- Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali
- Spejjeż fissi
- Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
- Sorsi tal-ispejjeż
- Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
- Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
- Taxxa fuq il-Valur Miżjud
- Għajnuna Legali
- Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?
Liġi tal-familja – kustodja tat-tfal
Liġi tal-familja – manteniment
Liġi kummerċjali – responsabbiltà
Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali
Avukati
Ġeneralitajiet
Id-drittijiet tal-avukati jvarjaw u jiġu ddeterminati skont il-livell ta’ diffikultà, id-daqs u kemm iddum il-kawża. Jista’ jintlaħaq ftehim bil-libertà kollha bejn l-avukat u l-klijent tiegħu dwar il-livell tad-drittijiet, imma dan irid isir fil-limiti tal-liġi u tal-Istatut tal-professjoni.
Il-livell tad-drittjiet li jistgħu jitħallsu jista’ jkun ibbażat fuq:
- Rata fis-siegħa mitluba b’relazzjoni għas-sigħat maħduma;
- Somma fissa;
- Ammont li jiddependi minn eżitu pożittiv: minbarra somma fissa, l-avukat jista’ jitlob somma addizzjonali, fissa jew varjabbli li titħallas jekk tintrebaħ il-kawża. (Madankollu, huwa assolutament ipprojbit li d-dritt tal-avukat ikun ibbażat esklużivament fuq l-eżitu ġudizzjarju).
- Kemm drittijiet fis-siegħa kif ukoll drittijiet fissi, irrispettivament mir-riżultat miksub.
Huwa kważi impossibli li tagħti stima tad-drittijiet għaliex din l-informazzjoni tista’ tinkiseb biss wara li l-każ jiġi ppreżentat lill-avukat, li mbagħad se jikkalkula d-drittijiet li għandhom jitħallsu billi jikkunsidra l-aspetti kollha neċessarjament relatati mal-każ, u prinċipalment l-ammont ta’ xogħol involut, il-valur tal-kawża u anki n-natura tal-parti għall-kawża.
Bailiffs (Eżekuturi ġudizzjarji)
Ġeneralitajiet
L-ammont tat-tariffa jiddependi mill-attività meħtieġa għat-twettiq tal-eżekuzzjoni wara li tkun ingħatat sentenza tal-qorti jew ordni ta' eżekuzzjoni skont il-liġi. Il-lista tat-tariffi ġiet stabbilita mill-Ministeru tal-Ġustizzja b'koperazzjoni mal-Unjoni Nazzjonali ta’ Eżekuturi Ġudizzjarji. L-eżekutur ġudizzjarju jitħallas mill-parti li tkun talbet l-eżekuzzjoni ta’ xi proċedura. B’mod ġenerali, l-eżekuturi ġudizzjarji jitħallsu għal kull att ta’ eżekuzzjoni individwali.
Fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ talbiet marbuta ma' ammonti ta’ flus, it-tariffi massimi huma kif ġej:
Fil-każ ta’ talbiet sa RON 50 000 inklużiv |
It-tariffa massima hija ta’ 10% tal-valur tat-talba (pereżempju jekk il-valur tat-talba jkun RON 40 000, it-tariffa ma tistax tkun iktar minn RON 400 jew EUR 100). |
Fil-każ ta’ talbiet bejn RON 50 000 u RON 80 000 inklużiv |
It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 5 000 u 3% tal-ammont li jeċċedi RON 50 000. |
Fil-każ ta’ talbiet bejn RON 80 000 u RON 100 000 inklużiv |
It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 5 900 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 80 000. |
Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 100 000 |
It-tariffa massima hija ammont fiss ta’ RON 6 300 u 1% tal-ammont li jeċċedi RON 100 000. |
Informazzjoni dettaljata rigward it-tariffi minimi u massimi skont it-tip ta' att ta' eżekuzzjoni
Drittijiet mitlubin qabel is-sentenza (qabel ma tiġi ppreżentata t-talba)
Notifika u komunikazzjoni ta’ dokumenti proċedurali |
Bejn RON 20 (EUR 5) u RON 400 (EUR 100). |
Aċċertament ta’ sitwazzjoni fattwali u kompilazzjoni ta’ inventarju tal-beni (l-Artikolu 239 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) |
Bejn RON 100 (EUR 25), u RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 5,200 (EUR 1300) għal debitur li jkun persuna legali. |
Nota ta’ offerta reali |
Bejn RON 50 (EUR 12.5) u RON 350 (EUR 87.5). |
Konfiski |
10% tal-valur attwali |
Qbid |
Bejn RON 100 (EUR 25), u RON 1,200 (EUR 300) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna legali. |
Konsulenza legali marbuta mal-kostituzzjoni ta’ dokumenti eżekutorji |
Bejn RON 20 (EUR 5) u RON 200 (EUR 50). |
Drittjiet mitluba waqt il-proċedimenti
Sekwestru |
It-tariffa minima għal talba sa massimu ta’ RON 60 (EUR 15) hija RON 60 (EUR 15) Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 60 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000 |
Għal somom sa RON 50,000 (EUR 12,500) id-dritt jista’ jlaħħaq sa 10% tal-valur tat-talba; Għal somom bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000) id-dritt huwa ta’ 3% tal-valur tat-talba; Għal somom bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000) id-dritt huwa ta’ 2% tal-valur tat-talba; u Għal somom ta’ iktar minn RON 100,000 id-dritt huwa ta’ 1% tal-valur tat-talba. |
Protest f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ drafts, promissory notes jew ċekkijiet |
Dritt minimu ta’ RON 150 (EUR 37.5) |
Massimu ta’ RON 400 (EUR 100). |
Qbid ġudizzjarju |
Dritt minimu ta’ RON 100 (EUR 25) |
Massimu ta’ RON 1,200 (EUR 300) għal debitur li jkun persuna naturali jew RON 2,200 (EUR 550) għal debitur li jkun persuna legali. |
Drittijiet mitlubin wara l-proċedimenti (wara li l-qorti tkun qatgħet is-sentenza)
It-tqegħid ta’ tifel/tifla (minuri) jew l-istabbiliment tar-residenza tat-tifel/tifla (minuri) |
Bejn RON 50 (madwar EUR 12.5) u RON 1,000 (EUR 250). |
Kuntatt mat-tifel/tifla/Żjarat lit-tifel/tifla (minuri) |
Bejn RON 50 (madwar EUR 12.5) u RON 500 (EUR 125). |
Fil-każ ta’ rkupru ta’ djun
L-irkupru ta’ dejn/talbiet permezz tal-prosekuzzjoni/eżekuzzjoni ta' proprjetà mobbli |
Tariffi minimi RON 60 (EUR 15) f’każ ta’ talbiet sa massimu ta’ RON 1 000 (EUR 250) Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 60 u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000 |
Drittijiet massimi Sa 10% għas-somom sa RON 50,000 (EUR 12,500); 3% għal somom bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000); 2% għal somom bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000); u 1% għal somom ta’ iktar minn RON 100,000. |
L-irkupru ta’ dejn/talbiet permezz tal-prosekuzzjoni/eżekuzzjoni ta' proprjetà immobbli |
Drittijiet minimi RON 150 (EUR 37.5) f’każ ta’ talbiet sa massimu ta’ RON 1 000 (EUR 250) Fil-każ ta’ talbiet għal iktar minn RON 1 000, RON 150 (EUR 37.5) u 2% tal-ammont li jeċċedi RON 1 000 |
Drittijiet massimi Sa 10% għas-somom ta’ mhux iktar minn RON 50,000 (EUR 12,500); 3% għas-somom ta’ bejn RON 50,001 u RON 80,000 (EUR 20,000); 2% għas-somom ta’ bejn RON 80,001 u RON 100,000 (EUR 25,000); u 1% għas-somom ta’ iktar minn RON 100,000. |
Esperti ġudizzjarji tekniċi
It-drittijiet tal-esperti ġudizzjarji tekniċi jvarjaw. It-tariffa għal perizja teknika ġudizzjarja tiġi stabbilita mill-korp li jkun ordna l-perizja, billi jqis il-kumplessità tal-perizja, il-kwantità ta’ xogħol li tinvolvi u l-grad professjonali jew xjentifiku ta’ espert ġudizzjarju tekniku.
- il-perizja ġudizzjarja teknika titwettaq b’ordni tal-qrati, tal-entitajiet li jwettqu l-prosekuzzjoni kriminali jew ta’ korpi oħrajn li xogħolhom huwa marbut mad-determinazzjoni tal-fatti jew iċ-ċirkostanzi tal-każ, billi jaħtru esperti ġudizzjarji tekniċi awtorizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja;
- il-parti interessata għandha d-dritt li titlob li l-perizja ssir mill-espert ġudizzjarju tekniku maħtur flimkien ma' espert ġudizzjarju tekniku jew speċjalist, li jservi ta’ konsulent għall-parti, magħżul mill-parti stess u mħallas minnha, u approvat mill-korp ġudizzjarju li jkun ordna li ssir il-perizja. It-tariffa tal-espert ġudizzjarju tekniku magħżul tiġi stabbilita mill-parti u l-espert, permezz ta’ ftehim komuni msejjes fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ bejniethom, u titħallas mill-parti li tkun għażlet dak l-espert.
Spejjeż fissi
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili
Spiża fissa biex jitressaq rikors il-qorti: id-drittijiet tal-qorti u t-taxxa tal-boll
It-talbiet imressqa quddiem il-qrati li huma suġġetti għad-drittijiet tal-qorti jridu jingħataw il-boll ġudizzjarju.
Drittijiet tal-qorti
Id-drittijiet tal-qorti jistgħu jvarjaw bejn madwar EUR 0.5 sa iktar minn EUR 1,500.
Għal talbiet finanzjarjament kwantifikabbli (eż. applikabbli fil-kawżi għal alimenti, f’kawżi kummerċjali), id-drittijiet tal-qorti jvarjaw skont il-valur tat-talba:
Valur tat-talba |
Ammont tad-dritt tal-qorti |
Sa RON 39 |
RON 2 |
RON 39.01 - RON 388 |
RON 2 flimkien ma’ 10% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 39 |
RON 388.01 - RON 3,879 |
RON 37 flimkien ma’ 8% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 388 |
RON 3,879.01 - RON 19,395.00 |
RON 316 flimkien ma’ 6% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 3,879 |
RON 19,395.01 - RON 38,790.00 |
RON 1,247 flimkien ma’ 4% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 19,395 |
RON 38,790,01 - RON 193,948.00 |
RON 2,023 flimkien ma’ 2% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 38,790 |
Iktar minn RON 193,948.00 |
RON 5,126 flimkien ma’ 1% tal-ammont li bih il-valur tat-talba jaqbeż RON 193,948 |
Għal talbiet relatati mal-liġi tal-familji, id-drittijiet tal-qorti huma:
Għal divorzju kkawżat minn deterjorament fir-relazzjonijiet familjari jew minn divorzju bi qbil bejn il-konjuġi (il-Kodiċi tal-Familja Rumen, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 38) |
RON 39 (EUR 10) |
Għal divorzju kkawżat mill-fatt li konjuġi ma jistax iwettaq l-obbligi familjari tiegħu jew tagħha minħabba mard serju (il-Kodiċi tal-Familja Rumen, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 38) u għal divorzju kkawżat minn dħul baxx (inqas mis-salarju gross minimu nazzjonali) jew minn nuqqas ta’ dħul min-naħa ta’ wieħed mill-konjuġi |
RON 8 (EUR 2) |
Għall-kustodja tat-tfal, għall-istabbiliment tad-domiċilju tal-wild minuri, għar-rikonoxximent tal-ulied sabiex ikunu jistgħu jużaw kunjom il-ġenitur |
RON 6 (EUR 2.5) |
- Taxxa tal-boll (madwar EUR 1) – tvarja bejn RON 1.5 u RON 5
- Deċiżjonijiet tal-qorti – Spiża ta’ deċiżjoni (madwar EUR 1)
Id-deċiżjonjiet ġudizzjarji, iċ-ċitazzjonijiet u n-notifiki jiġu kkomunikati lill-partijiet, lix-xhieda, lill-esperti jew lil kwalunkwe persuna jew istituzzjoni oħra involuta fil-kawża mingħajr ħlas.
Il-konsultazzjoni jew l-ikkoppjar ta’ dokumenti mill-proċess (fajl) tal-qorti u ta’ ċertifikati mill-uffiċċju tal-iskrivani tal-qorti huma bi ħlas (massimu ta’ RON 4).
- Spiża biex tinkiseb deċiżjoni awtentikata (inqas minn EUR 1)
Talbiet lill-qrati sabiex jiġu kkonsenjati kopji ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji ddikjarati bħala finali u irrevokabbli |
Ittimbrati, bi dritt tal-qorti li jlaħħaq RON 2 |
Proċedimenti oħrajn: spejjeż fissi
Drittijiet li jitħallsu lit-tradutturi jew lill-interpreti
1. Drittijiet tat-tradutturi jew tal-interpreti
Dawn jiġu ddeterminati mill-qorti fid-deċiżjoni li taħtar lill-interpretu jew lit-traduttur. It-tariffa minima ta’ RON 20 tiżdied bi:
- 50% għal traduzzjonijiet minn jew f’ilsien orjentali (il-Ġappuniż, iċ-Ċiniż) jew ilsien li rari jintuża; jew għal traduzzjonijiet urġenti (fi żmien 24-48 siegħa);
- 100% għal interpretazzjoni simultanja; jew għal servizzi waqt tmiem il-ġimgħa, btajjel legali jew jiem mhux tax-xogħol, jew bejn l-10pm u s-6am.
Il-livelli preċiżi tat-tariffi huma:
Għal interpreti awtorizzati |
RON 23.15 (madwar EUR 6) fis-siegħa jew, jekk ikun applikabbli, għal inqas minn siegħa (frazzjonijiet ta’ siegħa) |
Għal traduzzjonijiet |
RON 33.56 (madwar EUR 8) għal kull paġna |
Il-VAT tiġi miżjuda ma’ dawn l-ammonti fejn ikun legalment meħtieġ.
2. Drittijiet tal-Bailiffs (Eżekuturi Ġudizzjarji)
Jekk jogħġbok irreferi għall-kapitolu dwar id-Drittijiet tal-Bailiffs ta’ iktar ’il fuq.
Appelli
L-ispejjeż ta’ kawża tal-prim’istanza huma simili għal dawk li jitħallsu għal proċedura ta’ appell, imma jammontaw għal 50% ta’ dawk li jsiru waqt il-proċess.
L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
1. Drittijiet tal-qorti
Dawn jitħallsu bil-quddiem, qabel ma tiġi riċevuta, ipproċessata jew tinħareġ id-dokumentazzjoni rilevanti jew jitwettaq is-servizz mitlub. Fil-prattika, l-applikant iħallas id-dritt tal-qorti li huwa jistma li huwa korrett meta jressaq it-talba tiegħu. Fl-ewwel seduta, il-qorti tiddetermina d-drittijiet tal-qorti legali li għandhom jitħallsu u titlob kif inhu xieraq lill-parti biex tħallas kwalunkwe nuqqas.
2. Drittijiet tal-Eżekuturi Ġudizzjarji
L-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni jridu jitħallsu bil-quddiem mill-parti li tkun talbitha. Il-ħlas bil-quddiem tad-drittijiet tal-eżekuturi ġudizzjari madankollu ma jistax ikun kundizzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti.
3. Drittijiet ta’ interpretazzjoni
Il-parti li tkun talbet servizzi ta’ interpretazzjoni trid tħallas id-dritt iffissat mill-qorti, l-ispejjeż uffiċjali tal-ivvjaġġar jew id-dritt tal-interpretu fi żmien ħamest (5) ijiem minn meta jiġi ffissat id-dritt.
4. Drittijiet tal-esperti
L-ammont stabbilit bħala tariffa provviżorja u l-ħlas bil-quddiem għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, meta jkun hemm, għandhom jitħallsu mill-parti li tkun talbet li ssir il-perizja fi żmien ħamest ijiem wara l-ħatra tal-espert ġudizzjarju tekniku, f’kont speċjali li jkun infetaħ għal dan il-għan mill-uffiċċju lokali tal-perizji tekniċi ġudizzjarji u tal-kontabilità. Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li dawk l-ispejjeż għandhom jinqasmu bejn il-partijiet.
It-tariffa għal perizja teknika ġudizzjarja tiġi stabbilita mill-korp li jkun ordna l-perizja, billi jqis il-kumplessità tal-perizja, il-kwantità ta’ xogħol li tinvolvi u l-grad professjonali jew xjentifiku tal-espert jew tal-ispeċjalist.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
M’hemm l-ebda spiża fissa għall-partijiet relatata ma’ proċedimenti kriminali.
Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali
M’hemm l-ebda spiża fissa relatata ma’ proċedimenti kostituzzjonali.
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali
Drittijiet u obbligi tal-partijiet
Fir-Rumanija, ir-rappreżentanti legali m’għandhomx obbligu dirett li jagħtu lill-partijiet informazzjoni minn qabel dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-prospetti li għandhom li jirbħu l-kawża u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti. Madankollu,skont l-Istatut tal-professjoni legali, l-avukat għandu d-dmir li jagħti pariri fil-pront, b’mod kuxjenzjuż, korrett u diliġenti lill-klijent tiegħu.
Sorsi tal-ispejjeż
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fir-Rumanija?
Mhux faċli li ssib informazzjoni li tispjega d-diversi sorsi tal-ispejjeż peress li din ma tiġix ippubblikata fis-siti elettroniċi tal-istituzzjonijiet pubbliċi, u lanqas tissemma’ fil-fuljetti. L-informazzjoni tista’ tinkiseb direttament mill-persuni li jaħdmu f’dan il-qasam jew mil-liġijiet li ġejjin li għandhom x’jaqsmu mal-ispejjeż ġudizzjarji.
- Id-drittijiet tal-qorti u t-taxxa tal-boll huma rregolati mil-Liġi Nru. 146/1997 dwar id-drittijiet tal-qorti u mill-Ordinanza tal-Gvern Nru. 32/1995 dwar it-taxxa tal-boll.
- id-drittijiet tal-avukati huma rregolati mill-Att Nru 188/2000 dwar l-eżekuturi ġudizzjarji u l-Ordni Nru 2550/C tal-14 ta' Novembru 2006 li tapprova t-tariffi minimi u massimi għal servizzi mogħtija minn eżekuturi ġudizzjarji.
- id-drittijiet tal-esperi ġudizzjarji huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u mill-Ordinanza tal-Gvern Nru. 2/2000 dwar l-organizzazzjoni tal-attività tal-għarfien espert tekniku ġudizzjarju jew mhux ġudizzjarju.
- Id-drittijiet tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, mil-Liġi Nru. 1781997 u mill-Ordni Nru. 772 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar l-istabbiliment tad-drittijiet għal interpreti u tradutturi awtorizzati.
B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fir-Rumanija?
Il-liġijiet li jirregolaw l-ispejjeż huma disponibbli biss bir-Rumen.
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni hija rregolata mil-Liġi Nru. 192/2006 dwar il-medjazzjoni u dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur. Din il-liġi tipprovdi li l-medjatur ikun intitolat għall-ħlas ta’ dritt li jiġi miftiehem mal-partijiet, kif ukoll għar-rifużjoni tal-ispejjeż li jagħmel b’konnessjoni mal-medjazzjoni.
Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?
Fejn nista' nsib informazzjoni dwar it-tul ta' żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?
Tista’ ssib informazzjoni statistika dwar it-tul ta’ żmien medju tal-kawżi fir-rapport annwali dwar l-attività ġudizzjarja Rumena, disponibbli bir-Rumen mis-siti elettroniċi pubbliċi tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (ara l-Kapitolu 3.4 intitolat Indikaturi tal-kwalità tal-attività ġudizzjarja, paġni 155-162).
Taxxa fuq il-Valur Miżjud
Il-VAT la tapplika għad-drittijiet tal-qorti, la għat-taxxa tal-boll u lanqas għad-drittijiet tal-avukati inklużi fil-kuntratt tal-assistenza legali.
Għat-traduzzjoni tad-dokumenti, il-VAT tiġi miżjuda mat-tariffa fejn dan ikun legalment meħtieġ.
Għajnuna Legali
Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja ċivili
Dħul medju nett fix-xahar għal kull membru tal-familja |
Kundizzjonijiet għall-għotja |
Inqas minn RON 500 (madwar EUR 125) |
Il-livell tad-dħul għandu jkun taħt il-limitu għal mill-inqas xahrejn qabel mar-rikors jitressaq quddiem il-qorti, f’liema każ l-ispejjeż tal-kawża jħallashom kollha l-Istat. |
Inqas minn RON 800 (madwar EUR 200) |
Il-livell tad-dħul għandu jkun taħt il-limitu għal mill-inqas xahrejn qabel ma r-rikors jitressaq quddiem il-qorti, f’liema każ 50% tal-ispejjeż iħallashom l-Istat. |
L-għajnuna legali tingħata wkoll:
- Meta l-ispejjeż fissi jew l-ispejjeż ikkalkulati globali tal-kawża jistgħu jirrestrinġu d-dritt kostituzzjonali tal-applikant għal aċċess effettiv għall-ġustizzja; jew
- Meta d-dritt tal-applikant biex ikollu aċċess għall-ġustizzja jista’ jkun ristrett minħabba differenzi fil-livelli tal-għajxien bejn l-Istat Membru ta’ residenza u r-Rumanija.
- Irrispettivament mid-dħul tad-destinatarju tal-għajnuna, meta liġi speċjali tipprovdi d-dritt għal għajnuna legali jew għal għajnuna legali mingħajr ħlas bħala miżura protettiva għad-destinatarju tal-għajnuna legali (jekk id-destinatarju tal-għajnuna legali jkun minuri, jew persuna b’diżabbiltà, jew f’sitwazzjoni speċjali oħra).
Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati
Il-kunċett ta’ limitu huwa applikabbli biss fi kwistjonijiet ċivili. Fi kwistjonijiet kriminali, id-dispożizzjonijiet legali prinċipali li jirregolaw dan il-qasam huma inklużi fl-Artikolu 171 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. L-għajnuna legali tingħata lill-akkużat meta:
- ikun minuri;
- ikun intbagħat f’ċentru ta’ riedukazzjoni jew f’istituzzjoni medika edukattiva;
- diġà jkun ġie arrestat jew inżamm f’kustodja fil-kuntest ta’ każ/ijiet kriminali ieħor/oħrajn;
- ikun ġie internat f’istituzzjoni medika jew irċieva trattament mediku obbligatorju;
- l-awtorità tal-investigazzjonijiet kriminali jew il-qorti tikkunsidra li l-akkużat mhux kapaċi jmexxi d-difiża tiegħu;
- il-piena prevista mil-liġi għall-allegat delitt hija sentenza ta’ ħabs għal għomru jew sentenza ta’ ħabs għal mill-inqas ħames (5) snin.
Limitu tad-dħul applikabbli fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi
Il-kunċett ta’ limitu ma japplikax għall-vittmi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti li jirregolaw dan il-qasam huma inklużi fl-Artikolu 173 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.
Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż
It-talbiet li ġejjin huma legalment eżentati minn kwalunkwe spiża tal-qorti:
- It-talbiet kollha relatati ma’: (1) il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal (irregolati mil-Liġi Nru. 272/2004 rigward il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal), (2) it-tutela, (3) il-kurazija, (4) l-assistenza mogħtija lil persuni b’mard mentali serju;
- Talbiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment legali u kuntrattwali u t-talbiet kollha marbuta mal-adozzjoni (irregolati mil-Liġi Nru. 273/2004 dwar l-adozzjoni);
- Talbiet oħrajn kif inhu pprovdut mid-diversi liġijiet.
Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?
Fi kwistjonijiet ċivili, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-għotja tal-ispejjeż jew mal-kumpens għall-ispejjeż huma rregolati mill-Artikoli 274-276 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Fil-prinċipju,
- Il-parti li titlef hija obbligata (jekk issir talba għal dan) tħallas l-ispejjeż tal-kawża;
- L-imħallef ma jistax inaqqas id-dritt tal-qorti jew kwalunkwe spiża oħra mħallsa mill-parti li tirbaħ;
- Konvenut li ammetta l-pretensjoni tar-rikorrent fl-ewwel seduta m’hemmx għalfejn iħallas l-ispejjeż ġudizzjarji, sakemm ma kienx uffiċjalment innotifikat mill-bailiff permezz tal-proċedura speċjalizzata ta’ qabel is-sentenza, li ssemmiet iktar ’il fuq.
Fi kwistjonijiet kriminali, ir-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-għotja tal-ispejjeż jew mal-kumpens għall-ispejjeż huma rregolati mill-Artikoli 189-193 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Fil-prinċipju,
- L-ispejjeż meħtieġa għat-twettiq tal-atti proċedurali, għall-amministrazzjoni tal-evidenza, għaż-żamma f’kundizzjoni tajba tal-mezzi materjali tal-evidenza, għar-remunerazzjoni tal-avukati, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra relatata mal-kawżi kriminali jiġu koperti mis-somom li jgħaddi l-Istat jew li jħallsu l-partijiet.
- F’każ li l-akkużat jinstab ħati, huwa jrid ikopri l-ispejjeż ġudizzjarji li għamel l-Istat, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż għall-interpreti maħtura mill-entitajiet ġudizzjarji, u f’każijiet fejn ingħatat għajnuna legali mingħajr ħlas.
- F’każ li l-akkużat jiġi lliberat mill-akkuża jew il-kawża kriminali fil-qorti titwaqqaf, l-ispejjeż ġudizzjarji tal-Istat jitħallsu kif ġej:
F’każ li l-akkużat jiġi lliberat mill-akkuża, minn: (a) il-vittma, sa fejn kienu kkawżati minnha; (b) mill-parti ċivili li t-talbiet ċivili tagħha ġew miċħuda fl-intier tagħhom, sa fejn l-ispejjeż kienu kkawżati minn din il-parti; (c) l-akkużat, li anki meta jiġi lliberat, huwa obbligat iħallas id-danni.
F’każ ta’ abbandun tal-kawża kriminali, minn (a) l-akkużat, jekk tkun ġiet ordnata s-sostituzzjoni tar-responsabbiltà kriminali jew ikun hemm raġuni għat-tnaqqis tal-piena; (b) iż-żewġ partijiet, f’każ ta’ rikonċiljazzjoni; (c) il-vittma, f’każ li l-ilment jiġi rtirat jew jitressaq tardivament quddiem il-qorti.
- F’każ ta’ amnestija, preskrizzjoni jew irtirar tal-ilment, kif ukoll fil-każ li jkun hemm raġuni għat-tnaqqis tal-piena, jekk l-akkużat jitlob li l-kawża kriminali tibqa’ għaddejja, l-ispejjeż ġudizzjarji jistgħu jiġu koperti mill-vittma jew mill-akkużat, jiddependi minn dispożizzjonijiet ta’ liġijiet konnessi oħrajn.
- Fil-każijiet l-oħra kollha, l-Istat iħallas għall-ispejjeż ġudizzjarji tiegħu.
Drittijiet tal-esperti
L-Artikolu 274 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistipula li l-parti li titlef il-kawża għandha l-obbligu li fuq talba tħallas l-ispejjeż legali, inklużi d-drittijiet tal-esperi ġudizzjarji tekniċi, li tkun ħallset il-parti li tirbaħ il-kawża.
Dokumenti relatati
Ir-rapport tar-Rumanija rigward l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż (544 Kb)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.