Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

F’termini prattiċi, “in-notifika tad-dokumenti” hija kunċett legali li teħtieġ illi d-dokumenti fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha fil-proċedimenti.

Is-sitt, is-seba’ u t-tmien inċiżi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Digriet dwar Tranżazzjonijiet fl-Uffiċċju (Uredba o uredskom poslovanju) (Narodne Novine (NN; Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nru 7/09) jipprevedu li tali dokument jista’ jkun jew sottomissjoni jew att uffiċjali.

- sottomissjoni hija dokument użat mill-partijiet biex jagħtu bidu għal proċedimenti, biex jissupplimentaw jew jemendaw rikors jew xi talba ġuridika oħra jew biex jieqfu milli jkomplu b’dik it-talba.

L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (NN Nri 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: CPA) jipprevedi illi jekk, għal xi azzjonijiet partikolari l-liġi ma tispeċifikax f’liema forma għandhom jittieħdu, il-partijiet għandhom jieħdu azzjonijiet proċedurali jew bil-kitba barra s-seduta (permezz ta’ sottomissjonijiet) jew oralment waqt is-seduta.

L-Artikolu 106 CPA jistipula illi s-sottomissjonijiet - ilmenti, tweġibiet għall-ilmenti, rimedji legali u dikjarazzjonijiet oħra, mozzjonijiet u notifiki mogħtija barra l-proċess - għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub.

Is-sottomissjonijiet huma għalhekk id-dokumenti li jinħarġu mill-partijiet ewlenin u mill-partijiet intervenjenti fil-proċedimenti sabiex tittieħed azzjoni proċedurali.

- att huwa dokument maħruġ minn awtorità fejn din tiddeċiedi fuq kwistjoni, twieġeb għal sottomissjoni magħmula minn parti jew tiddetermina, tittermina jew tiffinalizza azzjonijiet uffiċjali u jkollha korrispondenza formali ma’ korpi oħra jew ma’ entitajiet legali b’awtorità pubblika.

In-notifika tad-dokumenti kif imfissra mil-liġi hija l-kompitu tal-awtoritajiet u l-persuni kompetenti li permezz tagħha d-destinatarji jingħataw aċċess għall-kontenut tad-dokumenti indirizzati lilhom. Dan huwa importanti għaliex jekk dokument ma jiġix innotifikat lil parti, hija ma tkunx tista’ tinstema’, u dan jikkostitwixxi ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-azzjonijiet legali, u jista’ jagħti lok għal rimedju legali straordinarju.

In-notifika ta’ lment lill-konvenut huwa wkoll rekwiżit neċessarju sabiex jinbdew proċedimenti ta’ litigazzjoni, u dawn il-proċedimenti jibdew minn meta l-konvenut jiġi nnotifikat bl-ilment (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 194 CPA).

Għalhekk, japplikaw regoli speċjali għan-notifika ta’ dokumenti għaliex hija rekwiżit neċessarju fi proċedimenti ta’ litigazzjoni li ġejja mill-prinċipju tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu; tfisser illi l-partijiet iridu jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar il-post u l-ħin tal-proċedimenti ta’ litigazzjoni u l-fatti materjali ta’ każ. Barra minn hekk, il-proċedimenti ta’ lment ma jistgħux jinbdew jekk l-ilment ma jkunx ġie notifikat lill-konvenut skont ir-regoli applikabbli. In-notifika tad-dokumenti hija importanti wkoll għaliex f’ċerti każijiet il-preskrizzjoni għall-partijiet biex jieħdu azzjoni proċedurali (risposta għal ilment, appell) tibda tgħodd min-notifika tad-dokument, jiġifieri matul il-proċedimenti tal-qorti trid tittieħed kull azzjoni meħtieġa sabiex id-destinatarji jsiru jafu bil-kontenut tad-dokumenti notifikati lilhom (il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju tal-preżentazzjoni orali u bil-miktub). Dokument jitqies li ġie nnotifikat kif xieraq biss jekk jiġu osservati r-regoli dwar in-notifika tad-dokumenti.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

L-azzjonijiet legali, l-ordnijiet ta’ ġbir, is-sentenzi u deċiżjonijet oħra tal-qorti li jistgħu jiġu appellati separatament u li kontrihom hemm rimedji legali, iridu jiġu nnotifikati lill-parti rilevanti personalment; dan japplika wkoll għal dokumenti oħra fejn teħtieġ il-liġi jew fejn qorti tqis li huwa neċessarju li jittieħdu miżuri speċjali kawtelatorji, pereżempju fejn jiġu ppreżentati dokumenti fil-forma oriġinali tagħhom jew għal kwalunkwe raġuni oħra (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 142 CPA).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

It-titolu 11 CPA jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw in-notifika tad-dokumenti.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 CPA jistabbilixxi l-mod tan-notifika tad-dokumenti, jistipula illi d-dokumenti jridu jiġu nnotifikati bil-posta jew minn uffiċjal jew impjegat tal-qorti apposta, minn korp amministrattiv kompetenti, minn nutar pubbliku jew direttament mill-qorti, jew inkella, b’mezzi elettroniċi b’mod konformi ma’ liġi separata.

L-Artikolu 133a CPA jipprevedi li wara t-talba ta’ parti li tgħid illi hija lesta tħallas l-ispejjeż imġarrba, il-qorti tista’, permezz ta’ sentenza li ma tistax tiġi appellata, tordna illi n-notifika tad-dokument issir minn nutar pubbliku. In-nutar pubbliku jista’ jiġi sostitwit fil-qadi ta’ dan il-kompitu minn nutar pubbliku assessur jew minn nutar pubbliku konsulent jew nutar pubbliku apprendist.

L-Artikolu 133b CPA jipprevedi li, jekk qabel ma jressaq ilment quddiem il-qorti, bi ftehim bil-miktub mal-attur, il-konvenut jaqbel illi n-notifika ta’ dokumenti marbuta ma’ tilwim li jirrigwarda l-ftehim issir f’indirizz speċifiku fir-Repubblika tal-Kroazja jew permezz ta’ persuna speċifika fir-Repubblika tal-Kroazja, l-ilment u d-dokumenti l-oħra tal-qorti fil-proċedimenti għandhom jiġu nnotifikati lill-konvenut, fuq mozzjoni tal-attur, f’dak l-indirizz jew lil dik il-persuna. Jekk in-notifika ma tistax issir, il-qorti tieħu deċiżjoni fejn tordna illi dokumenti ulterjuri jiġu nnotifikati lill-konvenut billi jiġu ppubblikati fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti.

L-Artikolu 133c CPA jipprevedi illi jekk il-partijiet jaslu għal ftehim dwar dan matul il-proċedimenti, il-qorti għandha tiddeċiedi li għandhom jibagħtu sottomissjonijiet u dokumenti oħra direttament lil xulxin, b’ittra reġistrata u nota għar-ritorn. Jekk xi ħadd fost il-partijiet ikun persuna ġuridika jew persuna fiżika b’attività reġistrata, id-dokumenti jistgħu jintbagħtu direttament fl-uffiċċju prinċipali tagħha b’ċertifikat ta’ teħid ta’ pussess tad-dokument ivverifikat bis-siġill tagħha. F’litigazzjoni fejn iż-żewġ partijiet huma rrappreżentati minn avukati jew prosekuturi pubbliċi, il-qorti tista’ tordna lir-rappreżentanti tal-partijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet direttament lil xulxin - bil-posta b’nota għar-ritorn, jew li jwassluhom għand xulxin direttament fl-uffiċċju jew fl-uffiċċju tar-reġistri.

L-Artikolu 134a jipprevedi illi n-notifika lil persuna ġuridika li hija reġistrata ma’ xi qorti speċifika jew reġistru ieħor għandha ssir fl-indirizz indikat fl-ilment. Jekk in-notifika fl-indirizz mogħti fl-ilment ma ssirx, in-notifika ssir fl-indirizz tal-uffiċċju ta’ dik il-persuna mniżżla fir-reġistru. Jekk in-notifika lanqas ma ssir f’dan l-indirizz, issir billi tiġi ppubblikata fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti. Dan japplika wkoll għal persuni fiżiċi li jwettqu ċerti professjonijiet reġistrati (nies tas-snajja’, bejjiegħa individwali, nutara pubbliċi, avukati, tobba, eċċ.) fejn in-notifika ssir lil dawn il-persuni fir-rigward tal-professjoni tagħhom.

L-Artikolu 134b CPA jipprevedi illi jekk, wara talba ta’ persuna speċifika u l-approvazzjoni tal-president tal-qorti, issirilha n-notifika fil-qorti, id-dokumenti indirizzati lilha mill-qorti għandhom jitqiegħdu f’kaxxa postali f’kamra magħżula mill-qorti għal dan il-għan. In-notifika ssir minn uffiċjal tal-qorti. Il-president tal-qorti jista’, permezz ta’ sentenza mogħtija fi proċedimenti amministrattivi, jordna illi l-avukati kollha li għandhom uffiċċji tar-reġistri tagħhom stess u nutara pubbliċi b’uffiċċji prinċipali fit-territorju tal-qorti għandhom jirċievu d-dokumenti tal-qorti fil-kaxex postali msemmija.

L-Artikolu 135 CPA jipprevedi illi ċ-ċitazzjonijiet iridu jiġu nnotifikati lil persunal militari, lil membri tal-korp tal-pulizija u lil persuni impjegati fil-qasam tat-trasport fuq l-art, marittimu u bl-ajru permezz tal-kmandant jew superjur tagħhom. Jekk ikun meħtieġ, dokumenti oħra jistgħu jiġu nnotifikati lilhom b’dan il-mod.

L-Artikolu 136 CPA jipprevedi illi meta n-notifika jkollha ssir lil persuni jew lil istituzzjonijiet f’pajjiż barrani jew lil barranin li għandhom id-dritt ta’ immunità, hija għandha ssir permezz tal-mezzi diplomatiċi, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor fi ftehim internazzjonali jew fis-CPA (l-Artikolu 146). Jekk in-notifika ta’ dokument ikollha ssir lil ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja f’pajjiż barrani, din tista’ ssir permezz tar-rappreżentant konsulari jew diplomatiku kompetenti tar-Repubblika tal-Kroazja li jwettaq kompiti konsulari fil-pajjiż barrani kkonċernat. Din in-notifika hija valida biss jekk il-persuna li lilha jkollu jiġi nnotifikat id-dokument taċċetta li tirċevih.

L-Artikolu 137 CPA jipprevedi illi n-notifika lil persuni mċaħħda mil-libertà personali tagħhom għandha ssir mill-maniġment tal-ħabs, jew tal-faċilità penitenzjarja jew korrettiva.

Il-persuni msemmija fl-Artikoli 141 u 142 CPA (persuna fiżika li ma twettaqx attività professjonali reġistrata u persuna fiżika li twettaq attività professjonali reġistrata, jekk it-tilwima ma għandhiex x’taqsam ma’ dik l-attività) jistgħu f’ċerti każijiet jiġu nnotifikati bid-dokumenti billi dawn jiġu ppubblikati fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Jekk l-indirizz tal-persuna li lilha huwa indirizzat id-dokument u li jrid jiġi nnotifikat lilha wara talba ta’ awtorità barranija kompetenti sadanittant ikun inbidel, u għalhekk id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat, il-Qorti Kroata għandha l-obbligu skont l-Artikolu 143 CPA li tipprova tinnotifika d-dokument fil-post ta’ residenza tal-persuna fil-Kroazja kif indikat mir-rekords tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Repubblika tal-Kroazja.

Sakemm tinġieb prova li tikkonferma li jeżisti interess ġuridiku, tista’ ssir talba lill-amministrazzjoni tal-pulizija għal informazzjoni dwar il-post ta’ residenza permanenti jew temporanja ta’ persuna li lilha għandhom jiġu nnotifikati dokumenti fi proċedimenti ċivili.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Entitajiet tan-Negozju fir-Repubblika tal-Kroazja huwa servizz mingħajr ħlas li jagħti aċċess lill-korpi ġudizzjarji barranin u/jew lill-partijiet fi proċedimenti l-qorti biex jiksbu l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn dwar kumpaniji Kroati f’dan il-link: https://sudreg.pravosudje.hr/registar/f?p=150:1

L-indirizzi ta’ persuni fiżiċi mhumiex disponibbli għall-pubbliku u jistgħu jinkisbu biss mill-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tal-Kroazja.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Ma hemmx regoli fissi fil-liġi Kroata dwar kif il-qrati għandhom jimxu meta japplikaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tal-evidenza f’materji ċivili jew kummerċjali. Madankollu huwa ċar minn esperjenza tal-passat illi l-qrati Kroati jwieġbu kif xieraq u jittrattaw it-talbiet għall-indirizz tal-mument tal-persuna kkonċernata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Normalment id-dokumenti jiġu nnotifikati bil-posta jew minn uffiċjal tal-qorti maħtur għal dan il-għan. Il-metodi alternattivi li jistgħu japplikaw huma elenkati fl-Artikoli 133-137 CPA. Dawn jinkludu n-notifika ta’ dokumenti permezz ta’ korp amministrattiv kompetenti, nutar pubbliku jew direttament il-qorti, jew inkella b’mezzi elettroniċi skont liġijiet separati. F’ċerti każijiet id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati wkoll permezz tal-pubblikazzjoni fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika tad-dokumenti b’telefonata, faks jew ittra elettronika hija permessa fil-każijiet stipulati fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 193 CPA u s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 321 CPA (notifika maħruġa minn qorti tal-appell lil qorti tal-prim’istanza illi appell diġà ġie deċiż u notifika mill-qorti tal-prim’istanza lil qorti tal-appell dwar l-irtirar ta’ appell jew deċiżjoni mill-partijiet biex jaslu għal ftehim).

L-Artikolu 495 CPA jipprevedi illi f’każijiet urġenti, data għal seduta tista’ tiġi ffissata b’telefonata, b’telegramma jew b’mezzi elettroniċi skont liġijiet separati jew b’modi xierqa oħra. Għandha ssir nota uffiċjali ta’ dan jekk ma jkunx hemm prova oħra bil-miktub illi ġiet skedata seduta ta’ smigħ.

L-Artikolu 507o jipprevedi illi formoli skont ir-Regolament Nru 861/2007 u talbiet jew dikjarazzjonijiet oħra jistgħu jiġu ppreżentati fil-forma ta’ sottomissjonijiet bil-faks jew b’mezzi elettroniċi. Il-Ministru responsabbli għall-affarijiet ġudizzjarji jrid joħroġ sett ta’ regoli separati għas-sottomissjoni tal-atti bil-faks jew b’mezzi elettroniċi u fir-regoli jrid jispeċifika wkoll id-data minn meta għandhom jibdew japplikaw. Minħabba l-fatt illi r-regoli msemmija s’issa għadhom ma ħarġux, il-kundizzjonijiet tekniċi biex jintuża dan it-tip ta’ komunikazzjoni għadhom mhumiex issodisfati.

Madanakollu, fil-prinċipju, l-Artikoli 492a, 492b u 492c jistipulaw il-metodu ta’ notifika u r-regoli għan-notifika ta’ sottomissjonijiet b’mezzi elettroniċi fi proċedimenti quddiem il-qrati kummerċjali. Jekk għandhom jintużaw mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni jeħtieġ illi jinħareġ sett ta’ regoli li jistabbilixxi l-kontenut u l-istruttura tal-forma ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet li taħthom is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu nnotifikati b’mezzi elettroniċi, ir-rekords li għandhom isiru meta s-sottomissjonijiet jintbagħtu b’mezzi elettroniċi (il-formati) u l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tas-sistema ta’ informazzjoni. Minħabba l-fatt illi r-regoli msemmija s’issa għadhom ma ħarġux, il-kundizzjonijiet tekniċi biex jintuża dan it-tip ta’ komunikazzjoni għadhom mhumiex issodisfati.

L-Artikolu 106a CPA (NN Nri 53/91, 91/92, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 84/08, 96/08, 123/08, 57/11, 148/11 - test konsolidat, 25/13, 89/14 - Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja (Ustavni sud Republike Hrvatske) u 70/19) jipprevedi l-possibbiltà ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi:

“Is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni.

Id-dokumenti sottomessi b’mod elettroniku għandhom jiġu ffirmati bl-użu ta’ firma elettronika kwalifikata, kif previst minn regolamenti separati. Id-dokumenti sottomessi elettronikament iffirmati bl-użu ta’ firma elettronika kkwalifikata għandhom jitqiesu li ġew iffirmati bl-idejn.

Id-data li fiha s-sistema ta’ informazzjoni tipprovdi lill-preżentatur ta’ sottomissjoni b’konferma ta’ riċevuta għandha titqies bħala d-data li fiha s-sottomissjoni ngħaddiet lill-qorti li lilha hija indirizzata.

Jekk sottomissjoni li tkun ġiet ippreżentata f’forma elettronika ma tkunx adattata għall-ipproċessar mill-qorti, il-qorti għandha tinforma lil min jippreżentaha b’mezzi elettroniċi u tagħtih struzzjonijiet biex jikkoreġi s-sottomissjoni f’konformità mal-gwida pprovduta.

Bħala eċċezzjoni mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-korpi statali, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, l-avukati, in-nutara pubbliċi, l-esperti tal-qorti, l-assessuri, l-interpreti tal-qorti, il-fiduċjarji fil-falliment, il-kummissarji tal-qorti u l-entitajiet legali għandhom dejjem jippreżentaw is-sottomissjonijiet f’forma elettronika.

Jekk persuna msemmija fil-ħames paragrafu ta’ dan l-Artikolu tonqos milli tippreżenta sottomissjoni f’forma elettronika, il-qorti għandha tordnalha tagħmel dan fi żmien tmint ijiem. Jekk min jippreżenta s-sottomissjoni jonqos milli jippreżentaha f’forma elettronika sal-iskadenza, is-sottomissjoni għandha titqies li ġiet irtirata.

Il-ministeru responsabbli għall-kwistjonijiet ġudizzjarji għandu jistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni.

Il-prerekwiżiti biex isiru sottomissjonijiet u biex jiġu ppreżentati f’forma elettronika, ir-rekords li għandhom jinżammu meta s-sottomissjonijiet jintbagħtu b’mezzi elettroniċi (il-formati) u l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tas-sistema ta’ informazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-ministru responsabbli għall-kwistjonijiet ġudizzjarji f’sett ta’regoli.”

L-Artikolu 8 tar-Regoli dwar komunikazzjonijiet elettroniċi (Pravilnik o elektroničkoj komunikaciji (NN Nru 5/20)) jirregola l-assenjazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni għall-persuni fiżiċi, l-entitajiet legali u l-korpi statali, l-avukati, in-nutara pubbliċi, l-esperti tal-qorti, l-assessuri, l-interpreti tal-qorti, il-fiduċjarji fil-falliment u l-kummissarji tal-qorti.

Fl-20 ta’ April 2020 il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja adotta Deċiżjoni li tikkonferma t-twettiq tal-kundizzjonijiet għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-qrati muniċipali kollha, fil-qrati tal-kontea kollha u fil-Qorti Kummerċjali Għolja tar-Repubblika tal-Kroazja.

Dik id-Deċiżjoni daħlet fis-seħħ, kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet tagħha, fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, speċifikament fit-22 ta’ April 2020.

Fit-13 ta’ Lulju 2020, il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja adotta Deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li tikkonferma t-twettiq tal-kundizzjonijiet għal komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Konsegwentement, taħt dawn id-dispożizzjonijiet, il-korpi statali, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, l-avukati, in-nutara pubbliċi, l-esperti tal-qorti, l-assessuri, l-interpreti tal-qorti, il-fiduċjarji fil-falliment, il-kummissarji tal-qorti u l-entitajiet legali għandhom dejjem ikunu obbligati li jippreżentaw is-sottomissjonijiet f’forma elettronika.”

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 CPA jipprevedi illi jekk il-persuna li lilha trid issir in-notifika tad-dokument ma tinstabx fil-post indikat għan-notifika skont l-informazzjoni mogħtija fl-ilment jew fir-rekords uffiċjali, l-uffiċjal li jrid iwettaq in-notifika għandu jiġi infurmat dwar fejn u meta jkun jista’ jsib lil dik il-persuna. Barra minn hekk, dak l-uffiċjal għandu jħalli, ma’ xi ħadd mill-persuni msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 141 CPA, avviż bil-miktub lid-destinatarju li jindika l-ġurnata u s-siegħa meta għandu jkun id-dar jew fuq il-post tax-xogħol biex jirċievi d-dokument. Jekk wara dan l-avviż l-uffiċjal li jwassal in-notifika jibqa’ ma jistax isib lill-persuna li lilha għandu jiġi nnotifikat id-dokument, huwa jmexxi kif previst fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141 CPA rigward il-mod kif jiġi nnotifikat id-dokument.

F’sitwazzjonijiet bħal dawn, fil-prattika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-Att dwar is-Servizzi Postali (Zakon o poštanskim uslugama) (NN Nri 144/12 u 153/13) huma applikati bħala alternattiva. L-Att jipprevedi illi l-kunsinni postali, minbarra l-kunsinni postali ordinarji, iridu jiġu kkunsinnati lid-destinatarju, lir-rappreżentant legali tiegħu jew lil persuna awtorizzata bi prokura. B’deroga minn dan, meta pakkett postali ma jkun jista’ jiġi kkunsinnat lil ebda waħda mill-persuni fil-lista, il-pakkett jista’ jingħata lil adult fl-unità domestika, lil persuna impjegata b’mod permanenti fl-unità domestika jew fi stabbiliment tan-negozju tad-destinatarju jew lil persuna awtorizzata fl-istabbiliment tan-negozju tal-entità legali jew persuna fiżika fejn jaħdem b’mod permanenti d-destinatarju. Jekk il-kunsinni ma jistgħux jingħataw bil-metodu deskritt, jitħalla avviż fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju li jindika fejn u meta jista’ jiġbor il-kunsinna. Normalment il-posta tħalli nota ta’ avviż illi l-kunsinna tista’ tinġabar fl-uffiċċju speċifiku tal-posta fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha waslet in-nota. Jekk id-destinatarju ma jiġborx il-kunsinna f’dak iż-żmien, il-fornitur tas-servizz jirritorna l-kunsinna lil min bagħatha.

Bħala metodu tal-aħħar mezz, dokument jista’ jiġi nnotifikat fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti (Artikoli 133b, 134a, 134b, 143 u 144 CPA).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk jintuża metodu ieħor għan-notifika, id-dokumenti jitqiesu li ġew notifikati fil-ġurnata li fiha ngħataw lid-destinatarju jew lil persuna awtorizzata biex tirċievi d-dokument f’isem id-destinatarju jew, jekk in-notifika saret fuq it-tabella tal-avviżi, wara li jiskadu tmint ijiem minn meta d-dokument ġie ppubblikat fuq it-tabella tal-avviżi.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

L-Artikolu 37 tal-Att dwar is-Servizzi Postali (NN Nri 144/12 u 153/13) jipprevedi illi l-kunsinni postali, minbarra kunsinni ordinarji, għandhom jaslu għand id-destinatarju personalment, għand ir-rappreżentant legali tiegħu jew għand persuna awtorizzata bi prokura. B’deroga minn dan, meta pakkett postali ma jkun jista’ jiġi kkunsinnat lil ebda waħda mill-persuni fil-lista, il-pakkett jista’ jingħata lil adult fl-unità domestika, lil persuna impjegata b’mod permanenti fl-unità domestika jew fi stabbiliment tan-negozju tad-destinatarju jew lil persuna awtorizzata fl-istabbiliment tan-negozju tal-entità legali jew persuna fiżika fejn jaħdem b’mod permanenti d-destinatarju. Jekk il-kunsinni ma jistgħux jingħataw bil-metodu deskritt, jitħalla avviż fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju li jindika fejn u meta jista’ jiġbor il-kunsinna. Jekk id-destinatarju ma jiġborx il-kunsinna f’dak iż-żmien, il-fornitur tas-servizz jirritorna l-kunsinna lil min bagħatha.

Wara talba ta’ persuna speċifika u l-approvazzjoni tal-president tal-qorti, in-notifika ssir fil-qorti fejn id-dokumenti indirizzati lill-persuna mill-qorti jitqiegħdu f’kaxxa postali f’kamra magħżula mill-qorti għal dan il-għan. In-notifika ssir minn uffiċjal tal-qorti. Il-president tal-qorti jista’, permezz ta’ sentenza mogħtija fi proċedimenti amministrattivi, jordna illi l-avukati kollha li għandhom uffiċċji tar-reġistri tagħhom stess u nutara pubbliċi b’uffiċċji prinċipali fit-territorju tal-qorti għandhom jirċievu d-dokumenti tal-qorti fil-kaxex postali msemmija (l-Artikolu 134b CPA). F’dawk iċ-ċirkostanzi, il-persuni mniżżla fil-lista huma obbligati jiġbru d-dokumenti fi żmien tmint ijiem. Jekk dokument ma jinġabarx f’dak il-perjodu ta’ żmien, dan jiġi ppubblikat fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti. Dokument jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tat-tmien jum minn meta jkun ġie ppubblikat fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk ir-riċevitur ma jixtieqx jiffirma n-nota tal-kunsinna, il-persuna li tagħmel in-notifika ddaħħal dan fuq in-nota tal-kunsinna u tiddikjara d-data tan-notifika fi kliem; id-dokumenti mbagħad jitqiesu li ġew innotifikati (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 149 CPA).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

L-Artikolu 507c jipprevedi illi l-prova tan-notifika tad-dokumenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandha ssir permezz ta’ nota ta’ ritorn jew dokument ekwivalenti. Dokument li jrid jiġi nnotifikat jew imwassal minn post li jirċevih fir-Repubblika tal-Kroazja fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 jista’ jiġi nnotifikat ukoll permezz ta’ ittra reġistrata flimkien ma’ nota ta’ ritorn.

Is-CPA ma jistipulax illi n-notifika tad-dokumenti fis-sens tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 għandha ssir lid-destinatarju biss, u għalhekk id-dispożizzjonijiet tas-CPA li jirregolaw il-kunsinna personali fil-fatt jipprevedu notifika “sostitwita”.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Id-dispożizzjonijiet tas-CPA li jirregolaw metodi ta’ “sostituzzjoni” jew alternattivi ta’ kunsinna personali jistipulaw illi d-dokumenti jistgħu jiġu ppubblikati fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti bħala l-aħħar mezz biex b’hekk in-notifika titqies li saret fir-Repubblika tal-Kroazja.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 CPA jipprevedi illi jekk il-persuna li lilha trid issir in-notifika tad-dokument ma tinstabx fil-post indikat għan-notifika skont l-informazzjoni mogħtija fl-ilment jew fir-rekords uffiċjali, l-uffiċjal li jrid iwettaq in-notifika għandu jiġi infurmat dwar fejn u meta jkun jista’ jsib lil dik il-persuna. Barra minn hekk, dak l-uffiċjal għandu jħalli, ma’ xi ħadd mill-persuni msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 141 CPA, avviż bil-miktub lid-destinatarju li jindika l-ġurnata u s-siegħa meta għandu jkun id-dar jew fuq il-post tax-xogħol biex jirċievi d-dokument. Jekk wara dan l-avviż l-uffiċjal li jwassal in-notifika jibqa’ ma jistax isib lill-persuna li lilha għandu jiġi nnotifikat id-dokument, huwa jmexxi kif previst fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141 CPA rigward il-mod kif jiġi nnotifikat id-dokument.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

L-Artikolu 149 CPA jistipula illi ċ-ċertifikat tan-notifika (in-nota tal-kunsinna) irid jiġi ffirmat mid-destinatarju, li jrid iniżżel id-data li fiha rċieva n-nota ta’ kunsinna. Jekk id-dokument jiġi nnotifikat lil korp statali, lil entità legali jew lil persuna fiżika li għandha attività ta’ negozju reġistrata, id-destinatarju jrid mhux biss jiffirma n-nota ta’ kunsinna, iżda jqiegħed wkoll it-timbru jew is-siġill uffiċjali ta’ dak il-korp jew entità fuqha. F’każ illi, man-notifika ta’ dokument lil korp jew entità, dawn tal-aħħar ma jużawx is-siġill jew it-timbru tagħhom fuqha, il-persuna li tkun qed twettaq in-notifika trid tniżżel ir-raġunijiet fuq in-nota tal-kunsinna. Jekk id-destinatarju ma jafx jikteb u jaqra jew ma jistax jiffirma ismu, il-persuna li tkun qed twettaq in-notifika tiktiblu ismu u kunjomu, tniżżel, fi kliem, id-data tan-notifika u tehmeż nota li tgħid għaliex ma hemmx il-firma tad-destinatarju. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma n-nota ta’ kunsinna, il-persuna li qed twettaq in-notifika għandha tieħu nota ta’ dan fuq in-nota ta’ kunsinna u tikteb, fi kliem, id-data tan-notifika; b’din l-azzjoni, id-dokument jitqies li ġie notifikat. Jekk in-notifika ssir skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 CPA n-nota tal-kunsinna, flimkien ma’ ċertifikat tal-irċevuta tad-dokument, għandha tindika illi kien hemm avviż bil-miktub qabel. Meta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, id-dokument jiġi nnotifikat lil persuna oħra u mhux lill-persuna li lilha huwa indirizzat id-dokument, il-persuna li twettaq in-notifika għandha tindika fuq in-nota tal-kunsinna t-tip ta’ relazzjoni bejn dawk iż-żewġ persuni. Jekk dokument mhux qed jiġi nnotifikat lil korp statali jew lil entità legali, min ikun qed iwettaq in-notifika tad-dokument lil persuna għandu jitlob lill-persuna għall-identifikazzjoni jekk il-persuna mhijiex magħrufa lilhom. Min iwettaq in-notifika għandu jikteb l-isem u l-kunjom tal-persuna li lilha twassal id-dokument fuq in-nota ta’ kunsinna u jindika jekk kienx jafha jew inkella jiddikjara n-numru tal-karta tal-identità mogħtija lilu biex jivverifika l-identità tal-persuna u ta’ min ikun ħareġ id-dokument ta’ identifikazzjoni. Persuna li twettaq notifika li mhijiex nutar pubbliku hija obbligata tikteb b’mod li jinftiehem isimha u kunjomha u t-titlu tagħha fuq in-nota ta’ kunsinna u tiffirmaha. Jekk ikun meħtieġ, il-persuna li twettaq notifika għandha toħloq rekord separat għan-notifika/kunsinna u tehmżu man-nota ta’ kunsinna. Jekk tkun ġiet imniżżla d-data l-ħażina fuq in-nota ta’ kunsinna, in-notifika għandha titqies li saret fil-jum li fih ikun ġie kkunsinnat id-dokument. Jekk in-nota ta’ kunsinna ntilfet, in-notifika tista’ tiġi ppruvata b’mod ieħor.

It-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 133a CPA jipprevedu li n-nutar pubbliku għandu jipproduċi rekords dwar l-irċevuta ta’ dokument u l-azzjonijiet li ttieħdu biex id-dokument jiġi nnotifikat. In-nutar pubbliku għandu jippreżenta lill-qorti mingħajr dewmien b’kopja ċertifikata tar-rekord tal-irċevuta tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat u ċertifikat tan-notifika flimkien ma’ kopja ċertifikata tar-rekord tan-notifika jew id-dokument li ma setax jiġi nnotifikat flimkien ma’ kopja ċertifikata tar-rekord tal-azzjonijiet li ttieħdu.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Id-destinatarju jew persuna li lilha jista’ jiġi nnotifikat id-dokument huma awtorizzati jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument biss jekk in-notifika saret f’ħin jew post jew b’metodu mhux previst mil-liġi. Madankollu, jekk id-destinatarji jew persuni li huma obbligati li jirċievu dokument minkejja kollox jirrifjutaw li jirċevuh kontra l-liġi jew jekk jarmuh jew jeqirduh qabel ma jaqrawh, dan ir-rifjut ikun mingħajr preġudizzju għall-konsegwenzi legali tad-dokument notifikat (VsSr Gzz 61/73 – ZSO 4/76-140).

Jekk ir-riċevitur ma jixtieqx jiffirma n-nota tal-kunsinna, il-persuna li tagħmel in-notifika ddaħħal dan fuq in-nota tal-kunsinna u tiddikjara d-data tan-notifika fi kliem; id-dokumenti mbagħad jitqiesu li ġew innotifikati (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 149 CPA).

Meta tiġi rifjutata n-notifika, l-aħħar mezz biex issir in-notifika huwa li d-dokument jiġi ppubblikat fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti. Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tat-tmien jum minn meta jkun ġie ppubblikat fuq it-tabella tal-avviżi tal-qorti.

B’rabta man-notifika ta’ dokumenti lil terzi persuni, għandu jiġi nnutat illi meta d-dokument jingħata lil persuna għajr id-destinatarju, ir-relazzjoni ta’ bejniethom trid tiġi indikata fuq in-nota ta’ kunsinna (il-ħames paragrafu tal-Artikolu 149 CPA). Jekk dokument ma jkunx qed jiġi nnotifikat lil korp statali jew lil entità legali, l-uffiċjal li jkun qed iwettaq in-notifika lil persuna għandu jitlob identifikazzjoni jekk il-persuna ma tkunx magħrufa lilu. Min iwettaq in-notifika għandu jikteb l-isem u l-kunjom tal-persuna li lilha twassal id-dokument fuq in-nota ta’ kunsinna u jindika jekk kienx jafha jew inkella jiddikjara n-numru tal-karta tal-identità mogħtija lilu biex jivverifika l-identità tal-persuna u ta’ min ikun ħareġ id-dokument ta’ identifikazzjoni. Persuna li twettaq notifika li mhijiex nutar pubbliku hija obbligata tikteb b’mod li jinftiehem isimha u kunjomha u t-titlu tagħha fuq in-nota ta’ kunsinna u tiffirmaha. Jekk ikun meħtieġ, il-persuna li twettaq notifika għandha toħloq rekord separat għan-notifika/kunsinna u tehmżu man-nota ta’ kunsinna. Jekk tkun ġiet imniżżla d-data l-ħażina fuq in-nota ta’ kunsinna, in-notifika għandha titqies li saret fil-jum li fih ikun ġie kkunsinnat id-dokument. Jekk in-nota ta’ kunsinna tintilef, in-notifika tista’ tiġi ppruvata b’mod ieħor.

Meta d-dokument ma jiġix notifikat b’diliġenza mill-persuna li twettaq in-notifika, u b’hekk jirriżulta dewmien sinifikanti fil-proċedimenti, dik il-persuna tista’ teħel multa mill-qorti.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-Artikolu 63 tad-Digriet dwar it-Tranżazzjonijiet fl-Uffiċċju jipprevedi li l-ispejjeż tal-kunsinna bil-posta għandhom jiġu ċċarġjati u rreġistrati skont ir-regoli li jirregolaw is-servizzi postali.

Il-ħames, is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-Artikolu 133a CPA jipprevedu li l-partijiet għandhom iħallsu għal kwalunkwe spiża ta’ servizzi ta’ nutar pubbliku billi jħallsu lin-nutar pubbliku direttament. In-nutara pubbliċi li ma jirċevux pagament bil-quddiem biex ikopru l-ispiża tas-servizz mhumiex meħtieġa jinnotifikaw id-dokument. In-nutar pubbliku għandu jipprovdi rekord ta’ dan u jinnotifika lill-qorti direttament. Il-partijiet mhumiex obbligati jħallsu tariffi ta’ nutar pubbliku għal kwalunkwe azzjoni meħuda sabiex dokument jiġi nnotifikat permezz ta’ nutar pubbliku. L-ispejjeż ta’ notifika permezz ta’ nutar pubbliku għandhom jiġu inklużi fl-ispejjeż legali jekk il-qorti tqis li huwa meħtieġ. It-tariffi u l-kumpens ta’ nutar pubbliku talli pprovda servizzi ta’ nutar pubbliku huma regolati mir-Regoli dwar it-tariffi temporanji tan-nutara pubbliċi (Pravilnik o privremenoj javnobilježničkoj tarifi) (NN Nri 97/01 u 115/12).

Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 146 CPA jipprevedi li l-fondi biex ikopru l-ispejjeż tal-istabbiliment u l-operat ta’ rappreżentant tal-konvenut responsabbli biex jirċievi d-dokumenti għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-applikant skont deċiżjoni mill-qorti, li mhijiex soġġetta għal appell. Jekk l-attur ma jħallasx bil-quddiem fiż-żmien previst għal dan il-għan, il-kawża għandha tiġi miċħuda.

B’rabta mal-ispejjeż tan-notifika permezz ta’ uffiċjal maħtur mill-qorti, l-ispejjeż assoċjati jitħallsu bil-quddiem f’ammont determinat mill-qorti. Din il-prattika hija prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti (Sudski poslovnik) (NN Nru 35/15) li jgħidu illi dawk il-miżuri uffiċjali biss li huma neċessarji biex tissolva kwistjoni skont il-liġi jistgħu jsiru barra l-bini tal-qorti; l-Artikolu 50 tal-istess Att jipprevedi illi l-irkupru tal-ispejjeż għall-attivitajiet li jsiru barra l-qorti għandu jiġi ttrattat taħt regoli separati u li dawk l-attivitajiet barra l-qorti li saru u tħallsu minn partijiet skont sentenza tal-qorti jistgħu fil-prinċipju jsiru biss wara li l-parti kkonċernata tkun iddepożitat l-ammont stipulat tal-ħlas bil-quddiem.

L-aħħar aġġornament: 26/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.