Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Jekk inti involut fi proċediment ġuridiku u għandek bżonn tibgħat u/jew tirċievi dokumenti ġuridiċi jew extraġudizzjarji, hawnhekk tista’ ssib l-informazzjoni nazzjonali dwar kif għandek tipproċedi.

Ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (riformulazzjoni) ifittex li jtejjeb u jħaffef it-trażmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali għan-notifika bejn l-Istati Membri. Ir-Regolament issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru  1393/2007 mill-1 ta’ Lulju 2022.

Madankollu, is-sistema tal-IT deċentralizzata bħala mezz obbligatorju ta’ komunikazzjoni li għandha tintuża għat-trażmissjoni u l-wasla ta’ talbiet, formoli u komunikazzjoni oħra se tibda tapplika biss mill-1 ta’ Mejju 2025 (l-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta’ tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal- att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 25 (għal aktar dettalji ara l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2020/1784)).

Ir-regolament jipprovdi proċedura għan-notifika ta’ dokumenti permezz ta’ “aġenziji mittenti” u “aġenziji riċeventi” maħtura, bejn l-Istati Membri tal-UE, inkluża d-Danimarka.

Ir-Regolament jirreferi, pereżempju, għad-dokumenti ġudizzjarji bħaċ-ċitazzjonijiet li jinnotifikaw il-bidu tal-proċedimenti, l-appelli, in-noti ta’ eċċezzjonijiet, l-inġunzjonijiet jew għad-dokumenti extraġudizzjarji bħall-atti notarili li jkunu jridu jiġu nnotifikati f’pajjiż tal-UE li ma jkunx dak li fih inti tirrisjedi.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Ħolqa relatata

Notifika ta' dokumenti - notifiki tal-Istati Membri u għodda ta’ tfittxija li tgħin fl-identifikazzjoni tal-qorti /qrati /awtorità/ awtoritajiet kompetenti

L-aħħar aġġornament: 10/08/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.