Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Latvja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ġustizzja fil-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonisti legali

1. Bailiffs

It-tariffi għas-servizzi tal-bailiffs ċertifikati (zvērināti tiesu izpildītāji) jiġu stabbiliti skont ir- rati statutorji. Mhux permess li jintlaħaq ftehim dwar ħlas ta’ tariffi differenti mir-rata statutorja.

2. L-Avukati

Id-drittijiet għas-servizzi pprovduti minn avukati ċertifikati (zvērināti advokāti) fil-Latvja mhumiex fissi, ħlief f'każijiet meta l-istat jagħti l-għajnuna legali; l-avukat ċertifikat jiftiehem mal-klijent dwar id-drittijiet li għandhom jitħallsu.

Skont l-Artikolu 57 tal- Att dwar l-Avukati (Advokatūras likums), l-avukati ċertifikati jridu jikkonkludu ftehim bil-miktub mal-klijent li jgħid li l-avukat se jidher għall-klijent fil-kawża u jistabbilixxi d-drittijiet dovuti.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil fejn ma jkunx hemm ftehim miktub, l-ammont li jrid jitħallas fi drittijiet tal-avukati jista' jkun id-doppju tal-ammont stabbilit fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħlas tal-għajnuna mill-Istat, u spejjeż oħra jistgħu jiġu determinati skont il-limiti imposti f'dik il-leġiżlazzjoni.

L-Artikolu 12 tal-Att dwar l-Avukati jistipula li f’każijiet stipulati mil-liġi, l-istat ikopri d-drittijiet li jitħallsu lill-avukati u spejjeż oħrajn relatati. Il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna legali (l- Att dwar l-Għajnuna mill-Istat (Valsts nodrošinātās juridiskās palidzības likums) u l- Att dwar il-Proċedura Kriminali) (Kriminālprocesa likums)) jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom tista' tingħata l-għajnuna legali, fil-kawżi ċivili, amministrattivi u kriminali l-għajnuna mogħtija titħallas mill-Istat.

L-ispejjeż u n-nefqa għall-għajnuna legali jiġu koperti mill-Istat skont ir-Regolament tal-Kabinett Nru 1493 tat-22 ta' Diċembru 2009 li jistipula l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna legali mill-istat, l-ammont li jitħallas, l-ispejjeż relatati u l-proċedura tal-ħlas. Ir-regolament jistipula rati fissi għad-drittijiet li jitħallsu (ammont fiss jew rata fis-siegħa) mill-istat lil min jipprovdi l-għajnuna legali f’konformità mal-proċedura stabbilita. Ara wkoll it-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta' hawn taħt.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż fissi għall-partijiet jinkludu t-tariffi tal-Istat, tariffa tal-kanċellerija u l-ispejjeż assoċjati mal-eżaminazzjoni tal-każ.

L-istadju fil-proċedimenti ċivili fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

Ir-rikors irid jiġi akkumpanjat minn dokumenti li jiċċertifikaw li tħallsu t-tariffi tal-Istat u spejjeż oħra tal-qorti skont il-proċedura stabbilita mil-liġi.

It-tariffa għax-xogħol tal-qorti (it-tariffa tal-Istat) u t-tariffa tal-kanċellerija jridu jitħallsu lit-Teżor tal-Istat kif ġej:

  • Benefiċjarju: It-Teżor tal-Istat (Valsts kase)
  • Numru ta' reġistrazzjoni tat-taxxa tal-benefiċjarju: 90000050138
  • Numru tal-kont tal-benefiċjarju: LV55TREL1060190911200
  • Il-Bank tal-benefiċjarju: It-Teżor tal-Istat (Valsts kase)
  • Kodiċi għall-Identifikazzjoni tan-Negozju  TRELLV22
  • Messaġġ: hawnhekk trid tiddaħħal id-dejta li tidentifika l-kawża.

It-tariffi pagabbi għall-eżami tal-każ iridu jitħallsu qabel ma jibda jiġi trattat il-każ.

L-ammonti pagabbli lix-xhieda u lill-esperti (biex iwettqu spezzjonijiet jew jeżaminaw lix-xhieda fil-post) u l-ispejjeż tan-notifiki, il-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti u l-garanziji għat-talbiet jridu jitħallsu mill-parti li titlob għalihom qabel ma jibda l-każ.

Il-parti li titlob għal dawn il-miżuri trid tħallas l-ispejjeż li ġejjin qabel ma jibda l-każ:

  • l-ammonti pagabbli lix-xhieda u l-esperti;
  • l-ispejjeż marbuta max-xhieda jew l-ispezzjonijiet fuq il-post;
  • l-ispejjeż għan-notifiki tal-qorti;
  • l-ispejjeż marbuta mat-tfittxija għall-konvenut;
  • l-ispejjeż ta' pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti;
  • l-ispejjeż involuti fl-għotja ta' garanzija minħabba t-talbiet.

Il-pagamenti marbuta mad-deċiżjoni tal-każ f'qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) jew qorti reġjonali (apgabaltiesa) jridu jitħallsu fil-kont tal-Uffiċċju tal-Qrati:

  • Benefiċjarju: L-Uffiċċju tal-Qrati (Tiesu administrācija)
  • Numru tal-kont tal-benefiċjarju: LV51TREL2190458019000
  • Numru ta' reġistrazzjoni tat-taxxa tal-benefiċjarju: 90001672316
  • Il-Bank tal-benefiċjarju: It-Teżor tal-Istat (Valsts kase)
  • Kodiċi għall-Identifikazzjoni tan-Negozju TRELLV22
  • Dettalji oħra li jridu jiġu nklużi: 21499 (kodiċi li jindika l-kategorija tal-pagament) u informazzjoni oħra neċessarja biex jiġi identifikat il-każ, bħan-numru tal-każ, l-isem tal-konvenut u indikazzjoni jekk huwiex persuna fiżika jew ġuridika.

Spejjeż fissi fil-proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-proċedimenti kriminali

Il-konvenuti fil-proċedimenti kriminali ma jħallsux tariffi tal-qorti. Fl- Att dwar il-Proċedura Kriminali (Kriminālprocesa likums) mhemmx tariffi għall-proċedimenti kriminali. Il-Paragrafu 8 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-att jistipula li t-talbiet ċivili li jitressqu fi proċeduri kriminali qabel ma l-liġi tkun daħlet fis-seħħ, jiġu trattati bħala talbiet għal danni. Meta r-rikorrent ċivili ma jkunx il-vittma, jew il-konvenut ċivili ma jkunx l-akkużat, it-talba ċivili issa għandha tiġi trattata skont il-Liġi tal-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums). Xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-Att, l-uffiċjal li jkun beda l-proċedimenti (procesa virzītājs) għandu jinforma lill-partijiet skont il-każ.

Stadju tal-proċediment kriminali fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

Ara t-tweġiba mogħtija aktar 'il fuq għall-mistoqsija dwar l-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Ma hemmx tariffi tal-qorti fl-ebda stadju tal-proċedimenti kostituzzjonali.

Stadju tal-proċediment kostituzzjonali fejn għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

Ma hemmx tariffi tal-qorti fl-ebda stadju tal-proċedimenti kostituzzjonali.

Informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet

Skont il-Paragrafu 2.2 tal- Kodiċi ta' Etika tal-Avukati Ċertifikati Latvjani (Latvijas Zvērinātu advokātu Ētikas kodekss), l-avukati għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-każ ta’ klijent b’mod professjonali u bil-miftuħ u għandhom jipprovdu l-għajnuna legali rilevanti. Barra minn hekk, il-Paragrafu 3.1 tal-Kodiċi jistipula li l-avukati ma għandhomx jaħdmu f'każijiet li jinvolvu kwistjonijiet li ma jkunux kompetenti dwarhom jew li fir-rigward tagħhom ma jkunux kapaċi jaqdu dmirijiethom kif xieraq. Għaldaqstant, qabel jaċċetta każ, avukat għandu jiffamiljarizza ruħu maċ-ċirkostanzi tal-każ ikkonċernat u jipprovdi opinjoni. L-Att dwar l-Avukati jimponi wkoll dmirijiet fuq l-avukati ċertifikati: pereżempju, iridu jużaw kull mezz u metodu previsti bil-liġi meta jiddefendu u jirrappreżentaw id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-persuna li tkun talbet l-għajnuna legali.

Sorsi tal-ispejjeż

Minn fejn insib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Latvja?

L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż tinsab fil-liġijiet u r-regolamenti tal-Kabinett fuq l-internet u fil-fuljetti ta' tagħrif tal-qrati.

F'liema lingwi nista' nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Latvja?

L-informazzjoni dwar is-sors tal-ispejjeż li jridu jitħallsu meta jsir ir-rikors (mingħajr indikazzjoni ta' ammonti speċifiċi) tinsab fil-lingwi kollha tal-UE fuq is-sit elettroniku tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali (ara t-taqsima "Kif tressaq każ il-qorti").

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Tista' ssib informazzjoni dwar il-medjazzjoni fuq is-sit elettroniku Mediācija.lv.

Minn fejn nista' nsib aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż?

Is-sit elettroniku b'informazzjoni dwar l-ispejjeż

Informazzjoni dwar l-ispejjeż tinsab fuq il-Portal tal-Qrati tal-Latvja.

Hemm ukoll is-sit elettroniku uffiċċjali tal- Ministeru tal-Ġustizzja. Is-sit jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-qrati, il-proċedimenti tal-qrati, is-sentenzi tal-qrati amministrattivi u oħrajn, u tagħrif mixxellanju ieħor.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul medju li jieħdu proċeduri differenti?

Din l-informazzjoni tinsab fir-rapporti statistiċi fuq il-ħidma tal-qrati li jinsabu fuq is-sit elettroniku tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Qrati (Tiesu informācijas sistēma).

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja totali għal proċedimenti partikolari?

Ma hemmx dejta dwar l-ispiża medja totali ta' proċediment partikolari.

It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

Kif tingħata din l-informazzjoni?

It-tariffi tal-gvern u tal-qorti huma eżenti mill-VAT.

X'rati japplikaw?

It-tariffi tal-gvern u tal-qorti huma eżenti mill-VAT.

L-għajnuna legali

Il-limitu applikabbli ta'dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

Skont l- Att dwar l-Għajnuna Legali (Valsts nodrošinātās juridiskās palidzības likums) l-Istat jagħti għajnuna legali lil persuni li:

  • ġew meqjusa bħala foqra jew f'diffikultà materjali skont ill-proċeduri rilevanti stabbiliti mil-liġi;
  • għall-għarrieda jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet u f'ċirkostanzi finanzjarji li ma jippermettulhomx li jiddefendu d-drittijiet tagħhom (pereżempju minħabba force majeure jew ċirkostanzi oħrajn lil hinn mill-kontroll tagħhom);
  • ikunu dipendenti għal kollox mill-Istat jew mill-awtoritajiet lokali

F’każijiet fejn minħabba s-sitwazzjoni partikolari, iċ-ċirkostanzi materjali jew il-livell tad-dħul, il-persuni ma jkunux jistgħu jipprovdu għad-difiża legali tagħhom, l-għajnuna legali tingħata wkoll lil persuni li:

  • għandhom dritt għall-għajnuna legali mir-Repubblika tal-Latvja bis-saħħa tal-obbligi internazzjonali tal-Latvja;
  • fil-każ ta’ tilwimiet transfruntiera, ikunu domiċiljati jew residenti abitwali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-għajnuna legali tingħata wkoll għal kawżi amministrattivi (appelli kontra deċiżjonijiet fuq l-ażil, deċiżjonijiet dwar ordnijiet ta' ripatrijazzjoni u deċiżjonijiet dwar ir-rieżami ta' ordnijiet ta' tkeċċija obbligatorja).

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali jiġu evalwati mill- Uffiċċju għall-Għajnuna Legali (Juridiskās palīdzības administrācija), li jagħti deċiżjonijiet fejn jilqa' jew jiċħad l-għajnuna legali u javża lill-applikant skont il-każ.

Il-limitu applikabbli ta'dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Skont l-Artikoli 17 u 19 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali, il-persuni li għandhom id-dritt għal avukat fi proċeduri kriminali jistgħu japplikaw għall-għajnuna legali qabel tidħol fis-seħħ is-sentenza finali tal-qorti. Fil-proċeduri kriminali, l-għajnuna legali mill-Istat tipprovdi għal konsultazzjoni, assistenza fit-tħejjija tad-dokumenti proċedurali u rappreżentazzjoni fil-proċeduri ta' qabel il-proċess u matul il-proċess. F'ċerti ċirkostanzi pprovduti fl-Att dwar il-Proċedura Kriminali l-Istat jaħtar avukat biex jidher f'isem l-akkużat.

Skont l-Artikolu 20 tal- Att dwar il-Proċedura Kriminali, persuni suspettati jew akkużati b'reat għandhom id-dritt li jiddefendu lilhom infushom, jiġifieri d-dritt li jkunu jafu b'liema reat huma suspettati jew akkużat bih, u d-dritt li jagħżlu kif għandha titmexxa d-difiża tagħhom. Dawn il-persuni jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt billi jidhru f'isimhom jew billi jaħtru persuna tal-għażla tagħhom biex tidher f'isimhom. Il-persuna li tidher f'isimhom tista' tkun avukat bil-warrant. Il-liġi tispeċifika ċerti okkażjonijiet fejn ir-rappreżentazzjoni minn avukat bil-warrant hija obbligatorja. Jekk l-akkużat ma jkollux biżżejjed mezzi biex iqabbad avukat, u ma jilħaqx ftehim ma' avukat li huwa lest jidher għalih fil-proċess, l-Istat jassigura li jkollhom avukat, billi jordna l-ħlas tal-ispejjeż tad-difiża mill-fondi tal-Istat u jiddeċiedi liema parti, jekk ikun il-każ, minn dik is-somma trid titħallas mill-akkużat.

Skont l-Artikolu 80 tal- Att dwar il-Proċedura Kriminali, l-akkużat innifsu jew persuna oħra f'ismu tista' jiftiehem ma' avukat. L-uffiċjali li beda l-proċedimenti (procesa virzītājs) ma jistax jidħol f'xi ftehim jew iqabbad avukat partikolari, iżda jrid jinforma lill-akkużat u jagħtih iċ-ċans iqabbad avukat huwa stess. Jekk l-akkużat ma jidħolx fi ftehim f'każ fejn il-preżenza ta' avukat hija obbligatorja, jew f'każijiet oħra fejn l-akkużat jixtieq ikollu avukat, l-uffiċjal jitlob lill-avukat anzjan biex jipprovdi avukat għall-akkużat. Fi żmien tlett ijiem minn meta jirċievi t-talba mingħand l-uffiċjal, l-avukat anzjan irid jinfurmah bl-isem tal-avukat li se jkun qed jassisti lill-akkużat.

L-Artikolu 81 tal- Att dwar il-Proċedura Kriminali, li jirregola l-passi proċedurali speċjali, ikompli jgħid li jekk ma jkunx hemm ftehim dwar id-difiża, jew jekk l-avukat imqabbad ma jkunx jista' jattendi għad-diversi stadji tal-proċedura, il-prosekutur irid iqabbad avukat għall-akkużat f'kull stadju separat tal-proċedura (f'kull investigazzjoni li fihom huwa involut l-akkużat) mir-roster ta' avukati mħejjija mill-avukat anzjan għal qasam ta' ġurisdizzjoni tal-qorti.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 84(2) tal- Att dwar il-Proċedura Kriminali, meta persuna ma tkunx laħqet ftehim dwar id-difiża tagħha, l-ammont u l-proċedura tal-ħlas ta' drittijiet u spejjeż għas-servizzi tal-avukat tal-għajnuna legali jiġu ddeterminati mill-Kabinett (ara r- Regolament tal-Kabinett Nru 1493 tat-22 ta' Diċembru 2009 li jistipula l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna legali, l-ammont li jitħallas, l-ispejjeż relatati u l-proċedura tal-ħlas).

Il-limitu applikabbli ta' dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

Fil-proċeduri kriminali, il-vittmi jistgħu jirċievu għajnuna legali, pereżempju avukat biex jidher f'isimhom, li jiġu maħtur skont il-proċedura stabbilita fl-Att dwar il-Proċedura Kriminali u fil-każijiet indikati hemmhekk.

Barra minn hekk, l-Artikolu 104(5) tal-Att tal-Proċedura Kriminali jistipula li l-prosekutur jista’ jiddeċiedi li jaħtar avukat biex jirrappreżenta persuna minorenni fil-każijiet li ġejjin:

  • jekk il-ħarsien tad-drittjiet u l-interessi tal-minuri qed jiġu mxekkla jew mhux qed jiġu garantiti;
  • jekk issir talba raġonevoli mir-rappreżentant tal-familja tal-minuri (l-omm, il-misser jew it-tutur, in-nanniet, l-aħwa li għalqu 18-il sena) ma' min jgħix u min jieħu ħsieb il-minuri, jew minn rappreżentant ta' istituzzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, jew minn rappreżentant ta' xi organizzazzjoni mhux governattiva li tipprovdi protezzjoni għad-drittijiet tat-tfal.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk fi proċedimenti kriminali mhux possibbli xorta oħra li jiġu mħarsa d-drittijiet u l-interessi ta' vittma f'qagħda finanzjarja ħażina, il-prosekutur jista' jiddeċiedi li jqabbad avukat għal dik il-persuna. F'każijiet bħal dawn l-ammont u l-proċedura tal-ħlas għas-servizzi ta’ avukat huma stipulati mill-Kabinett tal-Ministri (ara r-Regolament tal-Kabinett Nru 1493 tat-22 ta' Diċembru 2009 li jistipula l-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna legali, l-ammont li jitħallas, l-ispejjeż relatati u l-proċedura tal-ħlas).

F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istat jagħti l-għajnuna legali lill-persuna rikonoxxuta bħala vittma (għajnuna bit-tfassil tad-dokumenti għall-qorti u r-rappreżentazzjoni fil-proċedimenti ta' qabel u waqt il-proċess).

Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti ta' għajnuna legali lill-vittmi

Ara l-informazzjoni mogħtija hawn fuq dwar il-livell limitu ta' dħul għall-vittmi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti ta' għajnuna legali lill-akkużati.

Ara l-informazzjoni mogħtija hawn fuq dwar il-livell limitu ta' dħul għall-akkużati fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr ħlas

Dawn li ġejjin huma eżenti mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti lill-Istat:

  • ir-rikorrenti fir-rigward ta' talbiet kontra min iħaddimhom għall-irkupru ta' ħlas għax-xogħol imwettaq u talbiet oħra marbuta ma' relazzjonijiet tax-xogħol skont il-liġi;
  • ir-rikorrenti fir-rigward ta' talbiet ġejjin minn kuntratti għat-twettiq ta' xogħol, jekk ir-rikorrent huwa persuna li qiegħda l-ħabs;
  • ir-rikorrenti fir-rigward ta' talbiet ġejjin minħabba korrimenti personali li wasslu għall-mutilazzjoni, jew ħsara oħra għas-saħħa, jew il-mewt;
  • ir-rikorrenti fir-rigward ta' talbiet għall-ikupru ta' ħlas ta' manteniment tat-tfal jew tal-ġenitur, u talbiet għad-determinazzjoni taċ-ċħid tal-paternità jekk it-talba ssir flimkien ma' talba għall-manteniment tat-tfal;
  • l-applikant fi kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent, jew ir-rikonoxxment u l-eżekuzzjoni, ta' deċiżjoni barranija dwar l-irkupru ta' ħlas tal-manteniment tat-tfal jew tal-ġenitur;
  • ir-rikorrenti fir-rigward ta' talbiet għal kumpens għat-telf materjali u dannu morali minħabba reati kriminali;
  • il-prosekuturi, l-awtoritajiet tal-Istat jew lokali, u l-persuni li huma legalment intitolati jiddefendu fil-qorti d-drittijiet u l-interessi protetti bil-liġi ta' persuni oħra;
  • l-applikanti fi kwistjonijiet marbuta ma' deċiżjoni li ssib li persuna ma kellhiex il-kapaċità legali jew fejn ġie maħtur tutur;
  • l-applikanti fi kwistjonijiet marbuta mal-ħatra ta' kustodju għal persuna minħabba stil ta' ħajja b'infiq bla rażan jew nuqqas ta' għaqal jew użu eċċessiv ta' alkoħol jew drogi;
  • il-konvenuti fi kwistjonijiet marbuta mat-tnaqqis fil-manteniment ordnat minn qorti għat-tfal jew ġenitur u t-tnaqqis fil-ħlas tal-manteniment li l-qorti tordna li jingħata f'każ ta' talba minħabba korriment personali li jirriżulta f'mutilazzjoni jew dannu ieħor;
  • l-applikanti f'każ ta' minuri li jkun ġie trasferit illegalment f'pajjiż ieħor jew miżmum;
  • l-amministraturi fir-rigward ta' talbiet li jitressqu għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi stat ta' falliment, u amministraturi li jressqu applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' falliment ta' persuni ġuridiċi fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 51 tal-Att dwar il-Fallimenti (Maksātnespējas likums);
  • il-parti li tkun rebħet il-kawża, f'kawża ta' eżekuzzjoni marbuta mal-irkupru ta' pagamenti għad-dħul tal-Istat;
  • il-parti li tkun rebħet il-kawża, f'kawża ta' eżekuzzjoni fejn l-irkupru jrid iseħħ permezz ta' dokument wieħed li jippermetti l-eżekuzzjoni tat-talba fl-Istat Membru rikjest;
  • id-dipartimenti tat-taxxa u tas-sisa, f'applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni tal-falliment ta' persuna ġuridika;
  • l-Uffiċċju taċ-Ċittadinanza u l-Affarijiet ta' Migrazzjoni ((Pilsonības un migrācijas lietu pārvalde), f'każijiet ta' ċaħda taċ-ċittadinanza Latvjana;
  • l-Aġenzija tal-Istat għas-Sigurtà Soċjali ((Valsts sociālās apdrošināšanas aģentūra), f'każijiet ta' rkupru tar-riżorsi finanzjarji għall-baġit tal-Istat fir-rigward tas-servizzi tas-sigurtà soċjali, jew ħlas żejjed tal-benefiċċji soċjali u servizzi tas-sigurtà soċjali, jew il-ħlas ta' benefiċċji tas-sigurtà soċjali marbuta ma' inċidenti tat-traffiku.

Il-partijiet jistgħu jiġu eżenti wkoll mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-Istat f'każijiet oħra previsti mil-liġi. Wara li jqis il-qagħda finanzjarja ta' persuna fiżika, qorti jew imħallef tista' teżentaha totalment jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti li jmur lil-Istat, jipposponi l-ħlas tagħhom jew jordna l-ħlas bin-nifs.

Il-parti telliefa meta trid tħallas l-ispejjeż tal-parti rebbieħa?

Il-parti rebbieħa ta' kawża tista' tirkupra mill-parti l-oħra l-ispejjeż tal-qorti kollha li tkun ħarġet. Jekk it-talba tagħha tkun ġiet milqugħa biss parzjalment, l-ispejjeż jiġu rkuprati proporzjonalment sa fejn ġiet milqugħa t-talba mill-qorti. Il-konvenut jingħata rimborż proporzjonalment skont il-parti tat-talba miċħuda fil-kawża. Meta s-sentenza tkun ingħatat b'kontumaċja, it-tariffi tal-Istat għal rikors għall-ftuħ mill-ġdid ta' proċedimenti tal-qorti u sentenza ġdida tal-kawża ma jingħatawx lura.

Jekk ir-rikors tar-rikorrent jiġi milqugħ kollu jew parzjalment, il-konvenut jintalab iħallas, sa fejn previst mil-liġi, l-ispejjeż li ġġarrab ir-rikorrent biex ippreżenta l-kawża l-qorti, pereżempju d-drittijiet tal-avukati, l-ispejjeż marbuta mad-dehriet il-qorti, jew l-ispejjeż marbuta mal-kumpilazzjoni tal-provi. Jekk ir-rikors jiġi miċħud, il-qorti tordna lir-rikorrent biex iħallas l-ispejjeż tal-konvenut biex iddefenda l-kawża.

It-tariffi tal-esperti

It-tariffi tal-esperti jridu jitħallsu, qabel tingħata s-sentenza, mill-parti li tkun talbet għas-servizzi tal-espert. Parti fil-kawża eżenti mill-ispejjeż tal-qorti ma tridx tħallas l-ispejjeż tal-espert. F'dan il-każ, it-tariffi għas-servizzi tal-esperti (iżda mhux għall-esperti fix-xjenza forensika tal-Istat) jitħallsu mir-Reġistru tal-Qorti.

It-tariffi tat-tradutturi u tal-esperti

Meta l-partijiet f'kawża ma jkollhomx għarfien tal-lingwa tal-proċedimenti - sakemm ma jkunux jirrappreżentaw persuni ġuridiċi - il-qorti trid tiżgura li jkunu familjari mad-dokumenti tal-kawża u jieħdu sehem fil-proċedimenti bl-għajnuna ta' interpretu.

Annessi relatati

Ir-Rapport tal-Latvja dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż PDF (742 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 28/09/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.