Spejjeż

Spanja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti fi Spanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Id-dritt tal-familja – id-divorzju

Id-dritt tal-familja – il-kustodja

Id-dritt tal-familja – il-pensjoni tal-manteniment

Id-dritt kummerċjali – kuntratti

Id-dritt kummerċjali – ir-responsabbiltà

Qafas regolatorju li jirregola l-onorarji tal-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja

Avukati

Fi Spanja teżisti biss kategorija waħda ta’ avukat (abogado), li jista’ jieħu sehem f’kull tip ta’ proċedimenti u quddiem kull tip ta’ qorti, ladarba jsir membru tal-Kamra tal-Avukati tad-distrett tiegħu (Colegio de Abogados).

L-avukati jiffissaw l-onorarji tagħhom skont linji gwida ppubblikati mill-Kamra tal-Avukati tagħhom. Dawn il-linji gwida huma bbażati fuq kriterji ġenerali biex jinħareġ il-kont tal-avukat, bħall-kumplessità tal-kawża, il-proporzjonalità, eċċ., u huma segwiti mill-avukati kollha meta joħorġu l-kontijiet tagħhom.

Dawn il-linji gwida dejjem jagħmlu distinzjoni bejn is-sistemi separati tal-qorti li fihom iseħħ it-tilwim.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti ċivili

L-Artikolu 241(1)(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) ikopri speċifikament l-onorarji mitluba mill-avukati u mir-rappreżentanti legali (procuradores) għall-kawżi fejn l-assistenza tagħhom tkun obbligatorja. Dawn l-onorarji huma inklużi bħala element fil-kalkolu tal-ispejjeż.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi li l-avukati jiffissaw l-onorarji tagħhom skont ir-regoli li jirregolaw il-professjoni tagħhom.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi:

Il-klijenti dejjem ikunu meħtieġa jħallsu l-onorarji lill-avukati tagħhom u jħallsu avvanzi fuq l-onorarji lir-rappreżentanti legali tagħhom. Il-klijenti jkollhom idea tas-somma involuta mill-bidu, iżda l-ammont preċiż tal-kont irid jiġi stabbilit ladarba tintemm il-kawża. L-avukati u r-rappreżentanti legali jistgħu jitolbu l-ħlas mingħand il-klijenti tagħhom, inkluż permezz ta’ proċeduri speċjali bħal avvanz fuq l-onorarji (provisión de fondos, sakemm idumu għaddejjin l-proċedimenti) jew rendikont finali (jura de cuentas, ladarba jintemmu l-proċedimenti).

Fil-prattika, dak li jiġri normalment huwa li l-klijenti jħallsu ammont bil-quddiem fil-bidu mbagħad jistennew deċiżjoni dwar l-ispejjeż. F’kawżi fejn l-ispejjeż ikollhom jitħallsu mill-parti l-oħra, l-avukati u r-rappreżentanti legali jippreżentaw l-onorarji tagħhom lill-qorti, u ladarba dawn jiġu approvati jitħallsu mill-parti opposta.

Minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi 10/2012 ġiet imposta tariffa tal-qorti.

X'inhi tariffa tal-qorti?

Tariffa tal-qorti hija taxxa nazzjonali li trid titħallas f'ċerti każijiet mill-entitajiet ġuridiċi biex imorru l-qorti u jużaw is-servizz pubbliku tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-Ministeru għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika huwa legalment responsabbli mill-ġestjoni ta’ din it-taxxa. Ir-rekwiżit biex titħallas din it-tariffa ġie introdott fl-1 ta’ April 2003. Attwalment it-taxxa hija rregolata mil-Liġi 10/2012 tal-20 ta’ Novembru 2012 dwar ċerti tariffi fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-Istitut Nazzjonali tat-Tossikoloġija u x-Xjenza Forensika. Il-Liġi 10/2012 ġiet emendata darbtejn, l-ewwel bid-Digriet-Liġi Rjali 3/2013 tat-22 ta’ Frar 2013 u wara bid-Digriet-Liġi Rjali 1/2015 tas-27 ta’ Frar 2015. Il-bidla ewlenija introdotta bit-tieni emenda kienet it-tneħħija tat-tariffi tal-qorti għall-individwi privati fil-ġuriżdizzjonijiet kollha u f’kull tip ta’ proċedimenti – l-individwi privati kienu meħtieġa jħallsu tariffi tal-qorti sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi 10/2012.

Kawżi fejn il-ħlas ta’ din it-tariffa huwa obbligatorju (avveniment taxxabbli)

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi 10/2012, it-tariffa għall-eżerċitar tas-setgħa ġudizzjarja f’kawżi ċivili, amministrattivi (contencioso-administrativo) u industrijali hija tariffa nazzjonali li titħallas b’mod uniformi fi Spanja kollha fiċ-ċirkostanzi previsti minn dik il-Liġi, mingħajr preġudizzju għat-tariffi u taxxi oħrajn mitluba mill-Komunitajiet Awtonomi fl-eżerċizzju tas-setgħat finanzjarji rispettivi tagħhom. Dawn ma jistgħux jiġu imposti fuq l-istess avveniment taxxabbli.

Skont l-Artikolu 2, l-avveniment taxxabbli għat-tariffa huwa l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja ġġenerata mill-passi proċedurali li ġejjin:

  • it-tressiq ta’ azzjoni fi kwalunkwe tip ta’ proċedimenti għal sentenza sħiħa u proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ strumenti eżegwibbli barra mill-qorti f’kawżi ċivili, il-preżentata ta’ kontrotalba u r-rikors inizjali għall-ordni ta’ proċedura ta’ ħlas u l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea;
  • il-preżentata ta’ rikors għal insolvenza obbligatorja u talbiet inċidentali fi proċedimenti ta’ falliment;
  • it-tressiq ta’ proċedimenti f’kawżi tal-qorti amministrattiva;
  • it-tressiq ta' appell straordinarju għal ksur proċedurali fi proċedimenti ċivili;
  • it-tressiq ta’ appelli (apelación jew casación) f’kawżi tal-qorti ċivili jew amministrattiva;
  • it-tressiq ta’ appelli (suplicación or casación) f’kawżi industrijali;
  • oġġezzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ strumenti ġudizzjarji.

Min hu obbligat iħallas it-tariffa tal-qorti?

L-Artikolu 3 jiddikjara li kull min jikkawża l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja li tipproduċi l-avveniment taxxabbli huwa responsabbli għall-ħlas tat-tariffa.

Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, jitqies li seħħ avveniment taxxabbli wieħed meta d-dokument li jwassal għall-pass proċedurali li jikkostitwixxi avveniment taxxabbli jkopri bosta azzjonijiet ewlenin li ma joriġinawx mill-istess strument. F’dak il-każ, l-ammont tat-tariffa jiġi kkalkulat billi l-ammonti għal kull waħda mill-azzjonijiet konġunti jingħaddu flimkien.

Il-ħlas jista’ jsir mir-rappreżentant legali (procurador) jew mill-avukat (abogado) f’isem u għan-nom tal-persuna taxxabbli, b’mod partikolari jekk din ma tkunx residenti fi Spanja. Persuna mhux residenti m’għandhiex għalfejn tikseb numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa għall-awtovalutazzjoni. Ir-rappreżentant legali jew l-avukat m’għandux obbligazzjoni ta’ taxxa għal dan il-ħlas.

Eżenzjonijiet:

  • Eżenzjonijiet għal kategoriji ta’ azzjoni:
    • it-tressiq ta’ azzjoni u l-preżentata ta’ appelli sussegwenti li jinvolvu proċedimenti stabbiliti speċifikament biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi, kif ukoll appelli kontra l-imġiba tal-amministrazzjoni elettorali;
    • il-preżentata ta’ rikors għal insolvenza volontarja mid-debitur;
    • it-tressiq tar-rikors inizjali għall-ordni ta’ proċedura ta’ ħlas u t-talba għal sentenza sħiħa biex jintalab l-ammont involut meta dan ma jaqbiżx l-EUR 2 000 – din l-eżenzjoni ma tapplikax meta t-talba f’dawn il-proċeduri tkun ibbażata fuq dokument li jieħu l-forma ta’ strument eżegwibbli barra mill-qorti skont l-Artikolu 517 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (il-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000);
    • it-tressiq ta’ proċedimenti tal-qorti amministrattiva li jikkontestaw in-nuqqas ta’ risposta jew ta’ azzjoni mill-amministrazzjoni;
    • it-tressiq ta’ azzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ għotjiet deċiżi mill-Bordijiet ta’ Arbitraġġ tal-Konsumaturi (Juntas Arbitrales de Consumo);
    • azzjonijiet li, soġġett għall-awtorizzazzjoni minn Qorti Kummerċjali (Juez de lo Mercantil), jitressqu mill-amministraturi tal-insolvenza fl-interess tal-patrimonju tal-insolvenza;
    • proċedimenti għad-diviżjoni ġudizzjarja tal-patrimonji, ħlief f’kawżi fejn titqajjem oġġezzjoni jew fejn ikun hemm tilwima dwar l-inklużjoni jew l-esklużjoni tal-assi – it-tariffa titħallas għas-seduta u għall-ammont ikkontestat jew għal dak li jirriżulta mill-kontestazzjoni tad-distribuzzjoni tal-patrimonju minn avversarju; jekk iż-żewġ partijiet joġġezzjonaw, kull waħda tintalab tħallas l-ammont rispettiv tagħha.
  • Eżenzjonijiet għal kategoriji ta’ persuni:
    • individwi privati;
    • entitajiet ġuridiċi li huma intitolati għall-għajnuna legali u jistgħu juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti statutorji;
    • l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministerio Fiscal);
    • l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat u tal-Komunitajiet Awtonomi, l-awtoritajiet lokali u l-korpi pubbliċi kollha taħt l-awtorità tagħhom;
    • il-Parlament Spanjol u l-Assemblej Leġiżlattivi tal-Komunitajiet Awtonomi.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fi proċedimenti kriminali

Dan is-suġġett hu rregolat mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Kwalunkwe parti li tiġi akkużata b’reat punibbli, ġiet arrestata jew soġġetta għal xi miżura kawtelatorja oħra jew għandha titressaq il-qorti, tista’ teżerċita d-dritt ta’ difiża, billi taġixxi fil-proċedimenti, ikunu xi jkunu, malli tiġi mgħarrfa dwar l-eżistenza tagħhom, u tiġi informata dwar dan id-dritt kif xieraq.

Biex jeżerċitaw dan id-dritt, il-partijiet ikkonċernati jeħtiġilhom ikunu rappreżentati minn rappreżentant legali (procurador) u difiżi minn avukat (abogado), li jinħatru mill-qorti nnifisha meta l-partijiet ikkonċernati ma jkunux qabbdu wieħed huma stess u jitolbu dan, u f’kull każ, meta ma jkollhom l-ebda kompetenza legali biex jagħmlu dan.

Kull min ikun parti f’kawża u d-dritt għall-għajnuna legali tiegħu ma jkunx ġie rikonoxxut ikun meħtieġ iħallas l-onorarji tar-rappreżentanti legali li jirrappreżentawh, dawk tal-avukati li jiddefenduh, dawk tal-esperti li jagħtu pariri fuq talba tiegħu u l-kumpens tax-xhieda li jistgħu jidhru fil-qorti, meta l-esperti u x-xhieda, fil-ħin tax-xhieda tagħhom, ikunu ppreżentaw it-talba tagħhom u l-qorti taċċettaha.

Ma jkunx meħtieġ iħallas spejjeż oħrajn tal-proċedimenti, kemm matul il-kawża kif ukoll wara li tkun intemmet, sakemm ma jkunx ordnat jagħmel hekk mill-qorti.

Kwalunkwe rappreżentant legali maħtur mill-partijiet f’kawża u li jaċċetta li jirrappreżentahom ikun meħtieġ iħallas l-onorarji lill-avukati li l-klijenti jkunu qabbdu għad-difiża tagħhom.

Il-partijiet intitolati għall-għajnuna legali jistgħu jaħtru wkoll avukat u rappreżentant legali tal-għażla tagħhom. Madankollu, f’dan il-każ, il-partijiet ikunu meħtieġa jħallsulhom l-onorarji, bħal fil-każ ta’ partijiet li ma jkunux intitolati għall-għajnuna legali, sakemm il-professjonisti legali magħżula liberament ma jirrinunzjawx għall-onorarji kif stipulat fl-Artikolu 27 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali (Ley de Asistencia Jurídica Gratuita).

L-istadju tal-proċedimenti kriminali fejn iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Il-klijenti dejjem ikunu meħtieġa jħallsu l-kontijiet li jinħarġu ladarba jintemmu l-proċedimenti. Ma jkunx hemm ħlas bil-quddiem ta’ flus meta jintużaw avukati maħtura mill-qorti peress li l-għajnuna legali normalment tiġi pproċessata fl-istess ħin.

Għandu jiġi nnutat li jsir ħafna użu mill-avukati maħtura mill-qorti. Għaldaqstant, meta l-klijenti jkunu intitolati għall-għajnuna legali, ma jkollhomx għalfejn iħallsu l-onorarji tal-avukat u l-Istat iħallas il-kont sakemm il-qagħda finanzjarja tal-klijenti ma titjiebx fi żmien tliet snin (ħafna drabi ma jħallsu xejn).

Informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

Bħala r-rappreżentant tal-parti, ir-rappreżentant legali (procurador) ikollu d-dmir li jinforma lill-klijent dwar il-passi proċedurali kollha.

Kemm l-avukat kif ukoll ir-rappreżentant legali għandhom id-dmir li jinformaw lill-klijent kull meta l-klijent jitlob dan.

Spejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż fi Spanja?

Ma hemmx sit web speċifiku fejn tista’ ssib informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti legali fi Spanja. Madankollu, jeżistu paġni tal-web, bħal dawk tal-Kmamar tal-Avukati, li jipprovdu informazzjoni dwar l-onorarji tal-membri tagħhom.

B’liema lingwi tista’ tinkiseb l-informazzjoni dwar l-ispejjeż fi Spanja?

L-informazzjoni normalment tingħata bl-Ispanjol. Huwa possibbli wkoll li ssib informazzjoni bil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Awtonomi.

Barra minn hekk, xi paġni jipprovdu ċerta informazzjoni bl-Ingliż.

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Ir-Reġistru tal-Medjaturi u tal-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni (Registro de Mediadores e Instituciones de Mediación) huwa bażi tad-data ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, mingħajr ħlas, fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Ir-Reġistru jippubblika dettalji ta’ medjaturi professjonisti u ta’ istituzzjonijiet tal-medjazzjoni biex jagħmilha aktar faċli għall-membri tal-pubbliku jaċċessaw din il-forma ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

Tista’ taċċessa l-magni tat-tiftix tiegħu permezz tal-link li ġejja:

https://remediabuscador.mjusticia.gob.es/remediabuscador/RegistroMediador

https://remediabuscador.mjusticia.gob.es/remediabuscador/RegistroInstitucion

Medjazzjoni

Tissejjaħ kif tissejjaħ, il-medjazzjoni hija forma ta’ soluzzjoni tat-tilwim fejn żewġ partijiet jew aktar jippruvaw minn jeddhom jaslu għal ftehim bejniethom, assistiti minn medjatur.

Medjatur

L-individwi privati jistgħu jsiru medjaturi jekk igawdu mill-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ċivili tagħhom, sakemm ma jitwaqqfux milli jwettqu dan ir-rwol minn kwalunkwe leġiżlazzjoni li għaliha jistgħu jkunu soġġetti fil-prattika tal-professjoni tagħhom.

L-entitajiet ġuridiċi li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni – kemm jekk ikunu kumpaniji professjonali jew kwalunkwe tip ieħor ta’ entità ġuridika prevista mil-liġi – iridu jaħtru individwu sabiex jaġixxi bħala medjatur; dan l-individwu jeħtieġlu jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti bil-liġi.

Rekwiżiti biex wieħed isir medjatur

Biex jipprattikaw il-medjazzjoni, il-medjaturi jeħtiġilhom ikollhom lawrja universitarja uffiċjali jew taħriġ vokazzjonali avvanzat, kif ukoll taħriġ speċjali miksub billi jsegwu kors speċifiku jew korsijiet speċifiċi mgħallma minn istituzzjonijiet akkreditati kif xieraq; it-taħriġ provdut minn dawn l-istituzzjonijiet huwa validu għall-eżerċitar tal-attività tal-medjazzjoni f’kull parti tal-pajjiż.

Il-medjaturi jeħtiġilhom jagħmlu assigurazzjoni jew garanzija simili biex ikopru r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-azzjonijiet tagħhom fil-kunflitti li jimmedjaw.

Medjatur tal-insolvenza

Medjatur tal-insolvenza (mediador concursal) huwa individwu li jissodisfa kemm ir-rekwiżiti biex ikun medjatur kif ukoll ir-rekwiżiti biex ikun amministratur tal-insolvenza stabbiliti fl-Artikolu 27(1) tal-Att dwar l-Insolvenza (Ley Concursal, il-Liġi 22/2003 tad-9 ta’ Lulju 2003). Il-medjaturi tal-insolvenza jistgħu jinħatru minn nutara jew mir-reġistraturi kummerċjali fil-ftehimiet ta’ ħlas barra mill-qorti msemmija fit-Titolu X tal-Att dwar l-Insolvenza. L-entitajiet ġuridiċi jistgħu wkoll jaġixxu bħala medjaturi tal-insolvenza sakemm iwettqu l-attivitajiet ta’ medjazzjoni tal-insolvenza permezz ta’ individwu li jissodisfa l-kriterji msemmija hawn fuq.

Istituzzjoni tal-medjazzjoni

L-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni jistgħu jkunu korpi pubbliċi jew privati jew organizzazzjonijiet pubbliċi limitati b’ishma Spanjoli jew barranin li l-iskop tagħhom jinkludi l-promozzjoni tal-medjazzjoni. Dawn l-istituzzjonijiet jiffaċilitaw l-aċċess għall-medjazzjoni u l-amministrazzjoni tagħha, li tinkludi l-ħatra tal-medjaturi; iridu wkoll jiżguraw li dawn il-ħatriet isiru b’mod trasparenti. Jekk l-iskop ta’ dawn l-istituzzjonijiet jinkludi wkoll l-arbitraġġ, iridu jadottaw miżuri sabiex iżommu ż-żewġ attivitajiet separati.

L-istituzzjonijiet tal-medjazzjoni ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni direttament, u lanqas ma jistgħu jinvolvu ruħhom fil-medjazzjoni aktar milli tippermetti l-liġi.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif tingħata din l-informazzjoni?

L-Aġenzija tat-Taxxa Spanjola (Agencia Tributaria) tipprovdi din l-informazzjoni fuq il-paġna tal-web tagħha.

Liema rati japplikaw?

L-Aġenzija tat-Taxxa Spanjola tipprovdi din l-informazzjoni fuq il-paġna tal-web tagħha.

Għajnuna legali

Xi tkun?

Skont l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni Spanjola, l-għajnuna legali hija proċedura li permezz tagħha dawk li jistgħu juru nuqqas ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti jingħataw sensiela ta’ benefiċċji li jikkonsistu prinċipalment mill-eżenzjoni mill-ħlas tal-onorarji tal-avukati u tar-rappreżentanti legali u mill-ispejjeż li jirriżultaw mix-xhieda tal-esperti, garanziji, eċċ.

B’mod ġenerali, id-dritt għall-għajnuna legali jinkludi l-benefiċċji li ġejjin:

  • parir u gwida bla ħlas qabel ma jibdew il-proċedimenti;
  • aċċess tal-persuna arrestata jew tal-ħabsi għal avukat;
  • difiża u rappreżentanza bla ħlas minn avukat u rappreżentant legali matul il-proċedimenti ġudizzjarji;
  • pubblikazzjoni bla ħlas matul il-proċedimenti ta’ avviżi u editti li jridu jiġu ppubblikati fil-gazzetti uffiċjali;
  • eżenzjoni mill-ħlas ta’ depożiti għall-preżentata ta’ appelli;
  • assistenza mingħajr ħlas minn esperti matul il-proċedimenti;
  • akkwist mingħajr ħlas ta’ kopji, xhieda, strumenti u ċertifikati notarili;
  • tnaqqis ta’ 80 % fit-tariffi għal ċerti servizzi notarili;
  • tnaqqis ta’ 80 % fit-tariffi għal ċerti servizzi relatati mar-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistri Kummerċjali.

Fil-każ ta’ tilwim transfruntier biss (wara li l-Att dwar l-Għajnuna Legali ġie rriformat mil-Liġi 16/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005, li ġabitu f’konformità mad-Direttiva 2003/8/KE), l-elementi li ġejjin ġew inklużi fid-drittijiet imsemmija hawn fuq:

  1. servizzi ta’ interpretazzjoni;
  2. it-traduzzjoni ta’ dokumenti;
  3. l-ispejjeż tal-ivvjaġġar meta l-persuna jkollha tidher personalment;
  4. id-difiża minn avukat u rappreżentanza minn rappreżentant legali anki fejn ma jkunx meħtieġ, jekk il-qorti tiddeċiedi hekk biex tkun garantita l-ugwaljanza tal-partijiet.

Min jista’ jitlobha?

B’mod ġenerali, tista’ tintalab minn ċittadini li jkunu involuti fi kwalunkwe tip ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew li jkunu se jibdew proċedimenti, u li ma jkollhomx mezzi finanzjarji suffiċenti biex jieħdu sehem fil-kawża.

L-individwi privati jitqiesu li m’għandhomx riżorsi suffiċjenti meta jkunu jistgħu juri b’evidenza li l-komponenti kollha tar-riżorsi u tal-introjtu annwali tagħhom, ikkalkulati skont l-unità tal-familja, ma jaqbżux id-doppju tal-Indiċi Pubbliku tal-Introjtu (Indicador Público de Renta de Efectos Múltiples, IPREM), applikabbli fiż-żmien tal-applikazzjoni.

Biex l-entitajiet ġuridiċi jikkwalifikaw għall-għajnuna legali, il-bażi taxxabbli tagħhom għat-taxxa korporattiva trid tkun aktar baxxa mit-triplu tal-kalkolu annwali għall-IPREM.

Fi kwalunkwe każ, jiġu kkunsidrati sinjali esterni oħra li juru l-kapaċità finanzjarja reali tal-applikant.

Hemm eċċezzjonijiet għall-individwi privati bbażati fuq diżabilitajiet u/jew ċirkostanzi familjari oħra li jippermettu li jinqabżu l-limiti tal-introjtu msemmija hawn fuq. (Skont it-termini tat-Tmienja u Għoxrin Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Att dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat (Ley de Presupuestos Generales del Estado) għall-2009, l-IPREM kien EUR 7 381.33 fis-sena fl-2009).

B’mod speċifiku, dawn li ġejjin huma intitolati għall-għajnuna legali:

  1. ċittadini Spanjoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea u kwalunkwe barrani residenti fi Spanja, meta jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti biex jiftħu kawża;
  2. il-Korpi ta’ Ġestjoni tas-Sigurtà Soċjali u Servizzi Komuni;
  3. l-entitajiet ġuridiċi li ġejjin, meta jkunu jistgħu juru li m’għandhomx mezzi suffiċjenti biex jiftħu kawża:

organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

fondazzjonijiet irreġistrati fir-reġistru amministrattiv korrispondenti;

  1. fi proċedimenti industrijali: l-impjegati u l-benefiċjarji kollha tas-sistema tas-sigurtà soċjali;
  2. fi proċedimenti kriminali: iċ-ċittadini kollha, anki barranin, li jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti biex jiftħu kawża, anke meta dawn ma jkunux jgħixu legalment fi Spanja, huma intitolati għall-għajnuna legali u difiża u rappreżentanza mingħajr ħlas;
  3. fi proċedimenti tal-qorti amministrattiva: iċ-ċittadini barranin kollha li jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti biex jiftħu kawża, anke meta dawn ma jkunux jgħixu legalment fi Spanja, huma intitolati għall-għajnuna legali fil-proċedimenti kollha (inklużi proċedimenti amministrattivi preliminari) relatati mal-applikazzjonijiet għall-ażil u mal-Att dwar iċ-Ċittadini Barranin (Ley de la Extranjería).

Aktar informazzjoni

Rekwiżiti biex tapplika għall-għajnuna legali

Individwi privati

Il-komponenti kollha tar-riżorsi u l-introjtu annwali tal-individwu, ikkalkulati skont kull unità familjari, ma jridux jaqbżu d-doppju tal-IPREM applikabbli fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni.

Il-Kummissjoni għall-Għajnuna Legali (Comisión de Asistencia Jurídica Gratuita) tista’ b’mod eċċezzjonali tiddeċiedi li tagħti d-dritt għall-għajnuna legali meta r-riżorsi jaqbżu d-doppju tal-IPREM iżda ma jaqbżux erba’ darbiet l-IPREM, meta tqis iċ-ċirkostanzi tal-familja tal-applikant, in-numru ta’ tfal jew membri tal-familja dipendenti, l-istat tas-saħħa, id-diżabilità, l-obbligi finanzjarji, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ftuħ tal-proċedimenti, u fi kwalunkwe każ meta l-applikant ikollu l-istatus ta’ axxendent ta’ familja kbira ta’ kategorija speċjali.

Il-parti fil-kawża trid tkun qed tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tagħha.

Entitajiet ġuridiċi

L-entità ġuridika trid tkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fondazzjoni rreġistrata fir-reġistru amministrattiv korrispondenti.

Il-bażi taxxabbli tagħha għat-taxxa korporattiva trid tkun inqas mit-triplu tal-kalkolu annwali tal-IPREM.

Bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Organika 1/2004 tat-28 ta’ Diċembru 2004 dwar Miżuri Protettivi Komprensivi kontra l-Vjolenza Bbażata fuq il-Ġeneru (Ley Orgánica 1/2004 de Medidas de Protección Integral contra la Violencia de Género), in-nisa li jkunu vittmi ta’ din it-tip ta’ vjolenza jingħataw għajnuna legali sħiħa mill-ewwel, mhux biss fil-proċedimenti ġudizzjarji kollha iżda wkoll fil-proċedimenti amministrattivi (inklużi għalhekk l-inkjesti tal-pulizija) mibdija għal raġunijiet ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, sakemm tingħata xi sentenza, mingħajr ma jkunu meħtieġa li japplikaw għall-għajnuna legali minn qabel. Dan ifisser li l-kwistjoni tal-għajnuna legali qatt ma tfixkel id-dritt għad-difiża għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li tiġi offruta lill-vittma irrispettivament minn jekk tkunx saret applikazzjoni għall-għajnuna legali. Madankollu, dan huwa bil-fehma li għajnuna legali bħal din tingħata biss meta l-parti kkonċernata tkun tista’ turi, sussegwentement jew matul il-kors tal-proċedimenti legali li fil-fatt jeżistu ċ-ċirkostanzi għad-dritt għall-għajnuna legali, kif meħtieġ mir-regoli ġenerali fl-Att dwar l-Għajnuna Legali u r-Regolamenti ta’ akkumpanjament, emendati għal dan il-għan bis-Sitt Dispożizzjoni Finali tal-Liġi Organika 1/2004.

Meta trid tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti l-parti telliefa?

L-Artikoli 394 sa 398 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jkopru l-ordni biex jitħallsu l-ispejjeż fil-proċedimenti ċivili.

F’azzjonijiet għal sentenza sħiħa, l-ispejjeż tal-ewwel istanza jitħallsu mill-parti li t-talbiet tagħha jkunu ġew miċħuda kollha, sakemm il-kawża ma tqajjimx materji serji ta’ fatti jew ta’ liġi li jridu jiġu ċċarati.

Jekk it-talbiet jingħataw jew jiġu miċħuda parzjalment, kull parti tħallas l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż komuni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex jiġu imposti fuq waħda mill-partijiet minħabba traskuraġni.

Meta l-ispejjeż jiġu imposti fuq il-parti telliefa, dik il-parti tkun obbligata tħallas biss, għall-parti li tikkorrispondi għal avukati u professjonisti legali oħra li ma jkunux soġġetti għal rati jew skali, ammont totali ta’ mhux iżjed minn terz tal-ammont inkwistjoni, għal kull parti fil-kawża li tkun rebħet id-deċiżjoni. Għal dawk il-finijiet biss, it-talbiet li fuqhom ma jistax jitpoġġa valur ikunu stmati għal EUR 18 000, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor minħabba l-kumplessità tal-kawża.

Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu preċedenti ma japplikawx jekk il-qorti tiddikjara li l-parti fil-kawża li tkun ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż tkun aġixxiet b’mod traskurat.

Meta l-parti ordnata biex tħallas l-ispejjeż tkun intitolata għall-għajnuna legali, hija tkun meħtieġa tħallas biss l-ispejjeż ikkaġunati mid-difiża tal-interessi tal-parti avversarja fil-każijiet indikati speċifikament fl-Att dwar l-Għajnuna Legali.

Fl-ebda ċirkostanza m’għandhom jiġu imposti spejjeż fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi proċedimenti li jkun parti fihom.

It-tariffi tal-esperti

L-esperti li jintużaw fil-proċedimenti tal-qorti jissejħu peritos. Reġistru tal-Esperti Legali (Registro de Peritos Judiciales) jinsab f’kull Qorti Għolja (Tribunal Superior de Justicia).

L-Artikolu 241(1)(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jkopri, bħala element speċifiku li għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-ispejjeż, it-“tariffi tal-esperti u ħlasijiet oħra li possibilment ikunu jridu jitħallsu lil persuni li jintervjenu fil-proċedimenti”. Dan jirreferi għall-ispejjeż imġarrba minn persuni li, għalkemm ma jkunux parti fil-proċedimenti, ikollhom ċerti spejjeż minħabba li jattendu l-proċedimenti biex jipprovdu xi servizz.

L-Artikolu 243 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li fil-proċedimenti u l-azzjonijiet kollha, l-ispejjeż jiġu kkalkulati mill-iskrivan tal-qorti li tkun semgħet il-kawża jew l-appell. Kwalunkwe tariffa li tikkorrispondi għal ordnijiet u dokumenti relatati ma’ proċedimenti li ma jkunux meħtieġa, ikunu superfluwi jew mhux awtorizzati mil-liġi, jew element fl-onorarji tal-avukati li ma jkunx elenkat fid-dettall jew li jirreferi għal onorarji li ma jkunux inkisbu fit-tilwima ma jiġix inkluż fil-kalkolu.

L-iskrivan tal-qorti jnaqqas l-ammont tal-onorarji tal-avukati u ta’ professjonisti legali oħra li ma jkunux soġġetti għal rati jew skali, jekk l-onorarji mitluba jaqbżu terz tal-ammont tal-proċess u fejn ma tkun ġiet iddikjarata l-ebda traskuraġni min-naħa tal-parti li tkun ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż.

Lanqas ma jiġu inklużi l-ispejjeż ta’ azzjonijiet jew passi inċidentali li l-parti rebbieħa tkun ġiet ordnata speċifikament li tħallas bid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-proċedimenti prinċipali.

It-tariffi tat-tradutturi u l-interpreti

Ma hemm l-ebda rata uffiċjali applikabbli għas-servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni ġuramentati. L-interpreti ġuramentati huma liberi li jistabbilixxu t-tariffi li għandhom jirċievu għas-servizzi ta’ interpretazzjoni tagħhom, iżda huma obbligati javżaw lill-uffiċċju tal-interpretazzjoni tal-lingwi u lis-Sottodelegazzjoni tal-Gvern korrispondenti dwar ir-rati tagħhom. Din l-informazzjoni trid tingħata f’Jannar ta’ kull sena.

Links relatati

Aġenzija Nazzjonali Spanjola għall-Amministrazzjoni tat-Taxxa/VAT

Dokumenti relatati

Rapport ta’ Spanja dwar l-Istudju dwar it-Trasparenza tal-Ispejjeż  PDF (640 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.