Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

F’termini prattiċi, “notifika ta’ dokumenti” tfisser in-notifika bil-mod xieraq, ta’ dokumenti użati fil-proċedimenti tal-qorti.

Ir-regoli jistabbilixxu l-qafas li għandu jiġi segwit sabiex jintlaħaq dan li ġej:

  • li dokumenti jiġu nnotifikati b’mod approvat mill-qorti
  • li jiġi pprovdut mekkaniżmu li fih parti tista’ turi li dokument partikolari ġie jew għadu ma ġiex innotifikat
  • li tiġi stabbilita skeda li fiha dokument jista’ jitqies li ġie nnotifikat (eż. notifika personali - meqjus innotifikat fl-istess jum sakemm ma jkunx innotifikat wara l-5.00 p.m. f’jum ta’ xogħol jew innotifikat nhar ta’ Sibt, Ħadd jew btala pubblika, fejn jitqies li ġie nnotifikat fil-jum ta’ xogħol sussegwenti).

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti meħtieġa li jiġu nnotifikati formalment jinkludu l-formoli tat-talba, id-dettalji tat-talba, id-difiżi, ir-risposti, l-avviżi ta’ rikorsi, il-petizzjonijiet, l-ordnijiet u d-dikjarazzjonijiet/l-affadavits tax-xhieda (fejn dawn għandhom jintużaw fil-proċess).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-parti li tkun ħejjiet dokument hija responsabbli għan-notifika tiegħu. Pereżempju, formola tat-talba jeħtieġ li tiġi nnotifikata mir-rikorrent jew minn avukati debitament awtorizzati. Il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà (Supreme Court of Gibraltar) ma tinnotifikax dokumenti.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Peress li Ġibiltà ma għandhiex reġistru tad-domiċilju bħalma għandhom ħafna Stati Membri, mhux possibbli għall-awtorità rikjesta f’Ġibiltà li tikseb indirizz għall-persuna li lilha għandhom jiġu nnotifikati d-dokumenti. Madankollu, fejn id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati lil kumpanija u meta r-riċevituri fl-indirizz partikolari jirrifjutaw li jaċċettaw in-notifika, l-aġenzija li tirċievi f’Ġibiltà tista’ tistabbilixxi l-indirizz irreġistrat tal-kumpanija (jekk ikun differenti) u tista’ tinnotifika d-dokumenti f’dak l-indirizz.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Kif imsemmi qabel, ma hemm l-ebda reġistru tad-domiċilju f’Ġibiltà. Biex jinstab l-indirizz ta’ persuna huwa neċessarju li jintużaw aġenti li jistgħu jintraċċaw individwi jew jintuża d-direttorju tat-telefown li jkollu xi dettalji tal-indirizzi. Tfittxijiet bħal rekords tat-telefown huma bla ħlas. Għal tfittxijiet oħra huwa meħtieġ li titħallas tariffa. Biex jinstab l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpanija għandha ssir tfittxija fil-Kamra tal-kumpaniji (Companies House). Dan ma huwiex disponibbli fuq is-sit web.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Le, ma jkunx possibbli li jintalab indirizz f’Ġibiltà permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Normalment, id-dokumenti jiġu nnotifikati kif ġej:

  • Permezz ta’ notifika personali
  • Permezz ta’ posta rreġistrata
  • Permezz ta’ faks jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni
  • Permezz ta’ xi metodu alternattiv ordnat minn imħallef

Mandat ta' inibizzjoni jew ordni oħra approvata b’avviż penali normalment għandhom ikunu nnotifikati personalment.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika tista’ ssir permezz ta’ faks meta parti jew ir-rappreżentant legali tagħha jkunu indikaw bil-miktub minn qabel lill-parti li tkun qed tinnotifika li huma lesti li jaċċettaw in-notifika bil-faks. Dispożizzjoni simili tapplika fil-każ ta’ notifika bil-posta elettronika, għalkemm ir-regoli jipprovdu wkoll li n-notifika bil-posta elettronika tista’ sseħħ biss meta ż-żewġ partijiet ikunu qed jaġixxu permezz ta’ rappreżentant legali.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Dettalji sħaħ tar-regoli u l-proċeduri għan-notifika f’Ġibiltà jinsabu fil-Parti 6 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

Meta talbiet għal notifika jiġu riċevuti minn Stati Membri oħra, il-metodu normali ta’ notifika f’Ġibiltà huwa personalment minn marixxall tal-qorti (court bailiff). Fejn jirriżulta li dan ma kienx possibbli, imħallef jista’ jawtorizza metodu ieħor ta’ notifika - normalment permezz tal-posta ordinarja fl-indirizz partikolari (jekk dan ikun indirizz tas-soltu jew l-aħħar indirizz magħruf tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata).

Inkella, in-notifika tista’ ssir b’metodu ieħor ta’ konsenja li jipprovdi għall-kunsinna fil-jum ta’ xogħol li jmiss jew bil-faks jew b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni elettronika. Meta l-qorti jidhrilha li hemm raġuni tajba biex tawtorizza notifika b’metodu jew f’post li normalment ma jkunx permess skont ir-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules), il-qorti tista’ tagħti ordni li tippermetti notifika b’metodu alternattiv jew f’post alternattiv.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Taħt notifika postali normali jew metodu ieħor ta’ kunsinna li jipprovdi għall-kunsinna fil-jum ta’ xogħol li jmiss, id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati fit-tieni jum wara li d-dokumenti jkunu ntbagħtu bil-posta mill-fornitur rilevanti, tħallew miegħu, ġew ikkonsenjati lilu jew inġabru minnu sakemm dak il-jum ikun jum ta’ xogħol jew il-jum ta’ xogħol li jmiss wara dak il-jum. Meta n-notifika ssir bil-faks jew b’metodu elettroniku ieħor jekk tintbagħat f’jum ta’ xogħol qabel l-4.30 p.m. f’dak il-jum, jew fi kwalunkwe każ ieħor fil-jum ta’ xogħol li jmiss wara l-jum li fih tintbagħat. Meta jintuża metodu alternattiv ta’ notifika, l-ordni tal-qorti tispeċifika l-metodu u d-data li fiha n-notifika titqies li seħħet.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Id-depożitu ta’ dokumenti f’post partikolari (eż. uffiċċju postali) normalment ma jkunx metodu alternattiv ta’ notifika. Jekk dokumenti jkunu ġew innotifikati bil-posta rreġistrata u ma jkunux ġew ikkonsenjati, il-proċess li bih id-destinatarju jiġi informat huwa stabbilit fit-Taqsima 8 hawn taħt.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Sakemm metodu ta’ notifika jkun ġie approvat minn qorti, id-data ta’ notifika meqjusa tapplika kemm jekk id-destinatarju jaċċetta n-notifika kif ukoll jekk le.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Kunsinna rreġistrata mill-Uffiċċju tal-Posta ta’ Ġibiltà hija lill-individwu, huwa jirċievi notifika ta’ ittra/pakkett li għandhom jinġabru u dawn jiġu kkonsenjati biss lill-persuna wara li tipproduċi identifikazzjoni.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk il-persuna li lilha tintbagħat in-notifika ma tattendix l-uffiċċju tal-posta, ma jkun hemm l-ebda mod ieħor li bih tista’ ssir in-notifika.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Iva, wara li tintbagħat l-ewwel ħarġa tan-“Notifika għall-ġbir” lid-destinatarju, jingħata perjodu ta’ tmienja u għoxrin jum għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma tintbagħat it-tieni “Notifika għall-ġbir”. Jekk wara sebat ijiem oħra d-dokumenti ma jinġabrux, jintbagħtu lura bħala mhux ikkonsenjati.

Id-destinatarju jiġi informat permezz ta’ karta ta’ notifika, mibgħuta fl-indirizz tiegħu.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Meta r-Regoli tal-Qorti jistipulaw li għandu jkun hemm prova tan-notifika, għandu jiġi pprovdut ċertifikat tan-notifika. Dan għandu jiddikjara li d-dokument ma jkunx ġie rritornat mhux ikkonsenjat, il-metodu ta’ notifika użat u d-data ta' meta ntbagħat bil-posta/tan-notifika personali/tal-faks/tad-depożitu fil-post permess. Formola preskritta hija disponibbli.

Fejn formola ta’ talba hija d-dokument innotifikat personalment, ir-rikorrent irid jippreżenta ċertifikat ta’ notifika fi żmien 21 jum min-notifika tal-formola tat-talba. Jekk jonqos milli jagħmel dan, ir-rikorrent ma jkunx jista’ jikseb sentenza fil-kontumaċja.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Normalment, jeħtieġ li jsir tentattiv ta' notifika mill-ġdid sakemm il-perjodu ta’ preskrizzjoni rilevanti jkun għadu għaddej.

Madankollu, il-Qorti Suprema (Supreme Court) għandha s-setgħa li ma tagħti eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ notifika f’każijiet eċċezzjonali. Eżempju ta’ dan huwa fejn konvenut ikun ġie nnotifikat sew u bis-sħiħ b’talba iżda r-rikorrent ikun naqas milli jagħmel notifika fil-perjodu ta’ preskrizzjoni rilevanti billi, pereżempju, innotifika f’indirizz ħażin.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Peress li n-notifika ssir minn parti fil-proċedimenti jew mill-avukati tagħha, kwalunkwe tariffi li jirriżultaw minn tali notifika titħallas minn dik il-parti. It-tariffi jiddependu fuq liema tip ta’ notifika tintuża.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.