Sib informazzjoni għal kull reġjun
Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonijiet ġuridiċi
1. Il-prokuraturi legali
Fil-Portugall, it-tariffi għall-prokuraturi legali (solicitadores), meta jaġixxu bħala aġenti tal-eżekuzzjoni (agentes de execução), huma regolati mill-ordni Ministerjali (Portaria) Nru 331-B/2009 tat-30 ta' Marzu (Artikoli 11–25).
2. Konsulenti ġuridiċi
Fil-Portugall, it-tariffi għall-konsulenti ġuridiċi (consultores jurídicos) mhumiex regolati.
3. Avukati
Fil-Portugall, it-tariffi għall-avukati (advogados) mhumiex regolati.
4. Uffiċjali tal-qorti
It-tariffi għall-atti tal-uffiċjali tal-qorti (oficiais de justiça) fi proċeduri ta' eżekuzzjoni huma regolati mill-Artikolu 9 u mit-Tabella II tar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti kif approvat mid-Dekret-Liġi (Decreto-Lei) Nru 34/2008 tas-26 ta' Frar, u mill-Ordni Ministerjali Nru 331‑B/2009 tat-30 ta' Marzu (Artikoli 11 u 25).
5. Avukati li joffru l-għajnuna legali
It-tariffi tal-avukati għas-servizzi li joffru fil-qafas tal-għajnuna legali huma regolati mill-Ordni Ministerjali Nru 1386/2004 tal-10 ta' Novembru u l-Ordni Ministerjali Nru 10/2008 tat-3 ta' Jannar, kif emendat mill-Ordni Ministerjali Nru 210/2008 tad-29 ta' Frar.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili huma stabbiliti fl-Artikoli 5-7 u t-Tabelli I u II mehmuża mar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti kif approvat mid-Dekret-Liġi Nru 34/2008 tas-26 ta' Frar.
L-istadju fil-proċedimenti ċivili fejn l-ispejjeż fissi tal-partijiet iridu jitħallsu
Bħala regola ġenerali, id-drittijiet tal-qorti jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti u meta tiġi ffissata d-data tas-seduta l-qorti. Bħala regola ġenerali, l-esperti u l-uffiċjali tal-qorti jitħallsu qabel ma jieħdu sehem fil-proċedimenti.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali huma stabbiliti fl-Artikoli 8 u t-Tabella III mehmuża mar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti kif approvat mid-Dekret-Liġi Nru 34/2008 tas-26 ta' Frar.
L-istadju fil-proċedimenti kriminali fejn l-ispejjeż fissi tal-partijiet iridu jitħallsu
L-istadju fil-proċedimenti kriminali fejn l-ispejjeż fissi jridu jitħallsu jiddependi fuq il-pożizzjoni tal-individwu fil-proċedimenti u l-irwol li beħsiebu/ha jkollu/ha. L-uniċi każijiet fejn id-drittijiet tal-qorti jitħallsu malli ssir l-azzjoni huma l-preżentata ta' applikazzjoni għax-xogħol ta' assistent (assistente) tal-prosekutur pubbliku u l-ftuħ ta' investigazzjoni kriminali mill-assistent tal-prosekutur. Fil-każijiet l-oħra, jiġifieri l-kawżi li jinvolvu l-akkużat u sitwazzjonijiet oħra li jinvolvu assistent tal-prosekutur, id-drittijiet tal-qorti jitħallsu fl-aħħar tal-istadju partikolari tal-proċedimenti kriminali (l-investigazzjoni, is-sentenza jew l-appell), skont is-sentenza tal-qorti.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali
L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali huma regolati mill-Artikoli 6-9 tad-Dekret-Liġi Nru 303/98 tas-7 ta' Ottubru, kif emendat mid-Dekret-Liġi Nru 91/2008 tat-2 ta' Ġunju.
L-istadju fil-proċedimenti kostituzzjonali
L-ispejjeż fissi ma hemmx għalfejn jitħallsu qabel it-tmiem tal-proċedimenti.
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
Drittijiet u obbligi tal-partijiet
Ir-rappreżentanti legali huma etikament u legalment obbligati li jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, għaliex għandhom għarfien tajjeb ferm tal-possibbiltajiet ta’ suċċess u tal-ispejjeż involuti.
Sorsi tal-ispejjeż
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Portugall?
Aktar informazzjoni dwar is-sistema ta' spejjeż ġuridiċi fil-Portugall tinsab fuq https://igfij.mj.pt/custas/Paginas/default.aspx
B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Portugall?
L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fil-Portugall hija disponibbli biss bil-Portugiż.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Informazzjoni dwar il-medjazzjoni, b'mod partikolari dwar is-sistemi ta' medjazzjoni pubbliċi fl-oqsma ċivili, tal-familja, dwar il-liġi tax-xogħol u kriminali, tinsab fuqhttp://www.dgpj.mj.pt/sections/gral/mediacao-publica/mediacao-anexos/formularios-para-pedidos/
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?
Informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li tista' tieħu proċedura ġuridika tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Istatistika Ġuridika tal-Portugall - http://www.dgpj.mj.pt/sections/estatisticas-da-justica.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċedura partikolari?
Din l-informazzjoni mhix disponibbli u tinġieb biss wara li jiġu kkonsultati id-diversi tabelli u faxex tad-drittijiet.
It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud - kif inhi provduta din l-informazzjoni?
L-ispejjeż ġudizzjarji mhumiex suġġetti għall-VAT. Id-drittjiet li jitħallsu lill-professjonisti huma suġġetti għall-VAT, imma l-informazzjoni dwar l-ispejjeż stabbilita mil-liġi ma tinkludix il-VAT.
Liema rati japplikaw?
Ma hemmx informazzjoni disponibbli dwar ir-rati tal-VAT applikabbli.
Għajnuna Legali
Il-livell limitu applikabbli għall-introjtu fi proċedimenti ċivili
Il-formula għall-kalkolu tal-limitu tad-dħul għall-għajnuna legali fil-kawżi kriminali hija disponibbli fl-Anness tal-Att (Lei) Nru 34/2004 tad-29 ta' Lulju, kif emendat mill-Att Nru 47/2007 tat-28 ta' Awwissu.
Il-livell limitu applikabbli għall-akkużati fi proċedimenti kriminali
Il-formula għall-kalkolu tal-limitu tad-dħul għall-għajnuna legali fil-kawżi kriminali hija disponibbli fl-Anness tal-Att (Lei) Nru 34/2004 tad-29 ta' Lulju, kif emendat mill-Att Nru 47/2007 tat-28 ta' Awwissu.
Il-livell limitu applikabbli għall-vittmi fi proċedimenti kriminali
Ma hemmx livell limitu tal-introjtu għall-għajnuna legali għall-vittmi fir-rigward ta' proċedimenti kriminali.
Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-vittmi
Hemm kundizzjonijiet oħra sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-vittmi Il-vittmi ma jħallsux tariffi legali meta jkunu rrappreżentati mill-Assoċjazzjoni għall-Appoġġ tal-Vittmi.[Associação de Apoio à Vítima].
Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata l-għajnuna legali għall-akkużati
Hemm kundizzjonijiet oħra sabiex tingħata l-għajnuna legali lill-akkużati. Dawn huma marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika tal-akkużat u jiġu kkalkulati b’referenza għall-mudell ipprovdut skont l-Artikolu 39 tal-Att Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004, kif emendat mill-Att Nru 47/2007 tat-28 ta’ Awwissu.
Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż
Il-proċedimenti tal-qorti jistgħu jkunu mingħajr ħlas għal waħda mill-partijiet jew għat-tnejn li huma fuq il-bażi ta' eżenzjoni mill-ispejjeż ġudizzjarji jew l-għoti tal-għajnuna legali.
Il-parti li titlef meta għandha tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?
Bħala regola ġenerali, il-parti r-rebbieħa hija intitolata għal rifużjoni tal-ispejjeż, li jridu jitħallsu mill-parti t-telliefa fil-proporzjon stabbilit mill-imħallef, skont is-sentenza finali. L-intitolament tal-parti r-rebbieħa għall-kumpens jitħassar jekk il-parti t-telliefa tibbenefika mill-għajnuna legali u tkun għalhekk eżenti milli tħallas kwalunkwe spejjeż ġudizzjarji.
Drittijiet tal-esperti
Normalment kull parti trid tħallas id-drittijiet tal-esperti. Jekk il-parti kellha l-għajnuna legali, id-drittijiet tal-esperti jitħallsu mill-Istitut għall-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastrutturi tas-Sistema Ġudizzjarja [Instituto de Gestão Financeira e Equipamentos da Justiça - IGFEJ].
Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti
Normalment id-drittijiet tat-tradutturi u l-interpreti jridu jitħallsu mill-parti kkonċernata. Madankollu, jekk il-parti kellha l-għajnuna legali, id-drittijiet tal-esperti jitħallsu mill-Istitut għall-Ġestjoni Finanzjarju u l-Infrastrutturi tas-Sistema Ġudizzjarja [Instituto de Gestão Financeira e Equipamentos da Justiça - IGFEJ].
Dokumenti importanti
Ir-rapport tal-Portugall fuq l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż (781 Kb)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.