Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

F’termini prattiċi, in-notifika ta’ dokumenti tfisser il-kunsinna lil persuna jew kumpanija tat-talba jew ta’ dokumenti oħra tal-qorti dwar il-proċedimenti legali maħruġa kontrihom. Dan jagħtihom l-opportunità li jiddefendu jew jirrispondu għat-talba jew għall-proċedimenti.

Jeżistu regoli speċifiċi[1] dwar in-notifika ta’ dokumenti biex jiżguraw li l-partijiet intitolati kollha jirċievu d-dokumenti legali relatati magħhom jew mal-azzjonijiet tagħhom u biex jipprovdu salvagwardji biex jiżguraw li tista’ tittieħed azzjoni xierqa jekk dawn id-dokumenti ma jiġux innotifikati kif suppost.

[1] CPR, Parti 6 fiha r-regoli ġenerali dwar in-notifika, u ara wkoll il-Parti 7.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti kollha tal-qorti, inklużi l-formola tat-talba, ir-rikorsi, l-ordnijiet ta’ sentenzi, il-petizzjonijiet eċċ. iridu jiġu nnotifikati b'mod formali, skont id-diversi regoli, iżda dan jista’ jieħu l-forma ta’ posta, notifika personali, notifika b’marixxall (bailiff) eċċ.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Ġeneralment fi kwistjonijiet tal-Qorti tal-Kontea (County Court), il-Qorti tal-Kontea (County Court) hija responsabbli għan-notifika tad-dokumenti; fil-Qorti Għolja (High Court), ħafna min-notifiki jsiru mill-partijiet. Meta parti tħejji dokument li għandu jiġi nnotifikat mill-qorti, dik il-parti trid tippreżenta kopja għall-qorti, u għal kull parti li għandha tiġi nnotifikata.

Il-qorti tista’ tordna li xi ħadd ieħor għandu jkun responsabbli għan-notifika. Dan jista’ jinkludi l-parti emittenti jew l-aġent jew l-avukat tagħha. Barra minn hekk, il-qorti ma hijiex responsabbli għan-notifika meta regola jew direzzjoni prattika speċifika għar-regoli tipprovdi li parti trid tinnotifika d-dokument inkwistjoni jew il-parti li f’isimha għandu jiġi nnotifikat id-dokument tinnotifika lill-qorti li tixtieq tinnotifikah hija stess.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Le. Ir-Renju Unit ma għandux reġistru tad-domiċilju bħal ħafna Stati Membri oħra; mhux possibbli għall-awtorità rikjesta fl-Ingilterra u Wales li tikseb indirizz għall-persuna li lilha għandhom jiġu nnotifikati d-dokument Madankollu, fejn id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati lil kumpanija u meta r-riċevituri fl-indirizz partikolari jirrifjutaw li jaċċettaw in-notifika, l-aġenzija riċeventi fl-Ingilterra u Wales tkun tista’ tistabbilixxi l-indirizz irreġistrat tal-kumpanija (jekk differenti) u tkun tista’ tinnotifika d-dokumenti f’dak l-indirizz.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Kif imsemmi qabel, ma hemm l-ebda reġistru tad-domiċilju fir-Renju Unit. Biex jinstab l-indirizz ta’ persuna jeħtieġ li jintużaw aġenti li jistgħu jintraċċaw individwi jew jintużaw għadd ta’ siti web li għandhom xi dettalji ta’ indirizzi. Il-lista li ġejja ma hijiex eżawrjenti iżda turi xi eżempji tat-tipi ta’ siti web li huma disponibbli. Uħud minnhom, bħat-tfittxija ta’ reġistri telefoniċi (l-ewwel link), huma bla ħlas. Għal oħrajn jeħtieġ li titħallas tariffa.

Rekords tat-telefown mit-Telekomunikazzjonijiet Brittaniċi (British Telecommunications).

Tfittxija ta’ indirizzi fuq 192, UKRoll

Rintraċċar ta’ nies fuq Tracesmart

Biex jinstab l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija tista’ ssir tfittxija fuq is-sit web tal-Kamra tal-kumpaniji (Companies House). Xi tfittxijiet għall-kumpaniji huma disponibbli bla ħlas iżda tfittxijiet aktar dettaljati jeħtieġu l-ħlas ta’ tariffa.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Ma jkunx possibbli li jintalab indirizz fl-Ingilterra u Wales permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Il-metodu ewlieni tan-notifika fl-Ingilterra u Wales huwa bil-posta tal-ewwel klassi. Metodi oħra ta’ notifika li jistgħu jintużaw, soġġetti għar-regoli rilevanti tal-qorti u d-direzzjonijiet prattiċi, huma:

  1. notifika personali (permezz ta’ marixxall/uffiċjal ġudizzjarju jew mill-parti li toħroġ il-proċedimenti);
  2. id-dokument jitħalla f’indirizz approvat (ara hawn taħt);
  3. permezz ta’ skambju ta’ dokumenti; jew
  4. bil-faks jew b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika.

In-notifika għandha ssir fl-indirizz mogħti mill-parti li għandha tiġi nnotifikata, li jista’ jinkludi l-indirizz tal-avukat jew tal-aġent tal-parti. Fejn ma jkunx hemm avukat li jaġixxi għall-parti li għandha tiġi nnotifikata jew il-parti ma tkunx tat indirizz għan-notifika, id-dokument għandu jintbagħat jew jiġi trażmess lil, jew jitħalla f’indirizz kif approvat fir-regoli tal-qorti - ġeneralment il-post tas-soltu jew l-aħħar post magħruf ta’ residenza jew post ta’ xogħol.

Meta l-qorti tkun trid isservi dokument, hija l-qorti li tiddeċiedi liema metodu ta’ notifika għandu jintuża.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika tad-dokumenti (inkluża l-posta elettronika u l-faks) hija permessa fi proċedimenti ċivili. Ma hemm l-ebda restrizzjoni rigward id-disponibbiltà jew l-aċċess ta’ dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min huwa d-destinatarju. Madankollu, il-parti li għandha tiġi nnotifikata, jew l-avukat tagħha, trid tkun indikat bil-miktub minn qabel ir-rieda li taċċetta n-notifika b’mezzi elettroniċi.

Hemm diversi modi li bihom il-partijiet u l-avukati jistgħu jindikaw ir-rieda li jaċċettaw in-notifika b’mezzi elettroniċi. L-ewwel, meta l-avukat ikun ipprovda numru tal-faks fuq il-karta tal-kitba tiegħu. It-tieni, meta indirizz tal-posta elettronika jkun ġie stabbilit fuq karta tal-kitba u l-avukat (solicitor) ikun ikkonferma l-għażla tan-notifika elettronika. Fl-aħħar nett, in-notifika elettronika tad-dokumenti hija permessa meta numru tal-faks, indirizz tal-posta elettronika, jew identifikazzjoni elettronika oħra jkunu ġew stabbiliti f'nota jew f'risposta għal talba mressqa quddiem qorti.

Meta parti jkollha l-intenzjoni li tinnotifika att b’mezzi elettroniċi (ħlief permezz ta’ faks), hija trid l-ewwel titlob lill-parti li għandha tiġi nnotifikata jekk hemmx xi kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati. Pereżempju, jekk hemmx format partikolari li fih għandhom jintbagħtu d-dokumenti, jew daqs massimu ta’ dokumenti mehmużin li jistgħu jiġu rċevuti.

Meta d-dokumenti jkunu ġew innotifikati elettronikament ma hemm l-ebda rekwiżit li tintbagħat ukoll kopja stampata.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Dettalji sħaħ tar-regoli u l-proċeduri għan-notifika fl-Ingilterra u Wales jinsabu fil-Parti 6 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) Ir-regola ġenerali hija li r-rikorrent irid jipprovdi l-indirizz għan-notifika tal-konvenut, u li dan l-indirizz normalment ikun l-indirizz kurrenti jew l-aħħar indirizz magħruf jew il-post tax-xogħol tiegħu. Jekk ma jkunx jista’ jaċċerta dawn l-indirizzi, ir-rikorrent jista’ japplika taħt il-Parti 6.19 sabiex in-notifika ssir b’metodu alternattiv f’indirizz alternattiv. Id-dettalji preċiżi jiddependu fuq il-fatti quddiem il-qorti, iżda l-prinċipju huwa li kwalunkwe metodu li wieħed japplika għalih irid ikun wieħed li jkun kapaċi jġib il-proċedimenti għall-attenzjoni tal-konvenut, ara PD 6A.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Taħt notifika postali normali jew metodu ieħor ta’ kunsinna li jipprovdi għall-kunsinna fil-jum ta’ xogħol li jmiss, id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati fit-tieni jum wara li d-dokumenti nkunu ntbagħtu bil-posta mill-fornitur tas-servizz rilevanti, tħallew minnu, ġew ikkonsenjati lilu, jew inġabru minnu sakemm dak il-jum ikun jum ta’ xogħol jew il-jum ta’ xogħol li jmiss wara dak il-jum. Meta n-notifika ssir bil-faks jew b’metodu elettroniku ieħor jekk tintbagħat f’jum ta’ xogħol qabel l-4.30 p.m. ta' dak il-jum, jew f’kull każ ieħor fil-jum ta’ xogħol li jmiss wara l-jum li fih tkun intbagħtet. Meta jintuża metodu alternattiv ta’ notifika, l-ordni tal-qorti tispeċifika l-metodu u d-data li fiha jiġi meqjus li seħħet in-notifika.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Id-depożitu ta’ dokumenti f’post partikolari (eż. uffiċċju postali) normalment ma huwiex metodu alternattiv ta’ notifika. Jekk id-dokumenti jkunu ġew innotifikati bil-posta rreġistrata u ma jkunux ġew ikkonsenjati, il-proċess li bih id-destinatarju jiġi informat huwa stabbilit fit-Taqsima 8 hawn taħt.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Sakemm metodu ta’ notifika jkun ġie approvat minn qorti, id-data ta’ notifika meqjusa tapplika kemm jekk id-destinatarju jaċċetta n-notifika kif ukoll jekk le.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Kunsinna rreġistrata mir-Royal Mail (is-servizz postali tar-Renju Unit) hija għall-indirizz aktar milli għall-individwu. Għalhekk huwa possibbli li xi ħadd differenti mid-destinatarju jirċievi d-dokumenti jekk jgħix fl-istess indirizz.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk ħadd fl-indirizz rikjest ma jkun disponibbli biex jiffirma għad-dokumenti, dawn jintbagħtu lura lill-uffiċċju postali lokali fl-indirizz. Jekk ma jinġabrux fl-iskadenzi (ara hawn taħt) jintbagħtu lura lill-mittent u n-notifika ma titqiesx effettiva f’dan il-każ.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Fejn il-kunsinna ma kinitx possibbli fl-indirizz, titħalla karta b’notifika tat-tentattiv ta’ kunsinna. Din il-karta tinforma lid-destinatarju minn fejn jistgħu jinġabru d-dokumenti u l-limitu ta’ żmien li fih jeħtieġ jiġborhom. Għall-posta rreġistrata li toriġina fir-Renju Unit, id-dokumenti għandhom jinġabru fi żmien ġimgħa. Għal posta rreġistrata internazzjonali, l-iskadenza hija ta’ tliet ġimgħat.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-qorti tirreġistra l-fatt li nnotifikat dokument partikolari. Id-dokumenti nnotifikati bil-posta jitqiesu (jew jiġu kkunsidrati) nnotifikati sakemm ma jiġux irritornati permezz tas-sistema postali.

Fejn ir-rikorrent jinnotifika dokument, huwa jrid jippreżenta ċertifikat ta’ notifika fil-qorti fi żmien sebat ijiem min-notifika. Dan iċ-ċertifikat irid jiddikjara li d-dokument ma jkunx ġie rritornat mingħajr kunsinna u jagħti d-dettalji tal-metodu u d-data tan-notifika.

Mal-wasla ta’ formola tat-talba d-debitur għandu 14-il jum biex jirrispondi għat-talba. Jekk huwa jibgħat formola ta’ rikonoxximent tan-notifika, il-limitu ta’ żmien għar-risposta jiġi estiż għal 28 jum min-notifika tad-dettalji tat-talba.

Jekk id-dokumenti jiġu nnotifikati personalment, jitħejja rekord bil-miktub fil-forma ta’ ċertifikat jew affidavit ta’ notifika li jagħti dettalji dwar il-ħin u d-data tan-notifika. Dan jista’ jintuża bħala evidenza ta’ notifika jekk ir-riċevitur jiċħad li rċieva dawn id-dokumenti.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk jiġi għall-attenzjoni ta’ xi ħadd li ma rċeviex dokumenti legali li huwa intitolat li jirċievi, huwa jista’ jieħu azzjoni biex jiżgura li huwa jirċievi tali proċedimenti billi jew jikkuntattja lill-parti l-oħra jew lill-avukat tagħha jew billi jikkuntattja lill-qorti. Fil-każ li jkunu diġà ngħataw digrieti jew sentenzi fil-proċedimenti, jistgħu jsiru rikorsi biex dawn jiġu miċħuda fuq il-bażi li d-dokumenti ma jkunux ġew innotifikati.

Jekk parti taċċetta notifika ta’ dokumenti barra mill-perjodu minimu ta’ notifika permess skont ir-regoli, in-notifika xorta tista’ titqies valida. Jekk jinstab li n-notifika tad-dokumenti hija invalida, jistgħu jsiru sforzi ġodda għal notifika mill-ġdid. Il-qorti tista’ wkoll ma twettaqx in-notifika ta’ dokumenti f’ċerti ċirkostanzi.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-ispiża tan-notifika tad-dokumenti bil-posta hija inkluża fit-tariffi normali tal-qorti. Jekk id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati personalment minn marixxal (bailiff) jew uffiċjal li jinnotifika l-proċess (process server), il-ħlasijiet ivarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti u jekk jintużax marixxal (bailiff) jew uffiċjal li jinnotifika l-proċess (process server).

L-aħħar aġġornament: 18/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.