1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?
In-notifika (citação) huwa l-att li bih persuna (konvenut, attur, parti li qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha) issir taf li nfetħet kawża kontriha. Tintuża biex tistieden lill-persuna kkonċernata tidher quddiem il-qorti għall-ewwel darba sabiex tiddefendi lilha nfisha. In-notifika tintuża wkoll biex tistieden lil persuna b’interess fil-kawża, iżda li inizjalment ma tkunx intervjeniet, biex tidher għall-ewwel darba sabiex tintervjeni flimkien mal-attur jew mal-konvenut (l-Artikolu 219(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika (notificação) tintuża biex tistieden persuna tidher quddiem il-qorti jew biex tinformaha bil-fatti (l-Artikolu 219(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Hemm regoli speċifiċi fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż dwar kif għandha ssir in-notifika, u jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa skont id-destinatarji, in-natura tal-fatti u l-għan tat-trażmissjoni (Ktieb II, Titolu I, Kapitolu II, Taqsima II tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Ir-raġuni għal dawn ir-regoli hija sabiex il-komunikazzjoni verament tasal għand id-destinatarju, u jekk ikunu partijiet fil-proċedimenti, biex jiggarantixxu d-dritt għad-difiża.
2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?
Fin-notifika jkun hemm din l-informazzjoni li ġejja:
- Żewġ kopji tar-rikors inizjali promotur u kopji tad-dokumenti ta’ akkumpanjament, li jintbagħatu lill-konvenut (l-Artikolu 227(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Informazzjoni li l-persuna ġiet mistiedna għall-proċedimenti kkonċernati (l-Artikolu 227(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Indikazzjoni tal-qorti, diviżjoni u taqsima li quddiemha se jinstemgħu l-proċedimenti, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ risposta, u tal-bżonn li jitqabbad rappreżentant legali, jekk huwa obbligatorju (l-Artikolu 227(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Twissija tal-konsegwenzi f’każ ta’ nuqqas ta’ difiża tal-kawża (l-Artikolu 227(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
Jiġu notifikati:
- Digrieti u sentenzi tal-qorti (l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Sottomissjonijiet tal-partijiet, rikorsi u dokumenti inklużi fil-fajl tal-kawża u l-limitu taż-żmien għall-partijiet biex jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom (l-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Taħrika tal-partijiet, xhieda, esperti, konsulenti tekniċi jew avukati biex jattendu l-proċedimenti ġudizzjarji (l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Talbiet għal għarfien espert, evidenza jew informazzjoni oħra lil entitajiet li għandhom l-obbligu jikkooperaw mal-qorti (l-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
Fi proċedimenti li għaddejjin, in-notifika tista’ ġeneralment issir minn uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali tal-eżekuzzjoni jew minn rappreżentant legali ta’ waħda mill-partijiet, skont il-każijiet indikati fit-tweġiba għad-domanda 5.
In-notifika tista’ ssir minn nutara fi proċedimenti dwar wirt (l-Artikolu 2(1) u (3) tal-Regoli dwar l-Inventarji Notarili approvati fl-Anness tal-Liġi Nru 117/2019 tat-13 ta’ Settembru 2019).
In-notifika tista’ ssir minn avukati, solicitors jew uffiċjali tal-eżekuzzjoni qabel ma tinfetaħ kawża (l-Artikolu 9(7)(b) tal-Liġi l-Ġdida dwar Proprjetà Mikrija - NRAU (Novo Regime do Arrendamento Urbano).
In-notifika tista’ ssir minn reġistraturi ċivili fi proċedimenti mhux kontenzjużi li jinstemgħu quddiem ir-Reġistratur Ċivili, partikolarment fi kwistjonijiet tal-familja u tal-minorenni (l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tad-Digriet Amministrattiv li jistabbilixxi l-proċeduri għall-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tar-Reġistru Ċivili).
4 Tiftix tal-indirizz
4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?
Skont il-liġi Portugiża huwa l-obbligu tal-uffiċjali ġudizzjarji li jwettqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, il-passi kollha meħtieġa biex jinnotifikaw lil persuna (l-Artikolu 226(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Jekk ma jistgħux iwettqu n-notifika, l-uffiċjali ġudizzjarji jikkonsultaw informazzjoni li hija disponibbli elettronikament f’dipartimenti oħra tal-gvern sabiex jaraw kienx hemm tibdil fir-residenza u jistabbilixxu l-indirizz attwali tal-persuna li għandha tiġi notifikata (l-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
L-istess regola tapplika f’ċerti każijiet li huma espliċitament previsti mil-liġi għan-notifika tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom.
L-uffiċjali tal-eżekuzzjoni għandhom ukoll aċċess għal ċerti bażijiet tad-data tad-dipartimenti tal-gvern li jippermettulhom jivverifikaw ir-residenza għall-finijiet tat-taxxa tal-parti mħarrka, pereżempju, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 749(1) sa (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 2(1) tal-Ordinanza li tirregola l-identifikazzjoni tal-parti mħarrka u tal-assi maqbuda/Istituzzjonijiet Pubbliċi).
Fil-każijiet kollha, l-aċċess għall-bażijiet tad-data jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mill-qorti.
Skont il-liġi Portugiża, kull meta parti tiddikjara b’mod ġustifikat illi għandha diffikultà serja biex tikseb xi informazzjoni - partikolarment rigward bdil fir-residenza ta’ persuna li għandha tiġi notifikata - xi ħaġa li taffettwa l-eżerċizzju effettiv ta’ dritt, obbligu jew talba proċedurali, il-qorti tista’ tordna lil kull persuna jew entità tikkoopera sabiex tinkiseb din l-informazzjoni. Irrispettivament mill-fatt jekk humiex partijiet fil-proċedimenti jew le, għandhom obbligu jikkooperaw mal-qorti billi jagħtu l-informazzjoni ordnata minnha (l-Artikolu 417(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
Le. Din il-possibbiltà teżisti biss għall-awtoritajiet nazzjonali u l-entitajiet imsemmija fit-tweġiba għad-domanda 4.1.
4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?
Il-qorti tikkonsulta l-bażijiet tad-data ta’ dipartimenti tal-gvern oħra u, jekk dan ma jkunx biżżejjed, tordna lil persuni u entitajiet oħra jew anke lill-awtoritajiet tal-pulizija biex jiġbru u/jew jagħtu informazzjoni dwar l-indirizz attwali ta’ persuna, kif imsemmi fit-tweġiba għad-domanda 4.1.
5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?
Id-diversi modi kif jista’ jiġi notifikat dokument huma indikati hawnhekk. Il-każijiet fejn tintuża n-notifika diġà ssemmew fit-tweġiba għad-domanda 1.
Notifika
Dokument jista’ jiġi notifikat lil persuna jew notifikat permezz ta’ pubblikazzjoni. Kull waħda minn dawn il-forom ta’ notifika jistgħu jiġu indirizzati lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Ir-regoli dwar in-notifika lil persuni fiżiċi japplikaw, mutatis mutandis, għal persuni ġuridiċi, sakemm xi aspett tan-notifika lil persuni fiżiċi ma jkunx regolat b’mod speċifiku, u f’dak il-każ japplikaw dawn ir-regoli speċifiċi (l-Artikolu 246(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Notifika lil persuni
Fil-prattika, dokument jista’ jiġi notifikat lil persuna:
- Bit-trażmissjoni ta’ data elettronika pereżempju lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku meta jkun il-parti fil-kawża (l-Artikolu 225(2)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Bil-posta fil-forma ta’ ittra b’konferma tar-riċevuta indirizzata lir-residenza jew il-post tax-xogħol tal-persuna li għandha tiġi notifikata, f’każ ta’ persuna fiżika, jew lill-uffiċċju reġistrat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Ġuridiċi, f’każ ta’ persuna ġuridika (l-Artikoli 225(2)(b) u 246(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- B’kuntatt personali tal-uffiċjal tal-eżekuzzjoni mal-persuna li għandha tiġi notifikata, meta n-notifika bil-posta ma tkunx possibbli jew l-attur jiddikjara illi din hija xewqtu fir-rikors promotur (l-Artikolu 225(2)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- B’kuntatt personali tal-uffiċjal ġudizzjarju mal-persuna li għandha tiġi notifikata, jekk l-attur jiddikjara illi din hija xewqtu fir-rikors promotur u jħallas it-tariffa għaliha (l-Artikolu 225(2)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- B’rappreżentant legali (l-Artikolu 225(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili):
- Ir-rappreżentanti legali għandhom jiddikjaraw minnufih fir-rikors promotur illi se jwettqu n-notifika huma stess, permezz ta’ rappreżentant legali ieħor jew permezz ta’ solicitor (l-Artikolu 227(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Ir-rappreżentanti legali jistgħu jitolbu n-notifika f’data aktar tard jekk kull mezz ieħor għan-notifika ma jkunx possibbli (l-Artikolu 237(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Ir-regoli dwar in-notifika b’uffiċjali tal-eżekuzzjoni jew uffiċjali ġudizzjarji japplikaw għan-notifika b’rappreżentant legali (l-Artikolu 237(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika lil persuni tista’ ssir:
- Lil persuna li għandha tiġi notifikata;
- Lil persuna li mhix il-persuna li għandha tiġi notifikata u li għandha l-kompitu li tittrażmetti l-kontenut tad-dokument lilha, meta jkun previst hekk mil-liġi (l-Artikolu 225(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Lir-rappreżentant legali tal-persuna li għandha tiġi notifikata jekk ikun ingħata prokura inqas minn erba’ snin qabel, li permezz tagħha jkollu setgħat speċjali biex jirċievi d-dokument notifikat (l-Artikolu 225(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Lil kuratur temporanju tal-persuna li għandha tiġi notifikata, maħtur mill-imħallef meta l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju jaf illi l-persuna li għandha tiġi notifikata ma tistax tirċievi d-dokument minħabba l-inkapaċità ġuridika tagħha (mard mentali magħruf jew inkapaċità ġuridika temporanja jew permanenti oħra)(l-Artikolu 234(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Notifika bil-pubblikazzjoni
Fil-prattika, in-notifika bil-pubblikazzjoni tista’ sseħħ:
- meta l-persuna li għandha tiġi notifikata hija nieqsa u ma tistax tinstab;
- meta l-identità tal-persuni li għandhom jiġu notifikati mhix magħrufa.
(l-Artikolu 225(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika bil-pubblikazzjoni ssir billi:
- jiġi mehmuż avviż fuq il-bieb tad-dar tal-aħħar residenza jew tal-uffiċċju reġistrat fil-Portugall tal-persuna li għandha tiġi notifikata (l-Artikolu 240(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- segwit minn pubblikazzjoni tal-avviż fuq paġna web aċċessibbli pubblikament provdut mil-liġi (l-Artikolu 240(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 24 tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti).
In-Notifika
Matul il-proċedimenti, in-notifika tista’ sseħħ b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
- In-notifika lil partijiet li jaħtru rappreżentant legali u/jew solicitor dejjem issir lil dawn tal-aħħar, kif deskritt fit-tweġiba għad-domanda 6 (l-Artikolu 247(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- In-notifika li hija maħsuba biex tistieden lil parti biex tidher personalment tintbagħat lilha permezz ta’ ittra reġistrata (jiġu nnotifikat ukoll ir-rappreżentant legali kif deskritt fit-tweġiba għad-domanda 6) (l-Artikolu 247(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- In-notifika lil partijiet li ma jaħtrux rappreżentant legali tintbagħat lil partijiet infushom b’ittra reġistrata fl-indirizz tar-residenza tagħhom, l-uffiċċju reġistrat tagħhom jew post magħżul għal dan il-għan (l-Artikolu 249(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Barra minn hekk, in-notifika tas-sentenzi finali ssir dejjem lill-partijiet b’ittra reġistrata fl-indirizz tad-dar, uffiċċju reġistrat jew post magħżul għal dan il-għan (l-Artikolu 249(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- In-notifika li hija maħsuba biex tistieden lix-xhieda, l-esperti jew l-persuni oħra involuti b’mod mhux kostanti fil-proċedimenti biex jidhru l-qorti ssir permezz ta’ posta reġistrata (l-Artikolu 251(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- In-notifika ma tintbagħatx jekk parti beħsiebha ttella’ lil xi ħadd ieħor, iżda l-parti tista’ titlob illi r-reġistru tal-qorti jibagħtilha l-avviż dwar il-persuni li beħsiebha ttella’ (l-Artikolu 251(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Is-sentenzi finali mogħtija fi kwalunkwe proċedimenti dejjem jiġu notifikati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kif deskritt fit-tweġiba għad-domanda 6 (l-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Kif spjegat fit-tweġiba għad-domanda 6, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jiġi notifikat bid-deċiżjonijet interim li jistgħu jwasslu għall-preżentazzjoni ta’ appell kif rikjest mil-liġi (l-Artikolu 252(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Il-komunikazzjonijiet u l-istediniet mibgħuta f’dokument proċedurali lil partijiet interessati preżenti jitqiesu bħala notifiki, sakemm ikunu dokumentati u ordnati mill-entità presjedenti (l-Artikolu 254 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- In-notifika bejn ir-rappreżentanti legali ssir minnhom infushom, permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-data jew kif indikat mod ieħor fit-tweġiba għad-domanda 6 (l-Artikolu 255 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
Iva, dawn li ġejjin preferibbilment isiru bit-trażmissjoni elettronika tad-data mis-sistema kompjuterizzata tal-qrati:
- In-notifika tad-dokumenti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku
- In-notifika lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-avukati, is-solicitors u l-uffiċjali tal-eżekuzzjoni, l-amministraturi tal-insolvenza/ir-riċevituri maħtura mill-qorti (fi proċedimenti ta’ insolvenza, ftehim għall-ħlas jew proċedimenti għall-ftuħ tan-negozju mill-ġdid) u n-nutara (fi proċedimenti tal-inventarju) (l-Artikolu 252(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). l-Artikolu 248(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. l-Artikolu 31(1) tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti);
- Is-sottomissjoni lill-qorti ta’ dokumenti proċedurali u dokumenti mill-avukati, is-solicitors u l-uffiċjali tal-eżekuzzjoni, l-amministraturi tal-insolvenza u n-nutara, l-Artikolu 144(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 15A tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti);
- Il-prova ta’ ħlas bil-quddiem tat-tariffa tal-qorti (li hija parti mill-ispejjeż legali) (l-Artikolu 145(4)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 9(4) tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti);
- Il-prova ta’ jew ir-rikors għall-għajnuna legali (l-Artikolu 145(4)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 9(5) tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti);
Meta d-daqs tad-dokument proċedurali li għandu jiġu sottomess ikun inkompatibbli ma’ trażmissjoni elettronika (l-Artikolu 10(1) tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti), jew id-dokumenti li għandhom jintbagħatu jeżistu biss fuq mezzi fiżiċi (l-Artikolu 144(11) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), jew il-kawża ma tirrikjedix li jinħatar rappreżentant legali u l-parti ma taħtarx wieħed (l-Artikolu 144(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), jew f’każ ta’ impediment iġġustifikat (l-Artikolu 144(8) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu konsenjati lir-reġistru tal-qorti, bil-posta jew b’fax (l-Artikolu 144(7) u (8) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)
- Id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu notifikati b’rekord tal-konsenja, bil-posta jew b’fax
Barra minn hekk, is-servizzi tal-qrati jistgħu:
- Jittrażmettu l-messaġġi bil-posta, b’fax jew b’mezzi elettroniċi (l-Artikolu 172(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- F’każijiet urġenti, jistgħu jintużaw telegrammi, telefonati jew mezzi simili oħra tat-telekomunikazzjoni (l-Artikolu 172(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- Il-komunikazzjoni bit-telefon dejjem tiġi mniżżla fil-fajls tal-kawża u segwita b’konferma b’mezzi bil-miktub (l-Artikolu 172(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- B’rabta mal-partijiet fil-proċedimenti, il-komunikazzjoni bit-telefon tista’ tintuża biss biex tiġi trażmessa taħrika jew biex tikkanċella taħrika għal atti ta’ proċedura legali (l-Artikolu 172(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Dawn ir-regoli japplikaw fi proċedimenti ġudizzjarji ta’ natura ċivili jew kummerċjali quddiem il-qrati tal-prim’istanza. Huma japplikaw ukoll f’ċerti każijiet għal proċedimenti quddiem in-nutara (pereżempju wirt) jew ir-reġistraturi ċivili (pereżempju kwistjonijiet tal-familja fejn ikun hemm ftehim).
7 Notifika "indiretta"
7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?
Barra minn hekk, il-liġi Portugiża tipprevedi wkoll għan-notifika ta’ dokumenti fi żmien preċiż kif ġej:
- Għan-notifika ta’ persuna jekk l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzjarju jinduna illi l-persuna li għandha tiġi notifikata tgħix jew taħdem f’post partikolari iżda ma jistax iwettaq in-notifika għaliex il-persuna ma tkunx tista’ tinstab (l-Artikolu 232(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Għandu jitħalla avviż li jindika l-ħin li fih se sseħħ in-notifika (l-Artikolu 232(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- L-avviż jista’ jintbagħat lill-persuna li hija fl-aħjar pożizzjoni biex tgħaddih lill-persuna li għandha tiġi notifikata jew, meta dan ma jkunx possibbli, irid jiġi impustat fl-aktar post xieraq (l-Artikolu 232(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Fid-data u l-ħin speċifikat fl-avviż, l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika d-dokument lill-persuna li għandha tiġi notifikata u jekk ma jkunx jista’ jsibha, jinnotifika lil persuna terza li hija fl-aħjar pożizzjoni biex tittrażmetti l-ittra lill-persuna li għandha tiġi notifikata u li għandha l-kompitu li tagħmel dan (l-Artikolu 232(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Jekk ma jkunx possibbli li tinkiseb il-kooperazzjoni ta’ persuni terzi, in-notifika ssir bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fl-aktar post adattat u fil-preżenza ta’ żewġ xhieda, li jindika li l-persuna ġiet notifikata, quddiem liema qorti qed jinstemgħu l-proċedimenti u li l-kopja u d-dokumenti huma disponibbli għall-persuna li għandha tiġi notifikata fir-reġistru tal-qorti (l-Artikolu 232(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Nota
F’każijiet fejn:
(i) il-konferma tar-riċevuta ma tiġix iffirmat mill-persuna li għandha tiġi notifikata (servizz postali);
(ii) in-notifika lil persuna fi żmien preċiż issir lil persuna terza;
(iii) jew in-notifika lil persuna fi żmien preċiż ssir bil-pubblikazzjoni ta’ avviż tan-notifika fuq il-post
L-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew ir-reġistru tal-qorti għandu dejjem jibgħat ittra reġistrata lill-persuna li għandha tiġi notifikata, fi żmien jumejn tax-xogħol, biex jinnotifikaha kif xieraq:
- bid-data u l-mod li bih in-notifika ġiet meqjusa li saret;
- bl-iskadenza għad-difiża u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ difiża tal-kawża;
- fejn jinsabu l-kopji taċ-ċitazzjoni u d-dokumenti li għandhom jiġu notifikati;
- bl-identità tal-persuna li ġiet notifikata. (l-Artikolu 233 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?
In-notifika bil-posta titqies li saret fil-ġurnata meta jidher li ġiet iffirmata l-konferma tar-riċevuta, jew mill-persuna li għandha tiġi notifikata jew minn persuna terza (jekk wieħed jassumi f’dan il-każ illi l-persuna terza wasslet l-ittra lill-persuna li għandha tiġi notifikata, sakemm m’hemmx provi mod ieħor) (l-Artikolu 230 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika lil persuna minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni, uffiċjali ġudizzjarji u rappreżentanti legali titqies li seħħet fid-data meta jitfassal ir-rekord tan-notifika (l-Artikolu 230 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika bil-posta ta’ avviż ta’ notifika titqies li seħħet fid-data indikata fl-avviż (l-Artikolu 232(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?
F’każ ta’ notifika b’ittra reġistrata, b’konferma tar-riċevuta jew mingħajrha, jitħalla avviż tal-konsenja fil-kaxxa tal-ittri jekk il-persuna li qed tikkonsenja l-posta ma tkun tista’ ssib lil ħadd fl-indirizz indikat.
(l-Artikolu 228(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
L-avviż tal-konsenja javża lid-destinatarju illi l-ittra tħalliet fl-uffiċċju tal-posta, flimkien mal-indirizz, il-ħinijiet tal-ftuħ u l-limitu taż-żmien għall-ġbir tagħha (l-Artikolu 228(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Jekk l-ittra ma tinġabarx fiż-żmien speċifikat (u ma jkunx hemm talba għall-estensjoni ta’ dan il-perjodu jew biex terġa’ tintbagħat l-ittra f’indirizz ieħor), tintbagħat lura lil min bagħatha (l-Artikolu 230(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
Meta n-notifika ssir bil-posta u hemm provi illi kien hemm rifjut tal-ittra jew biex tiġi ffirmata l-konferma tar-riċevuta, in-notifika titqies li saret kif ġej u f’dawn iċ-ċirkostanzi:
- Permezz ta’ avviż miktub mill-persuna li qed tikkonsenja l-posta li tiċċertifika r-rifjut minn persuna fiżika, ir-rappreżentant ta’ persuna ġuridika, jew impjegat tagħha, li jiffirma l-konferma tar-riċevuta jew li jirċievi l-ittra (l-Artikoli 228(6) u 246(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- F’każijiet fejn il-partijiet jistgħu jaqblu fuq l-indirizz għan-notifika:
- (i) meta titħalla ittra reġistrata oħra b’konferma tar-riċevuta fl-indirizz maqbul, meta l-ewwel ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta mibgħuta f’dak l-indirizz tiġi ritornata jew
- (ii) permezz ta’ ċertifikat, miktub mill-persuna li qed tikkonsenja l-posta, tar-rifjut tal-persuna li għandha tiġi notifikata li taċċetta l-ittra jew li tiffirma l-konferma tar-riċevuta, meta din tintbagħat fl-indirizz maqbul
(l-Artikolu 229(3) u (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Meta n-notifika ssir personalment minn uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew uffiċjal ġudizzjarju, u hemm provi tar-rifjut mill-persuna li għandha tiġi notifikata li tiffirma ċ-ċertifikat tan-notifika jew li tirċievi kopja tiegħu, in-notifika titqies li saret, b’hekk:
- L-uffiċjal tal-eżekuzzjoni jew l-uffiċjal ġudizzjarju jinforma lill-persuna li għandha tiġi notifikata illi l-kopja hija disponibbli fir-reġistru tal-qorti u jniżżel din l-informazzjoni u l-fatt li kien hemm rifjut mill-persuna li għandha tiġi notifikata fiċ-ċertifikat tan-notifika (l-Artikolu 231(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
- Barra minn hekk, ir-reġistru jinnotifika lill-persuna li għandha tiġi notifikata b’ittra reġistrata fejn jindika għal darb’oħra illi ż-żewġ kopji tar-rikors promotur u d-dokumenti li jakkumpanjawh huma disponibbli fir-reġistru (l-Artikolu 231(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika titqies li ma saritx biss jekk ir-rifjut ikun leġittimu. Ir-rifjut huwa leġittimu meta l-persuna li għandha tiġi notifikata ma tistax tinstab għaliex ma tirrisjedix jew mhix stabbilita fl-indirizz indikat, jew jekk persuna terza tgħid illi mhix f’pożizzjoni li twassal l-ittra.
F’ċerti każijiet japplikaw l-istess regoli fejn il-liġi tipprovdi illi n-notifika personali tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom għandha issir bil-formalitajiet tan-notifika.
8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)
8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?
Meta notifika li ssir bil-posta, b’konferma tar-riċevuta, toriġina minn barra, is-servizzi tal-posta Portugiżi jistgħu jwasslu l-ittra u d-dokumenti lil persuna li għandha tiġi notifikata jew lil persuna terza fl-istess indirizz li tiddikjara li hija f’pożizzjoni li twassal l-ittra lid-destinatarju.
8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?
Ara t-tweġiba għad-domanda 7.3.
8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
Fil-prinċipju, id-destinatarju għandu sitt ijiem tax-xogħol biex jiġbor id-dokumenti mill-uffiċċju tal-posta.
Id-destinatarju jiġi infurmat b’dan il-perjodu u bil-fatt illi jista’ jiġbor id-dokumenti mill-uffiċċju tal-posta permezz ta’ avviż tal-konsenja illi s-servizz tal-posta jħalli fil-kaxxa tal-ittri meta l-persuna li qed tikkonsenja l-posta ma ssib lil ħadd id-dar.
9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?
Iva, f’każ ta’ notifika, il-konferma tar-riċevuta, iċ-ċertifikat tan-notifika jew l-avviż tan-notifika huma provi bil-miktub illi saret in-notifika.
F’każ ta’ notifika, ir-reġistrazzjoni tal-konferma, ir-reġistrazzjoni tal-ittra jew tal-fajl jew ir-rekord imfassal fil-proċedimenti huma kollha provi bil-miktub illi saret in-notifika.
F’każ ta’ notifika bit-trażmissjoni elettronika tad-data, is-sistema kompjuterizzata tal-qrati tiċċertifika d-data u l-ħin tal-ħruġ (l-Artikolu 13(a) tal-Ordinanza li tirregola l-ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti).
10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
In-nuqqas ta’ notifika huwa difett maġġuri li jwassal għall-invalidità tal-proċedura kollha mir-rikors promotur, iżda bl-esklużjoni tiegħu. (l-Artikolu 187 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-nuqqas ta’ notifika iseħħ fil-każijiet li ġejjin:
- in-notifika ta’ dokument ma ssirx għal kollox (l-Artikolu 188(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- isir żball fl-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tiġi notifikata (l-Artikolu 188(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- in-notifika bil-pubblikazzjoni ma ssirx kif suppost (l-Artikolu 188(1)(c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- in-notifika ssir wara l-mewt tal-persuna fiżika jew il-likwidazzjoni tal-persuna ġuridika li għandha tiġi notifikata (l-Artikolu 188(1)(d) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);
- ikun hemm provi illi d-destinatarju tan-notifika ma kienx jaf bid-dokumenti għal raġunijiet mhux attribwibbli lilu (l-Artikolu 188(1)(e) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Din l-invalidità titqies rettifikata biss jekk il-konvenut jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (fejn huwa parti) jaġixxi fil-proċedimenti mingħajr ma jopponi minnufih għan-nuqqas tan-notifika (l-Artikolu 189 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
In-notifika hija wkoll invalida meta ma jkunx hemm konformità mal-formalitajiet previsti mil-liġi (l-Artikolu 191 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Minbarra l-każijiet imsemmija hawn fuq, in-nuqqas ta’ kwalunkwe att jew formalità rikjesta mil-liġi rigward in-notifika jikkostitwixxi irregolarità sempliċi. Jekk din l-irregolarità hija msemmija jew jekk il-qorti ssir taf biha matul il-proċedimenti, hija tordna li tiġi rimedjata. F’każijiet oħra, irregolarità fin-notifika tfisser illi l-att huwa invalidu biss meta l-liġi hekk tiddikjara jew meta hija tista’ taffettwa l-eżami jew deċiżjoni fil-kawża. F'dan il-każ, l-atti proċedurali l-oħra li mhux affettwati mill-att invalidu jibqgħu validi (l-Artikolu 195(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?
Iva, f’xi każijiet, kif imsemmi hawn isfel, l-ispejjeż tan-notifika jiġu stmati f’UA (Unità tal-Kont).
L-UA tiġi aġġornata kull sena u awtomatikament f’konformità mal-Indiċi tal-Appoġġ Soċjali (SSI, Social Support Index), filwaqt li jitqies il-valur tal-UA tas-sena preċedenti (l-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali adottat fl-Anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008).
Il-valur tal-UA fl-2021 kien EUR 102. Fl-2021, il-valur tal-ispejjeż fis-seħħ fl-2020 baqa’ validu b’riżultat tas-sospensjoni tal-aġġornament awtomatiku tal-UA previst fl-Artikolu 232 tal-Liġi tal-Baġit tal-Istat għall-2021.
Pereżempju:
- In-notifika personalment minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni tiswa 0.5 UA meta tirnexxi u 0.25 UA meta ma tirnexxix (it-Tabella VII fl-anness tal-Ordinanza 282/2013 tad-29 ta’ Awwissu 2013 b’referenza għall-Artikolu 50(1) tal-istess att leġiżlattiv);
- In-notifika personalment u n-notifika bil-pubblikazzjoni minn uffiċjali ġudizzjarji tiswa 0.5 UA meta tirnexxi u hija mingħajr ħlas meta ma tirnexxix (l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali);
- L-ispejjeż tat-trasport, meta l-att isir minn uffiċjal ġudizzjarju, u l-VAT, meta jkun dovut, jista’ jiżdied ma’ dawn l-ammonti (l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali).
NOTA: Skema eċċezzjonali u temporanja fir-rigward tal-formalitajiet tan-notifika u tan-notifika postali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.
- Is-sospensjoni tal-ġbir tal-firem għal konsenja rreġistrata
- Il-ġbir ta’ firma huwa sostitwit minn identifikazzjoni orali u reġistrazzjoni tan-numru tal-karta tal-identità taċ-ċittadin jew ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor ta’ identifikazzjoni. Id-destinatarju jippreżenta l-identifikazzjoni tiegħu u d-data li fiha jkun jiġi rreġistrat in-numru.
- Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jippreżenta l-identifikazzjoni jew jipprovdi d-data msemmija fil-punt preċedenti, il-persuna li qed tikkonsenja l-posta tfassal nota tal-inċident fl-ittra jew il-konferma tar-riċevuta u tirritornaha lill-parti mittenti.
- Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, l-att ta’ ċertifikazzjoni tal-każ jitqies li jikkostitwixxi notifika.
- In-notifika permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta titqies li tkun saret fid-data li fiha jkun irreġistrat in-numru tal-karti tal-identità taċ-ċittadin rilevanti, jew bi kwalunkwe mezz legali ieħor ta’ identifikazzjoni.
- Dawn l-arranġamenti japplikaw mutatis mutandis għan-notifiki magħmula permezz ta’ kuntatt personali.
Bażi ġuridika: Il-Liġi 10/2020 tat-18 ta’ April 2020
Leġiżlazzjoni rilevanti:
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Ir-Reġim Legali għall-Proċedimenti ta’ Inventarju
Il-Liġi l-Ġdida dwar il-Kiri Urban
Il-Proċeduri skont il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u r-Reġistru Ċivili
L-Identifikazzjoni tal-parti mħarrka u l-assi sekwestrabbli/istituzzjonijiet pubbliċi
L-Ipproċessar elettroniku tal-proċedimenti tal-qorti
Ir-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali
Il-Liġi tal-Baġit tal-Istat għall-2021
L-Ordinanza 282/2013 tat-18 ta’ April 2020
Nota finali
Din l-informazzjoni hija ta’ natura ġenerali, mhix eżawrjenti u mhix vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, in-Network Ġudizzjarju Ewropew fl-oqsma ċivili u kummerċjali, il-qrati jew destinatarji oħra. Mhijiex maħsuba biex tissostitwixxi il-konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ.