Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Spejjeż

Skozja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti fl-Iskozja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet ta' ħlas lill-professjonijiet legali

M’hemm ebda regolamentazzjoni dwar id-drittijiet ta' ħlas li jitolbu l-professjonisti legali lill-klijenti tagħhom. Madankollu, hemm regolament dwar id-drittijiet ta' ħlas li jistgħu jiġu rkuprati minn parti li tirbaħ kawża.

Avukati fil-Qrati Inferjuri

M’hemm ebda regolamentazzjoni dwar id-drittijiet ta' ħlas lill-avukati fil-qrati inferjuri fl-Iskozja. Id-drittijiet ta' ħlas jiddependu fuq bosta fatturi differenti relatati mal-każ partikolari kkonċernat.

Avukati

M’hemm ebda regolamentazzjoni dwar id-drittijiet ta' ħlas tal-avukati fl-Iskozja. Id-drittijiet ta' ħlas jiddependu fuq bosta fatturi differenti relatati mal-każ partikolari kkonċernat.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż fissi fl-Iskozja jiddependu fuq it-tip ta’ proċediment u l-qorti fejn jinbdew. L-ispejjeż fissi huma pagabbli f’bosta stadji ta’ proċediment:

  • Meta tippreżenta d-dokumenti li jibdew il-proċedimenti fil-qorti
  • Meta tippreżenta dokumenti addizzjonali
  • Meta tiġi ffissata seduta
  • Għall-użu ta’ ħin tal-qorti matul seduta tal-qorti, fuq bażi ta’ rata kuljum
  • Tal-preżentata tal-kotba biex jiġu intaxxati l-ispejjeż
  • Meta jiġi mmarkat appell.

Id-drittijiet ta' ħlas għal kull tip ta’ azzjoni huma stabbiliti fi Strumenti Statutorji Skoċċiżi, u huma magħrufa bħala Ordnijiet dwar id-Drittijiet ta' Ħlas. Fil-proċedimenti ċivili huma rilevanti l-Ordni tad-Drittijiet ta' Ħlas fil-Qorti tax-Sheriff 1997 u l-Ordni tad-Drittijiet ta' Ħlas tal-Court of Session 1997. Dawn l-ordnijiet sussegwentement ġew emendati permezz ta’ bosta ordnijiet ta’ emendi tad-drittijiet ta' ħlas sabiex jitqiesu ż-żidiet fid-drittijiet ta' ħlas. Aktar informazzjoni dwar ordnijiet u emendi ta’ drittijiet ta' ħlas fl-Iskozja tista’ tinsab fil-websajt tas-Servizz tal-Qrati Skoċċiżi.

Il-Liġi tal-Familja - Divorzju/Dissoluzzjoni ta' Sħubija Ċivili

Fl-Iskozja, ir-rikorsi għal divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili jistgħu jsiru fil-Qorti tax-Sheriff jew fil-Court of Session permezz ta’:

  • Proċedura ssemplifikata
  • Proċedura mhux issemplifikata

Id-dritt ta' ħlas tal-preżentata ta’ rikors għal divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili ssemplifikata fil-Qorti tax-Sheriff bħalissa huwa ta’ £95; fil-Court of Session, id-dritt ta' ħlas bħalissa huwa ta’ £105. Jintalab dritt ta' ħlas addizzjonali jekk l-uffiċjal tax-sheriff ikun meħtieġ li jinnotifika d-dokumenti tad-divorzju lill-konvenut. Fil-Qorti tax-Sheriff u fil-Court of Session, id-dritt ta' ħlas għal dan is-servizz huwa ta’ £10, flimkien ma’ dritt ta' ħlas separat mitlub mill-uffiċjal tax-sheriff.

Divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili mhux issemplifikata tibda b'taħrika inizjali fil-Qorti tax-Sheriff. Id-dritt ta' ħlas għal taħrika inizjali f’azzjoni li tinvolvi divorzju jew id-dissoluzzjoni ta’ sħubija ċivili bħalissa huwa ta’ £125. F’dawn l-azzjonijiet, il-qorti ma tistax tirranġa biex it-taħrika tiġi nnotifikata lill-konvenut. Għalhekk, ir-rikorrent għandu jħallas drittijiet separati biex id-dokumenti jiġu nnotifikati lill-avukat fil-qrati inferjuri jew lil uffiċjal tax-sheriff. Ikun hemm ukoll xi drittijiet addizzjonali li jitħallsu fi stadji diversi, li jiddependi fuq il-progress tal-kawża fil-qorti (ara hawn fuq). Bħala minimu, jekk il-kawża ma tkunx ikkontestata, ikun hemm dritt ta' ħlas addizzjonali sabiex tiġi ppreżentata minuta għal digriet, li bħalissa hija ta’ £55. Fil-Court of Session, id-dritt ta' ħlas bħalissa biex tippreżenta taħrika inizjali għal divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili huwa ta’ £140.

Il-Liġi tal-Familja – Kustodja tat-tfal u manteniment tat-tfal

Fil-kawżi tal-liġi tal-familja, l-ammont tad-dritt ta' ħlas fil-Qorti tax-Sheriff jiddependi fuq jekk it-talba (crave) għall-kustodja u l-manteniment tat-tfal isirx minbarra talba għal divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili. Fejn hemm talba għal divorzju/dissoluzzjoni ta' sħubija ċivili jgħoddu d-drittijiet ta' ħlas mitulba għal divorzju mhux issemplifikat.

Jekk m’hemm ebda talba għal divorzju, ikun hemm dritt għall-ħlas għall-preżentata tat-taħrika inizjali; bħalissa dan huwa ta' £80. Ikunu pagabbli drittijiet addizzjonali fi stadji diversi, li jiddependi fuq il-progress tal-kawża fil-qorti.

Fil-Court of Session, id-dritt ta' ħlas applikabbli huwa ta’ £140; ghal darb’oħra, jistgħu jkunu applikabbli drittijiet ta' ħlas addizzjonali li jitħallsu fi stadji diversi, li jiddependi fuq il-progress tal-kawża fil-qorti (ara hawn fuq).

Il-Liġi Kummerċjali – kuntratti u responsabbiltà

Fil-kawżi ta’ liġi kummerċjali, l-ammont tad-dritt ta' ħlas jiddependi fuq l-ordni mitlub u r-regoli tal-qorti fejn l-attur (il-persuna li tibda l-kawża) jiftaħ il-kawża.

Pereżempju, jekk l-attur jista’ jiftaħ il-kawża skont ir-regoli tat-"talbiet iż-żgħar" fil-Qorti tax-Sheriff, u qed jitlob ħlas taħt £3,000, id-dritt ta' ħlas tal-preżentata taċ-ċitazzjoni bħalissa huwa ta’ £15 għal somma ta’ mhux aktar minn £200 u £65 għal somma ta’ aktar minn £200 u mhux aktar minn £3,000. Jista' jkun hemm drittijiet ta' ħlas addizzjonali tal-qorti wara dan. Pereżempju, jekk ċitazzjoni trid tiġi nnotifikata lill-konvenut minn uffiċjal tax-sheriff, id-dritt applikabbli bħalissa huwa ta’ £10 flimkien mad-dritt mitlub mill-uffiċjal tax-sheriff. Madankollu, l-iskrivan tax-sheriff jista’ jirranġa dan biss jekk l-attur ikun individwu. Partijiet oħrajn għandhom jirranġaw għan-notifika permezz ta’ avukat fil-qrati inferjuri jew uffiċjal tax-sheriff, u dawn jitħallsu dritt separat.

Jekk l-attur ikun jista’ jiftaħ il-kawża skont ir-regoli tal-"kawża sommarja" u jkun, pereżempju, qed jitlob somma ta’ bejn £3,000 u £5,000, id-dritt tal-preżentata tar-rikors bħalissa huwa ta’ £65. Jistgħu wkoll jintalbu drittijiet ta' ħlas addizzjonali wara dan (ara hawn fuq). F’dawn il-każijiet l-iskrivan tax-sheriff ma jistax jirranġa biex iċ-ċitazzjoni tiġi nnotifikata lill-konvenut; għalhekk il-parti tkun trid tirranġa għan-notifika permezz ta’ avukat fil-qrati inferjuri jew uffiċjal tax-sheriff. Dawn jitħallsu dritt separat.

Jekk l-attur jista’ jiftaħ il-kawża skont ir-regoli tal-"kawża ordinarja": pereżempju, jekk qed tintalab somma ta’ aktar minn £5000 jew jekk japplika l-kapitolu 40 tar-regoli (azzjonijiet kummerċjali); id-dritt ghall-preżentata tat-taħrika bħalissa huwa ta’ £80, u jistgħu jitħallsu spejjeż addizzjonali wara dan (ara hawn fuq).

Jekk l-azzjoni jkollha tinfetaħ fil-Court of Session, id-dritt ta' ħlas inizjali bħalissa huwa ta’ £180. Madankollu, jistgħu jitħallsu drittijiet addizzjonali wara dan (ara hawn fuq).

L-istadju tal-proċediment ċivili fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Id-dritt inizjali huwa pagabbli fil-ħin meta tinfetaħ il-kawża billi jiġi ppreżentat dokument fil-qorti. Fil-każ ta’ notifika minn uffiċjal tax-sheriff (i.e. kawżi ta’ talbiet żgħar fejn l-attur ikun individwu u f’rikorsi għal divorzju/dissoluzzjoni ta’ sħubija ċivili ssemplifikata) jitħallas id-dritt ta’ £10 meta tintalab notifika. Id-dritt ta' ħlas tal-uffiċjal tax-sheriff huwa pagabbli fuq talba tal-iskrivan tax-sheriff/tal-iskrivan tas-session fuq irċevuta tan-nota tad-dritt ta' ħlas tal-uffiċjal tax-sheriff. Hemm drittijiet oħra x'jitħallsu: meta jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali, meta tiġi ffissata seduta tal-qorti, għall-użu tal-ħin tal-qorti matul seduta (b’rata ta’ kuljum), għall-preżentata ta’ kontijiet biex jiġu intaxxati l-ispejjeż, u meta jiġi mmarkat appell.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

Xejn, persuna akkużata hija intitolata għall-għajnuna legali biex tiddefendi l-proċedimenti kriminali jekk tikkwalifika finanzjarjament.

L-ispejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Il-kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem jistgħu jitqajmu bħala parti minn kwalunkwe proċediment ċivili. Id-dritt ta' ħlas applikabbli jiddependi, għalhekk, fuq it-tip ta’ azzjoni li qed tinfetaħ u t-tip ta’ ordni li qed tintalab.

  • Każijiet ta’ talbiet żgħar ta’ mhux aktar minn £200 – bħalissa £15
  • Każijiet ta’ talbiet żgħar ta’ minn £200 sa £3000 – bħalissa £65
  • Każijiet ta’ kawżi sommarji ta’ minn £3000 sa £5000 – bħalissa £65
  • Każijiet ta’ kawżi ordinarji ta’ aktar minn £5000 – bħalissa £80
  • Każijiet b’applikazzjoni sommarja – bħalissa £80
  • Każijiet fil-Court of Session – bħalissa £180.

F’dawn it-tipi kollha ta’ azzjonijiet, jistgħu jkunu dovuti drittijiet ta' ħlas addizzjonali li jitħallsu fi stadji diversi, li jiddependi fuq il-progress tal-każ fil-qorti (ara hawn fuq).

L-istadju fil-proċedimenti kostituzzjonali meta għandhom jitħallsu l-ispejjeż fissi

Fil-proċedimenti kostituzzjonali, jitħallas dritt inizjali meta: jiġu ppreżentati d-dokumenti fil-qorti biex jinbdew il-proċedimenti, meta jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali, meta tiġi ffissata seduta tal-qorti, għall-użu tal-ħin tal-qorti matul seduta (b’rata ta’ kuljum), għall-preżentata ta’ kontijiet biex jiġu intaxxati l-ispejjeż, u meta jiġi mmarkat appell.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u dmirijiet tal-partijiet

L-avukati fil-qrati inferjuri huma obbligati li jagħtu lill-klijenti tagħhom informazzjoni dwar id-drittijiet ta' ħlas li jkunu se jitolbuhom. Ikun prudenti li l-avukat fil-qrati inferjuri jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ suċċess u l-ispejjeż involuti. L-"Istandards tal-Kondotta għall-Avukati Skoċċiżi fil-qrati inferjuri" jeħtieġu li l-avukati fil-qrati inferjuri jikkomunikaw b’mod ċar u effettiv mal-klijenti tagħhom.

Sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Iskozja?

Hemm informazzjoni limitata dwar id-drittijiet ta' ħlas tal-qorti fil-websajt tas-Servizz tal-Qrati Skoċċiżi.

Hemm ukoll suppliment dwar id-drittijiet ta' ħlas fid-Direttorju tal-Liġi Skoċċiża, li huwa ppublikat kull sena minn Lexis/Nexis Butterworths.

B’liema ilsna nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Iskozja?

L-informazzjoni kollha hija disponibbli bl-Ingliż.

Is-Servizz tal-Qrati Skoċċiżi jipprovdi wkoll informazzjoni dwar proċedimenti permezz tal-għażliet mhux fil-lingwa Ingliża fis-sit elettroniku tas-Servizz tal-Qrati Skoċċiżi.

Huwa jelenka wkoll dokumenti u fuljetti li ġew tradotti bil-Galliku, bil-Kantoniż, bil-Punġabi u bl-Urdu.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Sa mill-2004, in-Netwerk tal-Medjazzjoni Skoċċiża (SMN) ipprovda "mappa tal-medjazzjoni" fuq il-websajt tiegħu. L-informazzjoni ġiet aġġornata bosta drabi. Ix-xogħol huwa ffinanzjat mill-Gvern Skoċċiż. Il-ħolqa (Netwerk tal-Medjazzjoni Skoċċiża) tidher f’bosta fuljetti u ħoloq f’websajts. L-uffiċċju tal-SMN jirċievi wkoll mistoqsijiet bit-telefon u jidderieġi lill-pubbliku lejn is-servizzi adatti tal-medjazzjoni. Ir-Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiża jistabbilixxi kwalifki ta’ medjaturi sabiex il-partijiet ikollhom aktar informazzjoni meta jkunu qed jagħżlu medjatur.

Fejn nista' nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Is-sit elettroniku disponibbli tal-informazzjoni dwar l-ispejjeż

L-informazzjoni dwar id-drittijiet ta' ħlas tal-Qorti Skoċċiża tinkludi:

  • Verżjoni fil-qosor tal-ordnijiet tad-drittijiet ta' ħlas tal-Qorti Superjuri, tal-Court of Session u tal-Qorti tax-Sheriff
  • Formola ta’ eżenzjoni mid-drittijiet ta' ħlas
  • Drittijiet għall-azzjonijiet l-aktar komuni mqajma mill-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tax-Sheriff
  • Ħoloq għall-ordnijiet tal-emendi tat-tariffi.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu l-proċedimenti differenti?

Il-Gvern Skoċċiż jippubblika l-informazzjoni dwar l-għadd ta' kawżi Sommarji fil-Qorti Kriminali li jkunu ntemmu fi żmien sitt xhur fil-websajt tiegħu. Il-kawżi sommarji jammontaw għal madwar 95 % tax-xogħol kollu tal-Qorti Kriminali. M’hemm ebda informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħu x-xogħol tal-Qorti Ċivili. Anke b'tipi differenti ta' proċeduri, kull każ huwa differenti u ż-żmien għat-tlestija jista' jvarja. Avukat fil-qrati inferjuri b’esperjenza fit-tip ta’ proċedura jista’ jkun fil-pożizzjoni li jagħtik indikazzjoni tat-tulijiet taż-żmien medji.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja aggregata għal proċediment partikolari?

M’hemmx spiża medja disponibbli, għaliex kull kawża kkontestata hija differenti. Avukat fil-qrati inferjuri b’esperjenza f’dan it-tip ta’ kawża jista’ jkun fil-pożizzjoni li jagħtik firxa ta’ spejjeż.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

L-ispejjeż ippubblikati jinkludu l-VAT.

X’inhuma r-rati applikabbli?

Ir-rata, fejn applikabbli, hija ta' 20 fil-mija.

Għajnuna legali

Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

L-eliġibilità finanzjarja fil-kawżi ċivili tal-għajnuna legali hija kkalkolata fuq il-bażi tal-livell ta’ dħul disponibbli (x’tista’ tħallas il-parti) fuq bażi ta’ reġim ta’ kontribuzzjonijiet li jonqsu gradwalment (skala varjabbli). Bħalissa l-għajnuna legali hija disponibbli għal min għandu dħul ta’ £25,450 fis-sena u inqas.

Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-akkużati

Fil-kawżi ta’ proċeduri solenni, it-test huwa jekk il-persuna jew id-dipendenti tagħha jistgħux iħallsu l-ispejjeż tal-kawża mingħajr diffikultajiet żejda. M’hemm l-ebda limitu tad-dħul.

Fil-kawżi ta’ proċeduri sommarji, fejn issir applikazzjoni għall-għajnuna legali sħiħa wara eċċezzjoni ta’ mhux ħati, jgħodd l-istess test. Lanqas hawnhekk ma hawn ebda limitu tad-dħul statutorju.

Il-Bord tal-Għajnuna Legali jagħmel il-kalkoli. Fil-prattika, jużaw limitu ta’ dħul ekwivalenti għad-dħul disponibbli kurrenti fuqani ta’ £26,239 (b’effett mill-1 ta’ April 2011). Dan ifisser ammont fil-ġimgħa ta’ £245 bħala l-punt ta’ limitu inizjali għall-eliġibilità fuq id-dħul disponibbli, wara li jkunu tqiesu l-ispejjeż essenzjali fil-ġimgħa u l-benefiċċji għad-dipendenti. Jekk id-dħul disponibbli ta’ rikorrent fil-ġimgħa jaqbeż il-£245, inħarsu lejn in-natura tal-każ biex niddeterminaw jekk il-fatt li l-parti tħallas l-ispejjeż legali tagħha jkunx jikkawżalha diffikultajiet żejda.

F’kawżi kriminali sommarji oħrajn, fejn klijent jammetti l-ħtija jew fejn każ jitkompla mingħajr eċċezzjoni, avukat fil-qrati inferjuri jista’ jissottemetti lil klijent għal ABWOR (advice by way of representation – parir permezz ta’ rappreżentanza). F’dawn il-każijiet, il-limitu ta’ dħul disponibbli huwa ta’ £245 fil-ġimgħa. Dan jinkludi dħul mis-sorsi kollha, esklużi benefiċċji "passaportati" (fejn individwu jaqa’ f’kategorija partikolari u għalhekk jgħaddi awtomatikament minn test tal-mezzi) jew dawk mhux meqjusa, u bi tnaqqis tal-benefiċċji għad-dipendenti.

Limitu applikabbli għad-dħul fil-qasam tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi

M’hemm l-ebda għajnuna legali kriminali sħiħa disponibbli għall-vittmi fil-kawżi kriminali. L-avukati fil-qrati inferjuri jistgħu jagħtu pariri u jassistu fil-proċeduri, iżda l-għajnuna legali ma tkopri ebda rappreżentanza. F’dawn il-każijiet, il-limitu ta’ dħul disponibbli huwa ta’ £245 fil-ġimgħa. Dan jinkludi dħul mis-sorsi kollha, esklużi benefiċċji "passaportati" jew dawk mhux meqjusa, u bi tnaqqis tal-benefiċċji għad-dipendenti.

Biex tressaq pretensjoni li tirriżulta minn dannu kriminali fejn hija meħtieġa l-għajnuna legali, il-limiti tad-dħul huma stabbiliti meta jkun hemm limitu massimu ta’ dħul disponibbli ta’ £26,239. Madankollu, xi pretensjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu ttrattati mill-Awtorità dwar il-Kumpens tad-Danni Kriminali (CICA) u l-finanzjament (jekk ikun hemm) li jiġi minn Advice and Assistance, li għandu limiti ta’ eliġibilità differenti għall-għajnuna legali ċivili.

Kundizzjonijiet oħrajn biex tingħata għajnuna legali lill-vittmi

L-għajnuna legali mhijiex disponibbli għall-vittmi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

M’hemm l-ebda kundizzjoni speċifika sabiex tingħata l-għajnuna legali ċivili, fejn din tingħata. Il-Bord tal-Għajnuna Legali għandu s-setgħa li jagħti l-għajnuna legali jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali jkun jistħoqqilhom.

Kundizzjonijiet oħrajn sabiex tingħata għajnuna legali lill-akkużati

M’hemm l-ebda kundizzjoni speċifika sabiex tingħata l-għajnuna legali kriminali, mill-qrati jew mill-Bord.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

Id-drittijiet ta' ħlas tal-qorti mhumiex pagabbli fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

Il-Qorti tax-Sheriff

  • Għal rikorsi ppreżentati skont kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tat-twelid, tal-mewt u taż-żwiġijiet
  • Għal rikorsi ppreżentati skont il-Parti III tal-Att dwar il-Ħidma Soċjali (L-Iskozja) 1968
  • Għal rikorsi ppreżentati skont l-Att dwar is-Saħħa Mentali (Kura u Trattament) (L-Iskozja) 2003
  • Għal rikorsi ppreżentati skont il-Parti II tal-Att dwar it-Tfal (L-Iskozja) 1995.
  • Għal rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 129 tal-Att dwar il-Kreditu tal-Konsumatur 1974
  • Minn debituri jew kredituri b'konnessjoni ma’ proċedimenti taħt l-Att dwar id-Debituri (L-Iskozja) 1987 jew l-Att dwar l-Arranġament tad-Dejn u l-Qbid (L-Iskozja) 2002, ħlief għad-dritt għall-ispezzjoni tar-rapport tas-subbasta u r-rapport tal-awditur tal-qorti
  • Tal-irċevuta jew l-eżaminazzjoni ta’ inventarju ta’ patrimonju, inventarju addizzjonali jew korrettiv ta’ patrimonju (kemm jekk tkun meħtieġa konferma fir-rigward ta’ mewt waqt li fis-servizz attiv u kemm jekk le).

Court of Session

Lid-debituri b'konnessjoni ma’ proċedimenti taħt l-Att dwar id-Debituri (L-Iskozja) 1987

Għal mozzjonijiet jew oppożizzjonijiet għal mozzjonijiet, irreġistrati jew magħmula oralment quddiem il-Qorti, li l-għan tagħhom huwa biss li jinbdew passi ulterjuri ta’ proċedura, inklużi:

  1. Ir-Regola 19.1 (digrieti fl-assenza)
  2. Ir-Regola 22.3(5)(a) (rekord ta’ għeluq)
  3. Ir-Regola 36.13 (mewt, diżabbiltà, ritrattazzjoni eċċ ta’ Lord Ordinary)
  4. Ir-Regola 37.1(2)(b), 37.1(6) u 37.1(7) (rikorsi għal smigħ b’ġurija)
  5. Ir-Regola 37.10 (applikazzjoni ta’ verdetti)
  6. Ir-Regol 38.17(1) (ordnijiet għal smigħ)
  7. Regola 40.7(3) (proċedura wara t-trażmissjoni ta’ proċess tal-appell)
  8. Ir-Regola 40.11(1)(a) (deċiżjoni kmieni ta’ appell) iżda biss sa fejn il-mozzjoni tkun relatata mar-regola 40.7A (rikors meħtieġ għal deċiżjoni kmieni ta’ appell kontra
  9. Ir-Regola 41.15(1) (mozzjonijiet għal smigħ ta’ appelli) interlokutur minbarra sentenzi finali)
  10. Ir-Regola 40.15(1) (ordnijiet ta’ smigħ tal-appell)
  11. Ir-Regola 41.22(1) (mozzjoni għal proċedura ulterjuri)

Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jkunu eżenti milli jħallsu drittijiet tal-qorti f’ċerti ċirkostanzi, jekk:

  • Il-persuna jew seħibha/seħbitha tkun qed tirċievi appoġġ għad-dħul taħt l-Att dwar il-Kontribuzzjonijiet u l-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali 1992
  • Il-persuna tkun qed tirċievi dħul ibbażat fuq benefiċċju ta’ persuna li qed tfittex ix-xogħol (pagabbli taħt l-Att dwar il-Persuni li Qed Ifittxu Xogħol 1995)
  • Il-persuna tkun qed tirċievi għajnuna legali ċivili fis-sens tal-artikolu 13(2) tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (L-Iskozja) 1986 fir-rigward ta’ kwistjoni fit-Tabella ta’ Drittijiet ta' Ħlas li jkun dovut dritt konness magħha.
  • Id-dritt ta' ħlas ikun dovut b'konnessjoni ma’ rikors għal divorzju jew dissoluzzjoni ta’ sħubija ċivili ssemplifikata, u l-persuna tkun qed tirċievi pariri u assistenza minn avukat fil-qrati inferjuri taħt l-Att dwar l-Għajnuna Legali (L-Iskozja) 1986 fir-rigward ta’ dak ir-rikors.
  • L-avukat tal-persuna fil-qrati inferjuri tkun qed tagħmel xogħol fir-rigward tal-kwistjoni fit-Tabella tad-Drittijiet ta' Ħlas li jkun dovut dritt konness magħha fuq il-bażi ta’ kwalunkwe regolament li sar taħt l-artikolu 36 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (L-Iskozja), li jipprovdi għal għajnuna legali fi kwistjoni ta’ urġenza speċjali;
  • Il-persuna jew seħibha/seħbitha tkun qed tirċievi kreditu ta’ garanzija taħt l-Att dwar il-Kreditu tal-Pensjoni tal-Istat 2002
  • Il-persuna jew seħibha/seħbitha tkun qed tirċievi kreditu ta’ taxxa tax-xogħol, sakemm:
  1. Qed jitħallas lill-parti kreditu ta’ taxxa għat-tfal, jew jekk il-parti hija membru ta’ koppja li flimkien ikunu qed isegwu pretensjoni għal kreditu ta’ taxxa għat-tfal (kif definit fl-artikolu 3(5A) tal-Att dwar il-Krediti ta’ Taxxa 2002)
  2. Hemm element ta’ diżabbiltà jew ta’ diżabbiltà gravi (jew it-tnejn) għall-kreditu ta’ taxxa li tirċievi l-parti
  3. Id-dħul annwali gross li jitqies għall-kalkolu tal-kreditu ta’ taxxa tax-xogħol huwa ta’ £16,642 fis-sena jew inqas
  • Il-persuna jew seħibha/seħbitha tkun qed tirċievi benefiċċju relatat mad-dħul għall-impjieg u ta' appoġġ taħt l-Att dwar ir-Riforma tal-Benessri 2007.

Meta għandha l-parti telliefa tħallas l-ispejjeż lill-parti rebbieħa?

Dan jiddependi mit-tip ta’ azzjoni mibdija. Ir-regoli tal-qorti huma pjuttost dettaljati u għandhom jiġu vverifikati b’mod separat għal tipi differenti ta’ każijiet.

Madanokollu, b’mod ġenerali jgħodd dan li ġej:

Talbiet żgħar (għal każijiet ta’ valur mhux aktar minn £3,000)

Fl-aħħar ta’ kawża tat-talbiet żgħar, il-qorti tista’ tagħmel deċiżjoni dwar l-ispejjeż. L-ammont li jrid jingħata jista’ jiġi ddeterminat mix-sheriff. Inkella, l-iskrivan tal-qorti (l-iskrivan tax-sheriff) jikkalkula l-ammont, dak il-ħin jew f’data aktar tard.

Bħala regola ġenerali, l-ispejjeż tal-qorti jingħataw lill-parti li tirbaħ il-kawża. Imbagħad l-ispejjeż iridu jitħallsu mill-parti telliefa. Normalment hemm limitu għall-ammont ta’ spejjeż mogħtija.

  • Jekk il-valur tal-pretensjoni jkun ta’ £200 jew inqas, normalment ma jingħatawx spejjeż
  • Jekk il-valur tal-pretensjoni jkun ta’ bejn £200 u £1,500, l-ispejjeż massimi li l-qorti normalment tkun tista’ tagħti lill-parti rebbieħa huwa ta’ £150
  • Jekk il-valur tal-pretensjoni jkun ta’ bejn £1,500 u £3,000, l-ispejjeż massimi li l-qorti normalment tkun tista’ tagħti lill-parti rebbieħa huwa ta’ 10 fil-mija tal-valur tal-pretensjoni.

Jekk issir deċiżjoni dwar l-ispejjeż, dawk id-drittijiet ta' ħlas lill-qorti li jkunu tħallsu jistgħu jkunu inklużi fid-deċiżjoni, sakemm it-total tal-ispejjeż ma jkunx jeċċedi l-limiti massimi msemmija hawn fuq.

Kawża sommarja (għal kawżi ta’ valur mhux akbar minn £5,000)

Jekk il-qorti tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż fi tmiem il-kawża, l-ammont li għandu jingħata jkun ikkalkulat mill-iskrivan tal-qorti (l-iskrivan tax-sheriff) skont tabella fissa tal-ispejjeż. Dan jiddependi fuq l-ammont u fuq in-natura tax-xogħol magħmul fil-kawża. Inkella, l-awditur tal-qorti, li huwa uffiċjal indipendenti, jista’ jagħmel il-kalkolu (jekk ix-sheriff jew l-iskrivan tax-sheriff jiddeċiedi li dan ikun xieraq).

Jekk azzjoni tkun ġiet ikkontestata, l-iskrivan tal-qorti l-ewwel jisma’ lill-partijiet dwar il-pretensjoni għall-ispejjeż u l-kostijiet imġarrba. Dan normalment isir fil-konklużjoni tal-aħħar seduta ta' kull kawża. Madankollu, jekk ix-sheriff joħroġ id-deċiżjoni tiegħu f’data aktar tard, jew jekk ma jkunx hemm żmien biżżejjed fl-aħhar tas-seduta, il-każ jista’ jiġi differit għal ġurnata oħra għal seduta speċjali dwar l-ispejjeż, meta jkunu jistgħu jidhru ż-żewġ partijiet.

Bħala regola ġenerali, l-ispejjeż tal-qorti jingħataw lill-parti li tirbaħ il-kawża. Il-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż.

Wara li l-iskrivan tax-sheriff jew l-awditur tal-qorti jkun ikkalkula (ivvaluta) l-ammonti tal-ispejjeż, il-kont jintbagħat lix-sheriff għall-approvazzjoni. Jekk dan ikun sar f’seduta separata għall-ispejjeż, l-iskrivan tax-sheriff jiffissa data u ħin għall-kawża sabiex il-kont tal-ispejjeż ikun jista’ jiġi approvat mix-sheriff.

Id-deċiżjoni finali (digriet) tax-sheriff dwar il-każ ma tistax tiġi ppronunzjata sakemm il-kont tal-ispejjeż ma jkunx ġie approvat mix-sheriff. Dan isir fl-istess ħin bħall-approvazzjoni tal-kont.

Kawża ordinarja

F’dawn il-kawżi, il-qorti hija libera li tiddeċiedi tagħtix spejjeż jew le. Skont ir-regoli, l-ispejjeż permessi fi kwalunkwe każ għandhom jiġu intaxxati qabel ma jingħata d-digriet għall-ħlas, kemm-il darba ma jkunux modifikati għal ammont fiss.

Normalment il-qorti tittratta l-ispejjeż fi stadji. L-ewwel stadju huwa meta x-sheriff jieħu deċiżjoni dwar jekk l-attur jew il-konvenut humiex intitolati għall-ispejjeż, u jippermetti li jiġi ppreparat kont tal-ispejjeż u dan jiġi ppreżentat il-qorti. Imbagħad il-qorti tibgħat il-kawża lill-awditur tal-qorti, uffiċjal indipendenti, biex japplika t-taxxa mal-kont tal-ispejjeż u jagħmel rapport. Fl-aħħar, wara li l-awditur ikun applika t-taxxa mal-kont, u wara li x-sheriff ikun iddeċieda dwar kwalunkwe oġġezzjoni għar-rapport tal-awditur, il-qorti tagħmel ordni għall-ħlas tal-ispejjeż intaxxati.

Court of Session

Il-proċedura fil-Court of Session hija simili għal dik f’kawża ordinarja, li fiha l-qorti ssib li parti hija intitolata għall-ispejjeż (bla ħsara għar-regola dwar il-modifika) u tibgħat lill-awditur tal-qorti sabiex l-ispejjeż jiġu intaxxati.

Il-qorti tagħmel ordni għall-ħlas tal-ispejjeż intaxxati – sakemm ma tkunx sodisfatta li jkun hemm raġuni speċjali biex dan ma tagħmlux.

Drittijiet ta' ħlas tal-esperti

Normalment, huwa meħtieġ li titressaq mozzjoni quddiem ix-sheriff/ l-imħallef. L-għan huwa li jintalab li, minbarra li x-xhieda jkunu intitolati għal spejjeż tax-xhieda ordinarji, jiġu ċċertifikati bħala li huma intitolati għal remunerazzjoni addizzjonali bħala xhieda b’għarfien speċjali.

Drittijiet ta' ħlas tat-tradutturi u l-interpreti

Fir-rikorsi ta’ divorzju ssemplifikat, ir-regoli tal-qorti jeħtieġu li, fejn id-dokumenti jkunu jridu jiġu nnotifikati lil persuna li tirrisjedi barra mill-Iskozja, il-parti li qed tressaq r-rikors għad-divorzju ssemplifikat għandha tipprovdi traduzzjoni tad-dokument għal-lingwa uffiċjali tal-pajjiż fejn għandha tiġi eżegwita n-notifika.

Il-prattika fir-rigward tal-interpreti hija li l-persuna li teħtieġ interpretu tħallas għas-servizz. Madankollu, f’każijiet partikolari, il-qorti tista’ tiddetermina li huwa meħtieġ traduttur fl-interessi tal-ġustizzja u, f’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tordna li l-qorti tħallas l-ispejjeż tal-interpreti.

Ħoloq relatati

Is-Servizz tal-Qorti Skoċċiża

In-Netwerk tal-Medjazzjoni Skoċċiż

Il-Qrati Skoċċiżi (Drittijiet ta' Ħlas)

Il-Kamra tal-Avukati Skoċċiża

Il-Bord Skoċċiż għall-Għajnuna Legali

Ir-Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiż

Hemżiet Relatati

Ir-rapport tar-Renju Unit tal-Istudju dwar it-Trasparenza fl-ispejjeż

L-aħħar aġġornament: 26/06/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.