Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Spejjeż

Lussemburgu

Din il-paġna tagħti xi informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-professjonijiet legali

Huissiers de justice (Uffiċjali tal-qrati)

Regolament tal-Gran Dukat jirregola d-drittijiet tal-uffiċjali tal-qrati. Dan huwa r-Regolament tal-Gran Dukat tal-24 ta' Jannar 1991 li jiddetermina t-tariffi tal-uffiċjali tal-qrati. Tistgħu ssibu informazzjoni fuq dan is-suġġett fis-sit elettroniku tal-Kamra tal-uffiċjali tal-qrati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Avukati

Bis-saħħa tal-Artikolu 38 tal-liġi emendata tal-10 ta' Awwissu 1991 dwar il-professjoni ta' avukat, huwa l-avukat li jistabbilixxi l-ammont tad-drittijiet tiegħu u jikkalkula l-ispejjeż professjonali tiegħu. Fl-iffissar tad-drittijiet tiegħu, l-avukat jieħu inkunsiderazzjoni d-diversi karatteristiċi tal-każ, bħalma huma l-importanza tal-każ, il-grad ta' diffikultà, ir-riżultat miksub u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent. Fil-każijiet fejn l-ammont jaqbeż il-livelli raġonevoli, il-Conseil de l'Ordre (il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati) jnaqqas dak l-ammont, wara li jkun eżamina d-diversi elementi tal-każ li qed jiġi kkunsidrat. Tistgħu ssibu informazzjoni fuq dan is-suġġett fis-sit elettroniku tal-Kamra tal-avukati tal-Lussemburgu

L-ispejjeż ġudizzjarji fissi

L-ispejjeż fissi fil-proċedimenti ċivili

Il-fatt li tinfetaħ kawża quddiem qorti ċivili (li tissejjaħ il-ftuħ ta' kawża quddiem qorti ċivili) mhuwiex marbut ma spejjeż fissi apparti l-ispiża tal-atti tal-uffiċjal tal-qorti u l-ispejjeż tal-avukat. Fil-prinċipju ma hemm l-ebda spejjeż fil-qrati ċivili. Wara li tingħata s-sentenza, jista' jkun hemm xi spejjeż sussegwenti, li jkunu jridu jintefqu minħabba l-infurzar tad-deċiżjoni u fuq it-talba tal-parti li tkun rebħet il-kawża.

L-ispejjeż ġudizzjarji fil-proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi dovuti mill-partijiet kollha fi proċedimenti kriminali

L-ispejjeż għal kopja awtentika ta' deċiżjoni ta' qorti kriminali jammontaw għal 0.25 ċenteżmu tal-ewro għal kull paġna. Ma hemm l-ebda spejjeż oħra, ħlief għal kopji tal-proċess kriminali li, fil-prinċipju, jiġu ċċarġjati bl-istess ammont kull paġna b'kopja lill-avukat li jkun talab il-kopja.

L-istadju li fih il-parti tkun trid tħallas l-ispejjeż fissi

Skont l-Artikolu 59 tal-code d'instruction criminelle (CIC) (Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) “Il-parti ċivili li twassal biex tinbeda kawża kriminali (jiġifieri dik li tagħmel il-kwerela) għandha, jekk hija ma tibbenefikax mis-servizz tal-għajnuna legali, tħallas lill-uffiċċju tar-reġistru s-somma li tkun meqjusa li hija meħtieġa għall-ispejjeż tal-proċedura.

Il-qorti istruttorja tikkostata, permezz ta' digriet, il-preżentazzjoni tal-kwerela. Fid-dawl tar-riżorsi tal-parti ċivili, hija tistabbilixxi l-ammont tad-depożitu u l-limitu ta' żmien li fih għandu jitħallas, fuq piena li l-kwerela ma tkunx ammissibbli. Madankollu, hija tista' teżenta mid-depożitu lil parti ċivili li ma jkollhiex biżżejjed mezzi. ”

Din il-proċedura hija madankollu speċifika għall-kwereli tal-parti ċivili ppreżentati quddiem il-qorti istruttorja. Il-kwereli u r-rapporti li jsiru mal-prosekuturi pubbliċi jew proċedimenti inċidentali tal-partijiet ċivili quddiem il-qorti tal-mertu (meta l-kwerela ssir matul il-proċedimenti, waqt is-seduta) huma mingħajr spejjeż ġudizzjarji.

L-ispejjeż ġudizzjarji għall-kawżi kostituzzjonali

F'dan il-kamp, m'hemmx spejjeż fissi partikolari.

X’informazzjoni għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali (l-avukat)?

Informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet

Skont il-prinċipji tar-“regolament intern modifikat tas-16 ta’ Marzu 2005 tal-Ordre des Avocats du Barreau de Luxembourg (Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu) ” ir-rappreżentanti legali (l-avukati) huma obbligati li jipprovdu informazzjoni minn qabel lill-partijiet li jkunu qegħdin jaħsbu li ser tinfetaħ kawża. Din l-informazzjoni għandha tippermettilhom li jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, iċ-ċans ta’ suċċess tagħhom u l-ispejjeż li huma jistgħu jġarrbu, inkluż dawk li jistgħu jirriżultaw f’każ li jitilfu l-kawża.

Sorsi ta' informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji fil-Lussemburgu?

  • Partikolarment fis-sorsi leġiżlattivi u tal-Internet imsemmija,
  • Fl-uffiċċju tal-informazzjoni u tal-informazzjoni ġuridika tal-Prosekutur Ġenerali,
  • Waqt konsultazzjonijiet speċjali bla ħlas relatati mad-drittijiet tan-nisa organizzati fl-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.

B'liema lingwi nista' nsib l-informazzjoni fuq l-ispejjeż ġudizzjarji fil-Lussemburgu?

  • Bil-Franċiż għas-sorsi leġiżlattivi;
  • Bl-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Lussemburgiż għal informazzjoni oħra u b'mod partikolari għal informazzjoni orali mogħtija mis-servizzi tal-informazzjoni u l-korpi msemmija hawn fuq.

Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni Lussemburgiża tal-medjazzjoni u tal-medjazzjoni volontarja (Alma Asbl) fuq is-sit taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu (CMBL) u fuq is-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Għajnuna Legali

Xi jrid ikun il-limitu tad-dħul biex wieħed jikseb is-servizz tal-għajnuna legali fil-kwistjonijiet ċivili jew meta wieħed ikun akkużat fi proċedimenti kriminali?

X'inhuma l-każijiet fejn u taħt liema kundizzjonijiet tista' ssir talba għall-għajnuna legali?

Il-persuni fiżiċi li ma jkollhomx biżżejjed mezzi għandhom dritt għall-għajnuna legali biex jiddefendu l-interessi tagħhom fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, bil-kundizzjoni li dawn ikunu ċittadini Lussemburgiżi, jew ċittadini barranin awtorizzati li jistabbilixxu ruħhom fil-pajjiż, jew ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini barranin li minħabba xi trattat internazzjonali jitqiesu ċittadini Lussemburgiżi fil-qasam tal-għajnuna legali.

Iċ-ċittadini barranin li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, ħlief għad-Danimarka, għandhom ukoll id-dritt għall-għajnuna legali f'kull proċediment fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fil-kawżi transfruntieri kkontemplati mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn.

L-għajnuna legali tista' tingħata wkoll, fil-kwistjonijiet ċivili u kriminali, lill-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza ordinarja tagħhom fil-Lussemburgu, għall-finijiet li jieħdu parir legali ta' avukat fil-Lussemburgu, inkluż il-preparazzjoni ta' rikors b'talba għall-għajnuna legali intiża li tiġi ppreżentata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, sakemm it-talba għall-għajnuna legali tiġi rċevuta hemmhekk skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta' Jannar 2003, imsemmija iktar 'il fuq.

Il-benefiċċju tal-għajnuna legali jista' jingħata wkoll lil kull ċittadin barrani ieħor li m'għandux mezzi biżżejjed, fir-rigward ta' proċedimenti fil-qasam tad-dritt għall-asil, tal-aċċess fit-territorju, tar-residenza, tal-istabbiliment u tkeċċija ta' barranin. Fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini barranin, permezz ta' dispożizzjonijiet legali oħra, ikunu jridu d-dritt li jitqabbdilhom avukat mill-President tal-Kamra tal-Avukati, huma jibbenefikaw minn għajnuna legali limitata għall-ammont tal-ispiża biex jitqabbad l-avukat minħabba biss l-insuffiċjenza tal-mezzi.

L-insuffiċjenza tal-mezzi tal-persuni fiżiċi li jitolbu li jingħataw l-għajnuna legali tiġi evalwata fid-dawl tad-dħul gross sħiħ u tal-ġid tar-rikorrent kif ukoll tal-persuni li joqogħdu miegħu f'komunjoni domestika, skont id-dispożizzjonijiet tal-artikoli 19(1) u 20 tal-Att emendat tad-29 ta' April 1999 li joħloq id-dritt għal dħul minimu garantit u fil-limitu tal-ammonti stabbiliti bl-Artikolu 5(1), (2), (3), (4) u (6) tal-Att emendat tad-29 ta' April 1999. Madankollu, il-mezzi tal-persuni li joqogħdu f'komunjoni domestika mar-rikorrenti ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, jekk il-proċediment ikun bejniethom bħala konjuġi jew il-persuni li normalment joqogħdu fl-istess dar, jew jekk bejniethom, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża, ikun hemm diverġenza fl-interessi li tkun teħtieġ li ssir evalwazzjoni separata tal-mezzi finanzjarji.

Jekk ir-rikorrent huwa ta’ età minuri u jkun involut fi proċediment ġudizzjarju, il-benefiċċju tal-għajnuna legali jingħatalu indipendentement mis-sitwazzjoni tal-mezzi finanzjarji tal-ġenituri tiegħu jew tal-persuni li joqogħdu f’komunjoni domestika mal-minuri, u dan bla preġudizzju għad-dritt tal-Istat li jitlob ir-rimborż tal-ispejjeż li huwa jkun nefaq għall-għajnuna legali tal-minuri kontra missieru jew ommu li jkollhom mezzi biżżejjed.

Il-benefiċċju tal-għajnuna legali jista' jingħata wkoll lil persuni li jkunu esklużi minnu minħabba li jkollhom mezzi biżżejjed, jekk ikun hemm raġunijiet serji marbutin mas-sitwazzjoni soċjali, familjari jew materjali tar-rikorrenti li jiġġustifikaw dan it-trattament.

Liema huma l-modi ta' kif tapplika l-għajnuna legali?

Regolament tal-Gran Dukat jistabbilixxi l-modi ta’ kif tapplika l-għajnuna ġudizzjarja.

L-għajnuna legali hija mogħtija fil-qasam extraġudizzjarju u fil-qasam ġudizzjarju, fil-qasam volontarju jew kontenzjuż, kemm lill-attur kif ukoll lill-konvenut.

Hija tapplika f'kull kawża quddiem qorti ta' natura ġudizzjarja jew ta' natura amministrattiva.

Hija tista' tintalab matul il-proċedimenti li għaliha tintalab u tista' tkun b'effett retroattiv milll-jum li fih ġie ppreżentat ir-rikors jew minn kwalunkwe data oħra li tiġi stabbilita mill-President tal-Kamra tal-Avukati.

Hija tista' tingħata wkoll għall-atti kawtelatorji kif ukoll għal dawk intiżi li jeżegwixxu d-deċiżjonijiet tal-qrati jew ta' kwalunkwe titolu eżekuttiv ieħor.

Madankollu hija ma tistax tingħata lill-proprjetarju, detentur jew sewwieq ta' vettura fil-kawżi li jirriżultaw minħabba tali vettura, lil kummerċjant, imprenditur, artiġjan jew membru ta' professjoni libera f'kawża li tirrigwarda l-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu, ħlief f'każ ta' tbatija debitament ġustifikata, u lanqas, b'mod ġenerali, ma tista' tingħata għal tilwim dwar attività ta' natura spekulattiva mill-persuna li qed japplika għall-għajnuna legali.

Fil-kuntest tal-kwistjonijiet transfruntieri koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta' Jannar 2003, imsemmija iktar 'il fuq, il-President tal-Kamra tal-Avukati jista' madankollu jippermetti l-għajnuna legali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu preċedenti.

Fil-kwistjonijiet kriminali, l-għajnuna legali ma tkoprix l-ispejjeż u l-multi mogħtija lil persuna kkundannata.

Fil-kwistjonijiet ċivili, l-għajnuna legali la tkopri l-ispejjeż tal-kawża u lanqas il-kumpens minħabba xi proċeduri abbużivi u vessatorji.

L-għajnuna legali ma tingħatax lil persuna li l-kawża tiegħu tidher li hija manifestament inammissibbli, mhux ġustifikata, abbużiva jew sproporzjonata fid-dawl tal-għan tagħha fir-rigward tal-ispejjeż li jkunu jridu jintefqu.

L-għajnuna legali ma tingħatax jekk ir-rikorrent ikollu dritt li jikseb mingħand terzi persuni, bi kwalunkwe titolu, ir-rimborż tal-ispejjeż li jkopru l-għajnuna legali.

Il-benefiċjarju tal-għajnuna legali għandu dritt għall-assistenza minn avukat u mill-uffiċjali ġudizzjarji kollha li l-kawża, il-proċedimenti jew l-eżekuzzjoni tagħha jkunu jeħtieġu.

Id-deċiżjoni għall-għoti tal-għajnuna legali

Huwa l-President tal-Kamra tal-Avukati jew il-membru tal-Kunsill tal-Kamra delegat minnu għal dan il-għan mid-distrett tal-post tar-residenza tar-rikorrenti li jiddeċiedi fuq l-għoti tal-benefiċċju tal-għajnuna legali. Jekk il-persuna ma jkollhiex ir-residenza tagħha fil-Lussemburgu, huwa l-President tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu jew il-membru tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati delegat minnu għal dan il-għan li huwa kompetenti li jieħu din id-deċiżjoni.

Il-persuni li m'għandhomx mezzi biżżejjed għandhom jagħmlu t-talba tagħhom lill-President tal-Kamra tal-Avukati kemm waqt is-seduti tiegħu, kif ukoll bil-miktub.

Jekk xi persuna miżmuma mill-pulizija tafferma li hija għandha dritt tibbenefika mis-servizz tal-għajnuna legali u tagħmel talba f'dan is-sens, l-avukat li jassistiha matul id-detenzjoni tagħha għandu jibgħat talba lill-President tal-Kamra tal-Avukati.

Jekk il-ġudikant tal-istruttorja jaħtar avukat difensur lill-akkużat li jafferma li għandu dritt li jibbenefika mis-servizz tal-għajnuna legali u li jagħmel talba f'dan is-sens, hija l-qorti istruttorja li tibgħat it-talba lill-President tal-Kamra tal-Avukati.

L-istess President jivverifika l-insuffiċjenza tal-mezzi u, jekk din tkun pruvata, huwa jippermetti lir-rikorrent jibbenefika mis-servizz tal-għajnuna legali u jqabbad lill-avukat li r-rikorrent jagħżel b'mod liberu jew, fin-nuqqas li dan jagħżel jew meta l-President iħoss li l-għażla mhix xierqa, huwa jqabbad lill-avukat li jaħtar hu. Ħlief f'każ ta' impediment jew kunflitt ta' interess, l-avukat ikun obbligat li jassumi l-patroċinju li jkun ingħatalu.

Fil-każijiet kollha ta' urġenza, tista' tingħata għajnuna legali b'mod provviżorju, mingħajr ebda formalità oħra, mill-President tal-Kamra tal-Avukati, u dan fir-rigward tal-atti li huwa jistabbilixxi.

Talba għall-għajnuna legali ta' persuna ta' età minuri

Jekk il-President tal-Kamra tal-Avukati jilqa’ t-talba għall-għajnuna legali ta’ persuna ta’ età minuri li l-ġenituri tiegħu jkollhom mezzi b’mod li l-minuri ma jaqax fil-kategorija tal-persuni li m’għandhomx mezzi biżżejjed, id-deċiżjoni biex il-minuri jiġi aċċettat biex jibbenefika mill-għajnuna legali tintbagħtilhom flimkien ma’ avviż li l-Istat għandu dritt jeżiġi li l-ġenituri, responsabbli in solidum, jirrifondu l-ammonti maħruġa mill-Istat minħabba l-għajnuna legali tal-minuri.

Fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-President, kull ġenitur imsemmi hawn fuq jista' jappella quddiem il-Conseil disciplinaire et administratif (Kunsill dixxiplinari u amministrattiv) li jiddeċiedi b'mod definittiv. Il-Kunsill dixxiplinari u amministrattiv jieħu deċiżjoni fi żmien erbgħin jum mill-preżentata tar-rikors.

Il-President jibgħat lill-Ministru tal-Ġustizzja kopja tad-deċiżjoni definittiva dwar id-dritt tal-minuri għas-servizz tal-għajnuna legali.

L'administration de l'enregistrement et des domaines (l-Awtorità tar-Reġistrazzjoni u tal-Artijiet), imqabbda mill-Ministru tal-Ġustizzja, hija responsabbli biex tirkupra mingħand il-ġenituri li jkollhom mezzi biżżejjed, il-flus minfuqa mill-Istat minħabba l-għajnuna legali lill-minuri.

Kundizzjonijiet għall-irtirar tal-għajnuna legali

Il-President tal-Kamra tal-Avukati jirtira l-benefiċċju tal-għajnuna legali mogħtija lir-rikorrent, anki wara l-proċedimenti jew it-twettiq tal-atti li għalihom l-għajnuna legali tkun ingħatat, jekk dak il-benefiċċju jkun inkiseb permezz ta’ dikjarazzjonijiet jew minħabba dokumenti mhux preċiżi. Il-President jista' jirtira l-benefiċċju tal-għajnuna legali jekk il-benefiċjarju, matul il-proċediment jew matul it-twettiq ta' dawk l-atti jew b'riżultat tagħhom, jirċievi riżorsi b'mod li li kieku dawn kienu jeżistu fil-mument tat-talba għall-għajnuna legali, din ma kinitx tingħata. Kwalunkwe tibdil ta' dan it-tip għandu jiġi ddikjarat lill-President mill-benefiċjarju jew mill-avukat appuntat.

L-irtirar tal-għajnuna trendi immedjatament eżiġibbli mingħand il-benefiċjarju l-ispejjeż, drittijiet, tariffi, kumpensi, pagamenti, emolumenti, depożiti u self ta' kull tip li huwa jkun ibbenefika minnhom.

Id-deċiżjoni tal-President li biha jirtira l-għajnuna legali tintbagħat immedjatament lill-Ministru tal-Ġustizzja. L-Awtorità tar-Reġsitrazzjoni u tal-Artijiet hija responsabbli biex tipproċedi għall-ikrupru mingħand il-benefiċjarju tal-ammonti li jkunu ġew minfuqa mill-Istat.

Appell kontra l-irtirar tal-għajnuna legali

Kontra d-deċiżjonijiet tal-President għar-rifjut jew irtirar tal-benefiċċju tal-għajnuna legali, ir-rikorrent jista’ jippreżenta appell quddiem il-Conseil disciplinaire et administratif (Kunsill dixxiplinari u amminstrattiv). L-appell irid jiġi ppreżentat quddiem il-President tal-Kunsill dixxiplinari u amministrattiv fil-forma ta' ittra reġistrata fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-President. Il-Kunsill dixxiplinari u amministrattiv jew wieħed mill-membri tiegħu delegat għal dan il-għan jisma' l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill dixxiplinari u amministrattiv jista' jsir appell minnha quddiem il-Conseil disciplinaire et administratif d'appel (il-Kunsill dixxiplinari u amministrattiv tal-appell). B'deroga, l-iskadenza għad-dikjarazzjoni ta' appell hija ta' 15-il jum.

In-nutara u l-uffiċjali tal-qrati jitqabbdu ex officio mill-qorti li jkollha l-kawża quddiemha biex jassistu lill-persuni li jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Fin-nuqqas li jiġu appuntati mill-qorti, in-nutara jiġu appuntati uffiċjalment mill-President tax-Chambre des Notaires (Kamra tan-Nutara) u l-uffiċjali tal-qrati jiġu appuntati mill-President tax-Chambre des Huissiers de Justice (Kamra tal-Uffiċjali tal-Qrati).

L-arranġamenti għall-għoti tal-għajnuna legali huma preskritti b'Regolament Gran Dukali; u l-istess japplika għall-ispejjeż koperti mill-għajnuna legali, iċ-ċirkustanzi u l-proċeduri għall-irkupru mill-Istat ta' somom maħruġa għall-għajnuna legali u l-proċeduri li skonthom l-avukati li jaqblu li jassistu persuni b'mezzi insuffiċjenti jiġu kkumpensati mill-Istat, mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom għat-tariffi, jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta' dik il-persuna, minħabba l-eżitu tal-proċediment jew għal raġunijiet oħra, titjieb.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha huma obbligati li jagħtu l-għajnuna tagħhom kemm biex jiġu ppreparati d-dokumenti meħtieġa biex tiġi ppreżentata talba għall-għajnuna legali kif ukoll biex dawn jiġu verifikati, mingħajr ma jinvokaw is-sigriet professjonali jew amministrattiv.

X'inhuma l-limiti tad-dħul biex wieħed jikseb l-għajnjuna legali, meta huwa jkun vittma tal-kriminalità?

L-insuffiċjenza tal-mezzi tal-persuni fiżiċi li jitolbu li jingħataw l-għajnuna legali tiġi evalwata fid-dawl tad-dħul gross sħiħ u tal-ġid tar-rikorrent kif ukoll tal-persuni li joqogħdu miegħu f'komunjoni domestika, skont id-dispożizzjonijiet tal-artikoli 19(1) u 20 tal-Att emendat tad-29 ta' April 1999 li joħloq id-dritt għal dħul minimu garantit u fil-limitu tal-ammonti stabbiliti bl-Artikolu 5(1), (2), (3), (4) u (6) tal-Att emendat tad-29 ta' April 1999 imsemmi aktar 'il fuq. Madankollu, il-mezzi tal-persuni li joqogħdu f'komunjoni domestika mar-rikorrenti ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, jekk il-proċediment ikun bejniethom bħala konjuġi jew il-persuni li normalment joqogħdu fl-istess dar, jew jekk bejniethom, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża, ikun hemm diverġenza fl-interessi li tkun teħtieġ li ssir evalwazzjoni separata tal-mezzi finanzjarji.

Hemm kundizzjonijiet oħra biex persuna bħala vittma tingħata l-għajnuna legali?

Le, ma hemmx kundizzjonijiet oħra biex il-vittma tingħata l-għajnuna legali.

Hemm kundizzjonijiet oħra biex persuna bħala akkużata tingħata l-għajnuna legali?

Le, ma hemmx kundizzjonijiet oħra biex l-akkużat jingħata l-għajnuna legali.

Hemm proċedimenti li huma eżenti mill-ispejjeż?

Le, ma hemmx proċedimenti oħra eżenti mill-ispejjeż.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż ġudizzjarji lill-parti li tirbaħ?

Fi kwistjonijiet ċivili

Il-parti li titlef tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, iżda l-Qorti tiddeċiedi permezz ta' deċiżjoni motivata speċjali jekk hux l-ispejjeż kollha jew biss parti minnhom għandhom jingħataw kontra l-parti l-oħra.

Fejn ikun inekwu li parti tingħata r-responsabbiltà li tħallas l-ispejjeż imġarrba minn dik il-parti u li mhumiex inklużi bħala spejjeż, l-imħallef jista' jordna lill-parti l-oħra tagħmel il-ħlasijiet li jara bħala xierqa.

Dawn ir-regoli huma stabbiliti mill-kodiċi l-ġdid ta' Proċedura Ċivili u mir-Regolament tal-Gran Dukat tal-21 ta' Marzu 1974 dwar id-drittijiet u r-remunerazzjoni allokati lill-konsulenti legali (avoués) u lill-avukati.

Fi kwistjonijiet kriminali

Meta l-qorti tiddeċiedi kontra l-konvenut u dawk ċivilment responsabbli għar-reat, jew kontra parti li tressaq azzjoni ċivili marbuta ma' azzjoni kriminali, l-ispejjeż, inklużi dawk tal-prosekutur pubbliku, jingħataw kontra tagħhom. Madankollu, jekk parti ċivili titlef, hija personalment responsabbli għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, billi tkun hi li tat bidu għall-azzjoni pubblika. Meta din tkun marbuta mal-azzjoni tal-prosekuzzjoni, hija responsabbli biss għall-ispejjeż involuti minħabba l-intervent tagħha.

Fejn ikun inekwu li parti tħallas l-ammonti minfuqa minnha u li mhumiex inklużi fl-ispejjeż, il-qorti tista' tordna lill-parti l-oħra biex tħallas l-ammont li hija tiddetermina.

Dawn ir-regoli huma stabbiliti permezz tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u r-Regolament tal-Gran Dukat tal-21 ta' Marzu 1974 dwar id-drittijiet u r-remunerazzjoni allokati lil konsulenti legali (avoués) u lill-avukati.

Drittijiet tal-esperti

Kull parti tħallas id-drittijiet tal-esperti tagħha stess.

Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti

Kull parti tħallas id-drittijiet tat-tradutturi jew l-interpreti tagħha.

Dokumenti relatati

Rapport du Luxembourg sur l'Etude sur la transparence des coûts PDF (551 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 19/02/2014

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.