Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-"notifika" (izsniegšana) ta’ dokument ġudizzjarji tfisser il-konsenja fil-ħin tad-dokument lir-riċevitur sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita u jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Il-Liġi tal-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums) tipprevedi diversi tipi differenti ta’ notifika, inkluż il-posta rreġistrata, il-posta elettronika, in-notifika permezz ta’ marixxall (tiesu izpildītājs), u n-notifika permezz ta’ messaġġier (ziņnesis). Dokument jitqies li ġie nnotifikat meta jiġi nnotifikat skont ir-rekwiżiti formali stipulati mil-leġiżlazzjoni u n-notifika titniżżel fil-forma magħżula għal dak il-għan.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti ġudizzjarji mfassla skont l-Artikolu 56(2) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili: sentenzi, deċiżjonijiet, notifiki, ċitazzjonijiet, rikorsi ppreżentati għal tipi ta’ proċedimenti speċifiċi, appelli fuq punti ta’ dritt jew ta’ fatt, kopji veri ta’ sottomissjonijiet miktuba, u d-dokumenti kollha mfassla u ppreżentati l-Qorti mill-partijiet fil-kawża iżda nnotifikati lill-partijiet l-oħra mill-qorti nnifisha.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Dokument minn pajjiż ieħor jiġi nnotifikat fil-Latvja minn bailiff.

Il-korp ċentrali huwa l-Kunsill tal-Bailiffs Ġuramentati tal-Latvja (Latvijas Zvērinātu tiesu izpildītāju padome).

Indirizz: Lāčplēša iela 27-32, Riga, LV-1011, Latvia

Telefown +371 67290005, faks +371 62302503

Posta elettronika: documents@lzti.lv

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Il-korp li jirċievi t-talba, il-Kunsill tal-Bailiffs Ġuramentati tal-Latvja, minbarra l-informazzjoni mogħtija, jekk ikun meħtieġ jivverifika jew jiċċara wkoll jekk ingħatax indirizz ieħor għall-persuna kkonċernata fir-reġistru tal-popolazzjoni (Iedzīvotāju reģistrs) jew fir-reġistru tal-intrapriżi (Uzņēmumu reģistrs).

Il-Kunsill tal-Bailiffs Ġuramentati ma jippruvax jaċċerta ruħu mill-indirizz korrett, iżda jipprovdi informazzjoni iktar preċiża fejn meħtieġ biss.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Id-dettalji bażiċi ta’ intrapriża rreġistrata fir-reġistru tal-intrapriżi jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas:

https://www.lursoft.lv/?l=en

Sabiex indirizz ta’ persuna privata jiġi aċċertat, tista’ ssir talba uffiċjali lill-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza u l-Migrazzjoni (Pilsonības un migrācijas lietu pārvalde) fil-Ministeru tal-Intern. It-talba għandha tindika għalfejn hija meħtieġa d-data, sabiex il-proċessuri tad-data jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk hemmx raġunijiet xierqa biex din tingħata. Ir-reġistru tal-popolazzjoni jinżamm mill-Ministeru tal-Intern.

http://www.pmlp.gov.lv/en/

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Il-Kunsill tal-Bailiffs Ġuramentati ma jippruvax jistabbilixxi l-indirizz korrett jew jintraċċa konvenut: huwa jipprova purament jipprovdi indirizz iktar preċiż. Iżda kull talba tiġi kkunsidrata individwalment, u tingħata attenzjoni speċjali lil kwistjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet tat-tfal.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Id-dokument jiġi nnotifikat mill-bailiff, li jmur għand id-destinatarju.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Ċitazzjoni tintbagħat lil avukat (advokāts), nutar (notārs), bailiff, jew korp tal-gvern ċentrali jew lokali bil-posta elettronika.

Id-dokumenti mfassla mill-qorti u dokumenti oħra mfassla b’mod elettroniku jiġu nnotifikati lil avukat mill-qorti permezz tas-sistema onlajn.

Dawn id-dokumenti jiġu nnotifikati lil nutar, bailiff, jew korp tal-gvern lokali jew ċentrali permezz tal-posta elettronika, sakemm ma jkunux infurmaw lill-qorti li huma rreġistrati fuq is-sistema onlajn.

Id-dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu bil-posta elettronika jekk parti fil-proċedimenti tkun infurmat lill-qorti li qablu dwar l-użu tal-posta elettronika għall-korrispondenza mal-qorti. Id-dokumenti jintbagħtu lill-indirizz tal-posta elettronika indikat mill-parti. Jekk il-qorti ssib li hemm ostakli tekniċi għall-konsenja ta’ dokumenti ġudizzjarji bil-posta elettronika, id-dokumenti jintbagħtu b’wieħed mill-metodi l-oħra disponibbli.

Jekk parti tinforma lill-qorti li jaqblu dwar korrispondenza elettronika mal-qorti u huma rreġistrati fis-sistema onlajn, id-dokumenti ġudizzjarji jiġu nnotifikati bis-sistema onlajn. Jekk il-qorti ssib li hemm ostakli tekniċi għan-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji permezz tas-sistema onlajn, id-dokumenti jintbagħtu permezz ta’ wieħed mill-metodi l-oħra disponibbli, iżda ċ-ċitazzjoni tal-qorti tintbagħat fl-indirizz tal-posta elettronika indikat mill-parti.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Jekk il-persuna li trid tinnotifika d-dokumenti ġudizzjarji ma ssibx lid-destinatarju, hija tista’ tinnotifika d-dokumenti lil kull membru tal-familja adult li jgħix mad-destinatarju. Jekk il-persuna li tinnotifika d-dokumenti ma ssibx lid-destinatarju fuq il-post tax-xogħol tiegħu, hija tista’ tħalli d-dokumenti mal-maniġment biex jgħadduhom lid-destinatarju. Il-persuna li tirċievi l-konsenja tad-dokumenti f’dawn il-każijiet trid tiddikjara isimha sħiħ, il-ħin u d-data tan-notifika, u kif tiġi mid-destinatarju jew il-kariga li għandha, u trid tgħaddi d-dokumenti lid-destinatarju mingħajr dewmien.

Avviż taċ-ċitazzjoni ppubblikat f’gazzetta

(1) Jekk l-indirizz tal-konvenut ma jistax jiġi aċċertat skont l-Artikolu 54.1 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jew jekk id-dokumenti ma jistgħux jintbagħtu fl-indirizz li ġie indikat mill-parti skont l-Artikolu 54.1(1) tal-Liġi, jew jekk id-dokumenti ma jistgħux jintbagħtu skont l-Artikolu 56.2 tal-Liġi, il-konvenut jista’ jiġi mħarrek biex jidher il-qorti bil-pubblikazzjoni taċ-ċitazzjoni fil-gazzetta uffiċjaliLatvijas Vēstnesis.

(2) Irrispettivament mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-gazzetta uffiċjali, ir-rikorrenti għandhom dritt jippubblikaw iċ-ċitazzjoni f’gazzetti oħra bi spejjeż tagħhom.

(3) It-test taċ-ċitazzjoni ppubblikat f’gazzetta jrid jkun jaqbel mal-kontenut taċ-ċitazzjoni.

(4) Qorti tista’ tisma’ kawża fin-nuqqas tal-konvenut sakemm ikun għadda mhux inqas minn xahar mid-data tal-pubblikazzjoni taċ-ċitazzjoni fil-gazzetta uffiċjali.

(5) Minbarra l-pubblikazzjoni f’gazzetta, iċ-ċitazzjoni trid tintbagħat ukoll fil-post fejn il-konvenut għandu propjetà immobbli, jekk dan il-post ikun ġie indikat mir-rikorrent.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

1) Fid-data li fiha d-destinatarju jew persuna oħra taċċetta d-dokumenti skont l-Artikolu 56(3), (7) jew (8) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili;

2) fid-data li fiha l-persuna rilevanti tirrifjuta li taċċettahom (l-Artikolu 57 tal-Liġi);

3) jekk id-dokumenti jintbagħtu bil-posta, fis-seba’ jum wara d-data meta ntbagħtu;

4) jekk id-dokumenti jintbagħtu bil-posta elettronika, fit-tielet jum wara d-data ;meta ntbagħtu;

5) jekk id-dokumenti jintbagħtu bis-sistema onlajn, fit-tielet jum wara d-data meta ntbagħtu.

(2) Dokumenti ġudizzjarji jitqiesu li ġew innotifikati jekk ikunu ġew ikkonsenjati fil-post iddikjarat bħala r-residenza ta’ persuna fiżika, f’indirizz addizzjonali indikat fid-dikjarazzjoni ta’ residenza, fl-indirizz indikat minn persuna fiżika għal korrispondenza mal-qorti, jew fl-uffiċċju rreġistrat ta’ persuna ġuridika, u kemm jekk tasal irċevuta mill-uffiċċju tal-posta li tgħid li l-oġġett intbagħat u kemm jekk id-dokumenti jiġu ritornati. Il-preżunzjoni li d-dokumenti ġew innotifikati li tqum fis-seba’ jum mid-data meta ntbagħtu jekk id-dokumenti ntbagħtu bil-posta, jew fit-tielet jum wara d-data meta ntbagħtu jekk id-dokumenti ntbagħtu bil-posta elettronika jew permezz ta’ notifika fuq is-sistema onlajn, tista’ tiġi opposta jekk id-destinatarju juri li kien hemm ċirkostanzi oġġettivi li fuqhom ma kellux kontroll li ma ħallewhx jirċievi d-dokumenti fl-indirizz indikat.

"L-Artikolu 57 tal-[Liġi dwar il-Proċedura Ċivili]. Il-konsegwenzi tar-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji

"(1) Jekk destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokumenti ġudizzjarji, il-persuna li tikkonsenja d-dokumenti għandha tieħu nota tad-dokument kif xieraq, u tispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut, id-data u l-ħin.

"(2) Ir-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji ma jikkostitwix xkiel għas-smigħ ta’ kawża."

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Dokument ġudizzjarju jista' jiġi nnotifikat permezz ta’ depożitu f’uffiċċju postali, fejn trid titħalla jew tintbagħat notifika bil-miktub ta’ dan fl-indirizz tar-riċevitur. Jekk in-notifika ma tistax titħalla jew tintbagħat f’dak l-indirizz, din trid titwaħħal mal-bieb tad-dar tar-riċevitur jew tal-istabbiliment tal-intrapriża jew f’post ieħor ta’ residenza tar-riċevitur, jew innotifikata lil persuna li tgħix viċin li tgħaddiha aktar tard lir-riċevitur. In-notifika trid tindika b’mod ċar li d-dokument depożitat intbagħat mill-qorti.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

"L-Artikolu 57 tal-[Liġi dwar il-Proċedura Ċivili]. Il-konsegwenzi tar-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji

"(1) Jekk destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokumenti ġudizzjarji, il-persuna li tikkonsenja d-dokumenti għandha tieħu nota tad-dokument kif xieraq, u tispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut, id-data u l-ħin.

"(2) Ir-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji ma jikkostitwix xkiel għas-smigħ ta’ kawża."

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Jekk ikun hemm talba speċifika, id-dokument jista’ jiġi nnotifikat fil-bini tal-qorti, bid-destinatarju jiġi mħarrek biex jidher hemmhekk.

Jekk id-dokument intbagħat bil-posta rreġistrata, jista’ jiġi nnotifikat bil-posta. Huwa jiġi nnotifikat f’uffiċċju postali jew mill-impjegati tal-konsenja tal-uffiċċju postali; Irid jiġi ffirmat mal-wasla mill-persuna indikata bħala d-destinatarja jew minn rappreżentant ta’ dik il-persuna, u l-persuna li tiffirma trid turi dokument ta’ identifikazzjoni. Il-parti li tuża dan is-servizz postali tista’ tindika wkoll li l-oġġett għandu jiġi nnotifikat biss personalment lil persuna partikolari.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk in-notifika bil-posta rreġistrata ma ssirx b’suċċess, ma hemmx mod ieħor kif id-dokument jista’ jiġi nnotifikat bil-posta.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Id-destinatarju ta’ dokument mibgħut bil-posta rreġistrata jiġi infurmat permezz ta’ notifika mibgħuta fl-indirizz tad-dar tiegħu. Id-dokument jinżamm il-posta għal tletin ġurnata mid-data tal-wasla. Id-destinatarju jrid jintalab jaċċetta l-konsenja mqar darbtejn.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Jekk id-dokument ġudizzjarju jintbagħat bil-posta, in-notifika tiġi rreġistrata fl-atti, li jindika fejn u meta saret in-notifika tad-dokument, u ssir ukoll nota fid-dokument postali.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Fuq rikors tad-destinatarju, il-qorti tikkuntattja l-pajjiż barrani kkonċernat, kemm jekk direttament jew permezz tal-korp ċentrali, u titlobha tagħmel talba ġdida għan-notifika abbażi tar-rikors tad-destinatarju.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Le, ma jkollokx għalfejn tħallas.

L-aħħar aġġornament: 30/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.