

Sib informazzjoni għal kull reġjun
In-notifika (ta’ dokumenti) hija terminu legali li jintuża meta n-notifika ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub u deċiżjonijiet trid titwettaq u tiġi dokumentata f’forma ġuridika. In-notifika tista’ tkun iddefinita bħala li tagħmilha possibbli għal destinatarju li jieħu nota ta’ ċerta informazzjoni.
Id-dokumenti huma nnotifikati fl-interess li jiġi żgurat proċess ġuridiku ġust u proċedimenti ġuridiċi ġusti. In-notifika hija ntiża sabiex jiġi żgurat li d-destinatarju jsir attwalment konxju minn proċedimenti ġuridiċi jew, għallinqas, li huwa għandu ċans mingħajr xkiel li jsir konxju minnhom. Konsegwentement, kull meta d-dokumenti huma nnotifikati, l-għan huwa dejjem li tinġibed l-attenzjoni għall-kontenuti tagħhom. Madankollu, hija r-responsabbiltà tad-destinatarju li attwalment jieħu nota tagħhom.
Il-parti li tinnotifika d-dokumenti trid tiġi pprovduta b’mezz li jivverifika meta u kif dokument kien ġie kkonsenjat lid-destinatarju. Dan huwa rekwiżit ta’ ċertezza tad-dritt.
Ma hemm ebda leġiżlazzjoni definittiva li tirregola liema dokumenti partikolari jridu jkunu nnotifikati formalment.
Id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku huma dawk fejn hemm stipulazzjoni legali korrispettiva jew ordni tal-qorti (Artikolu 166(2) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili) (Zivilprozessordnung – ZPO).
In-notifika fuq it-talba tal-partijiet issir meta tkun stipulata mil-liġi, bħal fil-każ ta’ arrest, ordni temporanju ta’ restrizzjoni jew mandat ta’ sekwestru bit-trasferiment tat-talba għas-sekwestru (Artikolu 191 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika formali hija meħtieġa kull fejn adegwat u fejn jagħmel sens, u kull meta tkun meħtieġa għaċ-ċertezza tad-dritt – pereżempju, meta d-drittijiet jiġu stabbiliti biss u l-iskadenzi jibdew jiskattaw biss permezz tal-avviż li jkun ingħata. Dan ifisser, pereżempju, li r-rikorsi jew is-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-qorti li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell immedjat iridu jiġu nnotifikati skont il-liġi.
Trid issir distinzjoni bejn notifika awtomatika u notifika wara t-talba tal-partijiet.
Meta d-dokumenti huma nnotifikati b’mod awtomatiku, dawn ikunu dejjem innotifikati mir-reġistru tal-qorti fejn il-proċedimenti jkunu għadhom pendenti (Artikolu 168(1) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Ir-reġistru huwa intitolat li jagħżel il-metodu ta’ notifika skont l-aħjar ġudizzju tiegħu
u huwa liberu li jagħżel bejn l-għażliet segwenti:
F’xi każijiet stipulati fil-liġi, l-imħallef huwa responsabbli li jirranġa għan-notifika, pereżempju fil-każ ta’ notifika barra mill-pajjiż (Artikoli 183 u 184 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili) jew notifika permezz ta’ pubblikazzjoni (Artikoli 186 u 187 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika wara t-talba tal-partijiet trid dejjem titwettaq mill-marixxall maħtur mill-qorti, li huwa fdat b’din il-funzjoni direttament mill-parti jew permezz tal-intermedjarju tar-reġistru tal-qorti li qed tisma’ il-kawża (Artikolu 192 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
Min-naħa tiegħu, il-marixxall maħtur mill-qorti jista’ jafda s-servizz postali bin-notifika tad-dokumenti (Artikolu 194 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
Fejn id-destinatarju ma jgħix fl-indirizz speċifikat fit-talba għan-notifika, l-aġenzija riċeventi Ġermaniża li tilqa’ ir-rikors tipprova ġeneralment tiċċertifika l-indirizz tiegħu. Dan ma japplikax biss f’każijiet fejn id-destinatarju jkun iċċaqlaq iżda wkoll meta l-indirizz tiegħu wara t-talba għan-notifika jkun żbaljat jew mhux komplut. Madankollu, l-aġenzija riċeventi tipprovdi s-servizzi tagħha volontarjament f’dan ir-rigward u ma hija taħt ebda obbligu li tagħmel dan.
Skont l-Artikolu 44 tal-Att Federali Ġermaniż dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini (Bundesmeldegesetz – BMG), l-awtoritajiet pubbliċi barranin u individwi barranin privati huma intitolati li jiksbu ċerta informazzjoni dwar persuna partikolari mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni Germaniżi mingħajr ma jagħtu r-raġunijiet tagħhom għalfejn qegdħin jitolbuha. Dan id-dokument jissejjaħ estratt sempliċi mir-reġistru (einfache Melderegisterauskunft).
L-estratt sempliċi mir-reġistru jinkludi:
It-talba trid tiġi indirizzata lill-awtorità tar-reġistrazzjoni kompetenti. Bħala regola, dan ikun l-uffiċċju amministrattiv għaċ-ċittadini (Bürgeramt) fil-muniċipalità jew belt fejn huwa maħsub li l-persuna qed tirrisjedi. Aktar u aktar muniċipalitajiet qed joffru l-għażla ta’ kisba tal-informazzjoni b’mod elettroniku permezz tal-Internet.
Hemm tariffa għall-estratt mir-reġistru. L-ammont tal-miżata jvarja minn stat federali għall-ieħor.
L-estratt mir-reġistru jista’ jinħareġ biss jekk il-persuna li qed tiġi mfittxija tista’ tiġi identifikata b’mod preċiż mid-dettalji pprovduti mill-awtorità riċeventi, jiġifieri mhuwiex possibbli li tintbagħat “lista ta’ riżultati” ta’ individwi possibbli. Barra minn hekk, il-persuna jew l-entità li titlob l-informazzjoni trid tiddikjara li ma tużax id-data għal skopijiet ta’ reklamar jew ta’ negozjar.
Estratt mir-reġistru ma għandux jinħareġ jekk ikun iddaħħal impediment ta’ divulgazzjoni fir-reġistru għall-persuna kkonċernata f’konformità mal-Artikolu 51 jew avviż ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni kondizzjonali skont l-Artikolu 52 tal-Att Federali dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini u jekk il-ksur tal-interessi protetti ma jistax jiġi eskluż.
Fil-kuntest ta’ attivitajiet li jaqgħu, kompletament jew parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE, data fundamentali li teċċedi dak il-kamp ta’ applikazzjoni tista’ tiġi trażmessa, skont l-Artikolu 35 tal-Att Federali dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini lil awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, lill-awtoritajiet pubbliċi fi stati kontraenti oħra tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, lil istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni Ewropea jew lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, safejn ikun meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tal-korp rikjedenti.
Fil-Ġermanja, il-proċess li indirizz jiġi ċċertifikat mhuwiex ġeneralment meqjus bħala funzjoni ġudizzjarja.
Peress li anki l-awtoritajiet pubbliċi barranin u l-individwi privati barranin jistgħu jiksbu estratt sempliċi mir-reġistru fuq l-inizjattiva tagħhom stess, ma hemmx bżonn li ssir talba skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001.
It-tip ta’ notifika l-iktar komuni li seħħ fil-prattika hija n-notifika awtomatika. Dan jitwettaq ġeneralment mis-servizz postali. Ir-reġistratur tal-qorti jagħmel talba għan-notifika u jitrażmetti fiżikament id-dokument li għandu jiġi nnotifikat f’envelopp siġillat flimkien ma’ rekord tan-notifika stampat minn qabel u lest għall-użu (Artikolu 176 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Id-dokument huwa mbagħad innotifikat mill-impjegat tal-posta. Preferibbilment, id-dokument jeħtieġ li jiġi nnotifikat direttament lid-destinatarju, li jfisser li dan jenħtieġ jiġi kkonsenjat lid-destinatarju personalment. Din il-konsenja fiżika tista’ issir f’kull post u mhijiex marbuta ma’ post speċifiku (Artikolu 177 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
Id-destinatarju msemmi aktar ’il fuq hija l-persuna li d-dokument huwa intiż għaliha, ir-rappreżentant tagħha (Artikolu 170 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), jew ir-riċevitur awtorizzat tagħha (Artikolu 171 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
Ladarba d-dokument jiġi nnotifikat, l-impjegat tal-posta jimla r-rekord tan-notifika stampat minn qabel u jibgħatu minnufih lura għand ir-reġistru tal-qorti bħala prova li saret in-notifika.
Jekk il-parti tkun rappreżentata minn avukat, id-dokumenti jiġu ġeneralment innotifikati permezz tal-avukat bil-konferma tar-riċevuta (Artikoli 171 u 174 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Meta jirċievi d-dokument, l-avukat jiffirma l-konferma tar-riċevuta u jibgħatha lura lill-qorti.
Jekk iż-żewġ partijiet ikunu rappreżentati minn avukat, avukat wieħed minnhom jista’ jinnotifika d-dokumenti permezz tal-avukat l-ieħor (Artikolu 195 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Dan japplika wkoll għal ittri li għandhom jiġu nnotifikati b’mod awtomatiku, sakemm il-kwerelant ma jkollux għalfejn ikun informat b’ordni tal-qorti fl-istess ħin. L-ittra trid tinkludi dikjarazzjoni li tistipula li din qed tiġi nnotifikata minn avukat wieħed għal ieħor. Għal darba oħra, hija l-konferma tar-riċevuta ffirmata u ddatata li tipprovdi prova li n-notifika tkun saret.
Id-dokumenti legali assoċjati mal-proċedimenti ċivili kollha jistgħu jiġu nnotifikati b’mod elettroniku. Għall-iskop tat-trasferiment, id-dokument irid ikun fih firma elettronika leġittima u jkun protett minn aċċess mhux awtorizzat minn partijiet terzi. Id-dokumenti jistgħu jiġu trasferiti wkoll permezz ta’ sistema tal-posta elettronika sigura ta’ De-Mail fl-ambitu tal-Artikolu 1 dwar l-Att ta’ De-Mail. Id-dokumenti elettroniċi jridu jitwasslu permezz ta’ mezz ta’ trażmissjoni sikur (De-Mail, kaxxi postali elettroniċi speċjali) u protetti minn aċċess mhux awtorizzat minn partijiet terzi. Kull avukat, nutar, uffiċjal eżekuttiv maħtur mill-qorti u konsulent tat-taxxa, u kull persuna oħra li, minħabba l-impjieg tagħha, mistennija li tkun tassew affidabbli, kif ukoll l-awtoritajiet, il-korpi jew l-istituzzjonijiet kollha tal-liġi pubblika huma meħtieġa li jiftħu rotta ta’ trażmissjoni sigura għal dokumenti innotifikati b’mod elettroniku. Id-dokumenti jistgħu biss jiġu nnotifikati elettronikament fuq il-partijiet l-oħra tal-proċedimenti jekk dawn ikunu qablu espressament mat-trasferiment tad-dokumenti elettroniċi.
Id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati wkoll lill-avukati, lin-nutara, lill-uffiċjali inkarigati mill-eżekuzzjoni maħtura mill-qorti, lill-konsulenti tat-taxxa, u lil kull persuna oħra li, minħabba l-impjieg tagħha, hija mistennija li tkun tassew affidabbli, kif ukoll lill-awtoritajiet, lill-korpi u lill-istituzzjonijiet tal-liġi pubblika permezz ta’ faks.
Bħala prova li n-notifika tkun saret, il-konferma tar-riċevuta li tkun ġiet iffirmata u ddatata mid-destinatarju hija biżżejjed. Il-konferma tar-riċevuta tista’ tintbagħat lura lill-qorti fuq formula bil-miktub stampata minn qabel, bil-faks jew bħala dokument elettroniku.
In-notifika bl-SMS mhijiex permessa.
Jekk mhuwiex possibbli li d-dokumenti jiġu nnotifikati lid-destinatarju direttament, tista’ tiġi segwita minflok proċedura msejħa “notifika alternattiva”.
Notifika alternattiva lil "riċevitur alternattiv"
L-ewwel għażla hija notifika alternattiva fir-residenza, fil-post tan-negozju u fl-entitajiet (Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Skont din il-proċedura, in-notifika alternattiva tista’ titwettaq jekk il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti mhijiex preżenti fir-residenza tagħha, fil-post tan-negozju u fl-entità li hija residenti fiha.
In-notifika alternattiva titwettaq bil-konsenja fiżika tad-dokument lil waħda mill-persuni segwenti:
Madankollu, in-notifika alternattiva fuq il-persuni msemmija aktar ’il fuq mhijiex permessa jekk il-persuna kkonċernata tkun involuta fit-tilwima ġuridika bħala kwerelant kontra l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti.
Notifika alternattiva permezz ta’ impostar fil-kaxxa postali
Jekk in-notifika alternattiva fir-residenza jew fil-post tan-negozju ma setgħetx issir, hija possibbli n-notifika alternattiva permezz ta’ impostar fil-kaxxa postali (Artikolu 180 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). F’dan il-każ, id-dokument irid jiġi impostat f’kaxxa postali li tappartjeni lir-residenza jew lill-post tan-negozju.
Notifika alternattiva permezz ta’ trażmissjoni tad-dokumenti
Jekk mhuwiex possibbli li ssir notifika alternattiva fil-post tar-residenza tad-destinatarju jew li ssir notifika alternattiva permezz tal-impostar fil-kaxxa postali, in-notifika alternattiva tista’ issir bit-trażmissjoni tad-dokument lill-qorti (Artikolu 181 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
Id-dokument jista’ jiġi trażmess lir-reġistru tal-qorti lokali (Amtsgericht) li għandha ġuriżdizzjoni għall-post tan-notifika jew, jekk is-servizz postali ġie fdat bin-notifika tad-dokument, f’post stabbilit mis-servizz postali fil-post tan-notifika jew fil-lokazzjoni tal-qorti lokali.
Notifika bil-miktub ta’ tali trażmissjoni trid tintbagħat lid-destinatarju bil-mod standard għall-konsenja ta’ ittri regolari. Jekk dan mhuwiex possibbli, in-notifika bil-miktub trid titwaħħal mal-bieb tar-residenza, tal-post tan-negozju jew tal-entità.
Id-dokument trażmess irid jinżamm disponibbli għall-ġbir sa tliet xhur. Jekk dan ikun għadu ma nġabarx sal-aħħar ta’ dan il-perjodu, irid jintbagħat lura lill-ispeditur.
Fil-każ ta’ notifika alternattiva fir-residenza, fil-post tan-negozju u fl-entitajiet (Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), in-notifika ssir billi d-dokument jiġi kkonsenjat fiżikament lill-persuna alternattiva.
Fil-każ ta’ notifika alternattiva bl-impostar fil-kaxxa postali (Artikolu 180 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat minn meta jkun ġie mqiegħed hemmhekk.
Fil-każ ta’ notifika alternattiva permezz ta’ trażmissjoni tad-dokumenti (Artikolu 181 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat minn meta n-notifika bil-miktub tkun ġiet trażmessa.
Mhux biss id-dokumenti jridu jkunu ġew trażmessi, iżda trid ukoll titħalla notifika fl-indirizz tal-persuna li tkun ġiet innotifikata bid-dokumenti, bl-użu tal-forma indikata u bil-mod standard għall-konsenja ta’ ittri regolari. Jekk dan mhuwiex possibbli, din trid titwaħħal mal-bieb tar-residenza, tal-post tan-negozju jew tal-entità.
Jekk id-destinatarju jinsab id-dar iżda jirrifjuta li jaċċetta d-dokument, trid issir distinzjoni bejn ix-xenarji segwenti:
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2017, il-Kawża C-354/15 - Henderson, in-notifika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti ssir ukoll permezz ta’ kull trasferiment lil parti terza jekk dan iseħħ fid-dar tad-destinatarju. Dan japplika biss għal adulti li huma fid-dar tar-riċevitur maħsub, irrispettivament jekk humiex membri tal-familja li jgħixu fl-istess indirizz jew persuni impjegati minnhom. Skont l-Artikolu 18-003 Nru 4.1. tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-ittri bil-posta tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, il-firma fuq il-konferma tar-riċevuta tista’ tinkiseb ukoll minn persuna oħra li hija awtorizzata li taċċetta konsenja tal-ittri abbażi ta’ regolamenti nazzjonali. (Bħala operatur magħżul għat-traffiku postali internazzjonali, Deutsche Post AG jirreferi għal din il-persuna bħala “riċevitur alternattiv” (“Ersatzempfänger”), kif definit mit-termini u mill-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu għall-posta nazzjonali tal-ittri (Allgemeine Geschäftsbedingungen Brief National.)) Barra minn dan, ir-riċevituri alternattivi jistgħu jkunu l-persuni speċifikati fl-Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili kif elenkati taħt 7.1 aktar ’il fuq.
Skont l-Artikolu 19-104 Nru 5.3. tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-ittri bil-posta tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, is-servizz postali jrid iżomm l-ittri lesti għall-ġbir jekk it-tentattiv ta’ notifika tad-dokumenti jkun falla. Deutsche Post AG tikkonsenja biss l-ittri reġistrati lid-destinatarju jew lil xi ħadd li jkun ġie awtorizzat mid-destinatarju bil-miktub sabiex jaċċetta l-konsenja. Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2017, il-Kawża C-354/15 - Henderson, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiddikjara li notifika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti tiġi meqjusa li tkun saret jekk id-destinatarju jew ir-riċevitur sostitut ikun wettaq in-notifika ta’ ritorn jew ekwivalenti għaliha. Jekk il-konsenja ma tinġabarx, titqies bħala mhux konsenjata.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19-104 Nru 5.3 tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, il-perjodu ta’ kustodja huwa ddefinit bir-regolamenti nazzjonali rispettivi. Madankollu, jenħtieġ li dan ma jaqbiżx perjodu ta’ xahar. F’każijiet eċċezzjonali limitati ħafna, il-perjodu jista’ ikun ta’ xahrejn. Ladarba d-destinatarju jkun ġie nnotifikat bl-ittra, Deutsche Post AG iżżommha għal ġimgħa. L-aġent inkarigat mill-konsenja jħalli notifika fil-kaxxa postali tad-destinatarju bid-dettalji tal-fergħa li minnha jistgħu jinġabru l-ittri u kemm idumu disponibbli għall-ġbir.
Iva. Sabiex jiġi pprovat li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati, irid isir rekord tan-notifika fuq formularju stampat minn qabel previst għal dan l-għan u dan għandu jiġi rritornat minnufih lir-reġistru tal-qorti (Artikolu 182 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Dan ikun fih id-dettalji kollha meħtieġa għall-prova tan-notifika, inkluż b’mod partikolari:
Fil-każ ta’ notifika wara t-talba tal-partijiet, ir-rekord tan-notifika jrid jintbagħat lill-parti li f’isimha d-dokumenti jkunu ġew innotifikati (Artikolu 193(3) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
F'każijiet ta’ notifika alternattiva, japplikaw rekwiżiti speċjali: F’dawn il-każijiet, ir-raġuni għal servizz alternattiv trid dejjem tiġi inkluża fir-rekord ukoll. Fil-każ ta’ notifika alternattiva permezz ta’ trażmissjoni tad-dokumenti, trid issir nota fuq ir-rekord sabiex tindika kif din it-trażmissjoni ġiet ikkomunikata bil-miktub. Jekk l-aċċettazzjoni tad-dokument tiġi rrifjutata mingħajr ġustifikazzjoni, trid issir nota fuq ir-rekord sabiex jiġi indikat min irrifjuta li jaċċettah u li l-ittra tħalliet fil-post tan-notifika jew li ġiet irritornata lill-ispeditur.
F’xi xenarji legali, ebda rekord tan-notifika ma huwa meħtieġ bħala prova:
Bħala prinċipju bażiku, in-notifika tiġi invalidata jekk din tonqos milli taderixxi mal-forma preskritta b’mod legali u b’dan il-mod tikser ir-regolamenti fundamentali.
Il-liġi tippermetti għal eċċezzjonijiet minn dan il-prinċipju li jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tan-notifika, jiġifieri li jiġi pprovat jekk id-destinatarju rċeviex id-dokument li jrid jiġi nnotifikat u, jekk iva, meta.
Jekk mhuwiex possibbli li jiġi pprovat li dokument ġie nnotifikat fil-forma debita jew jekk id-dokument ġie riċevut bi ksur tar-regolamenti obbligatorji li jirregolaw in-notifika ta’ dokumenti, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat fil-punt li fih id-dokument ġie fil-fatt riċevut mill-persuna li lilha n-notifika kienet jew setgħet tiġi indirizzata legalment (Artikolu 189 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). F’dan il-każ, id-difett fin-notifika jiġi rrimedjat. Il-qorti ma għandha ebda setgħat diskrezzjonali fuq ir-rimedji tal-ksur ta’ regolamenti għan-notifika. Anki f’każijiet fejn in-notifika tiskatta xi terminu ta’ skadenza fiss, jiġifieri skadenza li ma tkunx negozjabbli, xorta jista’ ikun hemm rimedju jekk japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq.
Jekk id-destinatarju ma jirċeviex id-dokument tan-notifika, żewġ xenarji differenti huma possibbli:
Trid issir distinzjoni bejn notifika awtomatika u notifika wara talba mingħand il-partijiet.
Fil-kuntest ta’ xi proċedimenti, fejn it-tariffi huma bbażati fuq l-ammont ikkontestat, it-tariffa proċedurali tkopri l-ewwel għaxar darbiet li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. Fil-każ ta’ dokumenti li jkunu ġew innotifikati sussegwentement u kull meta d-dokumenti jkunu nnotifikati fil-kuntest ta’ proċedimenti oħra, jittieħed ħlas ta’ darba ta’ EUR 3,50 kull darba li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati permezz ta’ rekord tan-notifika, permezz ta’ ittra reġistrata bit-talba ta’ konferma tar-riċevuta jew permezz ta’ impjegat tal-qorti. In-notifika wara talba mingħand il-partijiet issir mill-marixxall tal-qorti. Sabiex jirranġa għan-notifika tat-trażmissjoni tad-dokument(i) mis-servizz postali, il-marixxall tal-qorti jirċievi ħlas ta’ EUR 3,00. Barra minn dan, l-ispejjeż huma pagabbli sabiex jiġi kopert il-kost tal-fotokopji u ta’ affrankament meħtieġa. Jekk dokument ikun ġie fdat lill-marixxall tal-qorti bl-għan li jinnotifikah u dan irid jiġi ċċertifikat, trid titħallas tariffa speċjali li tammonta għal tariffa ta’ darba fuq dokument. Din tqum EUR 0,50 għal kull paġina għall-ewwel ħamsin paġna u EUR 0,15 għal kull paġna sussegwenti.
Jekk id-dokument huwa nnotifikat personalment mill-marixxall tal-qorti, it-tariffa tkun ta’ EUR 10,00. F'dan il-każ, il-marixxall tal-qorti jrid jitħallas ukoll għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ bejn EUR 3,25 u EUR 16,25, skont id-distanza li trid tkun koperta sabiex jasal għand id-destinatarju.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.