Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

Dan huwa terminu ġenerali għall-passi li huma meħtieġa biex id-dokumenti relatati mal-qorti jinġiebu għall-attenzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

L-għan ewlieni tar-regoli huwa li jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati jkunu mgħarrfa li bdew il-proċedimenti fil-qorti u li dawn jinżammu informati bl-iżviluppi. Limiti ta’ żmien speċifiċi huma imposti mir-regoli tal-qorti biex jiġi żgurat li jkun hemm opportunità suffiċjenti biex jiġu kkunsidrati dokumenti relatati mal-qorti u, jekk ikun meħtieġ, tingħata risposta għalihom. Il-limiti ta’ żmien jgħinu wkoll biex jinżamm il-momentum tal-proċess ta’ litigazzjoni, billi jiżguraw li ċerti passi jittieħdu f’perjodu partikolari. Il-qorti normalment teħtieġ prova tan-notifika qabel ma tiddeċiedi kawża.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

B’mod ġenerali, kwalunkwe dokument relatat mal-proċedimenti jkun jeħtieġ li jiġi nnotifikat, bħal:

  • id-dokument li jibda l-proċedimenti (eż. ċitazzjoni, taħrika jew mozzjoni oriġinali, rikors, att ċivili);
  • ċerti dokumenti waqt li l-kawża tkun għaddejja quddiem il-qorti (eż. memorandum ta’ dehra, difiża, ċertifikat ta’ tħejjija); jew
  • notifika ta’ sentenza/digriet.

F’ċerti proċedimenti ċivili, dokumenti speċifiċi jridu jiġu nnotifikati (pereżempju, f’kawżi ta’ traffiku stradali, għandu jiġi nnotifikat avviż lill-assiguratur tal-konvenut).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Normalment, il-partijiet huma responsabbli biex jagħmlu n-notifika, iżda għandhom firxa ta’ metodi għad-dispożizzjoni tagħhom u xi wħud minn dawk il-metodi jinvolvu persuni oħra (pereżempju uffiċjali li jinnotifikaw il-proċess (process servers) (ara hawn taħt), avukati (solicitors), persunal tal-posta).

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Bħalissa ma teżisti l-ebda prattika bħal din.

Meta jiġu nnotifikati individwi, is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service) iwettaq in-notifika permezz ta’ ‘notifikant ta’ taħrika’ terz (third party ‘summons server’) li jipprova jinnotifika fl-indirizz ipprovdut mill-awtorità rikjedenti. Jekk in-notifika tiġi rrifjutata fuq il-bażi li d-destinatarju jkun mar jgħix xi mkien ieħor, id-dokumenti ġeneralment jintbagħtu lura sakemm ma jingħatax indirizz ieħor mir-residenti l-ġodda jew meta indirizzi alternattivi jsiru magħrufa lill-uffiċjal li jinnotifika t-taħrika matul l-inkjesti u jerġa' jipprova jinnotifika; iċ-ċertifikat tan-notifika jkun jirrifletti dan.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Bħalissa ma teżisti l-ebda prattika bħal din.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Bħalissa ma teżisti l-ebda prattika bħal din, meta tkun qed tiġi ffaċilitata talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda, huwa meħtieġ indirizz għan-notifika.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Ir-regoli tal-qorti jistabbilixxu r-regoli ġenerali dwar in-notifika. Madankollu, dispożizzjonijiet statutorji oħra jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għal kawżi partikolari (pereżempju, b'rabta ma’ notifika lil persuna ġuridika).

Normalment, ċitazzjoni tal-Qorti Għolja (High Court) tista’ tkun innotifikata:

  • billi tintbagħat kopja bil-posta ordinarja tal-ewwel klassi mħallsa bil-quddiem fl-indirizz tas-soltu jew fl-aħħar indirizz magħruf tal-konvenut;
  • personalment, fejn l-uffiċjal li jinnotifika jrid ikun sodisfatt dwar l-identità tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata u mbagħad għandu jagħtiha d-dokument f’idejha u jispjegalha x’inhu;
  • billi tiddaħħal kopja fil-kaxxa tal-ittri f’dak l-indirizz (il-kopja trid tkun f’envelop issiġillat indirizzat lill-konvenut);
  • lil avukat li jirritorna l-oriġinal approvat b’dikjarazzjoni li huwa jaċċetta n-notifika f’isem il-konvenut;
  • skont terminu kuntrattwali (dan jista’ jispeċifika min għandu jiġi nnotifikat u fejn/kif għandha ssir in-notifika);
  • jekk l-azzjoni hija għall-pussess ta’ art, billi tiġi kkonsenjata kopja lill-mara/lir-raġel, lill-qarib jew lill-impjegat tal-konvenut (jekk jidher li għandu iktar minn 16-il sena) fir-residenza jew fuq il-post tax-xogħol tal-konvenut. Jekk il-Qorti tkun sodisfatta li jidher li l-ebda persuna ma għandha pussess tal-art u li n-notifika ma tistax issir b’xi mod ieħor lill-konvenut, hija tista’ tawtorizza li n-notifika ssir billi ssir affissjoni ta’ kopja taċ-ċitazzjoni f’parti viżibbli tal-art;
  • jekk il-konvenut ikun minorenni, lill-ġenitur tiegħu, lit-tutur tiegħu jew lill-persuna li jgħix magħha;
  • jekk il-konvenut ikun pazjent, lil persuna awtorizzata taħt il-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa mentali jew lill-persuna li tgħix magħha;
  • lill-Kuruna bil-posta ordinarja jew billi titħalla ma’ impjegat jew aġent tal-Avukat tal-Kuruna (Crown Solicitor);
  • lil kumpanija b’kunsinna rreġistrata fl-uffiċċju rreġistrat tagħha.
  • Kull dokument ieħor tal-Qorti Għolja (High Court) li mhux meħtieġ li jkun innotifikat personalment jista’ jitħalla jew jiġi ddepożitat fl-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata;
  • notifika permezz ta’ faks u ittra sussegwenti, jekk iż-żewġ partijiet huma rrappreżentati minn avukati;
  • notifika permezz ta’ skambju ta’ dokumenti (DX).

Fil-Qorti tal-Kontea (County Court), ħlief fejn ikun ordnat mod ieħor, att ċivili jista’ jiġi nnotifikat:

  • permezz ta’ uffiċjal li jinnotifika l-proċess. (L-uffiċjali li jinnotifikaw il-proċess (process servers) jinħatru għal kull Sezzjoni tal-Qorti Amministrattiva (Administrative Court Division) u dawn japprovaw id-dettalji tan-notifika fuq l-att ċivili oriġinali u jirritornawh mill-aktar fis possibbli lill-avukat tal-attur);
  • minn avukat jew membru tal-persunal tiegħu (li għandu aktar minn 16-il sena) b’posta ordinarja tal-ewwel klassi;
  • billi tiddaħħal kopja fil-kaxxa tal-ittri fl-indirizz (il-kopja trid tkun f’envelop issiġillat indirizzat lill-konvenut);
  • lil avukat, jekk ikun awtorizzat jaċċetta notifika u jiffirma dikjarazzjoni f’dak is-sens fuq l-oriġinal.

Kull dokument ieħor li mhux meħtieġ li jkun innotifikat personalment jista’:

  • jiġi kkonsenjat jew mibgħut bil-posta lil avukat, jekk il-parti qed taġixxi permezz ta’ avukat;
  • jiġi nnotifikat permezz ta’ faks u ittra sussegwenti, jekk iż-żewġ partijiet huma rrappreżentati minn avukati; jew
  • jiġi nnotifikat permezz ta’ DX.

Ċitazzjoni jew att ċivili għal notifika barra l-Irlanda ta’ Fuq ma jistgħux jinħarġu mingħajr il-permess tal-qorti, sakemm il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni taħt:

  • L-Att tal-1982 dwar il-Ġurisdizzjoni Ċivili u s-Sentenzi (Civil Jurisdiction and Judgments Act, 1982);
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali jew ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni): jew
  • xi dispożizzjoni statutorja oħra.

Iridu jiġu ssodisfati għadd ta’ rekwiżiti oħra (pereżempju, ma jridx ikun hemm proċedimenti dwar l-istess kawża pendenti f’ġurisdizzjoni oħra rilevanti).

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika ma hijiex permessa fi proċedimenti ċivili fl-Irlanda ta’ Fuq.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Jekk ir-regoli jeħtieġu li dokument jiġi nnotifikat personalment (pereżempju att ċivili ta' eżekuzzjoni jew ta’ disprezz (committal) skont l-Artikolu 107 tal-Ordni tal-1981 dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (l-Irlanda ta’ Fuq) (Judgments Enforcement (Northern Ireland) Order 1981)), jista’ jsir rikors ex parte li jitlob lill-qorti tippermetti metodu alternattiv ta’ notifika. Pereżempju, il-qorti tista’ tordna s-sostituzzjoni tan-notifika:

  • bil-posta:
  • permezz ta’ reklam;
  • lil ħabib;
  • lil qarib;
  • lil kumpanija tal-assigurazzjoni.

Jekk konvenut ikun barra mill-Irlanda ta’ Fuq, il-qorti tista’ tordna s-sostituzzjoni tan-notifika jekk tkun sodisfatta li jkun telaq bl-iskop li jevita l-litigazzjoni.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk jintuża metodu ieħor ta’ notifika, Digriet tal-Qorti jindika li dak il-metodu u l-osservanza tiegħu jindikaw meta ġew innotifikati d-dokumenti.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Id-depożitu tad-dokumenti ma huwiex metodu normali ta’ notifika fl-Irlanda ta’ Fuq.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarju jirrifjuta n-notifika (eż. jiċħad l-identità), l-uffiċjal li jinnotifika t-taħrika huwa intitolat jinnotifika d-dokumenti lil persuna oħra sakemm ikun jaf lil dik il-persuna u din ikollha aktar minn 16-il sena (eż. il-konjuġi tad-destinatarju). Fejn ma jkunx hemm persuna oħra li tista’ tiġi nnotifikata, jinħareġ ċertifikat ta’ “nuqqas ta' notifika” (non-service). Jekk ma tkunx tista’ tinkiseb prova tal-identità, id-dokumenti ma jiġux ikkunsidrati nnotifikati (anki jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Kunsinna rreġistrata mir-Royal Mail (is-servizz postali tar-Renju Unit) hija għall-indirizz aktar milli għall-individwu. Għalhekk huwa possibbli li xi ħadd ieħor għajr id-destinatarju jirċievi d-dokumenti jekk jgħix fl-istess indirizz.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk ħadd fl-indirizz rikjest ma jkun disponibbli biex jiffirma għad-dokumenti, dawn jintbagħtu lura lill-uffiċċju postali lokali tal-indirizz. Jekk ma jinġabrux fl-iskadenzi (ara hawn taħt) jintbagħtu lura lill-mittent.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Fejn il-kunsinna ma kinitx possibbli fl-indirizz, titħalla karta b’notifika tat-tentattiv ta’ kunsinna. Din il-karta tgħid lid-destinatarju minn fejn jistgħu jinġabru d-dokumenti u l-limitu ta’ żmien li fih għandu jiġborhom. Għall-posta rreġistrata li toriġina fir-Renju Unit, id-dokumenti għandhom jinġabru fi żmien ġimgħa. Għal posta internazzjonali rreġistrata, l-iskadenza hija ta’ tliet ġimgħat.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Fil-Qorti Għolja (High Court), in-notifika tista’ teħtieġ li tiġi ppruvata b’affidavit li jiddikjara:

  • min għamel in-notifika;
  • min ġie nnotifikat (jista’ jsir riferiment għal ritratt tar-riċevitur jew il-fatt li huwa kkonferma l-identità tiegħu);
  • fejn u kif saret in-notifika;
  • il-jum u d-data tan-notifika.

L-uffiċjal li jinnotifika għandu jikteb id-dettalji tan-notifika fuq id-dokument oriġinali.

Affidavit ta’ notifika bil-posta jew billi tiddaħħal f’kaxxa tal-ittri jrid jiddikjara li huwa maħsub li d-dokument ser jasal għall-għarfien tal-konvenut u li ma ġiex irritornat mingħajr kunsinna.

F’każijiet urġenti n-notifika tista’ tiġi ppruvata permezz ta’ xhieda orali.

Fil-Qorti tal-Kontea (County Court):

  • uffiċjal li jinnotifika l-proċess jattendi, jipproduċi l-ktieb tar-rekords tiegħu, li jinkludi d-dettalji tan-notifika u jaħlef taħt ġurament li l-approvazzjonijiet tan-notifika huma korretti;
  • notifika permezz ta’ avukat hija ppruvata permezz ta’ ċertifikat tal-posta fuq il-faċċata tal-att ċivili;

Kemm fil-Qorti Għolja (High Court) u l-Qorti tal-Kontea (County Court):

  • dokument innotifikat bil-posta tal-ewwel klassi jitqies li jkun ġie nnotifikat wara s-seba’ jum ta’ xogħol (għalkemm tista’ tintalab evidenza li turi li jkun wasal qabel);
  • FAKS mibgħuta wara l-4.00 p.m. f’jum ta’ xogħol titqies li ġiet innotifikata l-għada;
  • dokument innotifikat permezz ta’ DX jitqies li ġie nnotifikat fit-tieni jum ta’ xogħol wara li jitħalla fil-kaxxa DX.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk avukat ma jkunx awtorizzat jaċċetta notifika f’isem il-konvenut, il-proċedimenti kollha jiġu annullati. Inkella, l-imħallef jista’ jiddikjara n-notifika li tkun saret bħala suffiċjenti jekk ikun hemm provi li fil-fatt il-konvenut ikun irċieva d-dokument jew ikun hemm difett tekniku fin-notifika. In-nuqqas ta’ notifika jew notifika difettuża jistgħu jiġu rrinunzjati wkoll jekk il-konvenut jagħmel komparsa mingħajr ebda kundizzjoni.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

In-notifika postali tinvolvi spejjeż postali tal-ewwel klassi. Għan-notifika personali, it-tariffi imposti mill-uffiċjali li jinnotifikaw il-proċess (process servers) huma ffissati skont statut. It-tariffa kurrenti għan-notifika personali ta’ att ċivili u ċitazzjoni hija ta’ GBP 12 u GBP 45 rispettivament.

L-aħħar aġġornament: 20/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.