- Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonisti ġuridiċi
- Spejjeż fissi
- L-informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti ġuridiċi
- Is-sorsi tal-ispejjeż
- It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)
- L-għajnuna legali
- Il-parti t-telliefa meta trid tħallas l-ispejjeż tal-parti r-rebbieħa?
- It-tariffi tal-esperti
- It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-Liġi tal-Familja - Id-Divorzju
Il-Liġi tal-Familja - Il-Kustodja tat-Tfal
Il-Liġi tal-Familja - Il-Manteniment
Il-Liġi Kummerçjali - Il-Kuntratti
Il-Liġi Kummerçjali - Ir-Responsabbiltà
Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonisti ġuridiċi
L-Avukati
Fil-Polonja, il-ħlas f'każijiet individwali isir bi ftehim bejn l-avukat (adwokat) u l-klijent, soġġett għal-liġi. Jistgħu jiġu meqjusa l-fatturi li ġejjin:
- il-kumplessità u l-iskop tal-kwistjoni ġuridika;
- il-ħin meħtieġ għall-qadi xieraq tad-dmirijiet tal-avukat;
- l-esperjenza u l-ħiliet professjonali tal-avukat;
- il-preskrizzjoni;
- il-livell ta' urġenza;
- fatturi oħra.
Skont ir-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar it-Tariffi għas-Servizzi tal-Avukati tat-28 ta' Settembru 2002 (Rozporządzenie w sprawie opłat za czynności adwokackie), il-ħlas għandu jqis:
- it-tip u l-kumplessità tal-każ;
- ix-xogħol rikjest mill-każ.
F'każijiet partikolari, skont is-sitwazzjoni materjali u familjari tal-klijent, l-avukat jista' jżomm inqas flus minn dak rikjest mill-Att dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji f'Kawżi Ċivili (Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych).
Fil-prinċipju, il-parti t-telliefa tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti ġuridiċi. Madanakollu, is-somma mogħtija mill-imħallef (għar-rappreżentazzjoni pprovduta mill-avukat) għandha tħares il-limitu stabbilit fir-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja dwar it-Tariffi għas-Servizzi tal-Avukati tat-28 ta' Settembru 2002. Għalhekk (skont is-subinċiż 2), it-tariffa ma tistax taqbeż ir-rata minima mmultiplikata għal sitt darbiet, u lanqas il-valur tal-oġġett tal-litigazzjoni. L-ammont tat-tariffa jiddependi wkoll min-natura u l-għanijiet tal-kawża u l-istadju tal-proċedimenti. Il-Kapitoli 2 sa 5 tar-Regolament jistabbilixxu t-tariffi minimi għad-diversi tipi ta' kawżi.
Il-Konsulenti Ġuridiċi
Il-konsulenti ġuridiċi (radcy prawni) fil-Polonja huma rregolati minn regoli simili għal dawk li jirregolaw lill-avukati.
Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi (Bailiffs)
Il-liġi Pollakka tistabbilixxi wkoll it-tariffi għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi/bailiffs (komornicy) – fl-Att dwar l-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Proċedimenti ta' Infurzar (Ustawa o komornikach sądowych i egzekucji).
Ir-regoli ġenerali huma:
Fil-kawżi finanzjarji, il-ħlas għandu jiġi kkalkulat bħala perċentwali tal-ammont tat-talba li hija mistennija. Meta uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jikseb talba finanzjarja, il-ħlas magħmul mill-kreditur m'għandux jaqbeż it-2% tal-valur tat-talba, u lanqas ma jista' jkun inqas minn 3% tal-paga medja fix-xahar jew aktar minn dan l-ammont immultiplikat għal ħames darbiet.
Fl-eżekuzzjoni tat-talba, l-uffiċjal tal-infurzar tal-liġi jiġbor tariffa mid-debitur ta' valur ta' 15% tat-talba. Din it-tariffa ma tistax tkun inqas minn 10% tal-paga medja fix-xahar u ma tistax taqbeż dan l-ammont immultiplikat għal 30 darba.
F'kawżi mhux finanzjarji, meta l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jirbaħ u jeżegwixxi talba mhux finanzjarja, il-ħlas huwa fiss.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili
L-Att dwar l-ispejjeż ġudizzjarji f'kawżi ċivili jkopri t-tariffi u l-ispejjeż.
It-tariffa hija l-ammont ta' flus li trid titħallas għal kull dokument ippreżentat il-qorti, fejn il-liġi tipprovdi għal tariffa bħal din. Hemm tliet tipi differenti ta' tariffi: varjabbli, fissi u bażiċi.
L-ammont tat-tariffa jvarja skont in-natura tal-kawża: id-dritt ċivili, id-dritt tal-familja, id-dritt kummerċjali jew oħrajn. It-tip ta' azzjoni ġuridika tiġi kkunsidrata wkoll meta jiġu kkalkulati l-ispejjeż.
L-ispejjeż jinkludu n-nefqa b'rabta mal-parteċipazzjoni tal-partijiet, ix-xhieda u l-esperti fil-proċedimenti. L-ispejjeż jiddependu fuq il- ħin u l-impenn involuti. L-ispejjeż jistgħu jinkludu l-ħlas tal-interpreti u t-tradutturi, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, u l-ħlas għat-telf ta' introjtu tax-xhieda minħabba l-ħin mgħoddi l-qorti. Spejjeż oħra meqjusa huma: il-ħlas tal-istituzzjonijiet u persuni oħra, l-eżami tal-provi, it-trasport u l-kustodja tal-annimali u l-oġġetti, iż-żmien tal-arrest preventiv, u l-avviżi.
Hemm ukoll l-ispejjeż tal-litigazzjoni. Dawn jikkonsistu fl- ispejjeż ġudizzjarji, l-ispejjeż tal-preparazzjoni għall-proċess u l-miżuri meħuda mill-avukat jew mill-konsulent ġuridiku biex jirrapreżenta lill-klijent (inklużi t-tariffi għar-rappreżentazzjoni u l-pariri).
Ir-regola ġenerali hija li l-parti telliefa trid tħallas lura lill-parti li rebħet il-kawża l-ispejjeż raġonevoli li jkunu saru biex jitħarsu l-interessi tal-parti r-rebbieħa, sakemm mhux provvdut xort'oħra. Madanakollu, il-parti r-rebbieħa trid tistenna s-sentenza qabel ma ssir ir-rifużjoni ta' dawn l-ispejjeż. Il-kwistjoni tal-ispejjeż tiġi deċiża fl-aħħar fażi tal-proċediment ġudizzjarju, eżatt qabel is-sentenza finali.
L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
Il-ħlas tal-ammont dovut irid isir meta ssir il-preżentata tad-dokument il-qorti – (l-Artikolu 10 tal- Att dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji fil-Kawżi Ċivili).
L-Ispejjeż fissi fi proċedimenti kriminali
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
Ġeneralment, l-ispejjeż ma jkunux fissi imma jiġu kkalkulati wara li tingħata s-sentenza. L-ammont jiddependi fuq it-tul tal-proċedimenti, is-sentenza u t-tariffi tal-esperti. L-ispejjeż fissi jistgħu jiġu mbassra biss f'kawżi mressqa permezz ta' rikors privat, meta l-persuna li ddaħħal ir-rikors trid tħallas tariffa inizjali fissa.
L-istadju tal-proċediment kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali jridu jitħallsu wara s-sentenza (li hija valida u torbot lill-partijiet).
L-ispejjeż bażiċi fi proċedimenti kostituzzjonali
Il- Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk jipprovdi (fl-Artikolu 424) għall-possibilità ta' rikors fl-appell, wara l-għoti ta' sentenza definittiva fit-tieni istanza. Dan jista' jsir jekk is-sentenza tikkaġuna danni lil parti fil-kawża, u jekk it-tibdil u t-tħassir tad-deċiżjoni/sentenza kien jew mhux possibbli (rikors għaliex is-sentenza tmur kontra l-liġi).
Din it-talba hija possibbli wkoll meta l-inkompatibiltà mal-liġi tikkonċerna l-ksur tar-regoli fundamentali tal-ordni ġuridiku, il-ksur tal-libertajiet kostituzzjonali jew drittjiet tal-bniedem u drittjiet ċivili, u fejn is-sentenza tkun ingħatat fil-prim'istanza. F'dan il-każ, l- Att dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji fil-Kawżi Ċivili jistabbilixxi tariffa obbligatorja. Din hija t-tariffa bażika ta' PLN 30, sakemm l-Att ma jipprovdix mod ieħor (Artikolu 14).
Hemm ukoll eċċezzjonijiet għal din ir-regola; it-tariffa għall-proċedimenti li ġejjin hija ta:
- PLN 40 jekk it-talba minħabba inkompatibiltà tikkonċerna proċediment mingħajr proċess mibdi ex officio.
- PLN 1 000 zloty meta t-talba minħabba inkompatibiltà tikkonċerna deċiżjoni tal-President tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
- PLN 3 000 meta t-talba minħabba inkompatibiltà tikkonċerna deċiżjoni tal-President tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xandir.
L-ispiża bażika ta' proċedimenti kostituzzjonali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
Il-ħlas tal-ispejjeż bażiċi fi proċedimenti kostituzzjonali għandu jsir meta jiġi ppreżentat il-qorti id-dokument bi ħlas (l-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Ispejjeż Ġuridiċi fil-Kawżi Ċivili).
L-informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti ġuridiċi
Id-drittijiet u d-dmirijiet tal-partijiet
Skont id-dritt statutorju, ir-rappreżentanti ġuridiċi mhumiex responsabbli għall-eżitu finali tal-proċediment. Għandhom l-obbligu biss li jżommu livell xieraq ta' diliġenza u li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex imexxu l-każ kif suppost. Dan ifisser ukoll illi r-rappreżentanti għandhom id-diskrezzjoni li jagħżlu l-informazzjoni li tista' tkun utli għall-klijenti tagħhom.
Uħud minn dawn id-dmirijiet huma stabbiliti fil-kodiċi professjonali tal-kondotta. Madanakollu, il-kodiċi huma maħruġa mill-kmamar professjonali u huma ta' natura purament dikjarattiva. F'każ ta' ksur, tirriżulta biss f'azzjoni dixxiplinarja.
L-ispejjeż involuti
- Imġarrba mill-parti rebbieħa
- Imġarrba mill-parti telliefa
Is-sorsi tal-ispejjeż
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjez fil-Polonja?
Tista' ssib informazzjoni (inkluż informazzjoni dwar l-ispejjeż) fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Pollakk. L-Att dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji fil-Kawżi Ċivili ġeneralment japplika. Dan ifisser illi kull min għaddej bi proċedimenti ġuridiċi jew qiegħed ifittex aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż jista' faċilment isib ir-regoli rilevanti.
Dawk il-persuni li jsibu diffikultà biex jifhmu l-Att jistgħu jsaqsu għall-għajnuna mir-rappreżentanti ġuridiċi tagħhom (l-avukat jew il-konsulent ġuridiku). Ir-rappreżentanti ġuridiċi professjonali jistgħu jagħtu informazzjoni u għajnuna f'diversi proċedimenti f'lingwi oħra.
B'liema lingwi nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Polonja?
L-informazzjoni hija disponibbli biss bil-Pollakk.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Pollakk jagħti informazzjoni dwar il-medjazzjoni fl-Artikoli 183¹ sa 183¹5. Il-ħlas għall-medjaturi u l-ispejjeż soġġetti għar-rifużjoni huma stabbiliti fir- Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-30 ta' Novembru 2003. Madanakollu, l-ispiża tal-medjazzjoni ma tiġix ġeneralment meqjusa bħala spiża għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-qorti, sakemm il-medjazzjoni ma tkunx ġiet ordnata mill-qorti.
Fejn nista' nsib aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż?
Sit elettroniku bl-informazzjoni dwar l-ispejjeż
Is-sit elettroniku tal- Ministeru tal-Ġustizzja tal-Polonja huwa sezzjoni tas-sit elettroniku uffiċjali tal- Gvern Pollakk. Huwa jiddeskrivi s- sistema ġudizzjarja u l-kwistjonijiet marbuta mad-dritt ċivili Pollakk, inklużi l-ispejjeż ġuridiċi. Is-sit elettroniku joffri ħolqa li tispjega l-ispejjeż fil-kawżi ċivili (bil-Pollakk biss).
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu d-diversi proċedimenti?
Huwa diffiċli li wieħed ibassar it-tul ta' żmien medju ta' proċediment ġuridiku għaliex dan jiddependi fuq il-kumplessità ġuridika u fattwali tal-każ.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż medji aggregati għal proċediment partikolari?
Minkejja l-eċċezzjoni msemmija hawn qabel, jistgħu jiġu kkalkulati l-ispejjeż medji ta' proċediment. L-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni ġuridika jiġu stabbiliti qabel jibda l-proċediment. L-ispejjeż jiddependu fuq il-ftehim bejn il-klijent u r-rappreżentant. F'dak li jirrigwarda r-rappreżentazzjoni ex officio, l-ispejjeż huma stabbiliti mir-Regolament.
L-ispejjeż tal-proċediment jistgħu jiġu kkalkulati wkoll mill-qorti nnifisha. It-tariffi huma stabbiliti fl-Att dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji fil-Kawżi Ċivili u jiddependu mill-valur tal-oġġett tal-litigazzjoni u n-natura tal-kawża (pereż. kummerċ jew divorzju). Il-partijiet jistgħu jikkunsidraw ukoll l-ispejjeż meħtieġa biex jinħatru l-esperti.
It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)
Kif tingħata din l-informazzjoni?
It-tariffi u l-ispejjeż stabbilit fl-Att dwar l-Ispejjeż Ġuridiċi fil-Kawżi Ċivili huma mingħajr taxxa u għalhekk mhumiex soġġetti għall-VAT. L-għajnuna legali hija soġġetta għal rata ta' VAT unika (23%).
X'rati japplikaw?
Ir-rata ta' VAT applikabbli hija ta' 23%. Is-servizzi pprovduti mill-konsulenti ġuridiċi u l-avukati jiġu ntaxxati bħas-servizzi l-oħra. It-taxxa hija stabbilita mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud.
L-għajnuna legali
Il-livell limitu ta' introjtu applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili
Dawk kollha li jixtiequ jiksbu eżenzjoni mill-ispejjeż tal-litigazzjoni jridu jippreżentaw applikazzjoni uffiċjali,. L-eżenzjoni tingħata biss jekk juru illi ma jistgħux ikopru l-ispejjeż mingħajr ma jbatu huma jew il-familji tagħhom.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jridu jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub bl-informazzjoni li ġejja: l-istat ċivili, l-introjtu, is-sorsi tad-dħul u l-assi. Jekk jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tagħti l-eżenzjoni, u barra minn hekk, tagħti għajnuna legali mingħajr ħlas (rappreżentant ġuridiku mħallas mit- Teżor tal-Istat fil-bidu tal-proċediment; fi tmiem il-proċediment, il-parti t-telliefa għandha, fuq talba tal-parti r-rebbieħa, tirrifondi l-ispejjeż).
Il-livell limitu ta' introjtu applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali
Ma hemmx livell limitu fiss tal-introjtu. Ir-regola ġenerali hija illi r-rikorrent irid juri illi - ikkunsidrata s-sitwazzjoni familjari tiegħu jew tagħha- il-ħlas tal-ispejjeż huwa piż kbir.
Il-livell limitu ta' introjtu applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi
Ma hemmx livell limitu fiss tal-introjtu. L-għajnuna legali tingħata jekk il-vittma - bħala parti mill-proċedimenti - ma tistax tħallas l-ispejjeż mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-familja tagħha.
Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti tal-għajnuna legali lill-vittmi
Kif imsemmi hawn qabel, il-vittma trid tkun parti fil-proċedimenti. Matul l-inkjesta, il-vittma hija l-parti ex officio. Fl-istadju tal-proċedimenti li jsiru quddiem il-qorti, hu jew hija jridu jiksbu l-istat ta' l-hekk imsejjaħ ‘prosekutur sussidjarju’ (partie civile bil-Franċiż).
Kundizzjonijiet oħra marbuta mal-għoti tal-għajnuna legali lill-imputati
Ma hemmx kundizzjonijiet oħra li jirregolaw l-għoti tal-għajnuna legali lill-imputati. Madanakollu hemm raġunijiet addizzjonali għall-għoti tal-għajnuna legali lill-imputati. L-għajnuna legali hija obbligatorja meta:
- l-imputat ikun minorenni;
- l-imputat ikun trux, mutu jew għami;
- ikun hemm raġuni tajba li jiġġustifikaw dubji dwar l-istat mentali tal-imputat;
- il-qorti tkun tal-fehma li tkun neċessarja minħabba ċirkostanzi li jfixklu d-difiża;
- il-proċedimenti jsiru quddiem qorti tad-distrett tal-prim'istanza, fejn il-persuna tiġi akkużata b'delitt jew tiġi arrestata;
- il-proċediment isir quddiem il-Qorti Suprema.
Proċedimenti tal-Qorti mingħajr ħlas
Fil-każ tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi fil-kawżi kriminali, l-ispejjez jitħallsu mit-Teżor tal-Istat.
Il-kawżi dwar il-minorenni huma mingħajr ħlas.
Ir-rikorrenti f'ċerti każijiet (pereż. obbligi ta' manteniment u l-klawżoli kuntrattwali abbużivi) huma eżenti mill-ispejjeż ġudizzjarji (l-Artikolu 96 tal-Att dwar l-Ispejjeż fil-Kawżi Ċivili).
Il-parti t-telliefa meta trid tħallas l-ispejjeż tal-parti r-rebbieħa?
Ir-regola ġenerali hija li l- parti t-telliefa trid tkopri l-ispejjeż essenzjali tal-proċedimenti u tħallas lura l-ispejjeż tar-rappreżentanza ġuridika tal-parti rebbieħa. L-ispejjeż soġġetti għal rifużjoni huma speċifikati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Pollakk (Artikoli 98-110). B'mod partikolari, l-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati jinkludu: l-ispejjeż tal-proċediment, l-ammont ekwivalenti għat-telf ta' introjtu u l-ispejjeż tar-rappreżentant ġuridiku.
It-tariffi tal-esperti
Il-qorti tiddeċiedi dwar il-ħlas tal-esperti - li jiddependi fuq l-għanijiet tal-każ, il-kwalifiki, il-ħin u l-firxa tax-xogħol.
It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti
It-tariffi jiddependu fuq jekk it-traduzzjoni/l-interpretazzjoni ġewx ordnati mill-Istat jew mitluba minn entitajiet privati.
Ir-Regolament dwar il-Ħlas tat-Tradutturi Ġuramentati (adottat mill- Ministeru tal-Ġustizzja fil-25 ta' Jannar 2005 – Gazzetta tal-Liġijiet 2007/41, artiklu 265) jistabbilixxi t-tariffi li għandhom iħallsu l-istituzzjonijiet pubbliċi. Skont l-Att l-ispejjeż jiġu ddeterminati skont il-fatturi li ġejjin: minn liema lingwa għal liema lingwa (ibbażati fuq l-idea ġenerali illi huwa akar faċli u għalhekk irħas li t-traduzzjoni ssir minn lingwa barranija għal dik nazzjonali). Fatturi oħra huma t-terminoloġija u l-livell ta' speċjalizzazzjoni.
Fis-settur privat, l-ispejjeż huma rregolati b'kuntratt bejn it-traduttur/l-interpretu u l-klijent tiegħu jew tagħha.
Is-sorsi huma:
- ir-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-28 ta' Settembru 2002 dwar it-Tariffi għas-Servizzi tal-Avukati - il-Ġazzetta tal-Liġijiet 2002/163, artikolu 1348;
- l-Att dwar l-Ispejjeż fil-Kawżi Ċivili - Gazzetta tal-Liġijiet 2005/167, artiklu 1398;
- ir-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-25 ta' Jannar 2005 dwar il-Ħlas tat-Tradutturi Ġuramentati — Journal of Laws 2007/41, item 265.
Dokumenti relatati
Rapport mill-Polonja dwar analiżi tat-trasparenza tal-ispejjeż (396 Kb)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.