tad-djun ta’ individwi privati u l-kawżi kriminali mmexxija mill-prosekutur pubbliku fl-ewwel istanza. L-awtoritajiet u ċ-ċittadini barranin jista’ jkollhom proċedimenti mingħajr spejjeż f’każijiet ta’ assistenza legali reċiproka.
Meta għandha l-parti li titlef tħallas lill-parti li tirbaħ?
Bħala regola ġenerali, l-ispejjeż fil-kawżi tal-ġustizzja ċivili tbatihom il-parti li titlef (l-eċċezzjonijiet jinkludu kwistjonijiet li jinvolvu petizzjonijiet u dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi, bħal bosta kwistjonijiet tal-liġi tal-familja). Fil-qrati amministrattivi, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Is-sentenza tal-qorti se tiddikjara jekk il-parti li titlef tkunx meħtieġa tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ.
Drittijiet tal-esperti
Id-drittijiet tal-esperti jiġu deċiżi mill-qorti. M’hemm l-ebda limitu fiss għal dawn id-drittijiet, għalkemm iridu jkunu raġonevoli.
Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti
Id-drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti jkunu deċiżi mill-qorti. M’hemm l-ebda limitu fiss għal dawn id-drittijiet, sakemm ikunu raġonevoli. Id-dritt medju ta’ traduttur huwa ta’ €80 il-paġna. Parti tkun eżentata minn dawn id-drittijiet jekk tkun ingħatat l-għajnuna legali.
Links relatati
Sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja Finlandiż
Sit elettroniku tal-Ġudikatura Finlandiża
Sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Finlandiża
Dokumenti relatati
Rapport tal-Finlandja rigward l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż (504 Kb)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.